EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim Kummerċjali tal-UE mal-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2012/735/UE dwar l-iffirmar tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Kolombja u l-Perù

Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Kolombja u l-Perù

Deċiżjoni (UE) 2016/2369 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-protokoll tal-adeżjoni mal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE u l-Kolombja u l-Perù biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador

Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE u l-Kolombja u l-Perù biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U TAL-FTEHIM KUMMERĊJALI?

  • Id-Deċiżjoni 2012/735/UE tapprova, f’isem l-UE, il-ftehim kummerċjali (FK) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tal-UE, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra.
  • Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE, u l-Kolombja u l-Perù jimmira biex jiftaħ is-swieq fiż-żewġ naħat u biex itejjeb l-istabbiltà tar-relazzjoni kummerċjali bejn is-sħab. Jipprovdi għal-liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka permezz ta’ żona ta’ kummerċ ħieles ambizzjuża u bbilanċjata.
  • Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2369 tadotta l-protokoll tal-adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim Kummerċjali, li fih ir-regoli rilevanti kollha biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador.
  • L-għan ġenerali tal-Ftehim Kummerċjali huwa t-tisħiħ tal-kummerċ u l-investimenti bejn iż-żewġ reġjuni, bl-integrazzjoni ta’ ktajjen tal-valur* produttivi u l-għajnuna lin-negozji lokali biex jiżviluppaw fis-suq reġjonali tagħhom bil-għan li jikkompetu f’livell internazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Il-benefiċċji tal-ftehim kummerċjali għas-sħab

  • Il-benefiċċju ewlieni tal-Ftehim Kummerċjali huwa li jipprovdi lin-negozji kundizzjonijiet stabbli u prevedibbli li jippermettulhom jagħmlu l-kummerċ u jinvestu b’fiduċja. Il-FK joħloq opportunitajiet sinjifikanti għan-negozji u għall-konsumaturi fuq iż-żewġ naħat.
  • Benefiċċji mistennija oħrajn huma:
    • swieq miftuħa għal prodotti, servizzi, akkwist tal-gvern u investiment,
    • iffrankar ta’ EUR 500 miljun fis-sena fuq id-dazji tal-importazzjoni (taxxi miġbura fuq l-importazzjonijiet mill-awtoritajiet doganali abbażi tal-valur tal-prodotti jew xi kriterji oħrajn bħall-piż tagħhom) fi tmiem perjodu ta’ tranżizzjoni,
    • kundizzjonijiet aħjar għall-kummerċ bl-iffaċilitar tal-proċeduri (bħar-regoli tal-oriġini, il-kundizzjonijiet sanitarji u s-saħħa tal-pjanti, u l-proċeduri doganali), it-tisħiħ tal-kompetizzjoni, it-titjib tat-trasparenza u l-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;
    • ambjent kummerċjali aktar trasparenti li jagħmel il-ħajja aktar faċli għad-ditti u l-individwi;
    • kooperazzjoni ġdida fuq il-kompetittività, l-innovazzjoni, il-modernizzazzjoni tal-produzzjoni, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u t-trasferiment tat-teknoloġija.
  • Il-Ftehim Kummerċjali jimmira wkoll biex jippromwovi l-integrazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi Andini. F’dan il-kuntest, f’Lulju tal-2014, ġew konklużi n-negozjati għall-adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali, li rriżultaw fl-adeżjoni tiegħu f’Jannar tal-2017.
  • Il-Bolivja, membru tal-Komunità Andina, għandha wkoll il-possibbiltà li tfittex li tissieħeb mal-Ftehim Kummerċjali.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli

Il-Ftehim Kummerċjali jidentifika bħala elementi essenzjali d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Il-Ftehim Kummerċjali jinkludi wkoll elementi għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-ambjent. Fil-kontroll ta’ dawn l-impenji huma involuti gruppi taċ-ċittadini.

