EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fond għall-Asil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF)

Fond għall-Asil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF)

Dan ir-regolament jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Dan il-fond għandu l-għan illi jikkontribwixxi għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi tal-migrazzjoni u li jtejjeb l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil.

ATT

Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE.

SOMMARJU

Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) tal-UE għandu erba' għanijiet prinċipali:

  • it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-aspetti kollha tas-Sistema Ewropea Komuni għall-Asil, inkluża d-dimensjoni esterna tagħha;
  • l-appoġġ tal-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri skont il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effettiva ta’ ċittadini minn pajjiżi mhux tal-UE;
  • it-titjib tar-istrateġiji ta' ritorn fl-Istati Membri b’enfażi fuq is-sostenibbilità tar-ritorn u l-ammissjoni mill-ġdid effettiva fil-pajjiżi ta’ oriġini;
  • it-titjib tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbilità bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari lejn dawk li l-aktar li huma affettwati bil-migrazzjoni u l-flussi tal-asil.

Il-pajjiżi kollha tal-UE (minbarra d-Danimarka, li mhijiex qed tipparteċipa f’dan il-fond) jippreparaw programmi nazzjonali li jiddeskrivu l-azzjonijiet li permezz tagħhom huma għandhom l-intenzjoni li jilħqu l-għanijiet stipulati fir-regolament dwar l-AMIF.

Eżempji tal-azzjonijiet jinkludu miżuri għall-appoġġ ta’:

  • sistemi ta’ lqugħ u asil (bħal strutturi amministrattivi mtejbin, taħriġ tal-personal li jittratta mal-proċeduri tal-asil, żvilupp ta’ alternattivi għad-detenzjoni, eċċ);
  • miżuri ta’ integrazzjoni b’attenzjoni fuq il-livell lokali (bħall-għoti ta' taħriġ u servizzi lil ċittadini mhux tal-UE, kondiviżjoni tal-aqwa prattiċi fost il-pajjiżi tal-UE, eċċ);
  • programmi ta’ ritorn volontarju, miżuri ta’ integrazzjoni mill-ġdid, eċċ.

Waqt li ħafna mill-baġit tal-Fondi huwa allokat għal programmi nazzjonali, parti minnu tintuża għal azzjonijiet fuq livell tal-UE (hekk imsemmija azzjonijiet tal-Unjoni), assistenza għall-emerġenza, in-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni u assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea.

Azzjonijiet speċifiċi

Barra mill-allokazzjoni għall-program nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jirċievu ammont addizzjonali għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi. Dawn l-azzjonijiet (elenkati fl-Anness II), jeħtieġu li l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin u jiġġeneraw valur miżjud sinifikanti għall-UE.

Programm ta’ sistemazzjoni mill-ġdid

Kull Stat Membru jista’ jirċievi wkoll, kull sentejn, ammont addizzjonali bbażat fuq somma f’daqqa ta’ €6 000 għal kull persuna sistemata mill-ġdid. Din is-somma tiżdied għal €10 000 għal prijoritajiet komuni (bħal programmi ta’ protezzjoni reġjonali) u gruppi ta’ persuni vulnerabbli.

Baġit

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-fond għall-2014-20 huwa ffissat għal €3.137 biljun bil-prezzijiet preżenti.

Dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-fond jistgħu jinstabu fir-Regolament (UE) Nru 514/2014.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Regolament (UE) Nru 516/2014

21.5.2014

-

ĠU L 150 tal-20.5.2014

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (Ġurnal Uffiċjali L 150 tal-20 ta' Mejju 2014).

l-aħħar aġġornament 03.08.2014

Top