EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0380

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna

COM/2020/380 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 380 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030







Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna


1.Il-bijodiversità – neħtieġu azzjoni urġenti

Mill-akbar foresti madwar id-dinja sal-iċken ġonna u ġardini, mill-baleni blu sal-fungi mikroskopiċi, il-bijodiversità tiġbor kull varjetà straordinarja ta’ ħlejqiet fid-dinja. Aħna l-bnedmin niffurmaw parti minn din ix-xibka tal-eżistenza u niddependu għalkollox minnha: tagħtina l-ikel biex ngħixu, issaffi l-ilma li nixorbu u tagħtina l-arja għan-nifs. In-natura hi tassew importanti għall-benesseri mentali u fiżiku tagħna daqskemm hi importanti għas-soċjetà tagħna biex tkun tiflaħ tegħleb l-isfidi dinjin, it-theddidiet tas-saħħa u d-diżastri. F’ħajjitna neħtieġu n-natura.

Biex ikollna soċjetajiet f’saħħithom u reżiljenzi, in-natura trid tingħata l-ispazju li teħtieġ. Il-pandemija riċenti tal-COVID-19 iżżid l-urġenza tal-protezzjoni u r-restawr tan-natura. Il-pandemija qed toħroġ fid-dieher ir-rabtiet bejn saħħitna u s-saħħa tal-ekosistemi. Qed turina l-bżonn li jkollna ktajjen tal-provvisti u xejriet tal-konsum sostenibbli, li ma jaqbżux il-limiti tal-pjaneta. Dan jirrifletti l-fatt li aktar ma neqirdu n-natura, aktar jiżdied ir-riskju li jfaqqa’ u jixtered il-mard infettiv 1 . Għaldaqstant hu importanti li nipproteġu u nirrestawraw il-bijodiversità u naraw li l-ekosistemi jiffunzjonaw tajjeb, biex b’hekk inqawwu r-reżiljenza tagħna u nevitaw li fil-futur ikollna tifqigħat u tixrid tal-mard.

L-investiment fil-protezzjoni u fir-restawr tan-natura se jkun kruċjali wkoll biex l-Ewropa tirkupra mill-kriżi tal-COVID-19. Meta l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha, irridu nevitaw li nerġgħu naqgħu u ninqabdu fi drawwiet antiki li jagħmlulna l-ħsara. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew – l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir – se jkun il-gwida għall-irkupru tagħna u se jiżgura li l-ekonomija sservi lin-nies u lis-soċjetà, u li n-natura tingħata lura aktar milli jitteħdilha. Il-każ kummerċjali għall-bijodiversità hu importanti. L-industrija u l-kumpaniji jiddependu fuq il-ġeni, l-ispeċijiet u s-servizzi tal-ekosistema bħala kontributi kritiċi għall-produzzjoni, b’mod partikolari għall-mediċini. Aktar minn nofs il-PDG dinji jiddependi fuq in-natura u s-servizzi li din tipprovdi, bi tliet setturi ekonomiċi ewlenin – il-kostruzzjoni, l-agrikoltura, u l-ikel u x-xorb – li lkoll jiddependu bil-kbir fuqha 2 .  

Il-konservazzjoni tal-bijodiversità għandha l-potenzjal li tipprovdi benefiċċji ekonomiċi diretti lil bosta setturi tal-ekonomija. Pereżempju, il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-baħar tista’ żżid il-profitti annwali tal-industrija tal-frott tal-baħar b’aktar minn €49 biljun, filwaqt li l-protezzjoni tal-artijiet mistagħdra mal-kosta, tista’ tiffranka lill-industrija tal-assigurazzjoni madwar €50 biljun fis-sena għax tnaqqas it-telf ikkawżat mill-għargħar 3 . Il-proporzjon ġenerali tal-benefiċċji u tal-ispejjeż ta’ programm dinji effettiv għall-konservazzjoni tan-natura selvaġġa li fadal madwar id-dinja hu stmat mill-inqas 100 għal 1 4 . L-investiment fil-kapital naturali, inkluż ir-restawr tal-ħabitats rikki fil-karbonju u ta’ agrikoltura favur il-klima, jitqies fost l-aktar ħames politiki ta’ rkupru fiskali importanti, li joffru multiplikaturi ekonomiċi kbar u jħallu impatt pożittiv fuq il-klima 5 . Hu importanti li l-UE tisfrutta dan il-potenzjal biex tiżgura l-prosperità, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza fl-irkupru.

Il-bijodiversità hi kruċjali wkoll għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel tal-UE u dik dinjija. It-telf tal-bijodiversità jhedded is-sistemi tal-ikel tagħna 6 u għalhekk jirriskja s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni tagħna. Fuq il-bijodiversità jissejsu wkoll id-dieti sani u nutrittivi, u din ittejjeb l-għajxien rurali u l-produttività agrikola 7 . Ngħidu aħna, aktar minn 75% tat-tipi tal-għelejjel tal-ikel madwar id-dinja jiddependu fuq id-dakkir tal-annimali 8 .

Minkejja dan l-imperattiv morali, ekonomiku u ambjentali tant urġenti, in-natura tinsab fi kriżi. Il-ħames fatturi diretti ewlenin tat-telf tal-bijodiversità 9 – il-bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar, l-isfruttamenti żejda, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis u l-ispeċijiet aljeni invażivi – qed iwasslu biex in-natura tgħib malajr. Il-bidliet qed ngħixuhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: blokki tal-konkrit li jittellgħu fl-ispazji ħodor, inħawi naturali li ma jibqgħux jeżistu, u qed ikollna l-akbar numri fl-istorja tal-bniedem ta’ speċijiet li qed jispiċċaw fir-riskju tal-estinzjoni. Fl-aħħar erbgħin sena, il-popolazzjoni dinjija tal-organiżmi selvaġġi naqset b’60% minħabba l-attivitajiet tal-bniedem 10 . U kważi nbidel tliet kwarti ta’ wiċċ id-dinja 11 , u n-natura ngħasret f’roqgħa dejjem iżgħar tal-pjaneta.

Il-kriżi tal-bijodiversità u l-kriżi klimatika huma marbutin b’mod intrinsiku. It-tibdil fil-klima jħaffef il-qerda tad-dinja naturali bin-nixfiet, bl-għargħar u bin-nirien, filwaqt li t-telf u l-użu mhux sostenibbli tan-natura huma fatturi ewlenin tat-tibdil fil-klima. Bħalma l-kriżijiet huma marbutin, daqstant ieħor huma s-soluzzjonijiet. In-natura hi sieħeb importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima 12 . In-natura tirregola l-klima, u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura 13 , bħall-protezzjoni u r-restawr tal-artijiet mistagħdra, tat-torbieri u tal-ekosistemi kostali, jew l-immaniġġjar sostenibbli taż-żoni tal-baħar, tal-foresti, tal-bwar u tal-ħamrija agrikola se jkunu essenzjali biex innaqqsu l-emissjonijiet u nadattaw għat-tibdil fil-klima. It-tħawwil tas-siġar u t-tifrix tal-infrastruttura ekoloġika se jgħinuna nżommu temperaturi moderati fiż-żoni urbani u ntaffu l-impatt tad-diżastri naturali.

It-telf tal-bijodiversità u l-qerda tal-ekosistema huma waħda mill-ħames theddidiet ewlenin għall-umanità fl-għaxar snin li ġejjin 14 . Dawn jheddu wkoll is-sisien tal-ekonomija tagħna, filwaqt li l-ispejjeż tan-nuqqas ta’ azzjoni huma għaljin u antiċipati li jiżdiedu 15 . Id-dinja tilfet madwar €3.5-18.5 triljun fis-sena fis-servizzi tal-ekosistema bejn l-1997 u l-2011 minħabba l-bidla fl-użu tal-art, u madwar €5.5-10.5 triljun fis-sena minħabba d-degradazzjoni tal-art. B’mod speċifiku, it-telf tal-bijodiversità jwassal biex jonqsu r-rendimenti tal-għelejjel u l-qabdiet tal-ħut, jiżdied it-telf ekonomiku mill-għargħar u minn diżastri oħra, u jintilef il-potenzjal ta’ sorsi ġodda tal-mediċina 16 .

L-UE hi lesta li turi ambizzjoni li treġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità, li tmexxi lid-dinja bl-eżempju u bl-azzjoni, u li tgħin għal qbil u adozzjoni ta’ qafas dinji trasformattiv għal wara l-2020, waqt il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Dan għandu jissejjes fuq l-ambizzjoni ewlenija li niżguraw li sal-2050 tiġi restawrata kull ekosistema fid-dinja u li din tkun reżiljenti u protetta kif xieraq. Id-dinja trid timpenja ruħha favur il-prinċipju ta’ gwadann nett biex in-natura tingħata lura aktar milli jitteħdilha. Bħala parti minn dan, id-dinja trid timpenja ruħha li mill-anqas u meta possibbli ma tippermettix iżjed estinzjonijiet tal-ispeċijiet ikkawżati mill-bniedem.

Din l-istrateġija tistabbilixxi kif l-Ewropa tista’ tgħin biex dan iseħħ. Bħala tappa importanti, din għandha l-għan li tiżgura li l-bijodiversità tal-Ewropa taqbad it-triq tal-irkupru sal-2030 għall-ġid tan-nies, tal-pjaneta, tal-klima u tal-ekonomija tagħna, bi qbil mal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Din tindirizza l-ħames fatturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità, tistabbilixxi qafas ta’ governanza msaħħaħ biex jixxejnu l-lakuni li fadal, tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u tgħaqqad flimkien l-isforzi eżistenti kollha. Din l-istrateġija hi intraprendenti u tinċentiva kemm fl-ispirtu kif ukoll fl-azzjoni. Din tixhed il-fatt li l-protezzjoni u r-restawr tan-natura jeħtieġu aktar minn sempliċiment regolamentazzjoni. Din se tkun teħtieġ azzjoni min-naħa taċ-ċittadini, tan-negozji, tas-sħab soċjali u tal-komunità tar-riċerka u l-għarfien, kif ukoll sħubijiet sodi bejn il-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Din l-istrateġija taqbel mal-ambizzjonijiet u mal-impenn stabbiliti fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Ġiet adottata f’nofs il-pandemija tal-COVID-19 u se tkun ukoll element ewlieni tal-pjan tal-irkupru tal-UE. Hu kruċjali li jkun hemm prevenzjoni u tissawwar reżiljenza għal tifqigħat futuri ta’ żoonożi, u hu kruċjali wkoll li minnufih jinfetħu bibien ta’ opportunitajiet għal negozju u investiment biex l-ekonomija tal-UE terġa’ tirkupra.

L-inizjattivi u l-proposti ġodda kollha se jissejsu fuq l-għodod tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar. Abbażi tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u bl-identifikazzjoni tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, il-valutazzjonijiet tal-impatt se jikkontribwixxu biex ikun żgurat li l-inizjattivi kollha jilħqu l-objettivi tagħhom bl-aktar mod effettiv u bl-inqas mod peżanti, li jissodisfa l-wegħda ekoloġika li “ma ssir l-ebda ħsara”.

2.Nipproteġu u nirrestawraw in-natura fl-Unjoni Ewropea

L-UE għandha oqfsa legali, strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni biex tipproteġi n-natura u tirrestawra l-ħabitats u l-ispeċijiet. Iżda l-protezzjoni mhijiex kompluta, ir-restawr qed isir biss fuq skala żgħira, u l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni mhumiex biżżejjed 17 .

Biex il-bijodiversità terġa’ taqbad it-triq tal-irkupru sal-2030, irridu nżidu l-protezzjoni u r-restawr tan-natura. Dan għandu jsir bit-tisħiħ u bit-twessigħ tan-netwerk tagħna taż-żoni protetti u billi jinħoloq Pjan ambizzjuż tal-UE għar-Restawr tan-Natura.

2.1.Netwerk koerenti taż-żoni protetti

Il-bijodiversità tiffjorixxi iżjed fiż-żoni protetti. Iżda n-netwerk attwali taż-żoni protetti legalment, fosthom dawk bi protezzjoni stretta, mhux kbir biżżejjed biex iħares il-bijodiversità. L-evidenza turi li l-miri definiti permezz tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika mhumiex biżżejjed biex nipproteġu u nirrestawraw in-natura kif xieraq 18 . Hemm bżonn sforzi dinjin, filwaqt li l-UE stess jeħtieġ tagħmel iżjed il-parti tagħha għan-natura, u tagħmilha b’mod aħjar, u tibni Netwerk Trans-Ewropew tan-Natura tassew koerenti.

Anki t-twessigħ taż-żoni protetti hu imperattiv ekonomiku. Studji dwar is-sistemi tal-baħar jistmaw li kull ewro investit fiż-żoni protetti tal-baħar jiġġenera redditu ta’ mill-inqas €3 19 . Bl-istess mod, il-Kontroll tal-Idoneità tan-Natura 20 juri li l-benefiċċji ta’ Natura 2000 huma stmati bejn €200-300 biljun kull sena. Il-ħtiġijiet tal-investiment tan-netwerk mistennija jappoġġaw sa 500,000 impjieg addizzjonali 21 .

