EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sistema eCall immuntata fil-vettura - approvazzjoni tat-tip

Is-sistema eCall immuntata fil-vettura - approvazzjoni tat-tip

Ir-Regolament (UE) Nru 2015/758 - sistema eCall immuntata fil-vettura

ATT

Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

SOMMARJU

Mill-31 ta’ Marzu 2018, it-tipi kollha ta’ karozzi u vannijiet fl-UE se jkunu mgħammra bit-teknoloġija eCall sabiex iwissu lis-servizzi ta’ emerġenza f’każ ta’ aċċident serju.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip* ta’ sistemi eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112 (numru ta’ emerġenza mal-Ewropa kollha), u l-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika għal:

karozzi (kategorija M1 - karozzi tal-passiġġieri li ma jkunx fihom iktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq),

vetturi kummerċjali ħfief (kategorija N1 - vetturi użati biex jittrasportaw merkanzija b’massa massima li ma taqbiżx it-3.5 tunnellati).

Obbligi tal-manifatturi

It-tipi kollha ġodda tal-vetturi msemmija hawn fuq jeħtieġ li:

ikunu mgħammra b’sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 installata b’mod permanenti,

ikunu mibnija b’tali mod li fl-eventwalità ta’ inċident gravi, individwat bl-attivazzjoni ta’ sensuri jew proċessuri tal-vetturi, eCall lin-numru ta’ emerġenza 112 tiskatta b’mod awtomatiku,

ikollhom ukoll faċilità tal-eCall li tista’ tiskatta b’mod manwali,

jipprovdu lill-okkupanti tal-vettura bi twissija jekk ikun hemm falliment kritiku tas-sistema li ma tħallihomx jużaw is-sistema tal-eCall,

jiżguraw li r-riċevituri għas-sistemi eCall huma kompatibbli mas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo u EGNOS.

Privatezza u protezzjoni tad-data

Kwalunkwe data pproċessata permezz tas-sistema tal-eCall trid tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Ir-regolament jistabbilixxi wkoll għadd ta’ regoli speċifiċi, inkluż li:

id-data personali tintuża biss biex tiġi ttrattata emerġenza, tinżamm biss sakemm ikun hemm bżonnha biex tiġi ttratta l-emerġenza, u mbagħad titħassar,

il-manifatturi jiżguraw li s-sistema ma hijiex traċċabbli jew soġġetta għal segwiment kontinwu,

id-data tal-memorja interna tas-sistema hija mħassra kontinwament u awtomatikament,

l-informazzjoni dwar l-użu tad-data personali hija inkluża fil-manwal tas-sewwieq.

Mill-31 ta’ Marzu 2018, l-approvazzjoni tat-tip fl-UE se tingħata biss lil vetturi u sistemi tal-eCall li jikkonformaw ma’ dan ir-regolament.

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni trid tħejji rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-kisbiet tas-sistema sal-aħħar ta’ Marzu 2021. Ir-rapport ser jeżamina jekk ir-regolament għandux jiġi estiż għal kategoriji oħra ta’ vetturi, bħal vetturi tqal tal-merkanzija, xarabanks u kowċis u tratturi agrikoli.

Għal aktar informazzjoni, ara eCall: Ħin iffrankat = ħajjiet salvati, fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea

TERMINI EWLENIN

*Approvazzjoni tat-tip: Tindika li saru testijiet biex jiġi żgurat li ġew issodisfati r-rekwiżiti regolatorji, tekniċi u ta’ sikurezza rilevanti.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) 2015/758

8.6.2015

-

ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77-89

ATTI RELATATI

Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1-160)

l-aħħar aġġornament 17.09.2015

Top