EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0321

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar

COM/2020/321 final

Brussell, 16.7.2020

COM(2020) 321 final

2020/0143(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE tal-1 ta’ Frar 2003 1 jistipula li “(a). l-assi tal-KEFA [il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar] f’likwidazzjoni [...] għandhom ikunu użati kif meħtieġ biex jintlaħqu l-obbligazzjonijiet li jkun fadal tal-KEFA, skont is-self li jkun għad fadal, tal-obbligi li jirriżultaw mill-baġits operattivi ta’ qabel, u kull responsabbiltà li ma hijiex prevista. (b). sal-limitu li l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni ma jkunux meħtieġa sabiex jintlaħqu obbligazzjonijiet kif deskritti f’(a), dawn għandhom ikunu investiti biex jiġi provdut dħul biex jintuża bħala fond għall-kontinwazzjoni ta’ riċerka fis-setturi relatati mal-faħam u l-industrija tal-azzar. (ċ). L-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu investiti biex jipprovdu dħul biex jintuża biex jipprovdu fondi għall-kontinwazzjoni ta’ riċerka fis-setturi relatati mal-faħam u l-industrija tal-azzar.”

Minħabba li ma fadalx self mhux imħallas u t-tnaqqis tal-obbligi tal-KEFA 2 , il-KEFA f’likwidazzjoni tikkonċentra bi grad dejjem aktar predominanti fuq l-attività tal-investiment għall-fini tal-ġenerazzjoni tad-dħul biex jipprovdi fondi għar-riċerka. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tamministra l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni b’tali mod li “jiżgura li jkun hemm fondi disponibbli meta u kif meħtieġ, waqt li xorta jiġġeneraw l-ogħla dħul possibbli, konsistenti maż-żamma ta’ grad għoli ta’ sigurtà u stabbilità fuq medda ta’ żmien twil” (il-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE).

Il-Kummissjoni Ewropea tuża r-rendimenti tal-KEFA f’likwidazzjoni biex issostni proġetti ta’ riċerka fis-setturi tal-azzar u tal-faħam. Fl-aħħar snin, madankollu, b’riżultat tat-tnaqqis sekulari fir-rendimenti tas-swieq finanzjarji, bdiet tinħoloq pressjoni fuq l-abbiltà tal-portafoll li jiġġenera rendimenti suffiċjenti biex jiffinanzja programm sinifikanti ta’ riċerka. Anki qabel id-deterjorament riċenti tas-suq ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, il-portafoll kien qed jiġġenera rendimenti aktar baxxi minħabba l-ambjent prevalenti wara l-kriżi finanzjarja, ikkaratterizzat minn rati tal-imgħax aktar baxxi. Il-kriżi tal-COVID-19 aggravat dan it-tnaqqis strutturali fit-tul tar-rendimenti mistennija. Bis-saħħa ta’ kompożizzjoni relattivament konservattiva, il-portafoll tal-KEFA kkumbatta relattivament tajjeb il-kontrazzjoni akuta tas-suq wara l-kriżi tal-COVID-19 meta mqabbel ma’ fondi oħra analogi. Madankollu, din il-kriżi se jkollha effetti fit-tul fuq ir-rendimenti mistennija u ssaħħaħ il-ħtieġa li jinstabu mezzi alternattivi biex l-assi tal-fond jaħdmu insostenn tal-politiki tal-UE.

F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tixtieq issaħħaħ l-appoġġ għal proġetti ta’ riċerka kollaborattiva fis-settur tal-faħam u tal-azzar, filwaqt li tipproponi li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376 tiġi emendata biex tiġi allinjata mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Il-Kummissjoni tixtieq li tappoġġa wkoll proġetti kbar avangardisti li jwasslu għal proċessi ta’ produzzjoni tal-azzar bi (kważi) żero emissjonijiet ta’ karbonju sal-2030, u proġetti ta’ riċerka għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta għas-settur tal-faħam. Għal programm ta’ dan it-tip jitqies adegwat baġit annwali stabbli ta’ EUR [111-il miljun]. Dan huwa meħtieġ biex jingħata appoġġ rilevanti għall-proġetti siewja fuq l-iskala meħtieġa biex tiġi koperta l-ispiża tal-ġestjoni tal-iskema.

Il-proviżjonament ta’ allokazzjonijiet annwali regolari ta’ EUR [111-il miljun] sas-sena 2027 jitlob li jsir tibdil fil-mod kif jintużaw u jiġu investiti r-riżorsi tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni. Il-bidliet proposti fid-Deċiżjoni attwali se jippermettu dan il-livell ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ riċerka kollaborattiva u għall-proġetti ta’ riċerka avangardisti fis-settur tal-azzar u għall-proġetti ta’ riċerka għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta għas-settur tal-faħam. Filwaqt li dawn l-allokazzjonijiet annwali se jnaqqsu gradwalment l-ammont globali tal-assi investiti, xorta se jifdal ammont raġonevoli ta’ assi investibbli għall-perjodu wara l-2027.

