EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Swieq tal-elettriku u tal-gass bl-ingrossa — regoli ta’ sorveljanza tal-UE

Swieq tal-elettriku u tal-gass bl-ingrossa — regoli ta’ sorveljanza tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 1227/2011 — l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa

SOMMARJU

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi qafas għall-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa* Għandu l-għan li jipprojbixxi abbużi, bħall-abbuż minn informazzjoni privileġġata* u l-manipulazzjoni tas-suq*.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament isaħħaħ l-irwol tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER). Il-kompiti tal-ACER jinkludu:

il-monitoraġġ ta’ attivitajiet ta' negozjar fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa. Dan isir permezz tal-istabbiliment ta’ reġistru Ewropew ta’ parteċipanti tas-suq fuq il-bażi ta’ informazzjoni provduta mill-awtoritajiet nazzjonali.

it-trażmissjoni ta’ rapport dwar l-attività annwali lill-Kummissjoni Ewropea. Dan jista’ jinkludi:

rakkomandazzjonijiet dwar kif ir-regoli tas-suq għandhom jiġu implimentati aħjar sabiex jittejbu t-trasparenza u l-integrità

evalwazzjoni dwar jekk rekwiżiti minimi għal swieq organizzati jistgħux iżidu t-trasparenza.

Il-manipulazzjoni tas-suq

Bil-ħolqien tal-ACER, ir-regolament ifittex li jevita każijiet ta’ manipulazzjoni tas-suq bħal:

tqegħid ta’ ordnijiet foloz,

tixrid ta’ informazzjoni falza,

l-għoti ta’ informazzjoni falza lil dawk li jipprovdu valutazzjonijiet tal-prezzijiet jew rapporti tas-swieq bl-effett li jiġu żgwidati l-parteċipanti fis-suq li jaġixxu abbażi ta’ din l-informazzjoni,

id-dikjarazzjoni ta’ ammont disponibbli ta’ kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku*, kapaċità ta’ trażmissjoni* jew tal-gass naturali differenti minn dak li jeżisti fir-realtà. Dan għandu l-potenzjal li jaffettwa l-livelli tal-prezzijiet tal-elettriku u l-gass.

Parteċipanti

Il-parteċipanti fis-suq għandhom:

jirreġistraw ma’ Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN),

jipprovdu lill-ACER u lill-NRA informazzjoni sabiex iż-żewġ korpi jkunu jistgħu jwettqu monitoraġġ tal-attivitajiet kummerċjali,

jiżvelaw pubblikament informazzjoni privileġġata* fil-ħin, inkluża dik relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċilitajiet, il-produzzjoni, il-ħażna, il-konsum u t-trażmissjoni tal-elettriku, il-gass naturali, jew il-gass naturali likwifikat (LNG).

Pieni

Il-pajjiżi tal-UE jridu jinfurzaw il-pieni fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-regolament. Dawn iridu jkunu proporzjonati u jirriflettu:

is-serjetà tal-ksur,

il-ħsara kkawżata lill-konsumaturi,

il-qligħ potenzjali minn negozjar meta wieħed jaġixxi abbażi ta’ informazzjoni privileġġata* u ta’ manipulazzjoni tas-suq.

TERMINI EWLENIN

* Swieq tal-enerġija bl-ingrossa: dawn huma swieq fejn l-enerġija tiġi nnegozjata bejn bejjiegħa tal-enerġija (bħal kumpaniji tal-elettriku), banek tal-investiment u utenti kbar tal-enerġija (pereżempju, impjanti tal-azzar).

* Abbuż minn informazzjoni privileġġata: meta individwu jipprova jibbenefika minn negozjar ta’ ċertu prodott abbażi ta’ informazzjoni li tkun għadha mhux pubblika (informazzjoni privileġġata). Mingħajr din l-informazzjoni, negozjanti oħrajn ikunu żvantaġġati.

* Manipulazzjoni tas-suq: l-interferenza deliberata mal-operazzjoni ġusta ta’ suq. Dan jista’ jinvolvi l-ħolqien ta’ sinjali foloz jew qarrieqa li jirrigwardaw il-provvista jew domanda għal ċertu prodott, u b’hekk jaffettwaw il-prezz tiegħu.

* Kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku: il-kapaċità li tiġi prodotta enerġija elettrika.

* Kapaċità ta’ trażmissjoni: il-kapaċità ta’ infrastruttura fissa, bħal linji tal-elettriku, li tittrasporta l-elettriku.

* Informazzjoni privileġġata: informazzjoni relatata ma’ prodott li ma ġietx żvelata lill-pubbliku. Li kieku kellha ssir pubblika, din tista’ taffettwa l-prezz tal-prodott inkwistjoni.

SFOND

Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mit-28 ta’ Diċembru 2011.

ATT

Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1-16)

l-aħħar aġġornament 26.10.2015

Top