L-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali

  • Fil-Perù, il-Ftehim Kummerċjali jirrappreżenta opportunità importanti għall-esportazzjonijiet agrikoli u tas-sajd Peruvjani (terz tal-esportazzjonijiet kollha mill-pajjiż lejn l-UE). L-UE hija l-akbar investitur fil-Peru, primarjament fil-komunikazzjoni, fl-industriji estrattivi, fis-settur bankarju u fil-finanzi;
  • Fil-Kolombja, il-Ftehim Kummerċjali jippermetti lill-pajjiż jiddiversifika l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-UE, mhux biss fejn jidħlu l-agrikoltura u s-sajd, iżda wkoll rigward il-prodotti industrijali Kolombjani. L-UE hija l-ikbar investitur fil-Kolombja u hija involuta fuq kollox fis-setturi tal-agrikoltura, tal-fjuwil u tal-estrazzjoni.
  • Skont il-ħames “Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim kummerċjali tal-UE — il-Kolombja/l-Ekwador/il-Perù”, ir-riżultati tal-FK għadhom pożittivi. Dan għandu effett stabbilizzanti fuq il-kummerċ minkejja l-waqa’ fil-prezzijiet tal-komoditajiet, u jkompli jippromwovi d-diversifikazzjoni tal-kummerċ. L-FK fetaħ setturi għall-investiment tal-UE u żied iċ-ċertezza legali għall-investituri fir-rigward tat-treġġigħ lura tal-politika futura. Dan inkoraġġixxa wkoll intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju biex ikunu involuti f’kummerċ bilaterali bejn il-partijiet; dan huwa primarjament dovut għall-preferenza tariffarja u l-operazzjoni effiċjenti tad-dwana. L-esportazzjonijiet agrikoli issa jammontaw għal kważi nofs l-esportazzjonijiet kollha lejn l-UE. Il-ftehim affettwa b’mod pożittiv is-setturi li jinnegozjaw mal-UE fuq l-impjieg, il-benessri, it-tnaqqis tal-faqar u l-attività informali. Madanakollu, l-implimentazzjoni tal-ftehim tibqa’ prijoritá biex iġġib benefiċċji ulterjuri għan-negozji u l-konsumaturi li tappartjeni għalihom. Għad fadal xogħol xi jsir fuq kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji fir-rigward ta’ proċeduri armonizzati (ċertifikati u elenkar minn qabel) u kwistjonijiet ta’ kummerċ u żvilupp sostenibbli, b’mod partikolari l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

  • Il-Ftehim Kummerċjali mal-Perù ilu japplika b’mod provviżorju mill-1 ta’ Marzu 2013 u l-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja ilu mill-1 ta’ Awwissu 2013. Id-dħul fis-seħħ b’mod sħiħ għadu qiegħed jistenna r-ratifika mill-Istati Membri.
  • Il-Ftehim Kummerċjali mal-Ekwador ilu japplika b’mod provviżorju mill-1 ta’ Jannar 2017. Id-dħul fis-seħħ b’mod sħiħ għadu qiegħed jistenna r-ratifika mill-Istati Membri.
  • Id-Deċiżjoni 2012/735/UE ilha tapplika mill-31 ta’ Mejju 2012.
  • Id-Deċiżjoni 2016/2369/UE ilha tapplika mill-11 ta’ Novembru 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Katina tal-valur: serje ta’ attivitajiet kummerċjali li joħolqu valur għall-klijenti ta’ xi ditta. F’kull punt f’din il-katina ta’ attivitajiet, il-prodott jikseb ċertu valur grazzi għal kontribut jew proċess miżjud.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, pp. 1-2)

Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, pp. 3-2607)

L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, pp. 1-2)

Il-Protokoll ta’ adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, pp. 3-1456)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles — 1 ta’ Jannar 2018-31 ta’ Diċembru 2018 (COM(2019) 455 final, 14.10.2019)

Dokument ta’ Ħidma tal-persunal tal-kummissjoni — Rapporti individwali u skedi informattivi dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet tal-UE dwar il-kummerċ ħieles li jakkumpanjaw id-dokument “Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles — 1 ta’ Jannar 2018-31 ta’ Diċembru 2018” (SWD(2019) 370 final, 14.10.2019)

Avviż dwar l-applikazzjoni provviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador tal-Protokoll ta’ Adeżjoni għall-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 358, 29.12.2016, p. 1)

Avviż rigward l-applikazzjoni provviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 7)

Avviż rigward l-applikazzjoni provviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Perù, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 56, 28.2.2013, p. 1)

l-aħħar aġġornament 30.06.2021

Top