Prestazzjoni riċenti u prospetti għall-assi investiti tal-KEFA f’likwidazzjoni:

Fil-31 ta’ Marzu 2020 il-valur tal-portafoll kien jammonta għal EUR 1,5 biljun. Id-daqs tal-portafoll naqas kemxejn mit-30.6.2012, hekk kif ir-rendimenti totali u l-kontribuzzjonijiet ġodda li daħlu kienu kkumpensati minn flussi ta’ ħruġ biex tiġi ffinanzjata r-riċerka f’setturi konnessi mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

Mill-2003 sa reċentement, l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni ġġeneraw rendiment pożittiv li, flimkien mar-riżorsi disponibbli permezz ta’ mekkaniżmu ta’ livellar, ippermetta appoġġ annwali ta’ EUR 50 miljun għal proġetti ta’ riċerka. Fi tmiem l-2017, il-prestazzjoni tal-portafoll mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/750/KE 3 , kienet pożittiva: l-ammonti kienu żborżati kif u meta mitlubin u r-rendiment tal-portafoll kien sodisfaċenti meta wieħed iqis l-ambjent tas-suq u l-linji gwida ġeneralment restrittivi. Matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2017, il-portafoll ipprovda redditu kumulattiv pożittiv ta’ +8,5 %.

Ir-rendiment fuq l-assi investiti konsistentement kien aħjar mill-parametru referenzjarju, u wera li huwa alternattiva superjuri għall-investiment bir-rati tal-imgħax prevalenti mingħajr riskju, li fl-aħħar snin saru negattivi. Tabilħaqq, il-portafoll qatt qabel ma rreġistra prestazzjoni annwali negattiva tul il-ħajja tiegħu, u mill-bidu tiegħu kiseb rendiment akkumulat ta’ 80 %. Madankollu, jekk wieħed iħares ’il quddiem, il-livell attwalment baxx (u spiss negattiv) ta’ rendimenti tal-bonds jantiċipa rendimenti li mistennija jkunu aktar baxxi fiż-żmien qasir għal medju, u se tkun diffiċli biex jinkisbu rendimenti pożittivi.

Barra minn hekk, kif stabbilit fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), il-valur tal-portafoll se jkompli jonqos b’madwar EUR [250] miljun 4 .

F’dan il-kuntest ikun xieraq approċċ differenti fl-użu tal-assi tal-KEFA sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika. Din il-proposta tippreżenta żewġ bidliet ewlenin:

·F’konformità mal-proposta għal emenda tad-Deċiżjoni 2003/76/KE għandu jkun possibbli li r-riżorsi tal-portafoll jinbiegħu fejn meħtieġ biex ikunu permessi pagamenti relatati ma’ allokazzjoni annwali ta’ EUR [111-il miljun] sal-2027. Skont il-kundizzjonijiet tal-investiment u l-evoluzzjoni tad-daqs tal-portafoll, dan se jwassal għal tnaqqis gradwali tal-volum tal-assi mmaniġġjati;

·Li jiġu ddiversifikati l-investimenti eliġibbli fil-portafoll biex tissaħħaħ il-prestazzjoni tiegħu fir-rigward tar-riskju / rendiment. Qed jiġi propost li jiġi estiż l-univers tal-assi eliġibbli biex jitjiebu r-rendimenti mistennija għal livell partikolari ta’ riskju.

Bidliet proposti biex jiġi awtorizzat l-użu tal-assi, fejn meħtieġ, biex tiġi pprovduta allokazzjoni annwali ta’ EUR [111-il miljun]

Qed jiġi propost li tiġi modifikata d-Deċiżjoni 2003/77/KE biex mill-1 ta’ Jannar 2021 5 ikunu espliċitament awtorizzati flussi ta’ ħruġ b’rabta ma’ allokazzjoni annwali massima ta’ EUR [111-il miljun] sal-2027 biex jiġu appoġġati proġetti ta’ riċerka fis-setturi tal-azzar u tal-faħam barra mill-programm qafas tar-riċerka. L-allokazzjoni annwali se tiġi stabbilita skont il-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE riveduta. It-talbiet għall-ħlas li jikkonċernaw l-imsemmija allokazzjoni se jiġu onorati billi jsir rikors għad-dħul nett tal-investimenti u bil-ġbid ta’ assi mill-KEFA f’likwidazzjoni.

Jenħtieġ li l-allokazzjoni annwali tiġi espliċitament inkluża fid-Deċiżjoni biex ikun possibbli fluss prevedibbli tar-riżorsi, fi skala suffiċjenti biex tippermetti l-kontinwazzjoni tal-appoġġ mixtieq għal riċerka kollaborattiva fis-setturi tal-azzar u tal-faħam.

Sal-lum, l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni ġew immaniġġjati fuq il-bażi li r-rendiment fuq l-assi investiti jkun il-mezz li bih jiġu ffinanzjati l-proġetti ta’ riċerka. Dan huwa rifless fil-lingwaġġ tat-taqsima 1 (“Użu tal-Fondi”) tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE u tal-premessa 3 tad-Deċiżjoni li tipprevedi li “l-kapital kollu tal-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar [...] għandu jiġi ppreżervat b’mod intatt”.

Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, jenħtieġ li dan l-approċċ jiġi emendat biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa li jiġi pprovdut il-livell meħtieġ ta’ pagament biex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ programm ta’ riċerka utli għas-setturi tal-azzar u tal-faħam.

Il-premessa li l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni jistgħu jiġġeneraw dħul stabbli biżżejjed biex jiffinanzja l-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar jekk jiġu ppreservati ma għadhiex sostenibbli, b’kont meħud tal-bidliet fit-tul tal-kundizzjonijiet tas-swieq finanzjarji. Għal dan il-għan huwa meħtieġ li d-Deċiżjoni tiġi aġġornata biex tkun tirrefletti aħjar il-ħtiġijiet tal-politika sottostanti li l-KEFA f’likwidazzjoni suppost isservi l-objettivi tagħha, u l-isfidi tal-ġenerazzjoni tar-rendimenti fil-livell meħtieġ fl-isfond tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq.

Il-pagamenti jsiru kull sena ladarba jiġu identifikati l-proġetti rilevanti, dejjem fil-limiti tal-allokazzjoni annwali ta’ EUR [111-il miljun]. L-ammont annwali li jista’ jiġi allokat mill-KEFA f’likwidazzjoni jkun EUR [111-il miljun] biex ikun possibbli l-użu sostnut tar-riżorsi għall-finanzjament tar-riċerka fil-futur.

Bidliet proposti biex tkun tista’ ssir diversifikazzjoni tal-assi eliġibbli:

Tradizzjonalment, l-assi tal-KEFA ġew investiti b’mod predominanti f’dejn sovran u supranazzjonali denominat fl-euro. Dan l-univers tal-investiment dejjem ippermetta li jinkisbu rendimenti pożittivi, filwaqt li jżomm f’livell baxx ir-riskju tal-portafoll. Fl-aħħar snin, il-kundizzjonijiet ekonomiċi u tas-suq inbidlu b’modi li naqqsu b’mod durabbli l-opportunitajiet li jinkisbu rendimenti fuq l-investimenti f’dejn sovran u supranazzjonali. Jekk nagħtu ħarsa ’l quddiem, is-swieq finanzjarji b’mod ġenerali u s-swieq tal-bonds tal-euro b’mod partikolari se jibqgħu diffiċli minħabba rendimenti baxxi ħafna jew negattivi (partikolarment it-titoli minn emittenti bl-ogħla kwalità kreditizja) u tnaqqis fil-likwidità, dovut fost l-oħrajn għall-politika monetarja akkomodanti tal-BĊE u għall-programmi tiegħu tax-xiri tal-bonds. Żieda fir-rati tal-imgħax minn din il-bażi baxxa se twassal għal rivalwazzjoni ’l isfel tal-assi eżistenti, bir-riskju ta’ redditi baxxi ħafna jew negattivi sakemm ir-riinvestimenti b’redditi ogħla gradwalment jikkumpensaw għall-effett inizjali tar-rivalwazzjoni.

Din il-proposta għandha l-għan li tagħmel il-portafoll tal-KEFA aktar reżiljenti meta jiltaqa’ ma’ sfidi bħal dawn, billi jwessa’ l-ambitu għal investiment fi klassijiet tal-assi oħra u billi jintużaw tekniki tal-investiment oħra għall-protezzjoni tal-portafoll minn dipendenza esklużiva fuq titoli b’introjtu fiss.

Minkejja l-ġbid previst sal-2027, l-orizzont tal-investiment tal-fondi li jifdal huwa pjuttost fit-tul, u b’hekk hija possibbli diversifikazzjoni addizzjonali. Sal-lum il-portafoll tal-KEFA kien relattivament ħieles minn obbligazzjonijiet materjali u ma kienx soġġett għal flussi ta’ ħruġ fuq skala li biddlu b’mod kwalitattiv l-orizzont tal-investiment jew il-volum tal-assi fil-portafoll. Din is-sitwazzjoni se tinbidel wara l-introduzzjoni ta’ pagamenti b’rabta mal-allokazzjoni annwali biex jiġi ffinanzjat il-programm ta’ riċerka. Madankollu, pagamenti prevedibbli ta’ dan id-daqs jenħtieġ li ma jkollhomx impatt materjali fuq l-orizzont tal-investiment jew fuq it-tolleranza tar-riskju tal-assi li jifdal fil-portafoll, u l-pagamenti se jsiru fuq perjodu ta’ diversi snin.

