Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ewropa għaċ-Ċittadini (2007-2013)

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-programm “Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perjodu 2007–2013. Dan il-programm huwa maħsub li jkompli, b’ċerti innovazzjonijiet proposti, l-attivitajiet li bdew taħt il-programm 2004 – 2006. Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu involuti b’mod attiv fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, il-programm jipproponi li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex in-nies tal-Ewropa jitlaqqgħu flimkien u biex jiżdied is-sens ta’ identità Ewropea.

ATT

Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Ewropa għaċ-Ċittadini għall-perjodu 2007–2013 li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva (ara l-att(i) emendatorju(i)).

SOMMARJU

Bil-ħsieb li jinvolvi attivament lill-pubbliku fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, dan il-programm huwa maħsub sabiex iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini f’diversi pajjiżi. Għaldaqstant iċ-ċittadini jistgħu jingħaqdu flimkien u jieħdu azzjoni f’ambjent Ewropew li jirrispetta d-diversità tagħhom.

Qabel ma ppubblikat din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika estensiva minn Diċembru 2004 sa Frar 2005 u wara organizzat forum konsultattiv fit-3 u l-4 ta’ Frar 2005. Il-konsultazzjoni fuq l-Internet wasslet għal aktar minn elf reazzjoni, li 700 minnhom kienu minn organizzazzjonijiet u madwar 300 minn individwi. Dan il-programm għall-perjodu 2007–2013 huwa t-tkomplija tal-programm ta’ azzjoni Komunitarju li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva (2004–2006).

Għanijiet

L-għanijiet ġenerali tal-programm huma dawn li ġejjin:

  • li jagħti l-opportunità liċ-ċittadini li jinteraġixxu u jieħdu sehem fil-bini ta’ Ewropa dejjem eqreb tagħhom, li hija miftuħa għad-dinja, magħquda fid-diversità kulturali tagħha u arrikkita minnha;
  • li jiġi żviluppat sens ta’ identità Ewropea fost iċ-ċittadini Ewropej, imsejjes fuq il-valuri, l-istorja u l-kultura komuni rikonoxxuti;
  • li jitrawwem sens ta’ appartenenza mal-Unjoni Ewropea (UE) fost iċ-ċittadini tagħha;
  • li jissaħħu t-tolleranza u l-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini Ewropej b’rispett għad-diversità kulturali u lingwistika u l-promozzjoni tagħha, filwaqt li jkun hemm kontribut għal djalogu interkulturali.

L-għanijiet speċifiċi tiegħu huma li:

  • ilaqqa’ nies minn komunitajiet lokali minn madwar l-Ewropa sabiex jikkondividu u jiskambjaw esperjenzi, opinjonijiet u valuri, sabiex jitgħallmu mill-istorja u jibnu għall-ġejjieni;
  • irawwem azzjoni, dibattitu u riflessjoni relatati maċ-ċittadinanza Ewropea u d-demokrazija, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew;
  • iwassal l-idea ta’ Ewropa aktar tanġibbli għaċ-ċittadini tagħha billi jippromwovi u jiċċelebra l-valuri u l-kisbiet tal-Ewropa, filwaqt li jżomm il-memorja tal-imgħoddi tagħha;
  • iħeġġeġ l-integrazzjoni bbilanċjata bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi parteċipanti kollha, filwaqt li jikkontribwixxi għad-djalogu interkulturali u jagħti prominenza kemm lid-diversità tal-Ewropa kif ukoll lill-unità tagħha, b’attenzjoni partikolari għall-attivitajiet mal-Istati Membri li li għadhom kif daħlu fl-UE.

L-għanijiet tal-programm għandhom jiġu riflessi f’erba’ tipi ta’ azzjonijiet:

Azzjoni 1: “Ċittadini attivi għall-Ewropa”

Din l-azzjoni tinvolvi liċ-ċittadini direttament permezz ta’ attivitajiet ta’ ġemellaġġi bejn l-ibliet u proġetti taċ-ċittadini sabiex jiddiskutu dwar kwistjonijiet Ewropej u jiżviluppaw fehim reċiproku permezz ta’ parteċipazzjoni diretta. Sabiex il-ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-proġetti taċ-ċittadini jitjiebu, jeħtieġ ukoll li jiġu żviluppati miżuri ta’ appoġġ biex jiġu skambjati metodi tal-aħjar prattika, biex jinġabru flimkien l-esperjenzi bejn dawk li għandhom interess fil-livelli lokali u reġjonali u biex jiġu żviluppati ħiliet ġodda, pereżempju, permezz ta’ taħriġ. Bħala indikazzjoni, mill-inqas 45 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni.

