EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Enerġija nadifa għat-trasport: strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi

Enerġija nadifa għat-trasport: strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi

L-Ewropa tiddependi ħafna fuq żejt impurtat sabiex tħaddem is-sistema tat-trasport tagħha. Dan jimponi spiża kbira fuq l-ekonomija Ewropea, iqajjem tħassib dwar is-sigurtà tal-forniment u fuq perjodu ta' żmien twil, mhuwiex ambjentalment sostenibbli. Fjuwils alternattivi bl-infrastruttura meħtieġa għandhom jieħdu post din id-dipendenza.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi (COM(2013) 17 final tal-24.1.2013).

SOMMARJU

L-Ewropa tiddependi ħafna fuq żejt impurtat sabiex tħaddem is-sistema tat-trasport tagħha. Dan jimponi spiża kbira fuq l-ekonomija Ewropea, iqajjem tħassib dwar is-sigurtà tal-forniment u fuq perjodu ta' żmien twil, mhuwiex ambjentalment sostenibbli. Fjuwils alternattivi bl-infrastruttura meħtieġa għandhom jieħdu post din id-dipendenza.

X'TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Tippreżenta strateġija alternattiva komprensiva għal fjuwils alternattivi, li tispjega kif dawn jistgħu ikunu applikati għall-forom kollha ta’ trasport. L-istrateġija tkopri żviluppi teknoloġiċi, investiment fl-użu ta’ fjuwils ġodda u modi kif jiġu spjegati l-benefiċċji lill-pubbliku.

PUNTI EWLENIN

  • Ma teżistix soluzzjoni waħdanija għall-fjuwil għal forom differenti ta’ trasport - bit-triq (għall-passiġġieri u merkanzija), bil-ferrovija, bl-ajru u bl-ilma.
  • Il-gass: jeżistu possibilitajiet permezz ta’ gass tal-petroleum likwifikat, gass naturali inkluż il-bijometan, gass likwifikat, gass naturali kkumpressat u gass-għal-likwidu.
  • Elettriku: vetturi li jaħdmu bl-elettriku (EVs) li jużaw l-elettriku minn grid qed jiżdiedu dejjem aktar hekk kif qed timmatura t-teknoloġija.
  • Bijofjuwils: it-tip ta’ fjuwil alternattiv l-aktar importanti għall-ilħuq tal-mira ta’ 10 % enerġija li tiġġedded fit-trasport sal-2020. Is-sehem medju ta’ sorsi ta’ enerġija li tiġġedded fil-konsum tal-fjuwil għat-trasport madwar l-EU-28 kien ta’ 5.1 % fl-2012.
  • L-idroġenu: ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu qed jintużaw dejjem aktar fil-karozzi, f’tal-linja, f’vannijiet żgħar u għal tbaħħir intern.
  • L-infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-fjuwils alternattivi: din għandha tkun estensiva kemm jista' jkun sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jgawdu minn ekonomiji ta’ skala kbira u l-utenti minn netwerk adegwat.
  • Standards: speċifikazzjonijiet tekniċi u ta’ sigurtà komuni huma essenzjali, b’mod partikolari għall-vetturi tal-elettriku.
  • Aċċettazzjoni mill-konsumatur: il-pubbliku għandu jkun infurmat bil-benefiċċji ta’, u għandu jiġi mħajjar jaċċetta, forom ġodda ta’ fjuwil.

SFOND

Fl-2012, iż-żejt kien jammonta għal 94 % tal-enerġija użata fit-trasport u wassal għal defiċit ta’ madwar 2.5 % tal-PDG fil-bilanċ tan-negozju tal-UE. L-użu ta’ fjuwils alternattivi jista' jnaqqas €4.2 biljuni fis-sena mill-kont tal-importazzjoni taż-żejt sal-2020, li jogħla għal €9.3 biljuni fl-2030.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea Enerġija nadifa għat-trasport.

l-aħħar aġġornament 30.04.2015

Top