EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Traffikar ta’ organiżmi selvaġġi — pjan ta’ azzjoni tal-UE

Traffikar ta’ organiżmi selvaġġi — pjan ta’ azzjoni tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2016) 87 final) — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Hija tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi (jiġifieri l-ġbir illegali, it-trasport u d-distribuzzjoni ta’ annimali u l-prodotti derivati minnhom) kemm fl-UE kif ukoll fil-livell globali.
  • Għandha l-għan li timmobilizza l-mezzi diplomatiċi, kummerċjali u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp kollha tal-UE biex ittemm dik li bħalissa hija waħda mill-aktar attivitajiet kriminali profittabbli globalment.

PUNTI EWLENIN

Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi 32 miżura li għandhom jitwettqu bejn l-2016 l-2020 mill-UE, li ser jitwettqu minn kull wieħed mit-28 pajjiż tal-UE (1). Dan jiffoka fuq tliet aspetti ewlenin:

  • 1.

    Il-prevenzjoni tat-traffikar u t-tnaqqis tal-provvista u tad-domanda ta’ prodotti illegali li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi. Pereżempju:

    • il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ linji gwida bil-għan li jissospendu l-esportazzjoni ta’ oġġetti tal-avorju antiki mill-UE. Il-pajjiżi tal-UE, min-naħa tagħhom, ser joħroġu biss ċertifikati għall-kummerċ fl-UE għall-oġġetti tal-avorju antiki fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-linji gwida;
    • il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ser jiżguraw li r-referenzi għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi huma inklużi fil-politika tal-UE u għodda kontra l-korruzzjoni (b’mod partikolari bħala parti minn djalogi ma’ pajjiżi mhux tal-UE ewlenin li jirċievu appoġġ baġitarju mill-UE).
  • 2.

    Implimentazzjoni aħjar tar-regoli eżistenti u l-ġlieda b’mod aktar effettiv tal-kriminalità organizzata. Pereżempju:

    • il-Kummissjoni, il-Europol u l-Eurojust se jfittxu li jtejbu l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE b'rabta mal-każijiet ta’ traffikar ta’ organiżmi selvaġġi;
    • il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-pajjiżi tal-UE se jappoġġaw il-bini tal-kapaċità għall-infurzar tal-liġi f’pajjiżi ewlenin tal-oriġini u ta' destinazzjoni, fosthom l-infurzar f'siti protetti.
  • 3.

    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-oriġini, ta’ destinazzjoni u ta’ tranżitu. Pereżempju:

    • il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jfittxu li jipprovdu appoġġ miżjud, aktar effettiv u ffukat b’mod iktar strateġiku għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jindirizzaw it-traffikar;
    • flimkien mal-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jżidu fid-djalogu mal-pajjiżi ewlenin tal-oriġini, ta’ tranżitu u ta' destinazzjoni, inkluż mal-komunitajiet rurali lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat.

SFOND

It-traffikar tal-organiżmi selvaġġi jikkostitwixxi waħda mill-aktar attivitajiet kriminali profittabbli globalment. Dan għandu effetti serji fuq il-bijodiversità u impatt negattiv fuq l-istat tad-dritt minħabba r-rabtiet mill-qrib tiegħu mal-korruzzjoni. Huwa għandu rwol li dejjem qed jiżdied fil-finanzjament ta’ gruppi tal-milizzja u gruppi terroristiċi.

L-UE hija reġjun ta’ destinazzjoni, ta’ oriġini u ta’ tranżitu għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. Fuq dawn l-aspetti kollha, hija għandha rwol ċentrali x’taqdi fl-eradikazzjoni ta’ dan il-kummerċ illegali.

Għal aktar informazzjoni ara “L-Approċċ tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi (COM(2016) 87 final tas-26.2.2016)

ATTI RELATATI

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Analiżi u evidenza b’appoġġ għall-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi (SWD(2016) 38 final tas-26.2.2016)

It-Tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-setturi tan-negozju kontra l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi — Rapport Finali. Rapport għal DĠ Ambjent, KE 13 ta’ Novembru 2015. (Mhux disponibbli bil-Malti)

l-aħħar aġġornament 02.05.2016



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top