EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-mixja lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju sal-2050

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (KUMM(2011) 112 finali) — Pjan direzzjonali biex nimxu lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju fl-2050

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

  • Tippreżenta pjan direzzjonali sal-2050 dwar il-metodi differenti ta’ kif l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissjonijiet effett serra tal-UE (GHG) jista’ jintlaħaq.
  • Tinkludi objettivi li jridu jintlaħqu biex jintwera safejn l-UE trid tkun waslet biex tilħaq ekonomija bbażata fuq livelli baxxi ta’ karbonju.
  • Tistipula l-isfidi politiċi, bżonnijiet ta’ investiment u l-irwol li għandu jkollhom setturi differenti.

PUNTI EWLENIN

L-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi li l-aktar mod kost-effettiv biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi b’40 % u 60 % għall-2030 u l-2040, rispettivament, mil-livelli tal-1990.

Is-setturi kollha se jkollhom jikkontribwixxu għat-transizzjoni lejn livelli baxxi ta’ karbonju u l-Pjan Direzzjonali 2015 jistipula l-kontribuzzjonijiet tas-setturi differenti:

  • is-settur tal-enerġija jista’ jelimina kważi totalment l-emissjonijiet ta’ CO2 sal-2050, speċjalment bil-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu bl-użu ta’ teknoloġiji eżistenti u aktar avvanzati
  • it-trasport jista’ jnaqqas l-emissjonijiet b’aktar minn 60 % billi jsir aktar sostenibbli permezz ta’ effiċjenza tal-vetturi, vetturi li jaħdmu bl-elettriku u b’enerġija aktar nadifa
  • il-bini jista’ jnaqqas l-emissjoni preżenti tiegħu b’madwar 90 % b’titjib fl-effiċjenza tal-enerġija
  • l-industrija tista’ taqta’ l-emissjonijiet tagħha ta’ GHG b’aktar minn 80 % permezz ta’ proċessi aktar effiċjenti, riċiklaġġ u teknoloġiji ġodda
  • Għalkemm sal-2050 huwa mbassar li se tirrappreżenta terz tal-emissjonijiet totali tal-UE, l-agrikoltura tista’ tnaqqas l-emissjonijiet b’madwar 42–49 % permezz ta’ firxa ta’ tekniki ġodda, inkluż dieta aktar sana b’inqas laħam.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, se jkun hemm bżonn ta’ investiment pubbliku u privat maġġuri matul l-erba’ deċenni li jmiss. Il-komunikazzjoni tistma li dan jista’ jammonta għal investiment addizzjonali għall-UE kollha ta’ madwar €270 biljun fis-sena, jew 1.5 % tal-PGD tal-UE.

Madankollu, il-benefiċċji potenzjali, barra mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-użu ta’ riżorsi b’mod aktar effiċjenti huma immensi. Il-pakkett ta’ miżuri jista’:

  • jaqta’ l-ispiża medja annwali tal-UE fuq l-enerġija b’madwar €175–320 biljun;
  • inaqqas id-dipendenza tal-UE fuq fjuwils fossili importati;
  • jistimula bidla strutturali fl-ekonomija tal-UE, u joħloq mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi;
  • itejjeb il-kwalità tal-arja għall-benefiċċju tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE.

SFOND

Biex il-klima globali tinżamm taħt 2 oC — il-mira internazzjonali miftiehma biex ikunu evitati konsegwenzi katastrofiċi tat-tisħin globali — l-UE għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijet tal-gassijiet effett serra bi 80–95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku U Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Tar-Reġjuni - Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (KUMM(2011) 112 final, 8.3.2011)

l-aħħar aġġornament 03.08.2016

Top