Għall-ġid tal-ambjent u tal-ekonomija tagħna, u biex nappoġġaw l-irkupru tal-UE mill-kriżi tal-COVID-19, jeħtieġ nipproteġu aktar in-natura. F’dan l-ispirtu, fl-UE jridu jiġu protetti mill-inqas 30% tal-art u 30% tal-baħar. Dan hu minimu ta’ 4% oħra għall-art u 19% għaż-żoni tal-baħar meta mqabbla mal-lum 22 . Il-mira hi konformi għalkollox ma’ dak li qed jiġi propost 23 bħala parti mill-qafas dinji tal-bijodiversità għal wara l-2020 (ara t-Taqsima 4).

F’dan ir-rigward, trid issir enfasi speċifika fuq oqsma ta’ valur jew b’potenzjal għoli ħafna ta’ bijodiversità. Dawn huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u għandhom jingħataw attenzjoni speċjali fil-forma ta’ protezzjoni stretta 24 . Bħalissa, 3% tal-art u inqas minn 1% biss taż-żoni tal-baħar huma protetti b’mod strett fl-UE. Irridu nagħmlu l-parti tagħna aħjar biex nipproteġu dawn iż-żoni. F’dan l-ispirtu, iridu jiġu protetti b’mod strett mill-anqas terz taż-żoni protetti, jiġifieri 10% tal-art tal-UE u 10% tal-baħar tal-UE. Dan jaqbel ukoll mal-ambizzjoni dinjija proposta. 

Bħala parti minn din l-enfasi fuq il-protezzjoni stretta, hu kruċjali li jiġu definiti, immappjati, monitorjati u protetti b’mod strett il-foresti primarji u antiki kollha tal-UE li fadal 25 . Hu importanti li dan ikun il-messaġġ ukoll fuq livell dinji u jkun żgurat li l-azzjonijiet tal-UE ma jikkawżawx deforestazzjoni f’reġjuni oħra tad-dinja. Il-foresti primarji u antiki huma l-aktar ekosistemi rikki tal-foresti li jneħħu l-karbonju mill-atmosfera u jaħżnu għadd ġmielu ta’ karbonju. Anki żoni sinifikanti ta’ ekosistemi oħra b’livell għoli tal-karbonju bħat-torbiera, il-bwar, l-artijiet mistagħdra, il-mangrovji u l-mergħat tal-ħaxix tal-baħar, għandhom jiġu protetti b’mod strett, jekk inqisu t-tranżizzjonijiet previsti fiż-żoni tal-veġetazzjoni.

L-Istati Membri se jkunu responsabbli biex jiddeżinjaw iż-żoni protetti addizzjonali u ż-żoni protetti b’mod strett addizzjonali 26 . Id-deżinjazzjonijiet għandhom jgħinu biex jingħalaq in-netwerk ta’ Natura 2000 jew inkella għandhom ikunu protetti bi skemi nazzjonali tal-protezzjoni. Kull żona protetta se tkun teħtieġ objettivi u miżuri tal-konservazzjoni definiti b’mod ċar. Il-Kummissjoni, b’ħidma mal-Istati Membri u mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, se tippreżenta kriterji u gwida fl-2020 biex jiġu identifikati u deżinjati żoni addizzjonali, inkluż definizzjoni ta’ protezzjoni stretta, kif ukoll biex isir ippjanar adegwat tal-ġestjoni. B’hekk, se tindika kif miżuri effettivi oħra tal-konservazzjoni abbażi taż-żona u l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet jistgħu jikkontribwixxu għall-miri.

Il-miri jgħoddu għall-UE kollha u jistgħu jinqasmu skont ir-reġjuni bijoġeografiċi u l-baċiri tal-baħar tal-UE jew f’livell aktar lokali. Kull Stat Membru jrid jagħmel il-parti ġusta tiegħu f’dan l-isforz skont kriterji ekoloġiċi oġġettivi, u jirrikonoxxi li kull pajjiż għandu kwantità u kwalità differenti tal-bijodiversità. Se ssir enfasi partikolari fuq il-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tropikali u subtropikali fil-baħar u fuq l-art fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE minħabba l-valur tal-bijodiversità eċċezzjonalment għoli tagħhom.

Barra minn hekk, biex ikollna Netwerk Trans-Ewropew tan-Natura tassew koerenti u reżiljenti, hu importanti li jiġu stabbiliti kurituri ekoloġiċi li jipprevjenu l-iżolament ġenetiku, li jippermettu migrazzjoni tal-ispeċijiet, u li jżommu l-ekosistemi f’saħħithom u jsaħħuhom. F’dan il-kuntest, iridu jiġu promossi u appoġġati l-investimenti fl-infrastruttura ekoloġika u dik blu 27 u l-kooperazzjoni transfruntiera fost l-Istati Membri, inkluż permezz tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea.

Il-Kummissjoni se taħdem biex sa tmiem l-2021 tilħaq ftehim mal-Istati Membri dwar il-kriterji u l-gwida għad-deżinjazzjonijiet addizzjonali. L-Istati Membri mbagħad ikollhom sa tmiem l-2023 biex juru progress sinifikanti fejn jidħlu d-deżinjazzjoni legali ta’ żoni protetti ġodda u l-integrazzjoni ta’ kurituri ekoloġiċi. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni sal-2024 dwar jekk l-UE tkunx qabdet it-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2030 jew jekk hemmx bżonn azzjonijiet aktar b’saħħithom, inkluż leġiżlazzjoni tal-UE.

Finalment, il-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej għandhom irqajja’ importanti tal-bijodiversità li mhumiex regolati bir-regoli ambjentali tal-UE. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri rilevanti biex jikkunsidraw li jippromwovu regoli ugwali jew ekwivalenti f’dawn il-pajjiżi u t-territorji.

Il-protezzjoni tan-natura: impenji ewlenin sal-2030

1.Il-protezzjoni legali ta’ mill-anqas 30% taż-żona tal-art tal-UE u 30% taż-żona tal-baħar tal-UE, u l-integrazzjoni ta’ kurituri ekoloġiċi, bħala parti minn Netwerk Trans-Ewropew tan-Natura reali.

2.Il-protezzjoni stretta ta’ mill-inqas terz taż-żoni protetti tal-UE, inkluż il-foresti primarji u antiki kollha tal-UE li fadal.

3.Il-ġestjoni effettiva taż-żoni protetti kollha, u d-definizzjoni ta’ objettivi u miżuri ċari tal-konservazzjoni, u l-monitoraġġ tagħhom kif xieraq.

2.2.Pjan tal-UE għar-Restawr tan-Natura: nirrestawraw l-ekosistemi fuq l-art u fil-baħar

Li nipproteġu n-natura tagħna mhuwiex biżżejjed biex in-natura terġa’ ssir parti minn ħajjitna. Id-dinja tista’ treġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità, iżda jeħtieġ tkun aktar ambizzjuża fejn jidħol ir-restawr tan-natura. Bi Pjan tal-UE għar-Restawr tan-Natura, l-Ewropa se tmexxi bl-eżempju.

Il-pjan se jgħin biex titjieb is-saħħa taż-żoni protetti eżistenti u ġodda, u biex titreġġa’ lura natura diversa u reżiljenti fil-pajsaġġi u fl-ekosistemi kollha. Dan ifisser li se jonqsu l-pressjonijiet fuq il-ħabitats u l-ispeċijiet, u se jkun żgurat li kull użu tal-ekosistemi jkun sostenibbli. Dan ifisser ukoll li se jiġi appoġġat l-irkupru tan-natura, se jiġu limitati l-issiġillar tal-ħamrija u l-espansjoni urbana, u se jiġu indirizzati t-tniġġis u l-ispeċijiet aljeni invażivi. Il-pjan se joħloq l-impjiegi, se jirrikonċilja l-attivitajiet ekonomiċi mat-tkabbir tan-natura u se jgħin biex ikunu żgurati l-produttività u l-valur fit-tul tal-kapital naturali tagħna.

2.2.1.Insaħħu l-qafas legali tal-UE għar-restawr tan-natura

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE 28 diġà teżiġi parzjalment li l-Istati Membri jirrestawraw in-natura. Iżda hemm bosta lakuni sinifikanti fir-regolamentazzjoni u fl-implimentazzjoni li qed ifixklu l-progress. Pereżempju, ma jeżisti l-ebda obbligu għall-Istati Membri biex ikollhom pjanijiet għar-restawr tal-bijodiversità. Mhux dejjem hemm miri u skedi taż-żmien vinkolanti jew ċari, u mhux dejjem jeżistu definizzjonijiet jew kriterji dwar ir-restawr jew dwar l-użu sostenibbli tal-ekosistemi. Barra minn hekk, ma jeżisti l-ebda rekwiżit biex isiru mmappjar, monitoraġġ jew valutazzjonijiet komprensivi tas-servizzi tal-ekosistema, tas-saħħa jew tal-isforsi għar-restawr. Dawn il-kwistjonijiet huma aggravati bil-lakuni fl-implimentazzjoni li jxekklu l-leġiżlazzjoni eżistenti milli tilħaq l-objettivi tagħha 29 . L-implimentazzjoni jeħtieġ tingħata aktar appoġġ, u l-azzjoni tal-infurzar jeħtieġ tkun aktar b’saħħitha. Biex ikun żgurat li r-restawr tan-natura fuq l-art u fil-baħar jaqbad ċertu ritmu, iżid ir-reżiljenza tal-UE u jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha bħala soluzzjoni ewlenija bbażata fuq in-natura, din l-istrateġija tippreżenta żewġ linji ta’ azzjoni:

·L-ewwel nett, u soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt, fl-2021 il-Kummissjoni se tressaq proposta għal miri vinkolanti tal-UE għar-restawr tan-natura biex isir restawr tal-ekosistemi degradati, b’mod partikolari dawk bl-aktar potenzjal li jaqbdu u jaħżnu l-karbonju u biex ikun evitat u jonqos l-impatt tad-diżastri naturali. Din se tidentifika l-kundizzjonijiet li skonthom iridu jintlaħqu l-miri, u l-aktar miżuri effettivi biex dawn jintlaħqu. Il-valutazzjoni tal-impatt se tħares ukoll lejn il-possibbiltà ta’ metodoloġija għall-UE kollha biex tiġi identifikata, ivvalutata u ssodisfata kundizzjoni tajba tal-ekosistemi ħalli jkunu jistgħu jinkisbu ċerti benefiċċji bħalma huma r-regolazzjoni tal-klima, ir-regolazzjoni tal-ilma, is-saħħa tal-ħamrija, id-dakkir, u l-prevenzjoni u l-protezzjoni tad-diżastri.

·F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni se titlob u tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-livell tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti bi skadenzi ċari. B’mod partikolari, din se titlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda deterjorament fix-xejriet u fl-istatus tal-konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti kollha sal-2030 30 . Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jiżguraw li mill-inqas 30% tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li bħalissa m’għandhomx status favorevoli jkunu f’dik il-kategorija, jew ikunu juru xejra pożittiva ċara. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent se jipprovdu gwida lill-Istati Membri fl-2020 dwar kif jagħżlu u jagħtu prijorità lill-ispeċijiet u lill-ħabitats.

2.2.2.Inreġġgħu lura n-natura fl-art agrikola

Bħala l-gwardjani tal-art tagħna, il-bdiewa jaqdu rwol vitali fil-priżervazzjoni tal-bijodiversità. Dawn huma minn tal-ewwel li jbatu l-konsegwenzi meta tintilef il-bijodiversità iżda huma wkoll minn tal-ewwel li jaħsdu l-benefiċċji meta l-bijodiversità tiġi restawrata. Bis-saħħa tal-bijodiversità jkunu jistgħu jipprovdulna ikel sikur, sostenibbli, nutrittiv u affordabbli, filwaqt li huma jkollhom l-introjtu meħtieġ biex jirnexxu u jiżviluppaw. Il-bdiewa Ewropej huma parti essenzjali mill-futur tal-UE u jridu jibqgħu jkunu ċ-ċentru soċjali u ekonomiku ta’ ħafna komunitajiet madwar l-Unjoni tagħna.

Fl-istess ħin, ċerti prattiki agrikoli huma fattur ewlieni għat-tnaqqis fil-bijodiversità. Din hi r-raġuni għalfejn hu importanti li naħdmu mal-bdiewa biex nappoġġaw u ninċentivaw it-tranżizzjoni għal prattiki għalkollox sostenibbli. It-titjib tal-kundizzjoni u tad-diversità tal-agroekosistemi se jżid ir-reżiljenza tas-settur għat-tibdil fil-klima, għal riskji ambjentali u għal xokkijiet soċjoekonomiċi, filwaqt li joħloq impjiegi ġodda, bħal pereżempju fil-biedja organika, fit-turiżmu rurali jew fir-rikreazzjoni.

