EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (2014-2020)

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (2014-2020)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 — il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

XINHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) għandu l-għan li jgħin lill-popolazzjonijiet kostali u lil dawk li jaħdmu fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura biex jadattaw għall-politika komuni tas-sajd (PKS) tal-UE li għadha kemm ġiet riformata għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020.

PUNTI EWLENIN

Baġit u prijoritajiet

B’baġit ta’ EUR 6.5 biljun għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, il-FEMS għandu l-għan li:

  • jibni mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut, inaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar u gradwalment jelimina l-iskartar — ir-rimi l-baħar ta’ qabdiet mhux mixtieqa — ir-ritorn ta’ ħut fil-baħar mejjet jew ħaj minħabba li jkun żgħir wisq, minħabba li s-sajjied ma għandu l-ebda kwota biex jaqbdu jew minħabba ċerti regoli dwar il-kompożizzjoni tal-qbid;
  • jappoġġja lis-sajjieda żgħażagħ, tas-sajd lokali u artiġjanali;
  • jgħin lill-komunitajiet jiddevirsifikaw l-ekonomija lokali tagħhom;
  • jiffinanzja proġetti li joħolqu x-xogħlijiet u jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-kosti tal-Ewropa;
  • jappoġġja l-akkwakultura Ewropea (it-trobbija tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra);
  • jiffinanzja t-titjib tal-għarfien xjentifiku tal-ambjent tal-baħar u l-ġbir ta’ data rilevanti sabiex dawk id-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta’ informazzjoni affidabbli;
  • isaħħaħ il-programmi ta’ kontroll tas-sajd;
  • jappoġġja investimenti innovattivi fil-bastimenti tas-sajd, pereżempju, biex titjieb is-selettività tal-irkaptu tas-sajd (irkaptu li jimmira u jaqbad ħut skont id-daqs u l-ispeċi u li jippermetti li ħut ieħor jiġi evitat jew li jinħeles mingħajr ma ssirlu ħsara);
  • jappoġġja (taħt ċerti kundizzjonijiet) investimenti fit-tagħmir jew abbord immirati lejn it-tnaqqis tal-emissjoni ta’ sustanza niġġiesa jew gassijiet serra;
  • itejjeb il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura;
  • jappoġġja l-politika marittima integrata tal-UE billi jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn il-fruntieri u bejn is-setturi (pereżempju l-ippjanar tal-ispazju marittimu, is-sorveljanza marittima integrata u t-titjib tal-għarfien dwar l-istat tal-ambjent tal-baħar).

Implimentazzjoni

  • Il-FEMS jikkofinanzja proġetti ma’ pajjiżi tal-UE li jipprovdu finanzjament nazzjonali. Il-pajjiżi tal-UE jfasslu programm operazzjonali, filwaqt li jgħidu kif beħsiebhom jonfqu l-flus allokati. Ladarba l-Kummissjoni Ewropea tapprova dawn il-programmi, l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli milli jiddeċiedu liema proġetti se jiġu ffinanzjati.
  • Sa mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-Kummissjoni adottat regoli li prinċipalment jindirizzaw aspetti tekniċi dettaljati tal-implimentazzjoni tiegħu. Dawn jinkludu:
  • Lista sħiħa tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati hija disponibbli fuq is-sit web tal-FEMS.

Il-pandemija tal-COVID-19 — emenda tar-regolament

  • Ir-Regolament (UE) 2020/560 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 li jintroduċi miżuri speċifiċi biex jimmitiga l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Wara t-tifqigħa kien hemm tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, b’konsegwenzi soċjoekonomiċi serji f’dawk il-komunitajiet fejn is-sajd u l-akkwakultura għandhom rwol prinċipali.
  • Ir-regolament emendat jippermetti lill-FEMS jipprovdi appoġġ għal:
    • il-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, inkluż għas-sajd fl-ilmijiet interni u s-sajjieda ta’ max-xatt;
    • ċertu telf ekonomiku għall-produtturi tal-akkwakultura u l-intrapriżi tal-ipproċessar u fir-reġjuni ultraperiferiċi, jekk ikun ġie kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.
  • Il-miżuri jistgħu jinvolvu wkoll il-provvista ta’ kapital operatorju lill-produtturi tal-akkwakultura u lill-intrapriżi tal-ipproċessar, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.
  • Dan ir-regolament jippermetti wkoll riallokazzjoni aktar flessibbli tar-riżorsi finanzjarji fi ħdan il-programm operazzjonali ta’ kull pajjiż tal-UE u jissimplifika l-proċedura għall-emenda tal-programmi operazzjonali.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014. Il-miżuri temporanji relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19 japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Frar 2020 u se jdumu disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2020.

SFOND

Il-FEMS huwa l-istrument finanzjarju li jappoġġja l-PKS għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020. Huwa wieħed mill-5 Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej li jikkompementaw lil xulxin u għandu l-għan li jippromwovi rkupru fl-Ewropa bbażat fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, pp. 1-66)

L-emendi suċċessivi tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/852 tas-27 ta’ Marzu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità serju mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd li jistgħu jwasslu għal interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament jew għal sospensjoni tal-pagamenti tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (ĠU L 135, 2.6.2015, pp. 13-17)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1362/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi regoli dwar proċedura simplifikata għall-approvazzjoni ta’ ċerti emendi għal programmi operazzjonali ffinanzjati mill-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u regoli li jikkonċernaw il-format u l-preżentazzjoni tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi (ĠU L 365, 19.12.2014, pp. 124-136)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1243/2014 tal-20 ta’ Novembru 2014 li jistabbilixxi regoli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri, kif ukoll dwar ir-rekwiżiti tad-data (dejta) u s-sinerġiji bejn sorsi potenzjali tad-data (ĠU L 334, 21.11.2014, pp. 39-51)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1242/2014 tal-20 ta’ Novembru 2014 li jistabbilixxi regoli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew Marittimu u s-Sajd rigward il-preżentazzjoni ta’ data kumulattiva rilevanti dwar l-operazzjonijiet (ĠU L 334, 21.11.2014, pp. 11-38)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2014 tat-22 ta’ Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut u l-kostruzzjoni ta’ sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-operazzjonijiet finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 283, 27.9.2014, pp. 11-19)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 763/2014 tal-11 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità u l-istruzzjonijiet gћall-ћolqien tal-emblema tal-Unjoni (ĠU L 209, 16.7.2014, pp. 1-4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/372/UE tal-11 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi t-tqassim annwali mill-Istati Membri tar-riżorsi globali tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd disponibbli fil-qafas ta’ ġestjoni konġunta għall-perjodu 2014-2020 (notifikata bid-dokument C(2014) 3781) (ĠU L 180, 20.6.2014, pp. 18-20)

l-aħħar aġġornament 09.06.2020

Top