Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Żvilupp Ewropew u politiki għall-assistenza esterna: rapport tal-2012

Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-għajnuna esterna u l-iżvilupp fl-2012.

ATT

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Rapport annwali 2013 dwar il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp u l-għajnuna esterna u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2012 (COM(2013) 594 final tal-21.8.2013 - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

L-UE hija l-akbar donatur dinji tal-għajnuna għall-iżvilupp, b’EUR 55.2 biljun li ngħataw b’mod kollettiv fl-2012. Din kienet l-ewwel sena li ġiet implimentata l-aġenda għall-bidla, u li żiedet l-impatt tal-politika għall-iżvilupp tal-UE għat-tnaqqis fil-faqar. Fl-istess ħin, kienu qegħdin javvanzaw il-preparazzjonijiet għal qafas globali għal wara l-2015, bl-UE bħala parteċipant ewlieni.

Aġenda għall-bidla

Din l-aġenda tistabbilixxi l-approċċ aktar strateġiku tal-UE dwar it-tnaqqis tal-faqar madwar id-dinja sabiex iżżid l-impatt tal-politika dwar l-iżvilupp tagħha.

Ġiet proposta serje ta’ tibdil ewlieni:

  • konċentrazzjoni fuq massimu ta’tlietsetturi kull pajjiż;
  • iffukar aktar ċar fuq governanza tajba, drittijiet umani u demokrazija;
  • immirar tal-għajnuna għal fejn hija l-aktar meħtieġa u fejn ikollha impatt ottimali;
  • użu akbar tal-mekkaniżmi innovattivi għall-iffinanzjar;
  • koerenza politika mtejba u koordinazzjoni miżjuda mal-Istati Membri.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet l-użu tal-blending, fejn għotja jew riżorsi li mhumiex għotja jiġu magħqudin sabiex jipproduċu taħlita ta’ finanzjar xierqa għal proġetti speċifiċi, b’mekkaniżmi mfasslin għall-Asja, il-Karibew u l-Paċifiku.

Ġie wkoll stabbilit qafas għal rappurtar tar-riżultati u monitoraġġ ta’ sistemi ta’ implimentazzjoni għal programmi.

Oqsma tematiċi ewlenin magħżula li ngħataw attenzjoni fl-2012:

  • reżiljenza, inklużi maniġġjar u stat ta’ tħejjija għal diżastri;
  • sigurtà fl-ikel u n-nutrizzjoni, b’mod speċjali permezz tal-faċilità għall-ikel tagħha ta’ EUR 1 biljun li tejbet il-ħajja ta’ aktar minn 59 miljun persuna f’49 pajjiż u appoġġjat b’mod indirett lil 93 miljun.

Barra minn hekk, u skont l-aġenda għall-bidla, l-UE fissret appoġġ għal miżuri li jmexxu ’l quddiem l-iżvilupp soċjali, enerġija sostenibbli u politiki ambjentali ħodor fid-dinja li qed tiżviluppa.

Għanijiet tal-iżvilupp tal-millennju (MDGs)

Ir-rapport jenfasizza l-iffukar tal-UE fuq l-għanijiet tal-iżvilupp tal-millennju (MDGs), bin-numru ta’ nies f’faqar estrem diġà jitnaqqas bin-nofs sal-2015, meta ser iseħħ avveniment speċjali tan-NU għar-reviżjoni tal-progress tal-MDGs.

Tnidew għadd ta’ programmi taħt l-inizjattiva tal-UE għall-MDGs ta’ EUR 1 biljun li għandha l-għan li tħaffef il-progress dwar l-MDGs.

Madankollu, jibqgħu l-isfidi sabiex insewwu problemi ta’ ġuħ, mewt tat-trabi, kwalità tal-ilma u sanità, b’mod speċjali fl-Afrika sub-Saħarjana, fejn il-miri jistgħu ma jintlaħqux fil-ħin.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp: aġenda għall-bidla (COM(2011) 637 final tat-13.10.2011 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

L-aħħar aġġornament: 19.05.2014

Top