EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

In-nefqa tal-UE fuq informazzjoni dwar l-ikel u l-għalf tal-annimali

In-nefqa tal-UE fuq informazzjoni dwar l-ikel u l-għalf tal-annimali

L-għan ġenerali ta’ din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) huwa li tikkontribwixxi għas-saħħa tajba tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti tul il-katina alimentari, li toffri livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-ambjent, teqred il-pesti filwaqt li tiffavorixxi l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi.

ATT

Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE

SOMMARJU

L-għan ġenerali ta’ din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) huwa li tikkontribwixxi għas-saħħa tajba tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti tul il-katina alimentari, li toffri livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-ambjent, teqred il-pesti filwaqt li tiffavorixxi l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jaġġorna l-qafas li taħtu huma ffinanzjati l-politiki dwar is-saħħa tal-annimali u tal-pjani u dwar il-produzzjoni tal-ikel.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament għandu l-għan li jissorvelja n-nefqa mill-UE fl-oqsma segwenti:

  • ikel u għalf, inkluża s-sikurezza;
  • is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali;
  • l-organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti (pesti);
  • il-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti, prinċipalment żrieragħ;
  • il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tal-pesiċidi;
  • riskji li jirriżultaw minn prodotti sekondarji tal-annimali, li jintużaw fl-ikel tal-annimali u l-fertilizzanti, bħal laħam u għadam imfarrak, rix mitħun u ħut mitħun;
  • l-organiżmi ġenetikament modifikati rilaxxati intenzjonalment fl-ambjent;
  • id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-ġenetika tal-pjanti.

Ir-regolament jistabbilixxi regoli u skadenzi għall-kontenut, is-sottomissjoni, l-evalwazzjoni u l-approvazzjoni ta’ programmi nazzjonali u talbiet għall-pagamenti. Il-Kummissjoni Ewropea (KE) hija responsabbli sabiex tirrevedi l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri li jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE. Għandha tingħata pubbliċità xierqa sabiex il-pubbliku jkun infurmat dwar ir-rwol tal-UE fil-finanzjament.

Ir-regolament jinkludi sett ta’ regoli li jiċċaraw il-baġits massimi permessi u r-rati massimi tal-għotjiet, li normalment mhux se jaqbżu l-50 % tal-ispejjeż eliġibbli. Din ir-rata tista’ tiżdied għal:

  • 75 % tal-ispejjeż eliġibbli fir-rigward tal-attivitajiet transkonfinali li jikkonċernaw żewġ pajjiżi tal-UE jew iktar sabiex jiġu kkontrollati l-pesti u l-mard tal-annimali;
  • 100 % tal-ispejjeż eliġibbli meta l-attivitajiet jikkonċernaw il-prevenzjoni u l-kontroll ta' riskji serji għas-saħħa tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti.

Jista’ jingħata finanzjament tal-UE sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza relatati mas-saħħa tal-annimali u l-pjanti. Il-mard li jikkwalifika għall-finanzjament taħt miżuri ta’ emerġenza huwa elenkat fl-anness għar-regolament. Il-KE tista’ taġġorna l-lista sabiex tieħu inkunsiderazzjoni theddid ġdid.

B’mod eċċezzjonali, l-UE tista’ tkopri spejjeż imġarrba mill-pajjiżi tal-UE biex iwettqu miżuri urġenti oħrajn, pereżempju bijosigurtà msaħħa fil-każ ta’ tifqigħ ta’ marda, problemi ta’ pesti serji, ir-rimi ta’ karkassi u pagamenti ta’ kumpens li jirriżultaw minn kampanji ta’ tilqim.

Sat-30 ta’ Ġunju 2017, il-KE se tippreżenta evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, jekk meħtieġ akkumpanjata minn proposti għal leġiżlazzjoni, u rapport ieħor dwar l-effettività tar-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2022.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mit-30 ta’ Ġunju 2014.

Għal aktar informazzjoni, ara Regolament Finanzjarju ta’ Qafas (UE) Nru 652/2014 fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 652/2014

30.6.2014

-

ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1-32

l-aħħar aġġornament 25.08.2015

Top