EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tranżazzjonijiet onlajn aktar sikuri

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 910/2014: dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament dwar l-Identifikazzjoni Elettronika u s-Servizzi Fiduċjarji (eIDAS) joħloq sistema ġdida għal interazzjonijiet elettroniċi sikuri fl-UE kollha bejn in-negozji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi.
  • Huwa għandu l-għan li jtejjeb il-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi fl-UE kollha u jżid l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi u privati onlajn kif ukoll tal-kummerċ elettroniku. Dan japplika għal:
    • skemi tal-identifikazzjoni elettronika (eID)* notifikati lill-Kummissjoni Ewropea mill-pajjiżi tal-UE;
    • fornituri ta’ servizzi fiduċjarji bbażati fl-UE.
  • Huwa jneħħi ostakli eżistenti għall-użu tal-eID fl-UE. Pereżempju, issa se jkun sempliċi għal ditta Portugiża biex titfa’ offerta pubblika għal kuntratt ta’ servizz pubbliku fl-Iżvezja, filwaqt li għotjiet finanzjarji mill-UE jistgħu jiġu ġestiti kompletament onlajn.

PUNTI EWLENIN

Identifikazzjoni elettronika

  • eID maħruġa f’pajjiż wieħed tal-UE għandha tiġi rikonoxxuti fil-pajjiż l-oħra kollha. Dan japplika biss jekk l-eID tissodisfa r-rekwiżiti tar-regolament u tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni u ppubblikata f’lista. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ eIDs se jkun obbligatorju mit-28 ta' Settembru 2018 u se jiffaċilita tranżazzjonijiet elettroniċi sikuri fl-UE kollha.
  • Skema tal-eID għandha tispeċifika wieħed mit-tliet livelli ta’ assigurazzjoni (baxx, sostanzjali, għoli) għall-forma tal-identifikazzjoni elettronika maħruġa taħt dik l-iskema. Ir-rikonoxximent reċiproku huwa obbligatorju biss meta l-korp relevanti tas-settur pubbliku juża l-livelli “għoli” jew “sostanzjali” biex jikseb aċċess onlajn għal dak is-servizz.

Notifika

  • Meta ssir notifika lill-Kummissjoni tal-iskemi eID, il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu informazzjoni dwar aspetti bħal dawn segwenti:
    • il-livelli ta’ assigurazzjoni u l-emittent tal-forom tal-eID taħt dik l-iskema;
    • is-sistemi ta’ sorveljanza u responsabbiltà applikabbli;
    • ir-reġistrazzjoni ta’ data unika personali mill-korp ta’ ġestjoni.
  • Fil-każ ta’ ksur tas-sigurtà tal-iskema eID jew tal-awtentikazzjoni, il-pajjiż tal-UE li jinnotifika għandu:
    • jissospendi/jirrevoka malajr l-awtentikazzjoni fl-UE kollha jew il-partijiet kompromessi tal-iskema u
    • jinforma lill-pajjiżi l-oħra tal-UE u l-Kummissjoni.

Responsabbiltà

  • Fi kwalunkwe tranżazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tar-regolament, il-partijiet li ġejjin jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara maħsuba jew b’negliġenza lil kwalunkwe korp jew persuna:
    • pajjiż tal-UE li jinnotifika;
    • il-parti li toħroġ l-eID;
    • il-parti li ġġestixxi l-proċedura ta’ awtentikazzjoni

Kooperazzjoni u operabbiltà fost il-pajjiżi tal-UEs

  • Skemi nazzjonali tal-eID notifikati jridu jkunu interoperabbli. Il-qafas ta’ interoperabilità għandu jkun teknoloġikament newtrali, u mingħajr ma jiffavorixxi xi soluzzjonijiet tekniċi nazzjonali speċifiċi għall-eID.

Servizzi fiduċjarji

  • Ir-regolament jiddefinixxi servizzi fiduċjarji bħala servizzi bi ħlas li jinkludu:
    • il-ħolqien, il-verifika u l-validazzjoni ta' firem elettroniċi, siġilli elettroniċi jew timbri tal-ħin elettroniċi, servizzi elettroniċi ta' konsenja rreġistrati u ċertifikati relatati ma' dawk is-servizzi; jew;
    • il-ħolqien, il-verifika u l-validazzjoni ta' ċertifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti elettroniċi; jew
    • il-preservazzjoni ta' firem elettroniċi, siġilli jew ċertifikati relatati ma' dawk is-servizzi
  • Il-fornituri ta' servizzi fiduċjarji bbażati fl-UE jitqiesu bħala “kwalifikati” jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli tar-regolament. Dawn huma legalment intitolati biex jipprovdu servizzi fiduċjarjikwalifikati (eż firem, siġilli jew ċertifikati elettroniċi kwalifikati) fil-pajjiżi kollha tal-UE. Servizzi fiduċjarji offruti minn fornituri ta’ servizzi minn pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jitqiesu legalment ekwivalenti għal dawk kwalifikati, iżda biss wara ftehim bejn l-UE u l-pajjiż mhux tal-UE jew organizzazzjoni internazzjonali.

Superviżjoni

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħżlu korp wieħed jew aktar għall-attivitajiet superviżorji taħt dan ir-regolament. Dawn il-korpi għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data fejn xieraq.
  • Il-fornituri tas-servizz fiduċjarji kollha huma soġġetti għal superviżjoni u għal ġestjoni tar-riskju u obbligi ta’ notifika ta’ ksur tas-sigurtà.
  • Il-fornituri tas-servizz fiduċjarji mhux kwalifikati huma soġġetti għal superviżjoni “light touch”, jiġifieri l-korp ta' superviżjoni jirreaġixxi biss fuq suspett ta' imġiba ħażina mill-fornitur.
  • Il-fornituri kwalifikati tas-servizzi fiduċjarji bbażati fl-UE huma soġġetti għal superviżjoni stretta. Dan jinkludi l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-korpi ta’ superviżjoni u awditjar mill-inqas darba kull sentejn minn organizzazzjoni li tevalwa jekk dawn jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-regolament.
  • Marka ta’ fiduċja tal-UE volontarja u ġdida se tidentifika s-servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti mill-fornituri rilevanti.

Serje ta' atti adottati mill-Kummissjoni Ewropea matul l-2015 jistabbilixxu:

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa japplika mis-17 ta’ Settembru 2014.

TERMINU EWLIENI

* Identifikazzjonijiet elettroniċi (eIDs): forom tanġibbli jew intanġibbli ta’ identifikazzjoni li jinkludu data personali, kif użata għall-awtentikazzjoni ta’ servizz onlajn.

ATT

Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73-114)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 910/2014 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 17.03.2016

Top