B’riżultat tal-orizzont itwal tal-investiment, il-portafoll se jkollu kapaċità ikbar biex iżomm l-assi fejn ikun meħtieġ biex jippermetti l-irkupru tal-valuri. Minħabba f’hekk qed jiġi propost li jiġi estiż l-univers tal-investiment tal-linji gwida finanzjarji għall-mitigazzjoni sa fejn possibbli tal-impatt tar-redditi baxxi jew negattivi u biex titjieb id-diversifikazzjoni u r-reżiljenza tal-portafoll waqt li tiġi segwita politika tal-investiment konservattiva li tipprovdi l-preservazzjoni tal-kapital bi grad għoli ta’ fiduċja u ttejjeb ir-redditu fejn possibbli meta dan ikun kompatibbli ma’ dan l-għan. Fuq terminu twil, l-estensjoni tal-klassijiet tal-assi eliġibbli jenħtieġ li tikkontribwixxi biex tippermetti ġestjoni stabbli u prevedibbli tal-portafoll — inklużi l-pagamenti prevedibbli li jkunu saru mill-assi u relatati mal-allokazzjoni annwali — u tnaqqas ir-rata ta’ tnaqqis tar-riżorsi sottostanti permezz tal-ħlas ta’ rati annwali.

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-linji gwida finanzjarji biex twessa’ l-univers eliġibbli ta’ assi / strumenti disponibbli u l-kombinazzjonijiet possibbli ta’ esponiment għar-riskju (eż. riskji tal-imgħax u tal-kreditu u riskji limitati tas-suq tal-ekwità). Opportunitajiet ġodda ta’ investiment se jippermettu li l-portafoll ikun ġestit b’mod iktar effiċjenti (f’termini ta’ diversifikazzjoni u r-relazzjoni riskju-redditu) u, fuq perjodu medju u twil, titjib tal-perspettivi ta’ redditu.

Jenħtieġ li jiġi enfasizzat li d-diversifikazzjoni tal-portafoll tinvolvi esponiment għal sorsi ġodda ta’ volatilità tas-suq li jaf ikollhom effett fuq il-prestazzjoni matul il-perjodu qasir sa medju. Madankollu, fid-dawl tal-orizzont tal-investiment itwal ta’ parti sinifikanti tal-assi, il-portafoll tal-KEFA jinsab f’pożizzjoni tajba biex jassorbi perjodi qosra ta’ prestazzjoni insuffiċjenti fi klassi tal-assi waħda jew aktar, u jkun jista’, fuq terminu twil, igawdi l-opportunitajiet ta’ redditu superjuri, aġġustat fir-rigward tar-riskju. Jenħtieġ li jiġi mifhum ukoll li d-diversifikazzjoni mhijiex garanzija kontra prestazzjoni potenzjalment negattiva għal ċertu perjodu minħabba li l-benefiċċji tad-diversifikazzjoni jistgħu jiġu kontrobilanċjati mir-riżultati insuffiċjenti fil-klassi tal-assi prinċipali tiegħu (bonds sovrani u supranazzjonali). Dawn ir-riżervi ġenerali huma inerenti għall-immaniġġjar ta’ assi u qed jiġu rrapportati hawnhekk biex tingħata stampa bilanċjata tal-firxa ta’ eżiti possibbli. Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni, bħala l-amministratur responsabbli mill-fondi tal-UE, temmen li l-estensjoni tal-univers tal-investiment eliġibbli tirrappreżenta mod xieraq biex titjieb il-prestazzjoni fit-tul tal-assi investiti tal-KEFA.

Bil-ħsieb ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tippreżenta din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni. L-assi għandhom jiġu amministrati f’konformità mar-regoli prudenzjali u mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Kif spjegat hawn fuq, id-Deċiżjoni tipproponi li tibdel id-Deċiżjoni li tirregola l-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni biex ikun possibbli:

·l-investiment f’firxa usa’ ta’ strumenti tas-swieq monetarji (speċjalment fondi ta’ swieq monetarji);

·l-investiment f’firxa ikbar ta’ titoli relatati mad-dejn u mal-kreditu;

·l-esponiment għas-swieq tal-ekwità u għal prodotti simili għall-ekwità (speċjalment permezz ta’ strumenti xierqa bħall-fondi negozjati fil-borża);

·li jintużaw tekniki standard ta’ investiment bħal kuntratti tal-futur fuq rati tal-imgħax biex tiġi mmaniġġjata l-maturità;

·li jiġi investit f’titoli ħħeġġjati denominati f’USD.

Id-Deċiżjoni ma tkunx timponi xi rikors awtomatiku għal dawn l-assi jew l-istrumenti. Minflok, id-Deċiżjoni tkun qiegħda sempliċiment tawtorizza lill-Kummissjoni biex twettaq tali investimenti meta l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu propizji u meta tali investimenti jkunu konformi mal-orizzont tal-investiment tal-portafoll, b’kont meħud tal-pagamenti sal-2027 b’rabta mal-allokazzjoni annwali. Il-Kummissjoni se teżerċita prudenza u diliġenza dovuta fl-użu ta’ dawn il-possibbiltajiet ikbar ta’ investiment biex timmassimizza l-probabbiltà ta’ riżultati pożittivi. Hija se tirrapporta fuq id-deċiżjoni li tuża dawn is-setgħat fir-rapporti annwali tagħha, fejn tispjega r-raġunijiet tal-estensjoni tal-univers tal-investiment u tirrapporta dwar ir-riżultati osservati, ladarba d-data tal-prestazzjoni tkun disponibbli.

