EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prevenzjoni tal-abbuż mis-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

Il-prevenzjoni tal-abbuż mis-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

 

SOMMARJU TA’:

id-Direttiva (UE) 2015/849 — il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva (UE) 2015/849 (ir-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, 4AMLD) għandha l-għan li tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus* u l-finanzjament tat-terroriżmu* billi tipprevjeni l-użu ħażin tas-suq finanzjarju għal dawn l-iskopijiet.
  • Din tfittex li testendi u tissostitwixxi d-Direttiva (KE) 2005/60 preċedenti (it-Tielet Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, 3AMLD) li daħlet fis-seħħ fl-2007.
  • L-għan tagħha huwa li tneħħi kwalunkwe ambigwità fid-Direttiva preċedenti u fil-leġiżlazzjoni assoċjata, u li ttejjeb il-konsistenza tar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML) u l-finanzjament tat-terroriżmu (CTF) fil-pajjiżi kollha tal-UE. Il-4AMLD tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) mill-2012.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tapplika għal:

  • istituzzjonijiet ta’ kreditu;
  • istituzzjonijiet finanzjarji; u
  • negozji u professjonijiet mhux finanzjarji nnominati, bħal
    • awdituri
    • kontabilisti esterni
    • konsulenti fiskali
    • nutara u avukati, f’ċerti ċirkostanzi
    • aġenti tal-proprjetà immobbli
    • negozjanti fil-merkanzija (eż. metalli u ħaġar prezzjuż, meta pagamenti ta’ EUR 10,000 jew aktar isiru bi flus kontanti) u
    • fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard.

Id-Direttiva:

  • issaħħaħ ir-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-konsumaturi — speċjalment sidien benefiċjarji* ta’ kumpaniji jew arranġamenti legali (trusts);
  • teħtieġ li f’kull pajjiż tal-UE tinżamm informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjali għall-kumpaniji f’reġistru ċentrali, bħal reġistri kummerċjali, reġistri tal-kumpaniji jew reġistru pubbliku;
  • ittejjeb l-għarfien dwar u l-azzjoni ta’ rispons għal kwalunkwe nuqqas fil-ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF): minbarra l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali li għandhom isiru mill-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea tagħmel ukoll valutazzjonijiet tar-riskji ML u TF li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transkonfinali (l-ewwel rapport inħareġ fis-26 ta’ Ġunju 2017);
  • tintroduċi politika Ewropea koordinata biex tindirizza pajjiżi mhux tal-UE li għandhom reġims tal-AML/CFT ineffiċjenti biex jipproteġu s-sistema finanzjarja tal-UE. L-ewwel lista tal-UE ta’ “pajjiżi terzi b’riskju għoli” ġiet adottata permezz ta’ att delegat mill-Kummissjoni f’Lulju 2016 u minn dakinhar, il-lista ġiet emendata diversi drabi;
  • issaħħaħ u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs), li huma fost l-atturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għandu jsir skambju sistematiku ta’ informazzjoni bejn l-FIUs permezz ta’ infrastrutturi tekniċi avvanzati bl-użu ta’ FIU.NET, netwerk tal-kompjuter deċentralizzat li juża teknoloġija daqstant ieħor sofistikata.

Dawk soġġetti għad-Direttiva għandhom:

  • jirrapportaw suspetti ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu lill-awtoritajiet pubbliċi, ġeneralment lill-unità tal-intelligence finanzjarja;
  • jieħdu miżuri ta’ sostenn, bħal pereżempju jiżguraw it-taħriġ xieraq tal-persunal u jistabbilixxu politiki u proċeduri preventivi interni xierqa;
  • jieħdu salvagwardji addizzjonali bħal diliġenza dovuta mtejba tal-konsumatur għal sitwazzjonijiet ta’ riskju ogħla, bħal pereżempju kummerċ ma’ banek li jinsabu barra l-UE u, b’mod partikolari, meta jittrattaw ma’ entitajiet fiżiċi jew legali stabbiliti f’pajjiżi mhux tal-UE identifikati mill-Kummissjoni bħala pajjiżi mhux tal-UE b’riskju għoli.