Biex tappoġġa s-sostenibbiltà fit-tul tan-natura u tal-biedja, din l-istrateġija se taħdem id f’id mal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u mal-Politika Agrikola Komuni (PAK) riveduta, inkluż bil-promozzjoni ta’ skemi ekoloġiċi u ta’ skemi tal-pagament ibbażati fuq ir-riżultati. Waqt l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Bijodiversità u tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib il-progress u t-titjib mil-lat ta’ sigurtà tal-ikel u introjtu tal-bdiewa. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-pjanijiet strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni jiġu vvalutati skont kriterji klimatiċi u ambjentali sodi, u li l-Istati Membri jistabbilixxu valuri nazzjonali espliċiti għall-miri rilevanti stabbiliti f’din l-istrateġija, kif ukoll fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. Dawn il-pjanijiet għandhom iwasslu għal prattiki sostenibbli, bħall-agrikoltura ta’ preċiżjoni, il-biedja organika, l-agroekoloġija, l-agroforestrija, bwar permanenti b’intensità baxxa, u standards aktar stretti fejn jidħol it-trattament xieraq tal-annimali.

L-għasafar u l-insetti tal-art agrikola, b’mod partikolari d-dakkara, huma indikaturi ewlenin tas-saħħa tal-agroekosistemi u huma vitali għall-produzzjoni agrikola u s-sigurtà tal-ikel. It-tnaqqis allarmanti tagħhom irid jitreġġa’ lura. Kif stabbilit fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex sal-2030 tnaqqas b’50% l-użu ġenerali – u r-riskju – tal-pestiċidi kimiċi u biex sal-2030 tnaqqas b’50% wkoll l-użu ta’ pestiċidi aktar perikolużi. Din għandha titwieżen bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi 31 . Sa tmiem l-2020, il-Kummissjoni se tirrevedi l-inizjattiva u tipproponi miżuri addizzjonali, jekk ikunu meħtieġa. Biex l-annimali selvaġġi, il-pjanti, id-dakkara u r-regolaturi tal-pesti naturali jingħataw spazju, hemm bżonn urġenti li titreġġa’ lura mill-inqas 10% taż-żona agrikola b’karatteristiċi tal-pajsaġġi ta’ diversità għolja. Fost l-oħrajn, din tinkludi l-art tal-ilqugħ, l-art mistrieħa b’rotazzjoni jew mhux b’rotazzjoni, is-sisien tal-ħaxix, is-siġar mhux produttivi, il-ħitan imtarrġa, u l-għadajjar. Dawn jgħinu biex itejbu s-sekwestru tal-karbonju, jevitaw l-erożjoni u t-tnaqqis tal-ħamrija, jiffiltraw l-arja u l-ilma, u jappoġġaw l-adattament għall-klima. Barra minn hekk, ħafna drabi ż-żieda fil-bijodiversità tgħin biex tinkiseb aktar produzzjoni agrikola. L-Istati Membri jridu jsarrfu l-mira ta’ 10% tal-UE fi skala ġeografika aktar baxxa biex tkun żgurata l-konnettività fost il-ħabitats, speċjalment bl-istrumenti tal-PAK u l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, f’konformità mal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, u bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Il-progress biex tintlaħaq il-mira se jiġi rieżaminat b’mod kostanti, u aġġustat jekk meħtieġ, biex jittaffa l-impatt mhux xieraq fuq il-bijodiversità, is-sigurtà tal-ikel u l-kompetittività tal-bdiewa.

L-agroekoloġija tista’ tipprovdi ikel san filwaqt li żżomm il-produttività, iżżid il-fertilità tal-ħamrija u l-bijodiversità, u tnaqqas l-impronta tal-produzzjoni tal-ikel. Il-biedja organika, b’mod partikolari, għandha potenzjal kbir kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi. Is-settur joħloq l-impjiegi u jattira bdiewa żgħażagħ. Il-biedja organika tipprovdi wkoll bejn 10 u 20% aktar impjiegi għal kull ettaru milli tipprovdi l-biedja konvenzjonali, u toħloq valur miżjud għall-prodotti agrikoli 32 . Biex dan il-potenzjal jinħataf bl-aħjar mod, mill-inqas 25% tal-art agrikola tal-UE trid tinħadem b’mod organiku sal-2030. Minbarra l-miżuri tal-PAK, il-Kummissjoni se tressaq Pjan ta’ Azzjoni għall-biedja organika, biex tgħin lill-Istati Membri jistimulaw il-provvista u d-domanda tal-prodotti organiċi. B’kampanji promozzjonali u b’akkwist pubbliku ekoloġiku se tiżgura wkoll il-fiduċja tal-konsumaturi. Fl-implimentazzjoni tal-miri agroekoloġiċi għall-UE kollha stabbiliti f’din l-istrateġija u fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, se jiġu kkunsidrati l-punti tat-tluq differenti u d-differenzi fil-progress li diġà għamlu l-Istati Membri.

Trid tiżdied l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ agroforestali permezz tal-iżvilupp rurali, għax din għandha potenzjal kbir li tikseb benefiċċji multipli għall-bijodiversità, għan-nies u għall-klima.

Irid jitreġġa’ lura wkoll it-tnaqqis fid-diversità ġenerika, pereżempju billi jiġi ffaċilitat l-użu ta’ varjetajiet tradizzjonali ta’ għelejjel u razez. Dan jikseb ukoll benefiċċji tas-saħħa b’dieti aktar varjati u nutrittivi. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra r-reviżjoni tar-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni għall-varjetajiet tradizzjonali tal-għelejjel biex tikkontribwixxi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tagħhom. Il-Kummissjoni se tieħu miżuri wkoll biex tiffaċilita r-reġistrazzjoni tal-varjetajiet taż-żrieragħ, inkluż għall-biedja organika, u biex tiżgura aċċess eħfef għas-suq għall-varjetajiet tradizzjonali u adattati lokalment.

2.2.3.Nindirizzaw it-teħid tal-art u nirrestawraw l-ekosistemi tal-ħamrija

Il-ħamrija hi waħda mill-aktar ekosistemi kumplessi. Din hi ħabitat minnha nnifisha li tilqa’ diversità inkredibbli ta’ organiżmi li jirregolaw u jikkontrollaw bosta servizzi ewlenin tal-ekosistema bħall-fertilità tal-ħamrija, iċ-ċiklaġġ tan-nutrijenti u r-regolazzjoni tal-klima. Il-ħamrija hi riżorsa estremament importanti li mhix rinnovabbli, u li hi vitali għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ekonomika, u għall-produzzjoni tal-ikel u ta’ mediċini ġodda.

Fl-UE, id-degradazzjoni tal-ħamrija qed tħalli konsegwenzi ambjentali u ekonomiċi konsiderevoli. Il-ġestjoni ħażina tal-art, bħad-deforestazzjoni, ir-ragħa eċċessiv, il-biedja u l-prattiki tal-forestrija mhux sostenibbli, l-attivitajiet tal-kostruzzjoni, u l-issiġillar tal-art huma fost il-kawżi ewlenin ta’ din is-sitwazzjoni 33 . Minkejja t-tnaqqis riċenti fir-ritmu tas-siġillar tal-ħamrija, il-ħamrija fertili għadha qed tittieħed għall-art u għall-espansjoni urbana 34 . Meta mtaqqla bit-tibdil fil-klima, l-effetti tal-erożjoni u t-telf tal-karbonju organiku fil-ħamrija qed isiru aktar evidenti. Anki d-deżertifikazzjoni hi theddida dejjem akbar fl-UE 35 .

Għaldaqstant, hu essenzjali li nsaħħu l-isforzi biex inħarsu l-fertilità tal-ħamrija, innaqqsu l-erożjoni tal-ħamrija u nżidu l-materja organika tal-ħamrija. Dan irid isir billi jiġu adottati prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, inkluż bħala parti mill-PAK. Hemm bżonn ukoll progress sinifikanti fejn jidħlu l-identifikazzjoni ta’ siti tal-ħamrija kontaminata, ir-restawr tal-ħamrija degradata, id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-istatus ekoloġiku tajjeb tagħhom, l-introduzzjoni ta’ objettivi tar-restawr, u t-titjib tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ħamrija.

Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’mod komprensiv u tgħin biex jintlaħqu l-impenji tal-UE u internazzjonali dwar in-newtralità tad-degradazzjoni tal-art, fl-2021 il-Kummissjoni se taġġorna l-Istrateġija Tematika tal-UE dwar il-Ħamrija 36 . Anki l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija li l-Kummissjoni se tadotta fl-2021 se jqis dawn il-kwistjonijiet. Is-siġillar tal-ħamrija u r-riabilitazzjoni ta’ siti kontaminati mitluqa se jiġu indirizzati fl-Istrateġija li jmiss għal Ambjent Mibni Sostenibbli. Ċerta missjoni fil-qasam tas-saħħa tal-ħamrija u tal-ikel permezz ta’ Orizzont Ewropa 37 se timmira li ssib soluzzjonijiet għar-restawr tas-saħħa u l-funzjonijiet tal-ħamrija.

2.2.4.Inżidu l-kwantità tal-foresti u ntejbu s-saħħa u r-reżiljenza tagħhom

Il-foresti huma importanti ħafna għar-regolazzjoni tal-bijodiversità, tal-klima u tal-ilma, għall-provvista tal-ikel, tal-mediċini u tal-materjali, għas-sekwestru u l-ħżin tal-karbonju, għall-istabbilizzazzjoni tal-ħamrija, u għall-purifikazzjoni tal-arja u l-ilma. Huma wkoll post naturali għar-rikreazzjoni u għat-tagħlim dwar in-natura. Il-forestiera jaqdu rwol ewlieni biex tkun żgurata ġestjoni sostenibbli tal-foresti u biex jirrestawraw u jsostnu l-bijodiversità fil-foresti.

Minbarra tipproteġi b’mod strett il-foresti primarji u antiki tal-UE li fadal, l-UE trid iżżid il-kwantità, il-kwalità u r-reżiljenza tal-foresti tagħha, b’mod partikolari kontra n-nirien, in-nixfiet, il-pesti, il-mard u theddidiet oħra li aktarx jiżdiedu mat-tibdil fil-klima. Biex iżommu l-funzjoni tagħhom għall-bijodiversità u għall-klima, il-foresti kollha jeħtieġ jinżammu f’saħħithom. B’aktar foresti reżiljenti jkollna ekonomija aktar reżiljenti. Dawn għandhom rwol importanti wkoll fil-provvista ta’ materjali, prodotti u servizzi, li huma kruċjali għall-bijoekonomija ċirkolari.

Biex dan iseħħ, fl-2021 il-Kummissjoni se tipproponi Strateġija apposta għall-Foresti tal-UE skont l-ambizzjonijiet usa’ tagħna għall-bijodiversità u għan-newtralità tal-klima. Din se tinkludi pjan direzzjonali għat-tħawwil ta’ mill-inqas 3 biljun siġra addizzjonali fl-UE sal-2030, b’rispett sħiħ lejn il-prinċipji ekoloġiċi. Dan se joħloq opportunitajiet sostanzjali ta’ impjiegi marbuta mal-ġbir u l-kultivazzjoni taż-żrieragħ u n-nebbieta għat-tħawwil, u jiżgura l-iżvilupp tagħhom. It-tħawwil tas-siġar hu essenzjali b’mod partikolari fil-bliet, filwaqt li fiż-żoni rurali jista’ jaħdem sew mal-agroforestrija, mal-karatteristiċi tal-pajsaġġ u maż-żieda fil-ħżin tal-karbonju. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li l-UE tkun mgħammra biżżejjed biex tipprevjeni u twieġeb għal nirien kbar fil-foresti, li jistgħu jikkawżaw ħsarat sinifikanti fil-bijodiversità tal-foresti.

Permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u bil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni se jiġu promossi l-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u t-tħawwil tas-siġar, b’appoġġ għall-bijodiversità u r-restawr tal-ekosistema. Il-Pjattaforma Ewropea l-ġdida dwar l-Ekoloġizzazzjoni Urbana 38 se tiffaċilita wkoll it-tħawwil urban tas-siġar, inkluż permezz tal-programm LIFE.

Is-sehem taż-żoni forestali koperti bi pjanijiet ta’ ġestjoni jrid ikun ikopri kull foresta pubblika ġestita u għadd akbar ta’ foresti privati, filwaqt li jridu jissoktaw u jiġu żviluppati aktar prattiki favur il-bijodiversità bħall-forestrija eqreb lejn in-natura. Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida dwar prattiki tal-afforestazzjoni u tar-riforestazzjoni favur il-bijodiversità u għal forestrija eqreb lejn in-natura. Dan se jsir b’mod parallel mal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Foresti.

