EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni konsulari tal-UE: protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini tal-UE barra l-pajjiż

Protezzjoni konsulari tal-UE: protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini tal-UE barra l-pajjiż

SOMMARJU

Kważi 7 miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea (UE) jivvjaġġaw jew jgħixu barra mill-UE f’postijiet fejn pajjiżhom ma għandux ambaxxata jew konsulat.

Matul ir-residenza tagħhom, huma jista’ jkollhom bżonn assistenza mill-awtoritajiet konsulari, pereżempju, jekk jintilfilhom jew jinsterqilhom il-passaport, jekk ikunu vittmi ta’ aċċident jew jekk isibu ruħhom f’nofs kriżi politika li tkun tirrikjedi li huma jiġu evakwati.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tiddetermina meta u kif iċ-ċittadini tal-UE li jkunu jinsabu f’diffikultà f’pajjiż terz għandhom id-dritt li jgawdu l-protezzjoni tal-ambaxxati jew konsulati tal-pajjiżi l-oħrajn tal-UE jekk pajjiżhom ma jkunx irrappreżentat hemmhekk.

PUNTI EWLENIN

Protezzjoni konsulari mhux diskriminatorja

Pajjiżi oħrajn tal-UE għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE mhux irrappreżentati bi kwalunkwe assistenza li jipprovdu liċ-ċittadini nazzjonali proprji tagħhom, bħal

assistenza f’każijiet ta’ mewt;

assistenza f’każijiet ta’ aċċident jew mard serju;

assistenza f’każijiet ta’ arrest jew detenzjoni;

assistenza lill-vittmi tal-kriminalità;

is-sokkors u r-ripatrijazzjoni f’każ ta’ emerġenza.

Id-Direttiva tikkjarifika wkoll kemm jistgħu jingħataw assistenza l-membri tal-familja li ġejjin minn pajjiżi terzi.

Miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni

Id-Direttiva l-ġdida tikkjarifika wkoll ir-regoli dwar kif għandha tiġi kkoordinata l-assistenza bejn il-pajjiżi tal-UE u r-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE.

Il-pajjiż ta’ oriġini taċ-ċittadini fl-UE dejjem ser ikun ikkonsultat mill-pajjiż li minnu ċ-ċittadin qiegħed jitlob l-għajnuna u jista’, fi kwalunkwe ħin, jiddeċiedi li jieħu ħsieb liċ-ċittadini tiegħu, anki meta dan ma jkollu ebda ambaxxata jew konsulat fil-pajjiż ikkonċernat (pereżempju billi jipprovdi informazzjoni fuq it-telefon, jikkuntattja lill-familja jew lill-ħbieb jew permezz ta’ servizzi konsulari online).

Iċ-ċittadin jista’ jintbagħat minn ambaxxata għal oħra, billi l-pajjiżi tal-UE preżenti fil-pajjiż jistgħu jaqblu lokalment dwar min għandu jieħu ħsieb lil min sabiex jiġi żgurat li tingħata protezzjoni effikaċi liċ-ċittadini tal-UE. Ftehimiet bħal dawn iridu jsiru pubbliċi.

Iċ-ċittadini jistgħu jiksbu tagħrif dwar l-assistenza disponibbli u kwalunkwe ftehimiet fis-seħħ bejn il-konsulati billi jikkuntattjaw lid-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż inkwistjoni.

Sitwazzjonijiet ta’ kriżi

Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jiggarantixxu li ċ-ċittadini mhux irrappreżentati jiġu debitament ikkunsidrati u assistiti b’mod sħiħ f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. F’każijiet bħal dawn, huwa essenzjali li ssir diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet u li jkun hemm koordinazzjoni sabiex jiġi evitat li ċ-ċittadini jisfaw ittraskurati.

Proċeduri finanzjarji

Jekk l-assistenza pprovduta timplika xi spejjeż jew miżati, iċ-ċittadini tal-UE mhux irrappreżentati ma għandhomx għaliex iħallsu aktar miċ-ċittadini tal-pajjiż tal-UE li jassistihom.

Iċ-ċittadini li ma jkunux jistgħu jħallsu dawn l-ispejjeż fil-pront jintalbu jiffirmaw formola li permezz tagħha jintrabtu li jħallsu dawk l-ispejjeż lura lill-awtoritajiet tagħhom.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Mill-1 ta’ Mejju 2018.

SFOND

It-Trattati tal-UE jiggarantixxu liċ-ċittadini kollha tal-UE d-dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw jew jgħixu barra mill-UE u pajjiżhom ma jkunx irrappreżentat (ara l-Artikoli 20(2)(ċ) u 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; l-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE).

Taħt is-sistema legali preċedenti, il-pajjiżi tal-UE kellhom jistabbilixxu r-regoli meħtieġa fosthom stess. Din ħadet il-forma ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/553/KE rigward il-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE mhux irrappreżentati).

Id-Direttiva l-ġdida ser tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE mill-1 ta’ Mejju 2018. L-għan huwa li jkomplu jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet konsulari u li jissaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għal protezzjoni konsulari.

Għal aktar tagħrif, ara:

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta’ April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637

14.5.2015

1.5.2018

ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1-13

ATTI RELATATI

95/553/KE: Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1995 rigward il-protezzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea minn rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari (ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73-76)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi: Is-sitwazzjoni attwali u t-triq ’il quddiem (COM(2011) 149 finali tat-23.3.2011)

l-aħħar aġġornament 19.08.2015

Top