Azzjoni 2: “Soċjetà ċivili attiva fl-Ewropa”

Madwar 31 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni, li tinkludi:

  • appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika pubblika Ewropea (gruppi ta’ riflessjoni);
  • appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq livell Ewropew;
  • appoġġ għal proġetti li jinbdew minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali.

Azzjoni 3: “Flimkien għall-Ewropa”

Madwar 10 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni, li tappoġġja:

  • avvenimenti ta’ profil għoli, bħal kommemorazzjonijiet ta’ avvenimenti storiċi, avvenimenti artistiċi, premjazzjonijiet biex jiġu enfasizzati suċċessi prinċipali u konferenzi madwar l-Ewropa;
  • studji, sondaġġi u stħarriġ tal-opinjoni pubblika;
  • għodod ta’ informazzjoni u ta’ tixrid.

Azzjoni 4: “Tifkira Ewropea Attiva”

Madwar 4 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni, li tinkludi proġetti li jippreservaw tifkira Ewropea attiva. Dawn huma prinċipalment proġetti maħsuba biex jippreservaw is-siti ewlenin u l-arkivji assoċjati mad-deportazzjonijiet tal-massa u ma’ dawk li kienu kampijiet ta’ konċentrament u biex jikkommemoraw il-vittmi tal-isterminazzjonijiet tal-massa u d-deportazzjonijiet tal-massa li seħħew matul ir-reġim Nażist u Stalinist.

Parteċipazzjoni

Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jieħdu sehem fil-programm, skont il-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji:

  • l-Istati Membri;
  • l-Istati tal-EFTA li huma parti mill-Ftehim taż-ŻEE;
  • il-pajjiżi kandidati li qegħdin jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni;
  • pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Il-programm japplika għal dawn li ġejjin:

  • awtoritajiet u organizzazzjonijiet lokali;
  • organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika pubblika Ewropea (gruppi ta’ riflessjoni);
  • gruppi taċ-ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, pjattaformi, netwerks, assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet, trejdjunjins, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet edukattivi attivi fil-qasam tax-xogħol volontarju jew sport amatorjali.

Ġestjoni, baġit u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni hija megħjuna minn kumitat u għandha tadotta ħafna mill-miżuri ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ ġestjoni. Dan jinkludi deċiżjonijiet ta’ għażla relatati ma’ għotjiet operattivi, ftehimiet ta’ ġemellaġġ multi-annwali u avvenimenti ta’ profil għoli. Fir-rigward ta deċiżjonijiet oħra ta’ għażla, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-kumitat u lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet adottati. Il-baġit propost għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm huwa ta’ EUR 215 miljun. Madwar 10 % tal-baġit totali allokat ikopri n-nefqa amministrattiva.

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ex-post għandu jiġi sottomess sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE

1.1.2007 – 31.12.2013

ĠU L 378, 27.12.2006

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Nru 1358/2008/KE

31.12.2008 – 31.12.2013

ĠU L 350, 30.12.2008

ATTI RELATATI

Communication from the Commission — Making citizenship Work: fostering European culture and diversity through programmes for Youth, Culture, Audiovisual and Civic Participation [COM(2004) 154 final — Official Journal C 122 of 30.4.2004] (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2004 — Iċ-Ċittadinanza Attiva: naħdmu favur il-kultura u d-diversità Ewropea permezz tal-programmi fil-qasam taż-Żgħażagħ, il-Kultura, l-Awdjoviżwali u s-Sehem Ċiviku).

See also

  • Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea: Ċittadinanza (DE) (EN) (FR)

L-aħħar aġġornament: 27.01.2009

Top