Biex ikollha stampa aħjar tas-saħħa tal-foresti Ewropej, il-Kummissjoni se taħdem ma’ fornituri oħra tad-data biex isir aktar żvilupp fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Foresti għall-Ewropa. Dan se jgħin biex isiru valutazzjonijiet aġġornati tal-kundizzjoni tal-foresti Ewropej u jorbot il-pjattaformi online kollha tad-data dwar il-foresti tal-UE. Dan se jiġi ppreżentat ukoll bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Foresti.

2.2.5.Soluzzjonijiet ta’ ġid għal kulħadd b’rabta mal-ġenerazzjoni tal-enerġija

Id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija hi kritika għan-newtralità tal-klima, u għall-irkupru tal-UE mill-kriżi COVID-19 u għall-prosperità fit-tul. Fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità se jkun hemm bżonn sorsi aktar sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli. L-UE se tipprijoritizza s-soluzzjonijiet fosthom l-enerġija mill-oċeani, il-parks eoliċi fuq il-baħar li jippermettu riġenerazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, il-meded tal-panelli solari li jipprovdu kopertura tal-ħamrija favur il-bijodiversità, u l-bijoenerġija sostenibbli.

Biex jittaffew ir-riskji klimatiċi u ambjentali maħluqa bl-użu dejjem akbar ta’ ċerti sorsi għall-bijoenerġija, id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli 39 tinkludi kriterji msaħħa ta’ sostenibbiltà. Din tippromwovi wkoll it-tranżizzjoni lejn bijofjuwils avvanzati bbażati fuq residwi u skart mhux riutilizzabbli u mhux riċiklabbli. Dan l-approċċ għandu jkompli jitħaddem għal kull għamla ta’ bijoenerġija. Għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu ta’ siġar sħaħ u ta’ għelejjel tal-ikel u tal-għalf għall-produzzjoni tal-enerġija – kemm dik magħmula fl-UE u anki dik importata.

Biex tifhem u timmonitorja aħjar ir-riskji potenzjali tal-klima u tal-bijodiversità, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-provvista u d-domanda tal-UE u anki dik dinjija tal-bijomassa u s-sostenibbiltà tagħha 40 . Bħala parti mill-ambizzjoni dejjem akbar biex tipproteġi u tirrestawra l-ekosistemi tal-foresti, il-Kummissjoni se tippubblika r-riżultati ta’ din il-ħidma dwar l-użu tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija sa tmiem l-2020. Dawn jikkontribwixxu b’mod informattiv għat-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni, inkluż għar-rieżami u r-reviżjoni, meta meħtieġa, tal-livell ta’ ambizzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, l-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, u r-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (l-LULUCF) previsti għall-2021.

Bi qbil mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, fl-2021 il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll gwida operazzjonali dwar il-kriterji ġodda tas-sostenibbiltà dwar il-bijomassa tal-foresti għall-enerġija 41 . Fl-2021 se twettaq ukoll rieżami tad-data dwar il-bijofjuwils b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art, u tistabbilixxi trajettorja għat-tneħħija gradwali tagħhom sal-2030.

L-objettiv ġenerali hu li jkun żgurat li l-qafas regolatorju tal-UE dwar il-bijoenerġija jkun konformi maż-żieda fl-ambizzjoni stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.2.6.Nirrestawraw l-istatus ambjentali tajjeb tal-ekosistemi tal-baħar

Jekk ikollna ekosistemi tal-baħar restawrati u protetti kif xieraq, niksbu benefiċċji sostanzjali għas-saħħa, soċjali u ekonomiċi għall-komunitajiet kostali u għall-UE kollha kemm hi. Il-ħtieġa għal azzjoni aktar b’saħħitha hi aktar akuta għax it-telf tal-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta hu aggravat ħafna mit-tisħin globali 42 .

Biex jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ekosistemi tal-baħar, inkluż b’żoni protetti b’mod strett, irridu nirrestawraw l-ekosistemi rikki fil-karbonju u lil żoni importanti għar-riproduzzjoni u t-trobbija tal-ħut. Parti mill-mod kif illum nużaw il-baħar qed jipperikola s-sigurtà tal-ikel, l-għajxien tas-sajjieda, u s-setturi tas-sajd u tal-frott tal-baħar. Ir-riżorsi tal-baħar iridu jintużaw b’mod sostenibbli, u ma trid tiġi tollerata l-ebda prattika illegali. F’dan ir-rigward, hu essenzjali li ssir implimentazzjoni sħiħa tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats.

Jekk inħaddmu approċċ ta’ ġestjoni bbażat fuq l-ekosistema skont il-leġiżlazzjoni tal-UE 43 , jonqsu l-impatti negattivi tas-sajd, tal-estrazzjoni u ta’ attivitajiet oħra tal-bniedem, speċjalment fuq l-ispeċijiet sensittivi u l-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar. Biex jappoġġaw dan, il-pjanijiet spazjali marittimi nazzjonali, li l-Istati Membri jridu jwettqu fl-2021, għandu jkollhom l-għan li jkopru s-setturi u l-attivitajiet marittimi kollha, kif ukoll il-miżuri tal-ġestjoni tal-konservazzjoni abbażi taż-żona 44 . Sal-2021, il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta’ azzjoni ġdid għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar. Meta jkun meħtieġ, se jiddaħħlu miżuri biex jillimitaw l-użu tal-aktar irkapti tas-sajd li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità, inkluż f’qiegħ il-baħar. Dan se jistħarreġ ukoll kif l-użu tal-irkaptu tas-sajd b’kuntatt mal-qiegħ jista’ jiġi rikonċiljat mal-miri tal-bijodiversità, meta wieħed iqis li dan hu l-aktar attività li tagħmel ħsara f’qiegħ il-baħar. Dan irid isir b’mod ġust u ekwu għal kulħadd. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għandu jappoġġa wkoll it-tranżizzjoni għal tekniki tas-sajd aktar selettivi u inqas dannużi.

Hu essenzjali li jkollna stokkijiet tal-ħut f’saħħithom għall-prosperità fit-tul tas-sajjieda u għas-saħħa tal-oċeani u l-bijodiversità tagħna. Dan jagħmilha aktar importanti li l-mortalità tal-ħut tinżamm sal-livelli ta’ Rendiment Massimu Sostenibbli jew titnaqqas iżjed. Dan jgħin biex ikollna distribuzzjoni tal-età u tad-daqs ta’ popolazzjoni f’saħħitha għall-istokkijiet tal-ħut.

Anki l-qbid inċidentali ta’ speċijiet mhedda bl-estinzjoni jrid jitneħħa għalkollox jew jitnaqqas għal livell li jippermetti rkupru sħiħ. Dan għandu jkun il-każ ukoll għal dawk bi status tal-konservazzjoni ħażin jew bi status ambjentali mhux tajjeb. Minbarra dan, anki l-qbid inċidentali ta’ speċijiet oħra 45 jrid jitneħħa għalkollox jew, meta dan ma jkunx possibbli, jitnaqqas kemm jista’ jkun ħalli ma jheddidx l-istatus tal-konservazzjoni tagħhom. Biex dan jiġi appoġġat, jeħtieġ jiżdied il-ġbir tad-data dwar il-qabdiet inċidentali għall-ispeċijiet sensittivi kollha.

Barra minn hekk, iridu jiġu stabbiliti miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd fiż-żoni kollha protetti tal-baħar skont objettivi tal-konservazzjoni definiti b’mod ċar u skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

2.2.7.Nirrestawraw l-ekosistemi tal-ilma ħelu

Il-qafas ġuridiku tal-UE dwar l-ilma hu ambizzjuż iżda l-implimentazzjoni għadha lura u l-infurzar irid jissaħħaħ 46 . Hemm bżonn sforzi akbar biex jiġu rrestawrati l-ekosistemi tal-ilma ħelu u l-funzjonijiet naturali tax-xmajjar biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Dan jista’ jsir jekk jitneħħew jew jiġu aġġustati l-ostakli li jxekklu l-passaġġ tal-ħut migratorju u jitjieb il-fluss tal-ilma u s-sedimenti. Biex dan isir realtà, mill-inqas 25,000km ta’ xmajjar se jiġu restawrati fi xmajjar ġierja sal-2030 47 billi jitneħħew ostakli primarjament skaduti u jiġu restawrati l-pjanuri mfawra u l-artijiet mistagħdra. Fl-2021, b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti kollha, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida teknika u appoġġ lill-Istati Membri biex jidentifikaw is-siti u jgħinu fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament 48 . L-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jwettqu rieżami tal-estrazzjoni tal-ilma u l-permessi tal-lagunaġġ ħalli jimplimentaw flussi ekoloġiċi biex jinkiseb status jew potenzjal tajjeb tal-ilmijiet kollha tal-wiċċ, u status tajjeb tal-ilma kollu ta’ taħt l-art sa mhux aktar tard mill-2027, kif teżiġi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 49 . Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri dwar il-miżuri tagħhom sal-2023.

B’mod ġenerali, l-investimenti fuq skala kbira għar-restawr tax-xmajjar u tal-pjanuri mfawra 50 jistgħu jagħtu spinta ekonomika kbira lis-settur tar-restawr u lill-attivitajiet soċjoekonomiċi lokali bħat-turiżmu u r-rikreazzjoni. Fl-istess waqt, dawn l-investimenti jistgħu jtejbu r-regolazzjoni tal-ilma, il-protezzjoni mill-għargħar, il-ħabitats tat-tkabbir tal-ħut, u t-tneħħija tat-tniġġis tan-nutrijenti.

2.2.8.L-ekoloġizzazzjoni taż-żoni urbani u periurbani

L-ispazji ħodor urbani, bħall-ġonna, il-ġardini, is-soqfa mħaddra u l-irziezet urbani, jipprovdu firxa wiesgħa ta’ benefiċċji lin-nies. Barra minn hekk, jiftħu bibien ta’ opportunitajiet lin-negozji u jagħtu rifuġju lin-natura. Dawn inaqqsu t-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-istorbju, jipprovdu protezzjoni mill-għargħar, min-nixfiet u mill-mewġiet tas-sħana, u jsaħħu r-rabta bejn il-bnedmin u n-natura 51 .

Il-lockdowns riċenti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ħarġu fid-dieher is-siwi tal-ispazji ħodor urbani għall-benesseri fiżiku u mentali tagħna. Għalkemm żdiedet il-protezzjoni ta’ xi spazji ħodor urbani 52 , ħafna drabi l-ispazji ħodor ma jkunux jistgħu jikkompetu mal-art, għax is-sehem tal-popolazzjoni li tgħix fiż-żoni urbani qed kulma jmur jiżdied.

Din l-istrateġija għandha l-għan li treġġa’ lura dawn ix-xejriet, twaqqaf it-telf tal-ekosistemi ħodor urbani. Il-promozzjoni ta’ ekosistemi f’saħħithom, infrastruttura ekoloġika u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura trid tiddaħħal b’mod sistematiku fl-ippjanar urban, inkluż fl-ispazji pubbliċi, fl-infrastruttura, u fid-disinn tal-bini u tal-madwar.

Biex in-natura titreġġa’ lura fil-bliet u tiġi ppremjata l-azzjoni komunitarja, il-Kummissjoni tappella lill-ibliet Ewropej b’mill-inqas 20,000 abitant biex sa tmiem l-2021 jiżviluppaw Pjanijiet ambizzjużi għal Ekoloġizzazzjoni Urbana. Dawn għandhom jinkludu miżuri li joħolqu foresti, ġonna u ġardini bijodiversi u aċċessibbli; irziezet urbani; soqfa u ħitan mħaddra; toroq imsaġġra; mergħat urbani; u sisien tal-ħaxix urbani. Dawn għandhom jgħinu wkoll biex jitjiebu r-rabtiet bejn l-ispazji ħodor, jixxejjen l-użu tal-pestiċidi, jitnaqqas il-ħsad eċċessiv tal-ħaxix fl-ispazji ħodor urbani u prattiki oħra li jagħmlu l-ħsara lill-bijodiversità. Dawn il-pjanijiet jistgħu jimmobilizzaw għodod ta’ politika, regolatorji u finanzjarji.

Biex tiffaċilita din il-ħidma, fl-2021 il-Kummissjoni se twaqqaf Pjattaforma tal-UE għall-Ekoloġizzazzjoni Urbana, bi “Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi” 53 ġdid mal-bliet u mas-sindki. Dan se jsir b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Patt tas-Sindki Ewropej. Il-Pjanijiet għal Ekoloġizzazzjoni Urbana se jaqdu rwol ċentrali fl-għażla tal-Kapitali Ekoloġika Ewropea 2023 u tal-Premju Ewropew Green Leaf 2022.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bi gwida teknika u tgħinhom jimmobilizzaw finanzjament u bini tal-kapaċitajiet. Se tirrifletti wkoll dawn l-objettivi fil-Patt Klimatiku Ewropew.