L-għażla tal-assi se tinkludi skrinjar doppju: negattiv (lista ta’ attivitajiet esklużi, għal raġunijiet etiċi jew morali, għall-finijiet ta’ investimenti tat-teżor) u pożittiv (biex tiġi favorita l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet pożittivi ambjentali, soċjali u ta’ governanza fl-għażla tal-investimenti). Il-karatteristiċi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) ta’ investiment dejjem qed isiru aktar importanti u l-Kummissjoni beħsiebha tkun eżemplari f’dan il-qasam.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija marbuta mad-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar. Il-Kunsill reċentement iddeċieda dwar il-possibbiltà tar-riużu tal-ammonti diżimpenjati għar-riċerka 6 . Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE se tiġi emendata b’mod parallel, u tqis il-modifiki proposti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika 

Il-bażi ġuridika li tagħti lill-UE d-dritt li taġixxi hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll anness mat-Trattati tal-UE dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, u partikolarment it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Il-miżuri li jimplimentaw il-Protokoll huma stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kunsill, li r-reviżjoni tagħha tappartjeni għad-dritt esklużiv tal-Kummissjoni ta’ inizjattiva.

Proporzjonalità

Il-proposta fiha dispożizzjonijiet anċillari u għalhekk hija meħtieġa għall-funzjonament tal-immaniġġjar ta’ assi mwettaq mill-Kummissjoni għall-KEFA f’likwidazzjoni u sussegwentement l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.

Għażla tal-istrument

Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE eżistenti hija “miżura li tistabbilixxi l-linji gwida finanzjarji pluriennali għall-immaniġġar tal-patrimonju tal-Fond ta’ Riċerka tal-faħam u l-azzar” kif prevista fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 37.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-proposta hija bbażata fuq ir-riżultati tar-rapport ta’ kull ħames snin, li jipprevedi rieżami regolari tal-adegwatezza tal-linji gwida. Ir-rapport ta’ kull ħames snin l-aktar reċenti kien ippubblikat fit-2 ta’ Marzu 2018 (COM(2018) 84 final).

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli. Il-partijiet ikkonċernati prinċipali huma l-Istati Membri, li se jiġu kkonsultati waqt il-proċess leġiżlattiv fil-Kunsill.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fl-2014 il-Bank Dinji wettaq evalwazzjoni bejn il-pari tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ assi mill-Kummissjoni (inkluż il-portafoll tal-KEFA f’likwidazzjoni). Fl-abbozzar ta’ din il-proposta għal reviżjoni tqiesu r-riżultati minn din l-evalwazzjoni bejn il-pari fir-rigward tal-qafas tal-linji gwida.

Reċentement, rieżami mill-Qorti tal-Awdituri dwar il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li ġie ppubblikat f’Settembru 2019 7 ikkonkluda li l-finanzjament tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar mhuwiex sostenibbli jekk isir biss fuq il-bażi tad-dħul mill-immaniġġjar ta’ assi fl-ambjent attwali ta’ rati tal-imgħax.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni proposta, billi l-impatt ekonomiku, ambjentali jew soċjali mistenni x’aktarx ma jkunx sinifikanti.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta hija bbażata fuq ir-riżultati tar-rapport ta’ kull ħames snin, li jipprevedi rieżami regolari tal-adegwatezza tal-linji gwida.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta hi konformi mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma toħloqx obbligazzjonijiet ġodda li għandhom jiġġarrbu mill-baġit ġenerali skont il-qafas finanzjarju pluriennali.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Kif previst fil-Punt 7 tal-linji gwida finanzjarji, il-Kummissjoni qed tirrapporta dwar l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar imwettqa fil-qafas ta’ dawn il-linji gwida finanzjarji lill-Istati Membri kull sitt xhur.

Barra minn hekk, kull sena jitfassal Rapport Finanzjarju li jiġi akkumpanjat mir-rapporti finanzjarji awditjati, u li jirrapporta dwar ir-riżultati tas-sena sħiħa.

Finalment, il-Kummissjoni tirrapporta kull ħames snin speċifikament fuq l-applikazzjoni tal-linji gwida finanzjarji (l-Artikolu 2).

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta biex tkun possibbli aktar diversifikazzjoni tal-assi eliġibbli

Il-linji gwida finanzjarji attwali jimplementaw approċċ relattivament restrittiv għad-definizzjoni ta’ assi eliġibbli. Pereżempju, dawn jirreferu għal ammonti limiti assoluti u nominali (pereżempju massimu ta’ EUR 250 miljun għal kull Stat Membru tal-UE), klassifikazzjoni tal-kreditu (pereżempju minimu ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ AA, ħlief għal Stati Membri tal-UE u għall-Istituzzjonijiet tal-UE) jew maturità massima (pereżempju jifdal massimu ta’ 10,5 snin max-xiri).

Dawn ir-restrizzjonijiet jeliminaw porzjonijiet kbar tas-swieq finanzjarji.

