EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Nagħmlu lill-Ewropa tiflaħ għat-tibdil fil-klima permezz ta’ addattament

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija tal-UE sabiex l-Ewropa ssir tiflaħ aħjar għall-klima b'mod flessibbli u bil-prijoritizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet li ma jiswewx ħafna flus. Din tistabbilixxi azzjonijiet għall-addattament għall-klima li jtejbu r-rispons għall-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-livelli kollha.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. COM(2013) 216 finali tas-16.4.2013.

SOMMARJU

Minħabba li t-tisħin globali diġà għandu effetti mad-dinja kollha, iridu jitkomplew l-isforzi sabiex jillimitaw iż-żieda tat-temperatura globali billi tiġi segwita azzjoni ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Għall-UE, dan ifisser li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra b’20% taħt il-livelli tal-1990 sal-2020 bħala l-ewwel pass lejn il-mira miftehma ta’ tnaqqis ta’ 80-95 % għall-2050.

L-istreteġija tal-UE dwar l-addattament għat-tibdil fil-klima hija kumplimentari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra. Hija tissuġġerixxi diversi soluzzjonijiet għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

L-istrateġija tenfasizza li l-addattament issa għandu diversi benefiċċji. Bħal eżempju, huwa stmat li, euro li jintnefaq illum fuq il-protezzjoni kontra l-għargħar għandu jipprevjeni sitt euro ta’ ħsarat fil-futur.

L-istreteġija hija kkumplimentata wkoll bil-Pjattaforma Ewropea għall-Addattament għall-Klima (Climate-ADAPT) li tnediet f’Marzu 2012, li tiġbor flimkien l-aħħar dejta dwar l-azzjoni ta’ addattament tal-UE, flimkien ma għoddod ta’ appoġġ għall-politika.

Tmien azzjonijiet

L-istrateġija tistabbilixxi azzjonijiet għall-promozzjoni tal-addattament fi ħdan l-UE, b’titjib fit-teħid tad-deċiżjonijiet, billi timmira setturi prinċipali vulnerabbli:

  • Tinkoraġġixxi lill-pajjiżi kollha tal-UE sabiex jadottaw strateġiji komprensivi ta’ addattament;
  • Tipprovdi fondi mill-programm EU LIFE għall-ambjent sabiex tappoġġja l-bini tal-kapaċità u żżid l-azzjoni ta’ addattament fl-Ewropa;
  • Tintroduċi l-addattament fil-qafas tal-Patt tas-Sindki permezz tal-Inizzjattiva Mayors Adapt;
  • Tindirizza nuqqasijiet ta’ għarfien dwar l-addattament;
  • Tiżviluppa aktar Climate-ADAPT bħala l-“post ewlieni għall-informazzjoni” dwar l-addattament fl-Ewropa;
  • Addattament “mainstream” billi dan jiġi integrat fil-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE, b’hekk l-agrikoltura, is-sajd, l-iżvilupp reġjonali u politika oħra jkunu magħmulin “ reżistenti għat-tibdil fil-klima ”;
  • Tiżgura infrastruttura aktar reżiljenti;
  • Tippromwov assikurazzjoni u ffinanzjar ieħor għal investiment u deċiżjonijiet tan-negozju reżiljenti.

Governanza u finanzjament

L-Istrateġija tal-Addattament titlob koordinazzjoni u kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE permezz ta’ Kumitat tal-UE għat-Tibdil fil-Klima, li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-pajjiżi kollha tal-UE. Tirrakkomanda wkoll li jiżdied l-infiq fuq il-bini ta’ Ewropa aktar reżiljenti għall-klima, inkluż permezz ta’ fondi u programmi tal-UE.

ATTI RELATATI

White paper - Adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għal azzjoni (2009).

l-aħħar aġġornament 08.06.2014

Top