EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli għal pagamenti diretti tal-UE lill-bdiewa

Regoli għal pagamenti diretti tal-UE lill-bdiewa

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 — regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa skont il-politika agrikola komuni tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għal pagamenti diretti li jsiru biex jappoġġjaw lill-bdiewa skont il-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE. Dawn il-pagamenti jsiru bil-kundizzjoni li l-bdiewa jissodisfaw regoli stretti dwar is-saħħa u l-benesseri tan-nies u tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti u tal-ambjent magħrufa bħala — kundizzjonalità.

Ir-regolament jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 73/2009 li kien fih ir-regoli preċedenti li jirregolaw il-pagamenti diretti lill-bdiewa u li nbidlu wara r-riforma tal-PAK fl-2013. Huwa jirrevoka wkoll ir-Regolament (KE) Nru 637/2008 li kien relatat mas-settur tal-qoton.

F’Diċembru 2017, l-UE adottat ir-Regolament (UE) 2017/2393 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1307/2013, kif ukoll leġiżlazzjoni oħra fir-rigward tal-PAK (ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 li jistabbilixxi l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, (UE) Nru 1306/2013 li jistabbilixxi regoli ta’ finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ għall-politika agrikola tal-UE, (UE) Nru 1308/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli fl-UE u (UE) Nru 652/2014 dwar il-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali.

PUNTI EWLENIN

Pagamenti diretti lill-bdiewa jitħallsu permezz ta’ skemi ta’ appoġġ f’kull pajjiż tal-UE.

Issa l-pajjiżi jridu jiddedikaw ammont partikolari mill-allokazzjoni tal-fondi tal-PAK tagħhom għal skemi obbligatorji ta’ appoġġ:

  • pagamenti standard għal kull ettaru — biex l-appoġġ jitqassam b’mod aktar ġust, mill-2015 il-pajjiżi kollha tal-UE kellhom jimxu lejn pagament uniformi għal kull ettaru (“skema ta’ pagament bażiku”)
  • pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni għal kull ettaru — biex jingħataw lill-bdiewa talli josservaw prattiki ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent (30 % tal-allokazzjoni ta’ finanzjament nazzjonali);
  • pagament għal kull ettaru lil bdiewa żgħażagħ — għal bdiewa li ma għandhomx aktar minn 40 sena, u li jsiru l-kap tal-farm tagħhom għall-ewwel darba, mhux aktar minn 5 snin wara li jiksbu l-appoġġ; dan il-pagament mhux disponibbli għal aktar minn 5 snin.

Hemm ukoll xi skemi ta’ appoġġ fakultattivi. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li:

  • jappoġġjaw farms iżgħar billi jħallsu ammont ogħla fuq l-ewwel ettari (“pagament ridistributtiv”)
  • jagħtu pagamenti addizzjonali għal żoni b’restrizzjonijiet naturali;
  • jagħtu ammonti limitati ta’ appoġġ relatat mal-produzzjoni (“appoġġ akkoppjat” — pagamenti marbuta ma’ għelejjel jew tipi ta’ bhejjem speċifiċi) biex jgħinu biex tinżamm il-produzzjoni f’setturi f’diffikultà
  • joffru skema ssimplifikata lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira — pagament annwali sa EUR 1 250.

Mill-1 ta’ Jannar 2018, ir-regoli l-ġodda fir-Regolament (UE) 2017/2393 daħlu fis-seħħ u jinkludu dawn li ġejjin:

  • bdiewa attivi (jiġifieri dawk li l-attività agrikola tagħhom mhijiex insinifikanti) biss jistgħu jingħataw appoġġ dirett. Madanakollu, f’xi pajjiżi tal-UE, l-amministrazzjoni saret piż tqil wisq. B’mod partikolari, rikorrenti li joperaw ajruporti, servizzi tal-ferrovija, impjanti għat-trattament tal-ilma, servizzi tal-proprjetà immobbli, u artijiet tal-isport u rikreattivi permanenti tqiesu mhux attivi ħlief jekk jiġi ppruvat mod ieħor. L-applikazzjoni tiegħu issa saret volontarja għall-pajjiżi tal-UE;
  • xi aspetti tar-regoli li japplikaw għall-pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni ġew simplifikati, speċjalment għar-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel.
  • estensjoni tad-definizzjoni ta’ bur permanenti
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jinkludu lil ċerti arbuxelli jew siġar li jipproduċu l-għalf tal-annimali f’bur permanenti fejn il-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor jippredomina, fit-territorju kollu jew f’parti mit-territorju tagħhom;
    • huma jistgħu jqisu art mhux maħruta jew użata għan-newba tal-għelejjel għal 5 snin jew aktar bħala kriterju għall-klassifikazzjoni ta’ bur permanenti;
  • issa bdiewa żgħażagħ jistgħu jaċċessaw aktar faċilment il-5 snin ta’ pagamenti kollha;
  • ir-responsabbiltajiet tal-pajjiżi tal-UE fir-rigward tan-natura li tillimita l-produzzjoni tal-appoġġ akkoppjat huma ċċarati;
  • it-tipi ta’ żoni ta’ interess ekoloġiku (Żoni ta’ Enfasi Ekoloġika) huma estiżi biex ikopru żoni fejn jitkabbru varjetajiet ta’ pjanti bħall-Miscanthus u s-Silphium perfoliatum, kif ukoll art mistrieħa baxxa għal pjanti li huma ta’ benefiċċju għall-pollinaturi.

META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015. Ir-regoli introdotti mir-Regolament (UE) 2017/2393 ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 608–670)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 487-548)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549-607).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1310/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet transitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 865-883).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.06.2018

Top