Pereżempju,

·ir-restrizzjonijiet tal-klassifikazzjoni jeskludu kważi kompletament is-suq tal-bonds korporattivi u finanzjarji, li jistgħu joffru diversifikazzjoni u redditi ogħla u li jistgħu jimmitigaw l-impatt tar-rati negattivi 8 fl-ambjent attwali;

·kunsiderazzjonijiet simili jirriżultaw fir-rigward tar-restrizzjonijiet tal-maturità, li jipprevjenu investimenti f’bonds b’dati itwal li jistgħu joffru benefiċċji simili 9 . Il-modifika ta’ dawn ir-restrizzjonijiet tippermetti allokazzjonijiet diversifikati tal-assi b’redditi ogħla mistennija għall-portafoll, filwaqt li r-riskju kumplessiv tal-portafoll jinżamm f’livelli simili ta’ kif jinsab fil-preżent bis-saħħa tal-effetti ta’ korrelazzjoni favorevoli.

Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, il-kundizzjonijiet tas-suq għall-maniġers tal-assi bi dħul fiss saru aktar diffiċli minħabba l-ambjent ta’ rati tal-imgħax baxxi u spiss negattivi li beda jipprevali, speċjalment għall-investimenti b’riskju ta’ kreditu baxx. F’dan il-kuntest huwa diffiċli ħafna għall-maniġers tal-assi ta’ dħul fiss li jiġġeneraw prestazzjoni pożittiva, speċjalment fl-orizzonti tal-investiment fuq perjodu medju / twil. Fl-2020 is-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora minħabba l-kriżi tal-coronavirus, li jaf testendi l-ambjent tar-rati baxxi / negattivi aktar fil-futur.

Sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi ta’ dawn il-fatturi, huwa importanti li l-maniġers tal-assi jkollhom aċċess għall-aktar univers tal-investiment wiesa’ possibbli. B’dan il-mod il-maniġers tal-assi jistgħu jtejbu d-diversifikazzjoni u jibbenefikaw minn klassijiet tal-assi b’mudelli ta’ redditu differenti u inqas korrelazzjonijiet. Għall-orizzonti tal-investiment twal, portafolli diversifikati ħafna x’aktarx ikollhom prestazzjoni aħjar mill-portafolli inqas diversifikati, b’livelli ta’ riskju simili.

Għaldaqstant qed jiġi propost li l-linji gwida finanzjarji attwali jinbidlu b’dawn il-modi li ġejjin.

A. Naġġustaw ir-restrizzjonijiet assoluti fuq il-limiti, il-gradazzjonijiet u l-maturità

Huwa propost li jiġi adottat approċċ iktar dinamiku fir-rigward tal-aspetti tekniċi ta’ implimentazzjoni li jridu iżjed flessibilità (bħalma huma d-determinazzjoni tal-limiti tar-riskju, il-maturità u l-konċentrazzjoni).

Dan l-approċċ, li jippermetti kalibrar aktar regolari skont l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq, jibni fuq il-linji gwida adottati reċentement mill-Kummissjoni għall-Fond ta’ Proviżjonament Komuni 10 , wieħed mill-portafolli ewlenin l-oħra mmaniġġjati mill-Kummissjoni. L-assi għandhom jiġu mmaniġġjati fuq il-bażi ta’ strateġija tal-investiment li tkun espressa fil-forma ta’ allokazzjoni strateġika tal-assi, li tirrifletti l-objettivi tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju. L-istrateġija tal-investiment għandha tkun riflessa f’parametru referenzjarju strateġiku. Il-parametru referenzjarju għandu jiġi stabbilit f’konformità mal-prattiki tal-industrija.

It-tolleranza tar-riskju tista’ wkoll tkun definita f’termini usa’ (pereżempju billi jkunu elenkati l-kategoriji tal-assi eliġibbli u l-parametri speċifiċi tar-riskju bħall-valur fir-riskju). Il-limiti jistgħu jiġu espressi f’termini tas-suq iktar milli ta’ valur nozzjonali u definiti bħala skoperturi ta’ persentaġġ tal-portafoll totali skont il-valur tas-suq. Dan jiddefinixxi b’mod iktar preċiż l-iskoperturi, għaliex minħabba l-ambjent ta’ rendiment baxx jew negattiv ħafna titoli jiġu pprezzati ħafna ogħla mill-valur ta’ parità (100 %) u l-valuri nominali jistgħu ma jkunux għadhom jirriflettu l-valur ekonomiku reali ta’ tali skoperturi. Raġuni oħra għaliex approċċ ta’ limitu bbażat fuq il-persentaġġ għall-valur tas-suq sar iktar relevanti hija f’każ ta’ tibdil fil-valur tas-suq tal-portafoll totali, jew minħabba valwazzjoni tas-suq jew ikkawżata minn flussi ta’ dħul jew ta’ ħruġ.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni jistgħu jiġu rfinati biex jippermettu d-differenzjazzjoni bejn skoperturi ta’ kreditu aktar sikuri u dawk aktar riskjużi, pereżempju billi skoperturi akbar ikunu possibbli biss għal emittenti tal-ogħla kwalità (ta’ grad għoli 11 ).