2.2.9.Innaqqsu t-tniġġis

It-tniġġis hu fattur ewlieni tat-telf tal-bijodiversità u jħalli impatt negattiv fuq saħħitna u l-ambjent tagħna. L-UE għandha fis-seħħ qafas legali sod biex jonqos it-tniġġis, iżda hemm bżonn sforzi akbar. Il-bijodiversità qed tbati minħabba r-rilaxx ta’ nutrijenti, pestiċidi kimiċi, prodotti farmaċewtiċi, sustanzi kimiċi perikolużi, ilma mormi urban u industrijali, u skart ieħor inkluż il-plastik. Dawn il-pressjonijiet kollha jridu jitnaqqsu.

Bħala parti mill-Ambizzjoni tal-Kummissjoni ta’ Tniġġis Żero għal ambjent bla tossiċità, se tiġi ppreżentata Strateġija ġdida tal-UE dwar il-Kimiċi għas-Sostenibbiltà flimkien ma’ Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija.

Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll l-għan li jixxejjen it-tniġġis mill-flussi tan-nitroġenu u tal-fosforu mill-fertilizzanti bi tnaqqis tat-telf tan-nutrijenti b’mill-inqas 50%, filwaqt li jkun żgurat li ma jkunx hemm deterjorament fil-fertilità tal-ħamrija. Dan se jwassal biex jonqos l-użu tal-fertilizzanti b’mill-inqas 20%. Dan se jinkiseb b’implimentazzjoni u infurzar sħaħ tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika rilevanti, filwaqt li mal-Istati Membri jiġi identifikat it-tnaqqis meħtieġ fit-tagħbija tan-nutrijenti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, tiġi applikata fertilizzazzjoni bilanċjata u ġestjoni sostenibbli tan-nutrijenti, u ssir ġestjoni aħjar tan-nitroġenu u tal-fosfru tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex fl-2022 tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni Integrat għall-Ġestjoni tan-Nutrijenti. L-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” se tindirizza t-tnaqqis fl-użu u r-riskju tal-pestiċidi, u se tappoġġa l-implimentazzjoni usa’ tal-Ġestjoni Integrata tal-Pesti 54 . Bħala parti minn din, se tissaħħaħ il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-pestiċidi. Il-pressjoni mill-plastiks hi indirizzata b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks 55 u l-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari 56 .

Il-Kummissjoni se tiżviluppa sett ta’ indikaturi għal tnaqqis progressiv tat-tniġġis, u se tistabbilixxi linji bażi biex tgħin fil-monitoraġġ tal-progress. Il-pressjonijiet minħabba l-iskart fil-baħar u l-istorbju ta’ taħt l-ilma diġà qed jiġu indirizzati permezz tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

2.2.10.Nindirizzaw l-ispeċijiet aljeni invażivi

L-ispeċijiet aljeni invażivi jistgħu jimminaw ferm l-isforzi biex tiġi protetta u restawrata n-natura. Apparti milli jikkawżaw ħsara kbira lin-natura u lill-ekonomija, ħafna speċijiet aljeni invażivi jiffaċilitaw ukoll it-tifqigħat u t-tixrid ta’ mard infettiv li joħloq theddida għall-bniedem u għall-fawna selvaġġa 57 . Ir-rata tar-rilaxx ta’ speċijiet aljeni invażivi żdiedet f’dawn l-aħħar snin. Minn fost l-1,872 speċi li bħalissa jitqiesu mhedda fl-Ewropa, hemm 354 mhedda minħabba speċijiet aljeni invażivi. Jekk ma jittiħdux miżuri effettivi tal-kontroll, ir-rata tal-invażjoni u r-riskji li tikkawża lin-natura tagħna u lil saħħitna se jkomplu jiżdiedu.

Għandha tiżdied ukoll l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi 58 u ta’ leġiżlazzjoni u ftehimiet internazzjonali rilevanti oħra. Din għandha timmira li tnaqqas kemm jista’ jkun l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta’ speċijiet aljeni fl-ambjent tal-UE, u meta possibbli twaqqafhom kompletament. L-għan se jkun li jiġu ġestiti speċijiet aljeni invażivi stabbiliti u li l-għadd ta’ speċijiet fil-Lista l-Ħamra li dawn jheddu jonqos b’50% 59 .

Pjan tal-UE għar-Restawr tan-Natura: impenji ewlenin sal-2030

1.Miri tal-UE vinkolanti legalment għar-restawr tan-natura li se jiġu proposti fl-2021, soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt. Sal-2030, se jiġu restawrati għadd ġmielu ta’ żoni b’ekosistemi degradati u rikki fil-karbonju; ħabitats u speċijiet mingħajr deterjorament fix-xejriet u fl-istatus tal-konservazzjoni; u mill-inqas 30% jiksbu status ta’ konservazzjoni favorevoli jew mill-inqas juru xejra pożittiva.

2.Jitreġġa’ lura t-tnaqqis fid-dakkir.

3.Ir-riskju u l-użu ta’ pestiċidi kimiċi jitnaqqsu b’50% u l-użu ta’ aktar pestiċidi perikolużi jitnaqqas b’50%.

4.Mill-inqas 10% taż-żona agrikola għandha karatteristiċi tal-pajsaġġ ta’ diversità għolja.

5.Mill-inqas 25% tal-art agrikola għandha ġestjoni tal-biedja organika, u l-adozzjoni ta’ prattiki agroekoloġiċi tiżdied b’mod sinifikanti.

6.Fl-UE jitħawlu tliet biljun siġra ġdida, b’rispett sħiħ lejn il-prinċipji ekoloġiċi.

7.Sar progress sinifikanti fir-riabilitazzjoni tas-siti ta’ ħamrija kontaminata.

8.Isir restawr ta’ mill-inqas 25,000km tax-xmajjar ġierja.

9.Hemm tnaqqis ta’ 50% fl-għadd ta’ speċijiet fil-Lista l-Ħamra li huma mhedda minn speċijiet aljeni invażivi.

10.It-telf tan-nutrijenti mill-fertilizzanti jitnaqqas b’50%, u dan iwassal biex jonqos l-użu tal-fertilizzanti b’mill-inqas 20%.

11.Il-bliet li għandhom mill-anqas 20,000 abitant ikollhom Pjanijiet ambizzjużi għal Ekoloġizzazzjoni Urbana.

12.Ma jintuża l-ebda pestiċida fiż-żoni sensittivi bħaż-żoni ħodor urbani tal-UE.

13.L-impatti negattivi ta’ attivitajiet tas-sajd u tal-estrazzjoni fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats sensittivi, inkluż f’qiegħ il-baħar, jitnaqqsu sostanzjalment biex jinkiseb status ambjentali tajjeb.

14.Il-qbid inċidentali ta’ speċijiet jixxejjen jew jitnaqqas għal livell li jippermetti l-irkupru u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet.

3.Nippermettu bidla trasformattiva

3.1.Qafas ta’ governanza ġdid

Fl-UE, bħalissa m’hemm l-ebda qafas ta’ governanza komprensiv li jmexxi l-implimentazzjoni ta’ impenji tal-bijodiversità li ġew miftiehma fil-livell nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali. Biex tindirizza dan in-nuqqas, il-Kummissjoni se ddaħħal fis-seħħ qafas ta’ governanza ġdid għall-bijodiversità Ewropea. Dan se jgħin biex jiġu elenkati obbligi u impenji u biex jiġi spjegat fid-dettall pjan direzzjonali li jiggwida l-implimentazzjoni tagħhom.

Bħala parti minn dan il-qafas ġdid, il-Kummissjoni se tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u rieżami. Dan se jinkludi sett ċar ta’ indikaturi maqbula, se jippermetti valutazzjoni regolari tal-progress u se jistabbilixxi azzjoni korrettiva jekk tkun meħtieġa. Dan il-mekkaniżmu se jinforma r-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali u se jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew.

Il-qafas ta’ governanza ġdid se jiżgura r-responsabbiltà konġunta u s-sjieda konġunta mill-atturi rilevanti kollha biex jintlaħqu l-impenji tal-UE dwar il-bijodiversità. Se jappoġġa wkoll il-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi, it-trasparenza, id-djalogu bejn il-partijiet konċernati u l-governanza parteċipattiva f’livelli differenti.

Fl-2023, il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress u l-adegwatezza ta’ dan l-approċċ, u se tikkunsidra jekk hemmx bżonn approċċ vinkolanti legalment għall-governanza.

3.2.Insaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE

Il-leġiżlazzjoni ambjentali kollha tiddependi fuq implimentazzjoni u infurzar xierqa. Tul dawn l-aħħar 30 sena, l-UE stabbiliet qafas leġiżlattiv sod biex tipproteġi u tirrestawra l-kapital naturali tagħha. Iżda evalwazzjonijiet riċenti juru li għalkemm il-leġiżlazzjoni hi adattata għall-iskop tagħha, l-implimentazzjoni fil-prattika għadha lura 60 . Dan qed iħalli konsegwenzi drammatiċi fuq il-bijodiversità u jikkawża spiża ekonomika sostanzjali 61 . Għaldaqstant, l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jinsabu fil-qalba ta’ din l-istrateġija, li għaliha jeħtieġ jiġu prijoritizzati l-appoġġ politiku u r-riżorsi finanzjarji u umani.

Fir-rigward tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, l-infurzar se jiffoka fuq it-tlestija tan-netwerk ta’ Natura 2000, il-ġestjoni effettiva tas-siti kollha, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet, u l-ispeċijiet u l-ħabitats li juru xejriet ta’ tnaqqis. Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-leġiżlazzjoni relatata mal-ambjent b’impatt fuq il-bijodiversità 62 tiġi implimentata u infurzata aħjar, u – meta meħtieġ – riveduta u rieżaminata.

Il-Kummissjoni se tħabrek biex ittejjeb l-assigurazzjoni tal-konformità, filwaqt li se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u man-netwerks Ewropej ta’ aġenziji ambjentali, spetturi, awdituri, pulizija, prosekuturi u mħallfin.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa r-rwol tas-soċjetà ċivili bħala għassies tal-konformità u se timpenja ruħha mal-Istati Membri biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja fil-qrati nazzjonali fi kwistjonijiet ambjentali għal individwi u NGOs. Se twessa’ wkoll il-locus standi għall-NGOs billi tipproponi reviżjoni tar-Regolament ta’ Aarhus 63 .

3.3.Nibnu fuq approċċ integrat u komprensiv għas-soċjetà

3.3.1.Negozju għall-bijodiversità

Fl-ispirtu ta’ sħubija ta’ din l-istrateġija, il-partijiet kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà jridu jagħmlu l-parti tagħhom. L-industrija u n-negozju għandhom impatt fuq in-natura iżda jipproduċu wkoll innovazzjonijiet, sħubiji u kompetenzi importanti li jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat it-telf tal-bijodiversità.

Biex ikun żgurat li l-interessi soċjali u ambjentali jkunu inkorporati bis-sħiħ fl-istrateġiji tan-negozju, fl-2021 il-Kummissjoni se tressaq inizjattiva ġdida dwar il-governanza korporattiva sostenibbli. Din l-inizjattiva, li tista’ tieħu l-għamla ta’ proposta leġiżlattiva, se tindirizza d-drittijiet tal-bniedem u d-dmir ambjentali ta’ kura u diliġenza dovuta tul il-ktajjen tal-valur ekonomiċi b’mod proporzjonat skont id-daqsijiet differenti tal-intrapriżi 64 . Dan se jgħin biex ikun żgurat li l-azzjonisti u l-interessi tal-partijiet konċernati jkunu allinjati għalkollox mal-objettivi stabbiliti f’din l-istrateġija. Barra minn hekk, fl-2020, il-Kummissjoni nediet rieżami tal-obbligi tar-rappurtar tan-negozji skont id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju 65 , bil-ħsieb li jitjiebu l-kwalità u l-ambitu ta’ divulgazzjonijiet mhux finanzjarji, inkluż dwar aspetti ambjentali bħall-bijodiversità.

Permezz tal-pjattaformi eżistenti tagħha 66 , il-Kummissjoni se tgħin biex jinbena moviment ta’ Negozju Ewropew għall-Bijodiversità ispirat minn inizjattivi riċenti 67 , u tagħmel dan il-moviment parti integrali mill-Patt Klimatiku Ewropew. Se tingħata attenzjoni partikolari lil miżuri biex jiġi inċentivat l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u jixxejnu l-ostakli għalihom, għax dawn jistgħu jiftħu bibien ta’ opportunitajiet sinifikanti ta’ negozju u impjiegi f’diversi setturi 68 u huma essenzjali għall-innovazzjoni b’rabta mal-ħtiġijiet ekonomiċi jew soċjetali li jiddependu min-natura.

