Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-qafas politiku tal-UE għall-klima u l-enerġija (mill-2020 sal-2030)

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi qafas għall-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030, li jibni fuq il-progress tajjeb li sar lejn il-kisba tal-miri tal-2020 għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, l-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija. Fil-qalba tal-qafas għall-2030 hemm tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030 (COM(2014) 15 finali/2 tat-28.1.2014 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-UE taħdem fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju li tinbena fuq il-progress sostanzjali li sar diġà bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-Unjoni sal-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija.

Wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati abbażi ta’ Green Paper li ġiet ippubblikata f’Marzu 2013, il-Komunikazzjoni tirriafferma l-importanza ta’ ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju li tiżgura l-kompetittività u enerġija affordabbli għall-konsumaturi, toħloq it-tkabbir u l-impjiegi u żżid is-sikurezza tal-provvisti tal-enerġija, filwaqt li tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li l-qafas tal-klima u l-enerġija għall-2030 għandu jkun ibbażat fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri għall-2020 u dawn li ġejjin:

  • Tnaqqis ta’ 40% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE sal-2030 meta mqabbla mal-livell tal-1990, li għandu jinkiseb permezz ta’ miżuri domestiċi weħidhom. Il-miżuri jinkludu kombinazzjoni ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet b’43 % imqabbel mal-2005 fis-Sistema għan-Negozjar tal-Emissjonijiet (ETS) u azzjonijiet nazzjonali meħuda mill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-emissjonijiet bi 30 % minn setturi barra mill-ETS.
  • Li jiżdied is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli kkonsmata fl-UE b’mill-inqas 27 %, li jorbot fuq il-livell tal-UE iżda mhux fuq il-livelli nazzjonali sabiex l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà bil-għan li jkunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom bl-aktar mod kost-effettiv.
  • Riforma tal-ETS, permezz tal-ħolqien ta’ riżerva ġdida għall-istabbiltà tas-suq, kif ukoll l-issikkar tal-limitu massimu annwali fuq l-emissjonijiet wara l-2020. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni ġiet ippubblikata proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi r-riżerva.
  • Titjib ulterjuri fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, essenzjali għall-kompetittività, is-sikurezza tal-provvista tal-enerġija u s-sostenibbiltà . Analiżi tad-Direttiva tal-2012 dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, li mistennija ssir aktar tard fl-2014, għandha tgħin sabiex tiġi stabbilita l-politika dwar l-iffrankar tal-enerġija fil-ġejjieni.
  • Sistema ta’ governanza Ewropea ġdida għall-kisba tal-objettivi li jirrigwardjaw il-klima u l-enerġija. L-Istati Membri ser ikollhom ifasslu pjanijiet nazzjonali għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. Il-pjanijiet sejrin jiġu riveduti u vvalutati mill-Kummissjoni.
  • Indikaturi ewlenin għall-monitoraġġ tal-progress fuq l-aspetti kollha tal-kompetittività, tas-sikurezza u tal-enerġija sostenibbli.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mistiedna sabiex japprovaw il-proposta. Il-Kunsill mistenni jieħu deċiżjoni sa Ottubru 2014. Il-Komunikazzjoni hija parti minn pakkett usa’ li jinkludi proposta legali għar-riforma tal-ETS, il-kompetittività, il-gass tax-shale u l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija.

ATTI RELATATI

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif u l-operat ta’ riżerva għall-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE. (COM(2014) 20/2 tat-22.1.2014).

Id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (Ġurnal Uffiċjali L 315 tal-14.11.2012).

Id-Direttiva 2009/28/KE dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (Ġurnal Uffiċjali L 140 tal-5.6.2009)

Id-Direttiva 2009/29/KE li temenda d-Direttiva 2003/87/KE bil-għan li tittejjeb u tiġi estiża l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (id-Direttiva ETS Riveduta) (Ġurnal Uffiċjali L 140 tal-5.6.2009).

Id-Deċiżjoni Nru. 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (Ġurnal Uffiċjali L 140, 5.6.2009).

Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 (COM(2011) 885 finali tal-15.12.2011).

Pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva b’livelli baxxi ta’ karbonju fl-2050 (COM(2011) 112 final tat-8.3.2011)

Direttiva tal-Kunsill 2013/18/UE tat- 13 ta' Mejju 2013 li tadatta d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (Ġurnal Uffiċjali L 158, 10.6.2013).

l-aħħar aġġornament 08.06.2014

Top