EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ikel għal gruppi speċifiċi

Ikel għal gruppi speċifiċi

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 609/2013 — ikel għat-trabi, tfal żgħar u għal skopijiet mediċi speċjali, kif ukoll bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż..

SOMMARJU

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jiżgura protezzjoni tal-konsumatur aħjar fir-rigward tal-kontenut u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel għat-trabi, tfal żgħar u għal skopijiet mediċi speċjali, kif ukoll tal-ikel bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż.
  • Għandu wkoll l-għan li jipprovdi aktar ċertezza legali għan-negozji li joperaw fis-settur u għall-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw ir-regoli.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 jissostitwixxi għadd kbir ta' regoli li kienu akkumulaw matul dawn l-aħħar tletin sena u li issa saru kumplessi u frammentati.

Il-liġi l-ġdida ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar l-ikel għal gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni li jeħtieġu protezzjoni partikolari bħal trabi u tfal sa 3 snin, nies b'piż eċċessiv u obeżi u nies b'kundizzjonijiet mediċi speċifiċi eż. nies b'disturbi fil-metaboliżmu.

It-tliet listi attwali ta' sustanzi (inkluż minerali u vitamini) li jistgħu jiżdiedu ma' dan l-ikel ġew sostitwiti b'lista waħdanija.

Ir-regolament jiddelega wkoll ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea li tadotta permezz ta' atti delegati, regoli dwar il-kompożizzjoni u tikkettar speċifiċi għall-kategoriji ta' ikel li ġejjin:

  • formoli tat-trabi u ta' follow-on,
  • ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel ieħor għat-trabi,
  • ikel għal għanijiet mediċi speċjali, u
  • sostituzzjoni totali għad-dieta għall-kontroll tal-piż.

Fil-futur, ikel mingħajr glutina u ikel b'ammont baxx ħafna ta' glutina sejjer ikun regolat bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 828/2014 jiżgura t-trasferiment ta' dawn ir-regoli għal dak ir-regolament u huwa applikabbli mill-20 ta' Lulju 2016.

Bl-istess mod, permezz ta' att ta' delega ieħor, il-Kummissjoni għandha tittrasferixxi regoli li ser jirregolaw sostituzzjonijiet tal-ikel għall-kontroll tal-piż għal Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel.

Il-Kummissjoni hija meħtieġa wkoll tħejji rapporti dwar:

  • xarbiet ibbażati fuq il-ħalib (hekk imsejħa “ħalib tat-tkabbir”) u prodotti simili intenzjonati għal tfal żgħar sabiex tiġi analizzata l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kompożizzjoni u tikkettar speċjali għal dawn it-tipi ta' prodotti,
  • ikel intenzjonat għal nies li jagħmlu l-isport sabiex tiġi analizzata l-ħtieġa li jitfasslu regoli kompożizzjonali u ta' tikkettar speċjali.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma hemmx bżonn ta' leġiżlazzjoni speċjalista għal dan l-ikel, dan l-ikel ikun meħtieġ li jkun kopert mil-leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-ikel, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula fuq l-ikel.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser teżamina kif tiżgura li nies li huma intolleranti għall-glutina jiġu infurmati b'mod adegwat bid-differenza bejn ikel li huwa prodott, imħejji u/jew ipproċessat b'mod speċjali sabiex jitnaqqas il-kontenut ta' glutina b'mill-inqas ingredjent wieħed li fih il-glutina u ikel ieħor li huwa magħmul esklussivament minn ingredjenti li huma ħielsa b'mod naturali mill-glutina.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-20 ta' Lulju 2016, ħlief għall-Artikolu 11 (Rekwiżiti speċifiċi għall-kompożizzjoni u l-informazzjoni), l-Artikolu 16 (Aġġornament tal-lista tal-Unjoni), l-Artikolu 18 (atti ddelegati) u l-Artikolu 19 (proċedura ta' urġenza), li kollha kemm huma japplikaw mid-19 ta' Lulju 2013.

SFOND

Ikel dijetetiku/ ikel għal gruppi speċifiċi fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea

ATT

Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35-56)

ATTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9-25). L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta' referenza

Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (Ġurnal Uffiċjali L 304 tat-22.11.2011, p. 18-63). Ara l-verżjoni konsolidata

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 828/2014 tat-30 ta' Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti għall-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 5-8).

l-aħħar aġġornament 03.02.2016

Top