EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 — mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan ir-Regolament, ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ (MMR), jespandi u jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-mekkaniżmu preċedenti għall-monitoraġġ ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) fl-UE.
  • Huwa għandu l-għan li jtejjeb il-proċeduri u r-regoli għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
  • Huwa jinkorpora r-rekwiżiti l-ġodda tar-rappurtar u l-monitoraġġ li jirriżultaw mill-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2020 tal-UE u minn deċiżjonijiet reċenti adottati mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u jissostitwixxi l-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ preċedenti stabbilit skont id-Deċiżjoni 280/2004/KE.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament:

  • itejjeb il-proċeduri u r-regoli ta’ monitoraġġ, rappurtar u rieżami li jippermetti l-implimentazzjoni ta’ impenji domestiċi u internazzjonali;
  • jistabbilixxi inventarju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra* madwar l-UE sistema li għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-kompletezza tal-inventarji GHG tal-Istati Membri tal-UE;
  • tinkorpora l-informazzjoni tal-Istati Membri dwar l-ippjanar u l-istrateġiji għall-adattament għat-tibdil fil-klima tagħhom, li tkopri aspetti bħall-għargħar, in-nixfiet u temperaturi estremi;
  • issaħħaħ ir-rappurtar tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-appoġġ finanzjarju u teknoloġiku pprovdut lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
  • tiżgura l-puntwalità, it-trasparenza, il-preċiżjoni, il-komparabilità u l-kompletezza tad-data rrappurtata mill-UE u mill-Istati Membrii.

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tħassar u ġie sostitwit mir-Regolament (UE) 2018/1999 (ara s-sommarju) mit-30 ta’ Diċembru 2020, għalkemm xi miżuri tranżizzjonali għadhom fis-seħħ.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-8 ta’ Lulju 2013.

SFOND

  • Wara għadd ta’ negozjati internazzjonali dwar il-klima u r-rekwiżiti l-ġodda tal-UNFCCC, kif ukoll b’kont meħud tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE, id-Deċiżjoni 280/2004/KE, li kien fiha inqas miżuri stretti għall-monitoraġġ tal-emissjonjiet GHG tal-UE u għall-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Kjoto, kellha bżonn tittejjeb b’mod sinifikanti.
  • Fl-2013, l-UE adottat l-MMR li jħassar id-Deċiżjoni 280/2004/KE. Dan żgura li jkollha stabbilit mekkaniżmu ta’ rappurtar sod dwar projezzjonijiet, politiki u miżuri tal-UE fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
  • Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea, tippubblika r-rapport dwar il-progress tal-azzjoni marbuta mal-klima tagħha. Hija tirrapporta regolarment ukoll lin-NU.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Inventarju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra: dan huwa inventarju li jżomm kont ta’ seba’ gassijiet serra differenti li ġejjin mis-setturi kollha, inklużi l-enerġija, proċessi industrijali, l-iskart, l-agrikoltura u l-użu tal-art, u t-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF). L-inventarju ta’ gassijiet serra tal-UE jitħejja kull sena mill-Kummissjoni Ewropea, assistita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, pp. 13-40)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 525/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1208 tas-7 ta’ Awwissu 2020 dwar l-istruttura, il-format u l-proċessi tal-preżentazzjoni u r-rieżami tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 (ĠU L 278, 26.8.2020, pp. 1-132)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2014 tat-12 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti sostantivi għal sistema ta’ inventarju tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-bidliet fil-potenzjali ta’ riskaldament globali u ta’ gwidi ta’ inventarju li sar ftehim dwarhom f’livell internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 19.6.2014, pp. 26-30)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Progress għall-ksib tal-miri ta’ Kjoto u tal-UE għall-2020 (meħtieġ skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE) (COM(2014) 689 final tat-28 ta’ Ottubru 2014)

l-aħħar aġġornament 19.02.2021

Top