EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sigurtà marittima: introduzzjoni progressiva mgħaġġla tat-tankers b’buq doppju

Sigurtà marittima: introduzzjoni progressiva mgħaġġla tat-tankers b’buq doppju

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġiż aċċidentali biż-żejt f’ilmijiet Ewropej, din il-liġi ma tippermettix it-trasport ta’ żejt ta’ gradi tqal lejn jew mill-portijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) f’tankers b’buq wieħed. Tiżgura wkoll skema ta’ introduzzjoni progressiva mgħaġġla għall-applikazzjoni ta’ ħtiġijiet fid-diżinn ta’ buq doppju jew ekwivalenti fuq tankers taż-żejt b’buq wieħed sa mhux aktar tard mill-2015.

ATT

Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed.

SOMMARJU

L-aħħar liġi tal-UE dwar l-introduzzjoni progressiva ta’ tankers taż-żejt b’buq doppju, adottata fl-2012, iżżomm l-istess essenza tal-liġi ta’ qabilha tal-2002. Hija tgħaqqad flimkien l-emendi li saru fil-liġi ta’ qabel f’test wieħed sabiex ikun aktar ċar u għalhekk aktar faċli għall-utent.

Il-liġi tapplika għal tankers taż-żejt ta’ deadweight ta’ 5 000 tunnellata u aktar u li jbaħħru taħt bandiera ta’ Stat Membru tal-UE, jew irrispettivament mill-bandiera, li jidħlu jew jitilqu minn port jew terminal jew ankraġġ off-shore f’żona ta’ ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru.

Iżda ma tapplikax għal kwalunkwe vapur tal-gwerra, awżiljarju navali jew vapur ieħor li huwa ta’ jew operat minn Stat u użat biss, għal dak iż-żmien, fuq servizz mhux kummerċjali tal-gvern.

Ir-regolament:

  • jipprojbixxi t-trasport lejn jew minn portijiet tal-UE ta’ żejt f’tankers b’buq wieħed;
  • jistipula skema ta’ introduzzjoni progressiva mgħaġġla għall-applikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ dizinn b’buq doppju jew ekwivalenti għal tankers b’buq wieħed tal-Konvenzjoni Internazzjonali għal-Prevenzjoni tat-Tniġġiż minn Vapuri Magħrufa wkoll bħala MARPOL) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima bl-2015 bħala data ta’ skadenza finali .

Sfond

Fl-2002, wara serje ta’ inċidenti li involvew tankers taż-żejt li wasslu għal tniġġiż serju, l-UE adottat liġi li titlob it-tneħħija progressiva tat-tankers taż-żejt b’buq wieħed li huma aktar vulnerabbli (fejn iż-żejt tat-tankijiet tal-merkanzija huwa separat mill-baħar minn qiegħ u folja fil-ġenb biss) u posthom jittieħed minn vapuri b’buq doppju (fejn it-tankijiet tal-merkanzija huma mgeżwrin b'folja interna oħra f’distanza xierqa mill-folja esterna).

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 530/2012

20.7.2012

-

ĠU L 172 tat-30.6.2012

L-aħħar aġġornament: 19.06.2014

Top