EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sistema eCall immuntata fil-vettura — approvazzjoni tat-tip

Is-sistema eCall immuntata fil-vettura — approvazzjoni tat-tip

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2015/758 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni tat-tip* tal-UE ta’ eCall ibbażata fuq 112 (numru ta’ emerġenza madwar l-Ewropa) fis-sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tal-vetturi.
  • Għandu l-għan li jiżgura li, mill-31 ta’ Marzu 2018, it-tipi kollha ta’ karozzi u vannijiet fl-UE se jkunu mgħammra bit-teknoloġija eCall sabiex iwissu lis-servizzi ta’ emerġenza f’każ ta’ aċċident serju.

PUNTI EWLENIN

Dan ir-regolament japplika għal:

  • karozzi (kategorija M1 — karozzi tal-passiġġieri li ma jkunx fihom iktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq);
  • vetturi kummerċjali ħfief (kategorija N1 — vetturi użati biex jittrasportaw merkanzija b’massa massima li ma taqbiżx it-3.5 tunnellati).

L-obbligi tal-manifatturi

It-tipi kollha ġodda tal-vetturi għandhom:

  • ikunu mgħammra b’sistema eCall fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 installata b’mod permanenti;
  • ikunu magħmula b’tali mod li:
    • jekk ikun hemm inċident gravi, individwat permezz tas-sensuri jew proċessuri tal-vetturi, eCall lin-numru ta’ emerġenza 112 tiġi attivata b’mod awtomatiku,
    • il-faċilità tal-eCall tista’ wkoll tiġi attivata manwalment;
  • iwissu lill-okkupanti tal-vettura jekk ikun hemm falliment kritiku tas-sistema li ma tħallihomx jużaw is-sistema tal-eCall,
  • jiżguraw li r-riċevituri għas-sistemi eCall huma kompatibbli ma’ Galileo u mas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita EGNOS.

Rekwiżiti tekniċi u proċeduri tat-test

Permezz ta’ att delegat, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2017/79. Dan ir-regolament jissuplimenta u jemenda r-Regolament (UE) 2015/758 fl-istabbiliment ta’ rekwiżiti tekniċi dettaljati u proċeduri ta’ testijiet għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tas-sistemi tagħhom tal-eCall ibbażata fuq 112 fil-vettura, unitajiet tekniċi separati u komponenti.

Privatezza u protezzjoni tad-data

Kwalunkwe data personali pproċessata permezz tas-sistema eCall trid tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza (ara s-sommarju). Ir-regolament jistabbilixxi wkoll għadd ta’ regoli speċifiċi, inkluż:

  • id-data personali tintuża biss biex tiġi ttrattata emerġenza, tinżamm biss sakemm ikun hemm bżonnha biex tiġi ttratta l-emerġenza, u mbagħad titħassar;
  • il-manifatturi jiżguraw li s-sistema ma hijiex traċċabbli jew soġġetta għal segwiment kontinwu;
  • id-data tal-memorja interna tas-sistema hija mħassra kontinwament u awtomatikament;
  • l-informazzjoni dwar l-użu tad-data personali hija inkluża fil-manwal tas-sewwieq.

Mill-31 ta’ Marzu 2018, l-approvazzjoni tat-tip KE se tingħata biss lil vetturi u sistemi tal-eCall li jikkonformaw ma’ dan ir-regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

L-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9), l-Artikolu 6(12) u (13) u l-Artikoli 8, 9, 10 u 12 ilhom japplikaw mit-8 ta’ Ġunju 2015, meta l-Kummissjoni kellha tadotta leġiżlazzjoni permezz ta’ atti delegati jew ta’ ta’ implimentazzjoni, fejn xieraq. L-artikoli li jibqa’ ilhom japplikaw mill-31 ta’ Marzu 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Approvazzjoni tat-tip: jindika li saru testijiet biex jiġi żgurat li ġew sodisfatti r-rekwiżiti regolatorji, tekniċi u ta’ sikurezza rilevanti.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, pp. 77-89)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2015/758 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tal-implimentazzjoni tan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza “112” (COM(2020) 808 final, 15.2.2020)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.05.2021

Top