EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħarsien tal-bijodiversità minn speċijiet aljeni invażivi

Il-ħarsien tal-bijodiversità minn speċijiet aljeni invażivi

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (IAS)* fl-UE.

Din il-liġi tfittex li timminimizza u ttaffi l-effetti negattivi tal-IAS fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-UE, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija.

PUNTI EWLENIN

Lista ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni

  • Fit-13 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel lista tagħha ta’ IAS li huma ta’ “tħassib għall-Unjoni”.Il-lista, li tiġi żviluppata abbażi ta’ valutazzjonijiet xjentifiċi tar-riskju, tiġi aġġornata regolarment u tiġi riveduta mill-inqas kull 6 snin. Il-lista diġà ġiet aġġornata darba, bl-adozzjoni ta’ speċijiet addizzjonali għal-lista fit-12 ta’ Lulju 2017.
  • L-ispeċijiet fuq din il-lista ma jistgħux jiddaħħlu intenzjonalment fit-territorju tal-UE. Lanqas ma jistgħu jinżammu, jitrabbew, jiġu trasportati lejn, minn jew fl-UE, jinbiegħu, jitkabbru jew jiġu rilaxxati fl-ambjent.

Permessi

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu joħorġu permessi biex jippermettu r-riċerka, il-konservazzjoni mhux fuq il-post u l-użu mediċinali tal-ispeċijiet imniżżla bħala IAS li huma ta’ tħassib għall-Unjoni. Għal kwalunkwe użu ieħor, il-pajjiżi tal-UE li jixtiequ joħorġu permessi l-ewwel jeħtieġ li jfittxu l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

L-IAS inkwistjoni għandhom jinżammu u jiġu ttrattati f’faċilitajiet ikkonfinati u trasportati taħt ċerti kundizzjonijiet li jipprekludu l-ħarba tagħhom.

Pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali

Fi żmien 3 snin mill-elenkar tal-ispeċijiet, il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw direzzjonijiet ta’ prijorità. Dan isir biex tiġi evitata l-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonati ta’ IAS li huma ta’ tħassib għall-Unjoni fit-territorju tagħhom.

IAS ta’ tħassib reġjonali u IAS indiġeni

L-IAS jistgħu joriġinaw f’reġjun wieħed tal-UE u joħolqu kwistjonijiet f’reġjun ieħor tal-UE. Hawnhekk, il-Kummissjoni għandha rwol x’taqdi biex jiġi żgurat li l-pajjiżi affettwati tal-UE jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw il-problema.

Sistema ta’ sorveljanza

Fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tal-lista ta’ IAS li huma ta’ tħassib għall-Unjoni, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jistabbilixxu sistemi ta’ sorveljanza li jiġbru u jirreġistraw iid-data dwar l-okkorrenza ta’ IAS fl-ambjent.

L-identifikazzjoni bikrija u l-qerda rapida ta’ IAS ġodda li għadhom qed jiġu stabbiliti

Kwalunkwe osservazzjoni ġdida (l-ewwel osservazzjoni jew l-ewwel osservazzjoni wara l-qerda) ta’ IAS elenkata f’pajjiż tal-UE jew f’parti mit-territorju tiegħu twassal għal obbligu ta’ qerda rapida. Il-qerda tista’ tinkiseb permezz ta’ miżuri letali u mhux letali.

Ġestjoni ta’ IAS li nxterdu sew

Fi żmien 18-il xahar mill-elenkar tal-ispeċijiet, il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jistabbilixxu miżuri ta’ ġestjoni għall-IAS li diġà nxterdu sew fit-territorju tagħhom biex jiġu minimizzati l-effetti negattivi.

Dawn il-miżuri jistgħu jkunu letali jew mhux letali u għandhom jibqgħu proporzjonati għall-impatt tagħhom fuq l-ambjent u xierqa għaċ-ċirkostanzi speċifiċi fil-pajjiż tal-UE.

Restawr ta’ ekosistemi bil-ħsara

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu miżuri biex jgħinu fl-irkupru ta’ ekosistema li tkun ġiet degradata, bil-ħsara jew ġiet meqruda minn IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni.

Miżuri tranżizzjonali

In-nies jistgħu jżommu l-annimali domestiċi tagħhom bil-kundizzjoni li:

  • ikunu nkisbu qabel ma ġiet abbozzata l-lista; u
  • li jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha xierqa biex jiġi żgurat li ma jistgħux jirriproduċu jew jaħarbu.

Fl-ewwel sena wara li jkun ġie elenkat, negozju jew intrapriża kummerċjali oħra tista’ tkompli tbigħ speċi sakemm l-istokk jispiċċa. Madankollu, fit-tieni sena wara l-elenkar, speċi tista’ tinbigħ jew tiġi ttrasferita għal stabbiliment li jkollu permess jew tinqatel b’mod mhux krudili. Dawn it-tranżazzjonijiet jiġu permessi bil-kundizzjoni li jittieħdu l-passi xierqa kollha biex jiġi żgurat li l-ispeċijiet ma jkunux jistgħu jaħarbu jew jirriproduċu.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Speċijiet aljeni invażivi (IAS): pjanti jew annimali li jkunu ġew trasportati barra mill-firxa naturali jew ekoloġika tagħhom mill-bnedmin (kemm jekk intenzjonalment kif ukoll jekk mhux intenzjonalment) f’ambjent ġdid. Filwaqt li ħafna minn dawn l-ispeċijiet ma jgħixux, xi wħud jgħixu u, minħabba l-invażività tagħhom, jikkawżaw ħsara ekoloġika u ekonomika sinifikanti.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, pp. 35-55)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1263 tat-12 ta’ Lulju 2017 li jaġġorna l-lista ta’ speċijiet aljeni invażivi ta’ tħassib għall-Unjoni stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1141 skont ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 13.7.2017, pp. 37-39)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, pp. 4-104)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/1141 tat-13 ta’ Lulju 2016 li jadotta lista ta’ speċijiet aljeni invażivi ta’ tħassib għall-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 189, 14.7.2016, pp. 4-8)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/1141 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/145 tal-4 ta’ Frar 2016 li jadotta l-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jippermetti li stabbilimenti jwettqu ċerti attivitajiet fir-rigward tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 30, 5.2.2016, pp. 1-6)

l-aħħar aġġornament 11.10.2017

Top