3.3.2.Investimenti, ipprezzar u tassazzjoni

Biex nindirizzaw it-telf tal-bijodiversità u nirrestawraw l-ekosistemi hemm bżonn isiru investimenti pubbliċi u privati sinifikanti fil-livell nazzjonali u Ewropew. Dan ifisser l-aqwa sfruttament tal-programmi u tal-istrumenti ta’ finanzjament rilevanti kollha tal-UE. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-qafas ta’ prova tar-reżistenza tal-bijodiversità 69 tagħha, fost l-oħrajn billi tħaddem sew il-kriterji stabbiliti fit-tassonomija tal-UE, ħalli jkun żgurat li l-finanzjament tal-UE jappoġġa investimenti favur il-bijodiversità.

Biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ din l-istrateġija, fosthom il-prijoritajiet ta’ investiment għal Natura 2000 u l-infrastruttura ekoloġika, hemm bżonn mill-anqas inwarrbu €20 biljun kull sena 70 biex jintefqu għan-natura. Għal dan il-għan hemm bżonn jiġi mobilizzat finanzjament privat u pubbliku fil-livell nazzjonali u tal-UE 71 , inkluż b’firxa ta’ programmi differenti fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Barra minn hekk, ir-restawr tan-natura hu kontribut qawwi għall-objettivi tal-klima; jiġifieri proporzjon sinifikanti mill-25% tal-baġit tal-UE maħsubin għall-azzjoni klimatika se jiġi investit fuq il-bijodiversità u fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

Skont Invest EU, se tiġi stabbilita inizjattiva ddedikata għall-kapital naturali u għall-ekonomija ċirkolari biex timmobilizza mill-inqas €10 biljun tul l-għaxar (10) snin li ġejjin, abbażi ta’ finanzjament imħallat pubbliku/privat. In-natura u l-bijodiversità se jkunu prijorità wkoll għall-Pjan tal-Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Biex jiġi sfruttat l-investiment meħtieġ, l-UE trid tipprovdi ċertezza fit-tul lill-investituri u tgħin biex is-sostenibbiltà tiġi inkorporata fis-sistema finanzjarja. It-tassonomija ta’ finanzi sostenibbli tal-UE se tgħin biex tidderieġi l-investiment lejn irkupru ekoloġiku u l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Fl-2021, il-Kummissjoni se tadotta att delegat skont ir-Regolament tat-Tassonomija 72 biex tiġi stabbilita klassifika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi. Dan se jiġi appoġġat aktar permezz ta’ Renewed Sustainable Finance Strategy aktar tard din is-sena li se tgħin biex ikun żgurat li s-sistema finanzjarja tikkontribwixxi biex jittaffew ir-riskji eżistenti u futuri għall-bijodiversità u tkun tirrifletti aħjar kif it-telf tal-bijodiversità jaffettwa l-profittabbiltà tal-kumpaniji u l-prospetti fit-tul 73 .

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi sistemi tat-taxxa u pprezzar li jirriflettu l-ispejjeż ambjentali, inkluż it-telf tal-bijodiversità. Dan għandu jħeġġeġ bidliet fis-sistemi fiskali nazzjonali għal ċaqliq tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol lejn it-tniġġis, ir-riżorsi bi prezzijiet irħas wisq u esternalitajiet ambjentali oħra. Iridu jiġu applikati l-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” ħalli nipprevjenu u nreġġgħu lura d-degradazzjoni ambjentali.

Il-kapaċità tal-akkwist tal-awtoritajiet pubbliċi tirrappreżenta 14% tal-PDG tal-UE u tista’ sservi ta’ xprun qawwi tad-domanda għall-prodotti u s-servizzi ta’ kumpaniji li jinvestu f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jew li jikkontribwixxu għalihom. Biex tisfrutta dan il-potenzjal, meta tipproponi aktar leġiżlazzjoni u gwida dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku, il-Kummissjoni se tintegra l-kriterji u l-monitoraġġ biex tagħti spinta lil soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

3.3.3.Inkejlu u nintegraw il-valur tan-natura

Il-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità jeħtieġ jiġu integrati aħjar fit-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi u tan-negozji f’kull livell. Filwaqt li tibni fuq il-ħidma eżistenti 74 , fl-2021 il-Kummissjoni se tiżviluppa metodi, kriterji u standards biex tiddeskrivi l-karatteristiċi essenzjali tal-bijodiversità, u tas-servizzi, tal-valuri u tal-użu sostenibbli tagħha.

Dawn se jinkludu l-kejl tal-impronta ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet fuq l-ambjent, inkluż b’approċċi taċ-ċiklu tal-ħajja u b’kontabbiltà tal-kapital naturali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment ta’ inizjattiva internazzjonali tal-kontabbiltà tal-kapital naturali.

3.3.4.Intejbu l-għarfien, l-edukazzjoni u l-ħiliet

Il-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità trid tissejjes fuq xjenza soda. L-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien se jkun kruċjali biex tinġabar l-awqa data u jiġu żviluppati l-aħjar soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jittestjaw u jiżviluppaw kif nagħtu prijorità lil soluzzjonijiet “ekoloġiċi” flok soluzzjonijiet “griżi” u jgħinu lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-investimenti f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħal fiż-żoni industrijalizzati antiki, fiż-żoni f’introjtu baxx jew fiż-żoni milquta minn diżastru.

L-Aġenda għall-Ħiliet il-ġdida se jkollha rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità, b’enfasi fuq it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol f’firxa wiesgħa ta’ setturi.

Il-programm futur Orizzont Ewropa se jkun jinkludi aġenda tar-riċerka strateġika fit-tul għall-bijodiversità, li tinkludi mekkaniżmu ta’ politika tax-xjenza għal alternattivi bbażati fuq ir-riċerka biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-impenji tal-bijodiversità, b’aktar finanzjament. Il-Missjonijiet 75 ta’ Orizzont Ewropa se jikkontribwixxu ferm biex jimtlew il-lakuni tal-għarfien u biex jinstabu soluzzjonijiet li jtejbu s-saħħa tal-ekosistemi u l-kontribut tagħhom għas-saħħa tal-bniedem.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se tippromwovi u tiffaċilita sħubijiet, inkluż Sħubija apposta għall-Bijodiversità biex tibni rabtiet bejn ix-xjenza, il-politika u l-prattika, u biex is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jsiru realtà fuq il-post. Fl-2020, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Ċentru ġdid tal-Għarfien għall-Bijodiversità b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Iċ-Ċentru: (i) jintraċċa u jivvaluta l-progress tal-UE u ta’ sħabha, inkluż dwar l-implimentazzjoni ta’ strumenti internazzjonali relatati mal-bijodiversità; (ii) irawwem il-kooperazzjoni u s-sħubija, inkluż bejn ix-xjenzati tal-klima u tal-bijodiversità; u (iii) jirfed l-iżvilupp tal-politika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se żżid l-appoġġ tagħha għall-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES).

Biex tgħin fl-integrazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi fl-iskejjel, fl-edukazzjoni ogħla u fit-taħriġ professjonali, fl-2021 il-Kummissjoni se tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għal sostenibbiltà ambjentali. Din se tagħti gwida lill-iskejjel u lill-għalliema dwar kif għandhom jikkooperaw u jaqsmu l-esperjenzi fost l-Istati Membri dwar it-tagħlim tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll il-materjali ta’ appoġġ u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin fin-netwerks tal-UE tal-programmi għat-taħriġ tal-għalliema.

4.L-Unjoni Ewropea għal aġenda dinjija ambizzjuża dwar il-bijodiversità

Il-bijodiversità hi prijorità tal-azzjoni esterna tal-UE u hi parti integrali mill-isforzi biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Din se tiġi integrata fl-impenji bilaterali u multilaterali, permezz tad-diplomazija tal-UE dwar “il-Patt Ekoloġiku”, u alleanzi ekoloġiċi futuri 76 . Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri biex tiżgura livell għoli ta’ ambizzjoni tal-UE u timmobilizza l-isforzi kollha għall-ġid tal-bijodiversità dinjija.

4.1.Ngħollu l-livell tal-ambizzjoni u tal-impenn dinji

Il-protezzjoni tal-bijodiversità hi sfida dinjija, u l-għaxar snin li ġejjin se jkunu deċiżivi. L-isforzi dinjin permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika fil-biċċa l-kbira tagħhom ma kinux biżżejjed. In-natura ma tiflaħx għal nofs miżuri jew għal nuqqas ta’ ambizzjoni.

F’dan l-ispirtu, l-UE lesta tmexxi l-isforzi kollha – b’ħidma ma’ sħab tal-istess fehma f’koalizzjoni ambizzjuża ħafna dwar il-bijodiversità – biex matul il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika jintlaħaq ftehim dwar qafas dinji ġdid u ambizzjuż għal wara l-2020.

B’din l-istrateġija, il-Kummissjoni tipproponi impenji ambizzjużi biex l-UE tressaqhom għad-diskussjoni. L-UE trid tappoġġa wkoll lill-gvernijiet u lil partijiet konċernati madwar id-dinja biex iżidu l-ambizzjoni u l-azzjoni tagħhom b’mod sinifikanti.

Il-Kummissjoni tipproponi li mill-anqas l-UE tiżgura li l-qafas dinji għal wara l-2020 ikun jinkludi l-elementi deskritti hawn taħt:

·Għanijiet dinjin ġenerali għall-bijodiversità għall-2050, bi qbil mal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-viżjoni ta’ “ħajja f’armonija man-natura”. L-ambizzjoni trid tkun li sal-2050 jiġu restawrati l-ekosistemi kollha tad-dinja, u li dawn ikunu reżiljenti u protetti kif xieraq. Id-dinja trid timpenja ruħha favur il-prinċipju ta’ gwadann nett biex in-natura tingħata lura aktar milli jitteħdilha. Id-dinja trid timpenja ruħha li, mill-anqas u meta possibbli, ma tippermettix iżjed estinzjonijiet tal-ispeċijiet ikkawżati mill-bniedem.

·Miri dinjin ambizzjużi għall-2030 bi qbil mal-impenji tal-UE proposti f’din l-istrateġija. Dawn iridu jindirizzaw b’mod ċar il-fatturi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità u jkunu speċifiċi, jistgħu jitkejlu, azzjonabbli, rilevanti u marbuta biż-żmien.

·Proċess ferm aktar b’saħħtu ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ u rieżami. Sa tmiem l-2021, il-partijiet iridu jwettqu rieżami tal-Istrateġiji u tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom dwar il-Bijodiversità, jew mill-anqas jippreżentaw impenji nazzjonali għall-aktar miri importanti. Għandu jkun hemm ċiklu ta’ rieżami regolari li jistħarreġ il-progress lejn il-miri u li jkun kapaċi jqawwi l-azzjoni jekk ikun hemm bżonn. Dawn ir-rieżamijiet iridu jkunu bbażati fuq analiżi indipendenti tal-lakuni bbażata fuq ix-xjenza, u fuq proċess ta’ previżjoni, b’indikaturi ewlenin komuni għall-Partijiet kollha.

·Qafas ta’ abilitazzjoni li jagħti l-ħajja lill-ambizzjonijiet f’oqsma bħalma huma l-finanzi, il-kapaċità, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija.

·Sehem ġust u ekwu tal-benefiċċji mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi marbuta mal-bijodiversità.

·Prinċipji ta’ ugwaljanza. Dan jinkludi r-rispett għad-drittijiet u l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ popli indiġeni u komunitajiet lokali. Għandu jitħaddem approċċ inklużiv bil-parteċipazzjoni tal-partijiet konċernati kollha, inkluż in-nisa, iż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali, is-settur privat, l-akkademja u l-istituzzjonijiet xjentifiċi.

4.2.L-użu ta’ azzjoni esterna biex nippromwovu l-ambizzjoni tal-UE

4.2.1.Il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani

Bi qbil mal-Aġenda dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 77 , l-UE se tappoġġa l-konklużjoni ta’ ftehim ambizzjuż vinkolanti legalment dwar id-diversità bijoloġika tal-baħar taż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ) sa tmiem l-2020. Dan irid jistabbilixxi proċeduri dinjin ċari għall-identifikazzjoni, id-deżinjazzjoni u l-ġestjoni effettiva ta’ żoni protetti tal-baħar fl-ibħra internazzjonali li jkunu rappreżentattivi b’mod ekoloġiku. Dan irid jiġi ratifikat u implimentat malajr kemm jista’ jkun.

L-UE trid tuża wkoll il-kapaċitajiet diplomatiċi kollha tagħha ta’ influwenza u kuntatt biex tgħin ħalli jintlaħaq ftehim dwar id-deżinjazzjoni ta’ tliet Żoni Protetti tal-Baħar vasti fl-Oċean tan-Nofsinhar 78 , li tnejn minnhom kienu ġew koproposti mill-UE fl-Antartika tal-Lvant u fil-Baħar Weddell. Jekk ikun hemm qbil, dan ikun jikkostitwixxi wieħed mill-akbar atti ta’ protezzjoni tan-natura fl-istorja.