Huwa propost li l-istrumenti eliġibbli jiġu ddefiniti fil-linji gwida tal-immaniġġar ta’ assi filwaqt li l-parametru referenzjarju u l-limiti speċifiċi tal-investiment jiġu ddefiniti fid-dokumenti interni tal-Kummissjoni Ewropea.

B. Nippermettu investimenti f’muniti oħra

Attwalment, il-Linji Gwida Finanzjarji ma jgħidu xejn dwar l-eliġibbiltà ta’ investimenti f’munita barranija. F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li investimenti denominati f’euro jirrappreżentaw biss madwar 25 % tas-suq dinji tal-bonds.

Għalhekk qed jiġi propost li jkunu permessi espliċitament investimenti f’titoli ħħeġġjati denominati f’USD, maħruġa minn entitajiet sovrani, supranazzjonali, sottosovrani u aġenziji.

B’mod partikolari, l-investiment (parzjali) f’bonds b’likwidità għolja denominati f’dollari Amerikani maħruġa minn tali entitajiet jippermetti aċċess għal swieq likwidi u kbar, bħas-suq tad-dejn tal-gvern tal-Istati Uniti. Dan jista’ jkun utli minħabba restrizzjonijiet tal-likwidità msemmija hawn fuq fis-swieq ta’ bonds tal-euro. Barra minn hekk, dan ikun jippermetti li jinkisbu skoperturi b’kurva tar-rendiment differenti, possibbilment b’aktar opportunitajiet ta’ carry / roll down.

Ir-riskju tat-telf minħabba l-flutwazzjoni tar-rata tal-kambju jista’ jiġi ħħeġġjat. Jeżistu strumenti għall-iħħeġġjar tar-riskju tal-munita, iżda l-Linji Gwida Finanzjarji attwali ma jgħidu xejn dwar din it-tip ta’ operazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, bil-qbil tal-Uffiċċjal tal-Kontabbiltà, li l-investimenti ħħeġġjati f’muniti oħra (għajr USD) jistgħu jsiru espliċitament eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni. L-użu attwali ta’ dawn l-istrumenti jkollu ambitu limitat u jkun iqis il-kostijiet rilevanti u l-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti.

C. Inwessgħu l-ambitu ta’ veikoli ta’ investiment kollettiv

Fl-2014, twettqet evalwazzjoni tal-attivitajiet tat-teżor u tal-immaniġġjar tal-assi tal-Kummissjoni minn tim ta’ speċjalisti mill-Bank Dinji. Il-Bank Dinji rrieżamina fid-dettall il-proċessi użati mill-Kummissjoni, u kkonkluda li l-Kummissjoni tilħaq l-objettivi tagħha fl-immaniġġjar tal-portafolli taħt ir-responsabbiltà tagħha, f’konformità ma’ standards b’saħħithom tal-industrija. Il-Bank Dinji ppropona wkoll xi rakkomandazzjonijiet biex jittejbu iktar il-proċess ta’ investiment u r-redditi.

B’mod partikolari, għal fondi fuq terminu twil, il-Bank Dinji ssuġġerixxa li ċertu persentaġġ minn dawn il-fondi jiġi investit f’parteċipazzjonijiet fil-kapital, possibbilment permezz ta’ fondi ta’ investiment kollettiv. Dawn l-istrumenti, jekk magħżula bir-reqqa, jippermettu l-ksib ta’ skopertura tal-ekwità diversifikata sew. Minħabba li l-ekwitajiet għandhom korrelazzjoni relattivament iktar baxxa ma’ investimenti bi dħul fiss, dawn itejbu l-profil tar-riskju / redditu tal-portafoll fuq perjodu twil. Min-naħa l-oħra, l-allokazzjonijiet għal ekwitajiet jistgħu jżidu l-volatilità tar-redditi tal-portafoll fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju.

Il-veikoli ta’ investiment kollettiv huma diġà msemmija fil-linji gwida attwali, iżda huma assoċjati ma’ rekwiżit ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ mhux anqas minn AA li de facto l-iktar jimplika biss veikoli kollettivi bi dħul fiss fuq terminu qasir, bl-esklużjoni tal-maġġoranza tal-fondi ta’ dħul fiss u ta’ ekwità li ma għandhomx klassifikazzjoni tal-kreditu.

Għalhekk huwa propost li jiġi ċċarat l-ambitu tal-klassijiet tal-assi eliġibbli u tal-veikoli ta’ investiment kollettiv biex ikunu possibbli investimenti fl-ekwità u investimenti usa’ bi dħul fiss, anki f’dawk il-veikoli diversifikati sew.

Fil-qosor, huwa propost li bosta tipi tal-veikoli ta’ investiment kollettiv isiru eliġibbli (pereżempju fondi tas-suq monetarju, fondi negozjati fil-borża jew fondi mutwi). Sa livelli varji, dawn jistgħu joffru skopertura diversifikata għal indiċijiet wiesgħa tas-suq, ċerti setturi ġeografiċi partikolari u / jew klassijiet ta’ assi partikolari bħal introjtu fiss u / jew ekwitajiet.

