EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi - appoġġ mill-UE

Il-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi - appoġġ mill-UE

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha regoli speċjali li jassistu l-agrikultura f’żoni li huma affettwati mill-periferiċità ġeografika tagħhom mis-suq prinċipali tal-UE, mill-art u mill-klima tagħhom, kif ukoll mid-dipendenza ekonomika tagħhom fuq għadd żgħir ta’ prodotti.

ATT

Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni periferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006.

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha regoli speċjali li jassistu l-agrikultura f’żoni li huma affettwati mill-periferiċità ġeografika tagħhom mis-suq prinċipali tal-UE, mill-art u mill-klima tagħhom, kif ukoll mid-dipendenza ekonomika tagħhom fuq għadd żgħir ta’ prodotti.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jippermetti li jsiru arranġamenti speċjali li jkollhom l-għan li jikkumpensaw lir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw minħabba l-pożizzjoni remota tagħhom. Huwa għandu 2 għanijiet:

  • 1.

    Li jiggarantixxi l-provvista lejn dawn ir-reġjuni ta’ prodotti li huma essenzjali għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar, kif ukoll ta’ inputs agrikoli, bi spiża li tikkumpensa għall-iżolament tagħhom. Bil-għan li jiġu żgurati l-kontinwità u l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola lokali għal perjodu ta’ żmien itwal, din l-ispiża ma għandhiex tkun f’livell li tkun ta’ ħsara għall-produzzjoni lokali ta’ dawn il-prodotti.

  • 2.

    Li jżomm u jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tal-attivitajiet agrikoli tradizzjonali.

PUNTI EWLENIN

L-arranġamenti speċjali disponibbli għar-reġjuni ultraperiferiċi huma magħrufa bħala POSEI (mill-programm Franċiż “Programme d'Options Spécifiques à l'Éloignement et l'Insularité” - Programm ta’ għażliet speċifikament relatati mal-periferiċità u l-insularità).

Żoni eliġibbli

Iż-żoni eliġibbli għall-finanzjament ta’ POSEI huma dawn li ġejjin:

  • Franza: Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Réunion u Mayotte.
  • Il-Portugall: l-Azores u Madeira.
  • Spanja: il-Gżejjer Kanarji.

Il-ġestjoni u l-baġits tal-programmi POSEI

Kull wieħed mill-pajjiżi tal-UE involuti jiddeċiedi dwar il-livell ġeografiku xieraq li fih jistabbilixxi l-programm(i). Kull sena, l-ammonti li ġejjin huma disponibbli għat-3 pajjiżi tal-UE inkwistjoni fir-rigward tar-reġjuni periferiċi tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 30(2) u (3) tar-Regolament:

  • Id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej: EUR 278.41 miljun (li minnhom, ammont massimu ta’ EUR 26.9 miljun imur għal miżuri ta’ provvista speċifiċi)
  • Azores u Madeira: EUR 106.21 miljun (li minnhom, ammont massimu ta’ EUR 21.2 miljun imur għal miżuri ta’ provvista speċifiċi)
  • Il-Gżejjer Kanarji: EUR 268.42 miljun (li minnhom, ammont massimu ta’ EUR 72.7 miljun imur għal miżuri ta’ provvista speċifiċi).

Arranġamenti ta’ provvista speċifiċi

Meta jintlaħaq qbil fuqhom, dawn jingħataw bil-kundizzjoni li l-impatt tal-vantaġġ ekonomiku jiġi mgħoddi lill-utent aħħari. Il-vantaġġ jiġi kkalkolat bħala ugwali għall-ammont tal-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni jew għall-ammont tal-għajnuna.

Ma huwa meħtieġ ebda titolu ta’ sigurtà meta jsiru applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni, ċertifikati ta’ eżenzjoni jew ċertifikati ta’ għajnuna. Madankollu, l-awtorità maniġerjali tista’ titlob għal titolu ta’ sigurtà li jkun ugwali għall-ammont tal-vantaġġ ippreżentat.

Miżuri li jassistu l-prodotti agrikoli lokali

Il-programm jista’ jinkludi miżuri maħsuba biex jappoġġjaw il-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli fir-reġjuni ultraperiferiċi.

Kull miżura tista’ tinkludi varjetà ta’ azzjonijiet. Għal kull azzjoni, il-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas il-benefiċjarji, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-ammont unitarju tal-għajnuna allokata għal dik l-azzjoni.

Kontrolli u penali

Il-prodotti li huma s-suġġett ta’ arranġamenti ta’ provvista speċifiċi jkunu soġġetti għal kontrolli meta jidħlu fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll meta jiġu esportati jew mibgħuta. Meta r-regoli ma jiġux irrispettati, l-awtoritajiet jistgħu jirkupraw il-vantaġġ mogħti lill-operaturi (jiġifieri bdiewa u kumpaniji li għandhom l-irziezet) u jissospendu/jirrevokaw ir-reġistrazzjoni tagħhom b’mod temporanju.

Il-miżuri maħsuba biex jassistu l-prodotti agrikoli lokali jiġu vverifikati permezz ta’ kontrolli amministrattivi u oħrajn imwettqa fuq il-post. F’każ ta’ ħlas li jsir b’mod skorrett, il-benefiċjarju kkonċernat jiġi obbligat li jirrimborża l-ammont inkwistjoni.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-21.3.2013. Huwa jħassar ir-Regolament (KE) Nru 247/2006.

Għal aktar tagħrif, ara l-programmi POSEI u l-miżuri speċifiċi favur il-gżejjer minuri tal-Eġew fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013

21.3.2013

-

ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23-40

l-aħħar aġġornament 16.03.2015

Top