Se tissokta l-ħidma mal-pajjiżi sħab u mal-organizzazzjonijiet reġjonali biex jiddaħħlu fis-seħħ miżuri li jipproteġu l-ekosistemi u l-ispeċijiet marittimi sensittivi, u jintużaw b’mod sostenibbli, inkluż fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, b’enfasi fuq l-irqajja’ b’bijodiversità tal-baħar. L-UE trid tibqa’ tappoġġa lill-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw u lil pajjiżi sħab rilevanti oħra biex jipparteċipaw f’laqgħat ta’ organizzazzjonijiet u korpi reġjonali u dinjin, u biex jimplimentaw l-impenji u r-regolamenti internazzjonali rilevanti.

L-UE se tapplika tolleranza żero għas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u se tiġġieled is-sajd żejjed, inkluż b’negozjati tad-WTO dwar ftehim dinji għal projbizzjoni ta’ sussidji dannużi għas-sajd.

Fin-negozjati internazzjonali, l-UE trid twassal il-messaġġ li l-minerali tal-baħar fiż-żona ta’ qiegħ il-baħar internazzjonali ma jistgħux jiġu sfruttati qabel ma tkun saret riċerka biżżejjed dwar l-effetti tat-tħaffir fil-baħar fond fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem, qabel ma jingħarfu r-riskji, u qabel ma t-teknoloġiji u l-prattiki operazzjonali jkunu kapaċi juru li ma jagħmlux ħsara serja lill-ambjent, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni 79 u b’konsiderazzjoni tal-appell tal-Parlament Ewropew 80 . B’mod parallel, l-UE se tibqa’ tiffinanzja r-riċerka dwar l-impatt tal-attivitajiet tat-tħaffir fil-baħar fond u dwar it-teknoloġiji favur l-ambjent. L-UE trid twassal il-messaġġ ukoll għal aktar trasparenza fil-korpi internazzjonali, bħall-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar.

4.2.2.Il-politika kummerċjali

Il-politika kummerċjali se tappoġġa b’mod attiv u tkun parti mit-tranżizzjoni ekoloġika. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni se tiżgura implimentazzjoni u infurzar sħaħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali kollha, inkluż permezz tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Infurzar tal-Kummerċ tal-UE. Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni aħjar tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq il-bijodiversità, b’azzjonijiet ta’ segwitu li jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali, jekk rilevanti. Fl-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll proposta leġiżlattiva u miżuri oħra biex tevita jew tnaqqas kemm jista’ jkun it-tqegħid ta’ prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti fis-suq tal-UE 81 , u biex tippromwovi importazzjonijiet u katini tal-valur favur il-foresti. Il-Kummissjoni se tieħu għadd ta’ passi biex trażżan il-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi. Dan il-kummerċ jikkontribwixxi għat-tnaqqis jew għall-estinzjoni ta’ speċijiet sħaħ, hu r-raba’ l-aktar suq iswed fid-dinja li jħalli qligħ, u jitqies waħda mill-kawżi wara l-emerġenza ta’ mard żonotiku. Hu obbligu uman, ekonomiku u ambjentali li dan jiżżarma.

B’dan il-ħsieb, fl-2021 il-Kummissjoni se tirrevedi l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi, u aktar tard din is-sena se tipproponi regoli aktar stretti dwar il-kummerċ tal-avorju tal-UE. Se tesplora l-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali, inkluż billi tikkunsidra li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tintroduċi dispożizzjonijiet speċifiċi għal tipi u livelli ta’ sanzjonijiet kriminali. Se tqis li ssaħħaħ il-kapaċitajiet koordinattivi u investigattivi tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jaħdem mal-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi ħalli jipprevjeni l-kummerċ illeċitu u d-dħul ta’ prodotti illeċiti fis-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni se tibqa’ timpenja ruħha ma’ pajjiżi sħab biex tiżgura tranżizzjoni bla xkiel u ġusta, li timmobilizza b’mod partikolari l-Għajnuna għall-Kummerċ ħalli tiżgura li s-sħab igawdu l-benefiċċji ta’ kummerċ favur il-bijodiversità.

4.2.3.Il-kooperazzjoni internazzjonali, il-Politika tal-Viċinat, u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi

Biex jinkiseb qafas dinji ambizzjuż tal-bijodiversità għal wara l-2020 se jkun hemm bżonn aktar kooperazzjoni mas-sħab, aktar appoġġ u finanzjament, u t-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità. Fl-aħħar għaxar snin b’mod kollettiv, l-UE u l-Istati Membri tagħha irrispettaw l-impenn tagħhom li jirduppjaw il-flussi finanzjarji għall-bijodiversità lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw 82 . L-UE lesta tkompli taħdem mas-sħab tagħha u tkompli żżid l-appoġġ tagħha wara l-2020. Dan se jkun parti mill-ħidma tagħha b’rabta mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, mar-restawr, mal-użu sostenibbli u mal-integrazzjoni fil-politiki kollha tal-iżvilupp u tas-sħubija. Barra minn hekk, b’integrazzjoni tal-koerenza tal-politiki għal żvilupp sostenibbli fil-politiki kollha tagħha, l-UE se tnaqqas il-pressjoni fuq il-bijodiversità madwar id-dinja. Fil-kooperazzjoni internazzjonali kollha tagħha, l-UE trid tippromwovi prattiki u azzjonijiet agrikoli u tas-sajd sostenibbli li jipproteġu u jirrestawraw il-foresti tad-dinja. Se tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, ir-restawr tal-art degradata, u l-protezzjoni u r-restawr ta’ żoni bijodiversi b’servizzi tal-ekosistema għolja u b’potenzjal ta’ mitigazzjoni tal-klima. Bi protezzjoni aħjar tal-ekosistemi naturali, u bi sforzi għal tnaqqis fil-kummerċ u fil-konsum ta’ organiżmi selvaġġi, ikunu jistgħu jiġu evitati l-mard u l-pandemiji futuri possibbli u tinbena reżiljenza għalihom. L-UE se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-isforzi dinjin li jħaddmu l-approċċ ta’ Saħħa Waħda 83 , li jirrikonoxxi r-rabta intrinsika bejn is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u natura reżiljenti f’saħħitha.

L-UE se żżid l-appoġġ lill-pajjiżi sħab madwar id-dinja biex jilħqu l-miri dinjin il-ġodda, jiġġieldu l-kriminalità ambjentali, u jegħlbu l-fatturi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità. Fl-Afrika, l-UE se tniedi l-inizjattiva NaturAfrika biex tipproteġi l-organiżmi selvaġġi u l-ekosistemi ewlenin, u toffri opportunitajiet b’rabta mas-setturi ekoloġiċi lill-popolazzjonijiet lokali. Proġetti simili se jiġu żviluppati f’reġjuni oħrajn. L-UE se tappoġġa wkoll lill-Balkani tal-Punent u lill-pajjiżi tal-Viċinat tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-bijodiversità.

Fil-ħidma kollha tagħha, l-UE se ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġeneri, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sensittività għall-kunflitti, l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, il-pussess tal-art u r-rwol tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali.

Bħala parti mill-isforzi dinjin tagħha, l-UE se tippromwovi koalizzjonijiet tal-bijodiversità mas-sħab u mas-soċjetà ċivili madwar id-dinja. Pereżempju, f’Marzu 2020, il-Kummissjoni nediet il-Koalizzjoni Dinjija tal-Bijodiversità tal-parks nazzjonali, tal-akkwarji, tal-ġonna botaniċi, taż-żuwijiet, tal-mużewijiet tal-istorja naturali u tal-mużewijiet tax-xjenza biex tgħin ħalli titqajjem kuxjenza madwar id-dinja dwar il-ħtieġa li tiġi protetta u titrawwem il-bijodiversità. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tniedi jew tingħaqad f’Koalizzjonijiet oħra ta’ Ambizzjoni Għolja ħalli tgħin fl-iżvilupp tal-qafas għal wara l-2020.

5.Konklużjoni

Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità huma l-uniku mod kif niżguraw il-kwalità u l-kontinwità tal-ħajja tal-bniedem fid-dinja. L-impenji li tipproponi din l-istrateġija jwittu t-triq għal bidliet ambizzjużi u meħtieġa, li jiżguraw il-benesseri u l-prosperità ekonomika tal-ġenerazzjonijiet ta’ żmienna u futuri, f’ambjent f’saħħtu. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji se tqis id-diversità tal-isfidi fis-setturi, fir-reġjuni u fl-Istati Membri, tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu żgurati l-ġustizzja soċjali, il-ġustizzja u l-inklużività bi qbil mal-Pilastru Soċjali Ewropew, u se tkun teħtieġ sens ta’ responsabbiltà u sforzi konġunti b’saħħithom min-naħa tal-UE, tal-Istati Membri tagħha, tal-partijiet konċernati u taċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill japprovaw din l-Istrateġija qabel il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Biex tiżgura appartenenza politika sħiħa ta’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni se tissuġġerixxi punt ta’ progress permanenti fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew. Se twettaq rieżami tal-Istrateġija sal-2024 biex tivvaluta l-progress u jekk hemmx bżonn aktar azzjoni biex tilħaq l-objettivi tagħha.

