EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 — appoġġ għall-iżvilupp rurali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament:

  • jistabbilixxi kif il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żoni rurali u s-settur agrikolu matul il-perjodu 2014-2020 biex ikun:
    • reżiljenti, kompetittiv u innovattiv;
    • favur il-klima u bilanċjat fil-livell ambjentali;
    • soċjalment inklużiv;
  • jistipula r-regoli li jirregolaw l-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp rurali, iffinanzjat mill-FAEŻR;
  • jispjega l-objettivi tal-FAEŻR u kif jaħdem.

Dan ġie emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 li introduċa serje ta’ modifiki tekniċi għall-5 regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni tal-UE (PAK):

PUNTI EWLENIN

Objettivi

Il-FAEŻR għandu l-għan li:

  • jrawwem il-kompetittività fl-agrikoltura;
  • jiżgura li r-riżorsi naturali huma ġestiti b’mod sostenibbli u li l-miżuri biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima jiġu implimentati b’mod effettiv;
  • jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat taż-żoni rurali madwar l-UE, inkluż il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi.

Prijoritajiet

L-UE tappoġġa azzjoni biex tilħaq 6 objettivi ta’ prijorità:

  • 1.

    it-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni;

  • 2.

    it-titjib tal-vijabbiltà u l-kompetittività tat-tipi kollha ta’ agrikoltura u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti;

  • 3.

    il-promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari, inkluż l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, il-benesseri tal-annimali u l-ġestjoni tar-riskju;

  • 4.

    ir-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija;

  • 5.

    il-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi u t-transizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju;

  • 6.

    il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali.

Il-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE jistgħu jindirizzaw ukoll kwistjonijiet ta’ importanza partikolari fiż-żona tagħhom bħal:

  • bdiewa żgħażagħ;
  • irziezet żgħar;
  • żoni muntanjużi;
  • nisa fiż-żoni rurali;
  • mitigazzjoni, adattament u bijodiversità tat-tibdil fil-klima.

Baġit

  • Il-baġit tal-FAEŻR għall-perjodu kien stabbilit għal €99.3 biljuni fl-2015. Mill-inqas 30 % ta’ dan irid jintuża għal miżuri li jieħdu ħsieb l-ambjent u jiġġieldu t-tibdil fil-klima u 5 % huwa riservat għall-istrateġiji ta’ żvilupp lokali.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/791 jirrevedi t-tqassim tal-baġit tal-appoġġ tal-UE għal programmi ta’ żvilupp rurali (Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013).

Emenda tal-2017 tar-Regolament

Ir-Regolament (UE) 2017/2393, li ilu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2018, jipprova jissimplifika u jtejjeb l-aċċess tal-bdiewa għall-finanzi taħt il-PAK. Fost affarijiet oħra, jintroduċi:

  • għodda ġdida għall-istabbilizzazzjoni tad-dħul speċifiku għas-settur li tipprovdi kumpens lill-bdiewa milquta minn tnaqqis qawwi fid-dħul tagħhom;
  • appoġġ għal kuntratti ta’ assigurazzjoni f’każijiet fejn aktar minn 20 % tal-produzzjoni annwali medja ta’ bidwi tinqered, pereżempju minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.

Implimentazzjoni

Ir-regolament jitlob li l-politika għall-iżvilupp rurali tkun konsistenti ma’ politiki oħrajn f’dan il-qasam. Regoli u ftehimiet fil-livell tal-UE huma fis-seħħ biex jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jintuża b’mod effettiv, u jimminimizza l-irduppjar u l-inkonsistenzi.

Il-pandemija tal-COVID-19

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/872 jipprovdi assistenza ta’ emerġenza temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa u lill-SMEs attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli u qoton taħt il-FAEŻR.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jimmiraw lejn l-appoġġ għall-benefiċjarji li huma l-aktar affettwati mill-kriżi tal-COVID-19, abbażi tal-evidenza disponibbli u kriterji tal-għażla oġġettivi u mhux diskriminatorji.

L-appoġġ għandu jieħu l-forma ta’ ħlas ta’ ammont f’daqqa li għandu jitħallas sat-30 ta’ Ġunju 2021, ibbażat fuq applikazzjonijiet għal appoġġ approvati mill-awtorità nazzjonali kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2020.

L-ammont massimu ta’ appoġġ ma għandux jaqbeż EUR 7,000 għal kull bidwi u EUR 50,000 għal kull SME.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Il-FAEŻR huwa wieħed minn 2 fondi tal-UE li jipprovdi flus biex jimplimenta l-PAK (l-ieħor huwa l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija). Huwa jappoġġa l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp rurali fl-UE kollha, jaħdem flimkien ma’ inizjattivi oħra f’dan il-qasam biex jiżgura l-użu effettiv tal-finanzjament tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 487-548)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2020/872 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, pp. 1-3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1009 tal-10 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 u (UE) Nru 809/2014 fir-rigward ta’ ċerti miżuri li jindirizzaw il-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 224, 13.7.2020, pp. 1-6)

Ir-Regolament (UE) 2019/288 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Frar 2019 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għas-snin 2019 u 2020 (ĠU L 53, 22.2.2019, pp. 14-16)

Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, pp. 15-49)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU L 227, 31.7.2014, pp. 1-17)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, pp. 18-68)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, pp. 69-124)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, pp. 1-32)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 320-469)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347,20.12.2013, pp. 549-607)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 608-670)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.08.2020

Top