Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-impjiegi u t-tkabbir mill-ibħra tagħna (l-Ekonomija Blu)

Din il-komunikazzjoni tidentifika diversi kwistjonijiet li jżommu lura l-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu u tistabbilixxi l-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-ostakli ewlenin. Billi tiġi stimulata l-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu, se jiġi megħjun l-iżvilupp sostenibbli tal-potenzjal ekonomiku tal-ibħra u l-oċeani tagħna, u b’hekk jiġu pprovduti aktar impjiegi u jsir it-tkabbir.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir (COM(2014) 254 final/2 tat-13 ta’ Mejju 2014).

SOMMARJU

Din il-komunikazzjoni tidentifika diversi kwistjonijiet li jżommu lura l-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu u tistabbilixxi l-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-ostakli ewlenin. Billi tiġi stimulata l-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu, se jiġi megħjun l-iżvilupp sostenibbli tal-potenzjal ekonomiku tal-ibħra u l-oċeani tagħna, u b’hekk jiġu pprovduti aktar impjiegi u jsir it-tkabbir.

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Tipproponi netwerk ta’ dejta miftuħ u faċli biex jintuża b’rabta mal-ibħra u l-oċeani billi jiġu kkombinati l-bażijiet tad-dejta attwali u jkunu magħmulin aktar aċċessibbli.
  • Għandha l-għan li tiżviluppa mappa ta’ qiegħ il-baħar tal-ilmijiet Ewropej kollha sal-2020.
  • Tfittex li sal-aħħar tal-2015 toħloq pjattaforma ta’ informazzjoni tal-proġetti ta’ riċerka tal-baħar kollha, billi tgħaqqad flimkien xogħol mil-livell tal-UE u l-livelli nazzjonali.
  • Toħloq “Forum tal-Ekonomija, in-Negozju u x-Xjenza Blu” li ser jiltaqa’ fl-2015 biex jiskambja l-ideat u r-riżultati bejn l-industrija, l-NGOs u oħrajn b’interess fl-ibħra u fl-oċeani tal-Ewropa.
  • Tippromwovi “Alleanza ta’ Ħiliet marbutin ma’ Settur”, sħubija bejn l-industrija u l-edukazzjoni li għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni mit-tagħlim/taħriġ għax-xogħol; u “Alleanza tal-Għarfien” li tlaqqa’ flimkien l-akkademiċi u n-negozji biex tissaħħaħ l-innovazzjoni permezz tal-edukazzjoni għolja.

PUNTI EWLENIN

  • 1

    Bħalissa hawn nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa. Dan jirrestrinġi l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-impjiegi, u għalhekk dan id-dokument jitlob għal bażijiet tad-dejta mtejba u mappa ta’ qiegħ il-baħar tal-ilmijiet Ewropej kollha.

  • 2

    Għalkemm ir-riċerka lejn it-“ tkabbir blu ” fil-biċċa l-kbira kienet ta’ suċċess, hemm xi ostakli, bħal riċerka doppja, aċċess dgħajjef għall-fondi għar-riċerka, u kollaborazzjoni insuffiċjenti bejn is-settur pubbliku u dak privat.

  • 3

    Ir-riċerka għandha tiffoka fuq kif ir-riżorsi tal-baħar jistgħu joħolqu impjiegi u tkabbir ekonomiku filwaqt li tiżgura li r-riżorsi jintużaw b’mod sostenibbli.

  • 4

    Bħalissa hawn nuqqas ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol b’rabta mal-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa, u dan huwa mistenni li jiżdied jekk ma tittieħed ebda azzjoni.

SFOND

Din il-komunikazzjoni ssegwi komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea mill-2012 li turi li l-ibħra, l-oċeani u l-kosti tal-Ewropa jistgħu jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

TERMINI EWLENIN

L-“ekonomija blu” tirreferi għall-parti tal-ekonomija tal-UE xprunata mill-ibħra u l-oċeani, filwaqt li t-“tkabbir blu” jirreferi għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tal-baħar u dak marittimu.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-websjat tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi, stqarrija għall-istampa u memo għall-istampa.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu (COM(2012) 494 final tat-13 ta’ Settembru 2012).

l-aħħar aġġornament 08.12.2014

Top