Emenda għad-Direttiva (UE) 2015/849

Wara serje ta’ attakki terroristiċi fl-Ewropa fl-2016, id-Direttiva (UE) 2018/843 (il-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, 5AMLD) li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849, ġiet adottata fl-2018. Id-Direttiva emendatorja għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-10 ta’ Jannar 2020. Id-Direttiva l-ġdida tissikka r-regoli tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’diversi modi inklużi:

  • bl-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex tkopri:
    • minbarra awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti fiskali, kwalunkwe persuna oħra li toffri servizzi ta’ konsulenza fiskali
    • aġenti tal-proprjetà immobbli meta jaġixxu bħala intermedjarji fil-kiri ta’ proprjetà immobbli li l-kirja fix-xahar tagħha taqbeż EUR 10,000
    • negozjanti tal-arti meta l-valur ta’ tranżazzjoni jkun EUR 10,000 jew aktar;
  • bl-aċċess għal informazzjoni dwar sjieda benefiċjarja u b’hekk titjieb it-trasparenza fis-sjieda ta’ kumpaniji u trusts;
  • bil-projbizzjoni tal-banek milli jżommu kaxxi ta’ depożitu anonimi (minbarra kontijiet anonimi u passbooks li diġà kienu koperti mid-Direttiva (UE) 2015/849);
  • bl-indirizzar ta’ riskji marbuta ma’ kards imħallsa minn qabel u muniti virtwali billi
    • jitnaqqas il-limitu ta’ identifikazzjoni għal detenturi ta’ kards imħallsin minn qabel mill-valur attwali ta’ EUR 250 għal EUR 150 u
    • billi l-FIUs nazzjonali jitħallew jiksbu informazzjoni li tippermettilhom li jidentifikaw l-identità tas-sid tal-munita virtwali;
  • b’kooperazzjoni msaħħa bejn l-FIUs li tippermettilhom jaqsmu aktar informazzjoni.

Suppliment għad-Direttiva (UE) 2015/848

ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/758 jistipula sett ta’ miżuri addizzjonali, li jinkludu azzjoni minima, li l-istituzzjonijiet tal-kreditu u dawk finanzjarji għandhom jieħdu biex effettivament jimmaniġġjaw ir-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu meta liġi ta’ pajjiż mhux tal-UE ma tippermettix l-implimentazzjoni ta’ politiki u proċeduri tal-grupp fil-livell ta’ fergħat jew sussidjarji proprjetà tal-maġġoranza li huma parti mill-grupp u li ġew stabbiliti fil-pajjiż mhux tal-UE.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva (UE) 2015/849 ilha tapplika mill-25 ta’ Ġunju 2015 u oriġinarjament kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-26 ta’ Ġunju 2017. Madankollu, din l-iskadenza ġiet estiża aktar, b’diversi emendi, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2018/843, li kellha tiġi inkorporata bis-sħiħ fil-liġi nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sal-10 ta’ Jannar 2020.

SFOND

Id-Direttiva hija parti minn pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi tal-UE mmirati biex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li tinkludi r-Regolament (UE) 2015/847 dwar it-traċċabilità tat-trasferimenti tal-flus. Din hija wkoll parti minn strateġija tal-UE usa’ biex tiġi indirizzata l-kriminalità finanzjarja li tinkludi wkoll ix-xogħol ta’:

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ħasil tal-flus: il-konverżjoni tal-qligħ mill-kriminalità f’fondi apparentement nodfa, ġeneralment permezz tas-sistema finanzjarja, pereżempju billi jinħbew is-sorsi tal-flus, titbiddel il-forma tagħhom jew biċ-ċaqliq tal-fondi għal post fejn huma inqas probabbli li jiġbdu l-attenzjoni.
Finanzjament tat-terroriżmu: il-provvista jew il-ġbir ta’ fondi maħsuba biex jintużaw biex jitwettqu reati terroristiċi.
Sid benefiċjarju: il-persuna li hija s-sid jew għandha l-kontroll finali ta’ kumpanija.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 73-117)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2015/849 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera (COM(2019) 370 final, 24.7.2019)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (COM(2019) 371 final, 24.7.2019)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/758 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-azzjoni minima u t-tipi ta’ miżuri addizzjonali li jridu jittieħdu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji sabiex irażżnu r-riskju mill-ħasil tal-flus u mill-finanzjament tat-terroriżmu f’ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 125, 14.5.2019, pp. 4-10)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma’ attivitajiet transfruntiera (COM(2017) 340 final, 26.6.2017)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, pp. 1-4)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 1-18)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 07.02.2020

Top