EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-avjazzjoni

L-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-avjazzjoni

Meta titqies l-iskala u n-natura globali tal-industrija tal-avjazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-ambjent, l-UE tieħu azzjoni biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) ikkawżati mill-avjazzjoni fl-Ewropa, filwaqt li taħdem mal-komunità internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) biex tistabbilixxi miżuri fuq firxa globali.

ATT

Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema tal-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-Komunità

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Din id-direttiva temenda d-Direttiva 2003/87/KE, li tistabbilixxi l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS), billi tiffattura fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju kkawżati mill-attività tal-avjazzjoni. B'riżultat ta' dan, it-titjiriet kollha lejn, minn u fil-pajjiżi kollha tal-UE u n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein huma koperti mill-EU ETS.

PUNTI EWLENIN

  • 95 % tal-medja ta' emissjonijiet tul il-perjodu tal-2004-2006 hija stabbilita bħala l-limitu massimu annwali* għall-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-perjodu mill-2013 sal-2020.
  • Id-direttiva tapplika għal-linji tal-ajru tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE, li jirċievu kwoti negozjabbli li jkopru ċertu livell ta' emissjonijiet tas-CO2 mit-titjiriet kull sena.
  • Id-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE b'mod retroattiv eżentat ir-rekwiżiti tal-EU ETS għal titjiriet lejn u minn pajjiżi li mhumiex taż-ŻEE fl-2012 biex jippermettu żmien għan-negozjati mal-ICAO lejn miżura bbażata fuq is-suq globali (MBM) għall-emissjonijiet tal-avjazzjoni.
  • Il-leġiżlazzjoni kienet emendata għall-perjodu tal-2013-2016 skont ir-Regolament (UE) Nru 421/2014. Dan ifisser li titjiriet fl-UE, fin-Norveġja, fl-Iżlanda u fil-Liechtenstein biss huma koperti mill-EU ETS, fl-istennija tar-riżultat tan-negozjati fl-ICAO għal MBM li għandu jintlaħaq ftehim dwarha sal-2016 u li għandha tiġi applikata sal-2020.

SFOND

L-avjazzjoni hija waħda mis-sorsi li qiegħda tikber b'mod mgħaġġel ta' emissjoni ta' gass serra fuq livell globali (u fl-UE), li tammonta għal madwar 3 % tal-emissjonijiet totali. Huwa mistenni li sal-2020, l-ammont ta' GHGs rilaxxat mill-avjazzjoni ser ikun 70 % ogħla mill-2005, anke wara li jitqies it-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil.

TERMINI EWLENIN

L-EU ETS hija l-pedament tal-politika tal-UE biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u l-għodda ewlenija tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mod kosteffettiv. L-ewwel - u xorta għadha l-ikbar - sistema internazzjonali għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-EU ETS tkopri iktar minn 11,000 impjant tal-enerġija u impjanti industrijali fit-28 pajjiż tal-UE (1), l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein, kif ukoll l-emissjonijiet mill-avjazzjoni.

L-EU ETS taħdem fuq il-prinċipju ta' “cap and trade”. “Cap” jew limitu, jiġi stabbilit fuq l-ammont totali ta' ċerti GHGs li jistgħu jiġu emessi mill-fabbriki, l-impjanti tal-elettriku u installazzjonijiet oħra fis-sistema. Il-limitu jitnaqqas matul iż-żmien sabiex jonqsu l-emissjonijiet totali. Is-sistema tippermetti l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex l-emissjonijiet totali tal-installazzjonijiet u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jibqgħu fil-limitu u l-miżuri li jiswew l-inqas jistgħu jittieħdu biex inaqqsu l-emissjonijiet.

Għal iktar informazzjoni ara t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Id-Direttiva 2008/101/KE

2.2.2009

-

ĠU L 8 tat-13.1.2009, pp. 3-21

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' April 2013 li tidderoga b'mod temporanju mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (Ġurnal Uffiċjali L 113 tal-25.4.2013, pp. 1-4).

Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, b'kunsidetazzjoni tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura bbażata fuq is-suq globali għall-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali (Ġurnal Uffiċjali L 129 tat-30.4.2014, pp. 1-4).

l-aħħar aġġornament 23.07.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top