(1)      Il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) (2019), Summary for policymakers of the global assessment report on biodiversity and ecosystem services of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services , pp. 12-13, A.2.
(2)      Il-Forum Ekonomiku Dinji (2020), Nature Risk Rising: Why the Crisis Engulfing Nature Matters for Business and the Economy .
(3)      Barbier et al. (2018), How to pay for saving biodiversity .
(4)      Balmford et al. (2002) Economic reasons for conserving wild nature .
(5)      Hepburn et al. (2020) Will COVID-19 fiscal recovery packages accelerate or retard progress on climate change? , Dokument ta’ Ħidma ta’ Smith School, 20-02.
(6)      Il-Forum Ekonomiku Dinji (2020), The Global Risks Report 2020 .
(7)      L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (2019), State of the World’s Biodiversity for Food and Agriculture .
(8)      Il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) (2019), Summary for policymakers , p. 3, A1.
(9)      Il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) (2019), Summary for policymakers , pp. 17-19, B.10-B.14; L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2019), The European environment – state and outlook 2020 .
(10)      Il-Fond Dinji għall-Ħajja Selvaġġa (WWF) (2018), Living Planet Report - 2018: Aiming Higher .
(11)      Il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) (2019), Summary for policymakers , p. 4, A4.
(12)      Idem.
(13)       https://ec.europa.eu/research/environment/index.cfm?pg=nbs
(14)      Il-Forum Ekonomiku Dinji (2020), The Global Risks Report 2020 .
(15)      L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (2019), Biodiversity: Finance and the Economic and Business Case for Action
(16)      Idem.
(17)       Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 (COM(2015) 478 u SWD(2015) 187); Kontroll tal-Idoneità tad-Direttivi tan-Natura (id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats ) (SWD(2016) 472); Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Ilma (SWD(2019) 439).
(18)      Skont il- miri dinjin tal-bijodiversità ta’ Aichi , iż-żoni protetti jridu jkopru 17% fuq l-art u 10% fuq il-baħar, filwaqt li ċ-ċifri tal-istudji xjentifiċi jvarjaw minn 30% sa 70%. Ara, pereżempju l- IPBES 2019 .
(19)      Brander et al. (2015), The benefits to people of expanding Marine Protected Areas .
(20)       Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-Natura (SWD(2016) 472).
(21)      L-Oqfsa ta’ Azzjoni Prijoritizzata tal-Istati Membri għall-2020; Mutafoglu et al. (2017), Natura 2000 and Jobs: Scoping Study .
(22)      L-aħħar statistika tal-EU-27 ( Il-bażi tad-data Ewropea taż-żoni protetti deżinjati b’mod nazzjonali ) il-verżjoni tal-2019, u s- sett tad-data ta’ Natura 2000 imsejjaħ “end 2018” . Bħalissa, 26% taż-żona tal-art tal-UE diġà hi protetta, 18% minnha hi parti minn Natura 2000 u 8% l-oħra hi protetta bi skemi nazzjonali. Fl-UE, 11% tal-ibħra huma protetti, 8% minnhom bħala parti minn Natura 2000 u 3% l-oħra għandhom protezzjoni nazzjonali addizzjonali. Nota: il-parks eoliċi fuq il-baħar se jkunu possibbli jekk ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-ambjent u l-protezzjoni tan-natura.
(23)      “Zero draft of the post-2020 global biodiversity framework” (CBD/WG2020/2/3), jinsab fuq https://www.cbd.int/conferences/post2020/wg2020-02/documents .
(24)      Protezzjoni stretta mhux bilfors tkun tfisser li ż-żona ma tkunx aċċessibbli għan-nies, iżda li essenzjalment ma tiddisturbax il-proċessi naturali ħalli jiġu rispettati r-rekwiżiti ekoloġiċi taż-żoni.
(25)      https://www.cbd.int/forest/definitions.shtml
(26)      Id-deżinjazzjonijiet addizzjonali ta’ Natura 2000 se jiġu implimentati bl-appoġġ tal-fondi tal-UE u bl-infurzar kif xieraq.
(27)       Guidance on a strategic framework for further supporting the deployment of EU-level green and blue infrastructure (SWD(2019) 193).
(28)      B’mod partikolari d- Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar (2009/147/KE), id- Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE), id- Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE), id- Direttiva dwar l-Għargħar (2007/60/KE) u d- Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE).
(29) Ara l- Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlattivi tal-UE dwar in-Natura (SWD(2016) 472) u l- Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Ilma (SWD(2019) 439). Ara t-Taqsima 3.2. hawn taħt.
(30)      Il-ħabitats u l-ispeċijiet elenkati fid-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats.
(31)       L-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi (COM(2018) 395).
(32)      L-OECD (2016), Farm Management Practices to Foster Green Growth .
(33)      L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2019), EEA Signals 2019: Land and Soil in Europe .
(34)      L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Uffiċċju Federali Żvizzeru għall-Ambjent (FOEN) (2016), Urban sprawl in Europe .
(35)      Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2018), Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE : theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali , ir-Rapport Speċjali Nru°33/2018.
(36)       L-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija (COM(2006) 231).
(37)      Missjoni ta’ Orizzont Ewropa dwar is-saħħa tal-ħamrija u l-ikel .
(38)      Ara t-Taqsima 2.2.8.
(39)       Id-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli .
(40)       Studju ta’ Valutazzjoni dwar il-Bijomassa mill-JRC .
(41)      L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001 tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
(42)      Ara pereżempju l-i Special Report on the Ocean and the Cryosphere in a Changing Climate tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (2019).
(43)      Il-Politika Komuni tas-Sajd, id- Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) u d- Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu (2014/89/UE).
(44)      Sa Marzu 2022, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu, inkluż dwar l-applikazzjoni tal-ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema.
(45)      Protetti bil-liġi internazzjonali u Ewropea.
(46)       Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Ilma (SWD(2019) 439); Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (SWD(2019) 700).
(47)      Il-mira ta’ 25,000km hi bbażata fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dak li jista’ jinkiseb fl-UE sal-2030.
(48)      Il-linji gwida se jqisu firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, inkluż il-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika, il-ġestjoni tal-għargħar, il-provvista tal-ilma, l-agrikoltura u n-navigabbiltà.
(49)      Dawn il-miżuri jridu jiġu ppjanati fit-Tielet Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara li jridu jiġu adottati mill-Istati Membri fl-2021, skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.
(50)     Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Ilma (SWD(2019) 439).
(51)       Il-proġett EnRoute
(52)      Hemm 11,000 sit ta’ Natura 2000 fil-bliet jew parzjalment fil-bliet, u dawn jirrappreżentaw 15% taż-żona kollha tan-netwerk ta’ Natura 2000.
(53)       Il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi
(54)       Id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi (2009/128/EC).
(55)       Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari (COM(2018) 28).
(56)       Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u aktar kompetittiva (COM(2020) 98).
(57) Ara, pereżempju: Hulme P. (2014). Invasive species challenge the global response to emerging diseases , Trends in parasitology (2014), il-Volum 30, il-Ħarġa 6; Duscher et al. (2017).
(58)       Ir-Regolament (UE) 1143/2014 dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi .
(59)       Il-Lista l-Ħamra tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN).
(60)      Ara r- Rapport tal-2015 dwar l-Istat tan-Natura (COM (2015) 219).
(61)       L-ispiża tan-non-implimentazzjoni hi stmata għal madwar €50 biljun fis-sena .
(62)      Bħalma huma d-Direttivi dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (2014/52/UE), dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (2001/42/KE), dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (2004/35/CE) u dwar il-Kriminalità Ambjentali (2008/99/KE).
(63)     https://ec.europa.eu/environment/aarhus/
(64)       Studju dwar ir-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista – Rapport Finali .
(65)       Id-Direttiva 2014/95/UE li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar .
(66)    Bħall-Pjattaforma tal-UE msejħa “Business @ Biodiversity” (B@B).
(67)      Ara pereżempju l- Business for Nature jew il- One Planet Business for Biodiversity .
(68)      BenDor T. et al. (2015), Estimating the Size and Impact of the Ecological Restoration Economy .
(69)      Ara l- Qafas komuni u d-dokumenti ta’ gwida għall-prova tar-reżiljenza tal-bijodiversità tal-baġit tal-UE .
(70)      L-istima tal-ispejjeż hi bbażata fuq il- Valutazzjoni tal-Impatt tal-2018 tar-Regolament LIFE (SWD(2018) 292), fuq Studju dwar l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-Mira 2 tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u fuq data mressqa minn 16-il Stat Membru skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Il-Kummissjoni se taġġorna l-istima, l-aktar abbażi tal-Oqfsa ta’ Azzjoni Prijoritizzata tal-Istati Membri skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats.
(71)      Inkluż il-Politika Agrikola Komuni, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, LIFE u l-fondi għall-azzjoni esterna.
(72)      Ara t- tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli .
(73)       In-Natura ta’ Riskju – Qafas biex jinftiehem Riskju Relatat man-Natura għal Negozju ,” il-WWF, 2019.
(74)       SWD(2019) 305 .
(75)      Missjonijiet fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż it-trasformazzjoni soċjetali , fuq oċeani, ibħra kostali u ilmijiet interni f’saħħithom , fuq bliet intelliġenti u newtrali għall-klima , u fuq is-saħħa tal-ħamrija u l-ikel .
(76)      L-alleanzi ekoloġiċi jisħqu fuq kooperazzjoni ma’ sħab Afrikani u oħrajn biex jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
(77)   L-aġenda dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (JOIN(2016) 49).
(78) Fil-qafas tal- Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku .
(79)      Skont l-Artikolu 191.2 tat-TFUE, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.
(80)       Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani (2017/2055(INI)).
(81)      Bi qbil mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “ It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja ” (COM(2019) 352).
(82)      Inkluż il-finanzjament internazzjonali li jkollu l-bijodiversità bħala l-objettiv ewlieni u bħala objettiv sekondarju importanti, bi qbil mad- Deċiżjoni XI/4 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-COP11 u r-rapporti finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri li ġew ippreżentati lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-2015 u fl-2018.
(83)       https://www.who.int/features/qa/one-health/en/
Top

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 380 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030







Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna


ANNESS

Il-miżuri ppreżentati f’dan il-pjan ta’ azzjoni se jiġu implimentati bi qbil mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar u meta jkun xieraq, wara li jkunu saru evalwazzjonijiet u valutazzjoni tal-impatt

Azzjonijiet ewlenin li trid tieħu l-Kummissjoni

Skeda
taż-żmien indikattiva

NETWERK KOERENTI TAŻ-ŻONI PROTETTI

Kriterji u gwida għall-identifikazzjoni u d-deżinjazzjoni ta’ żoni protetti u kurituri ekoloġiċi addizzjonali, dwar l-ippjanar tal-immaniġġjar xieraq, u dwar kif il-miżuri effettivi tal-konservazzjoni abbażi taż-żona u l-ekoloġizzazzjoni urbana jistgħu jikkontribwixxu għall-miri tal-UE għall-protezzjoni tan-natura sal-2030

2020

Valutazzjoni tal-progress tal-UE biex tilħaq il-miri tagħha sal-2030 b’rabta maż-żoni protetti, jew biex jiġi ddeterminat jekk hemmx bżonn azzjoni addizzjonali, leġiżlazzjoni, jew miżuri oħra

sal-2024

PJAN TA’ RESTAWR TAN-NATURA TAL-UE

Proposta għal miri tal-UE dwar ir-restawr tan-natura

2021

Gwida dwar l-għażla tal-ispeċijiet u tal-ħabitats biex ikun żgurat li mill-inqas 30% tal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti li bħalissa mhumiex bi status favorevoli jkunu f’dik il-kategorija sal-2030, jew juru tendenza pożittiva qawwija

2020

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi u tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Pesti

2022

Rieżami u reviżjoni possibbli tal-inizjattiva tal-UE għall-Pollinaturi

2020

Miżuri li jiżguraw li l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri jistabbilixxu valuri nazzjonali espliċiti għal miri rilevanti tal-Istrateġija tal-Bijodiversità u tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, bl-appoġġ fost l-oħrajn tal-istrumenti tal-PAK u bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

mill-2020

Pjan ta’ Azzjoni għall-Biedja Organika għall-2021-2026

2020

Reviżjoni tal-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni tal-Ħamrija

2021

Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti li tinkludi pjan direzzjonali għat-tħawwil ta’ mill-inqas 3 biljun siġra addizzjonali fl-UE sal-2030

2021

Żvilupp ulterjuri tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Foresti għall-Ewropa

mill-2020

Linji gwida għal afforestazzjoni u riforestazzzjoni favur il-bijodiversità u dwar prattiki tal-forestrija eqreb lejn in-natura

2021

Valutazzjoni tal-provvista u tad-domanda tal-bijomassa dinjija u tal-UE, u s-sostenibbiltà relatata

għaddejja

Studju dwar is-sostenibbiltà tal-użu tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija

2020

Gwida operattiva dwar il-kriterji l-ġodda tas-sostenibbiltà dwar il-bijomassa tal-foresti għall-enerġija

2021

Rieżami tad-data dwar il-bijofjuwils b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art u t-twaqqif ta’ trajettorja għat-tneħħija gradwali tagħhom sal-2030

2021

Pjan ta’ azzjoni ġdid għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar

2021

Gwida u appoġġ lill-Istati Membri biex jidentifikaw is-siti u jkollhom l-għajnuna ħalli jimmobilizzaw fondi għar-restawr ta’ 25,000 km ta’ xmajjar ġierja

2021

Gwida teknika lill-Istati Membri dwar il-miżuri tagħhom għal rieżami dwar l-estrazzjoni tal-ilma u l-permessi tal-lagunaġġ u biex jirrestawraw il-flussi ekoloġiċi fil-Pjanijiet riveduti tal-Immaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara

2023

Titwaqqaf Pjattaforma tal-UE għall-Ekoloġizzazzjoni Urbana, bi “Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi” ġdid mal-bliet u mas-sindki

2021

Gwida teknika dwar l-ekoloġizzazzjoni urbana u assistenza biex jiġu mmobilizzati l-finanzjament u l-bini tal-kapaċitajiet għall-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż għall-iżvilupp ta’ Pjanijiet tal-Ekoloġizzazzjoni Urbana

2021

Pjan ta’ Azzjoni għal Ġestjoni Integrata tan-Nutrijenti

2022

NIPPERMETTU BIDLA TRASFORMATTIVA

Valutazzjoni tal-effettività tal-qafas il-ġdid tal-bijodiversità bbażat fuq il-kooperazzjoni, u dwar jekk hemmx bżonn approċċ imsaħħaħ, legalment vinkolanti, jew mod ieħor għall-governanza tal-bijodiversità

2023

Rieżami u possibbiltà ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali

2021

Inizjattiva ġdida għal governanza korporattiva sostenibbli li tindirizza d-drittijiet tal-bniedem u d-dmir tal-ħarsien ambjentali, u d-diliġenza xierqa obbligatorja tul il-ktajjen tal-valur ekonomiku

2021

Għajnuna biex jinħoloq moviment ta’ Negozji tal-UE favur il-Bijodiversità

mill-2020

Strateġija Finanzjarja Sostenibbli Mġedda

2020

Att delegat skont ir-Regolament tat-Tassonomija biex tiġi stabbilita klassifikazzjoni komuni tal-attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi

2021

Metodi, kriterji u standards biex il-kunsiderazzjonijiet dwar il-bijodiversità jiġu integrati aħjar fit-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi u tan-negozju fil-livelli kollha, u biex titkejjel l-impronta ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet

2021

Promozzjoni ta’ inizjattiva internazzjonali tal-kontabbiltà tal-kapital naturali

2021

Jitwaqqaf Ċentru tal-Għarfien għall-Bijodiversità ġdid

2020

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tħeġġeġ il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali, inkluż l-edukazzjoni fil-bijodiversità

2021

L-UNJONI EWROPEA B’AĠENDA DINJIJA AMBIZZJUŻA DWAR IL-BIJODIVERSITÀ

Jintlaħaq ftehim għal qafas ambizzjuż tal-bijodiversità għal wara l-2020 waqt il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP15 tal-KDB)

2020-21

Jintlaħaq ftehim ambizzjuż dwar id-diversità bijoloġika marina taż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali u fuq tliet Żoni Protetti Vasti tal-Baħar fl-Oċean tan-Nofsinhar

mill-2020

Valutazzjoni tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq il-bijodiversità, b’azzjonijiet ta’ segwitu meta meħtieġa

mill-2020

Miżuri biex ikun evitat u minimizzat li fis-suq tal-UE jitqiegħdu prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti

2021

Reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi

2021

Proposta għal regoli aktar stretti dwar il-kummerċ tal-avorju fl-UE

2020

Inizjattiva “NaturAfrika” biex jiġu protetti l-organiżmi selvaġġi u l-ekosistemi ewlenin

mill-2021

Top