D. Nippermettu li strumenti għall-iħħeġġjar oħra jimmaniġġjaw ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax

Id-derivattivi tar-rati tal-imgħax jirrappreżentaw għodda biex ikun immaniġġjat b’mod effiċjenti r-riskju tar-rata tal-imgħax u llum il-ġurnata spiss jintużaw minn istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi. Tipikament, dawn is-swieq ikunu wkoll likwidi — pereżempju, matul il-kriżi finanzjarja, is-suq tal-futuri baqa’ likwidu ħafna, b’kuntrast mas-suq tal-kontanti tal-bonds tal-gvern. L-użu ta’ dawn l-istrumenti jkun inkwadrat bi proċeduri tar-riskju u sistemi tal-IT robusti biex jiġu mmonitorjati u mmaniġġjati l-flussi ta’ ħidma operazzjonali relatati u r-riskju intrinsiku ta’ dan is-suq.

Kif spjegat hawn fuq, id-Deċiżjoni ma tkunx timponi xi rikors awtomatiku għal dawk l-assi jew l-istrumenti. Minflok, id-Deċiżjoni tkun qiegħda sempliċement tawtorizza lill-Kummissjoni biex twettaq tali investimenti meta l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu propizji. Il-Kummissjoni se teżerċita prudenza u diliġenza dovuta fl-użu ta’ dawn is-setgħat ikbar ta’ investiment biex timmassimizza l-probabbiltà ta’ riżultati pożittivi. Hija se tirrapporta fuq id-deċiżjoni li tuża dawn is-setgħat fir-rapporti annwali tagħha, fejn tispjega r-raġunijiet tal-estensjoni tal-univers tal-investiment u tirrapporta dwar ir-riżultati osservati, ladarba d-data tal-prestazzjoni tkun disponibbli.

E. Integrazzjoni tal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza

Hekk kif il-karatteristiċi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) ta’ investiment dejjem qed isiru aktar importanti u l-Kummissjoni trid tkun eżemplari f’dan il-qasam, id-Deċiżjoni tkun qed tenfasizza l-importanza tagħhom fil-proċess tal-għażla tal-assi. Din tkun tinkludi skrinjar doppju: pożittiv (biex tiġi favorita l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet pożittivi ambjentali, soċjali u ta’ governanza fl-għażla tal-investimenti) u negattiv (lista ta’ attivitajiet esklużi, għal raġunijiet etiċi jew morali, għall-finijiet ta’ investimenti tat-teżor).

2020/0143 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 12 , u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 13 ,

Billi:

(1)Sabiex tkun newtrali għall-klima sal-2050, l-Unjoni Ewropea teħtieġ “klima u riżorsi minn ta’ quddiem” biex tiżviluppa l-ewwel applikazzjonijiet kummerċjali ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji f’setturi industrijali ewlenin sal-2030, u proċess ta’ produzzjoni tal-azzar bi (kważi) żero emissjonijiet ta’ karbonju sal-2030.

(2)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE 14 , il-Kummissjoni għandha tamministra l-assi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar b’tali mod li tiżgura redditu fit-tul. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE 15 tistabbilixxi l-linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni ta’ dawn l-assi. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/77/KE, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina jew tissupplimenta dawk il-linji gwida u terġa’ tivvaluta l-operat u l-effikaċja tagħhom.

(3)Sabiex jiġi pprovdut appoġġ sinifikanti għal proġetti ta’ riċerka kollaborattiva siewja li jkollhom il-massa kritika u l-valur miżjud tal-Unjoni biex itejbu s-sostenibbiltà, il-kompetittività, is-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar, jeħtieġ li jiġi żgurat li jiġu pprovduti l-pagamenti relatati mal-allokazzjoni annwali definita u stabbilita fl-[Artikolu 2 tad-]Deċiżjoni 2003/76/KE sal-2027 biex jiġu ffinanzjati dawn il-proġetti. Jenħtieġ li dawn il-pagamenti jiġu ffinanzjati mid-dħul nett mill-investimenti u mir-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi sal-ammont annwali stabbilit mis-servizz deżinjat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2003/76/KE u d-Deċiżjoni 2008/376/KE.

(4)L-esperjenza miksuba fil-perjodu ta’ ħames snin l-aktar reċenti tal-implimentazzjoni tal-linji gwida finanzjarji (2012–2017) u l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tas-swieq finanzjarji juru l-ħtieġa li dawn il-linji gwida jiġu adattati.

(5)Jenħtieġ li l-assi li jifdal wara l-ġbid sal-2027 b’rabta mal-allokazzjoni annwali stabbilita bid-Deċiżjoni 2003/76/KE jiġu amministrati fuq il-bażi ta’ orizzont tal-investiment fit-tul, li jippermetti aktar diversifikazzjoni.

(6)Bħala medja, l-investiment ta’ parti kbira tal-assi għal perjodu twil huwa konsistenti mal-istennija ta’ redditi ogħla, b’kont meħud tal-possibbiltajiet ta’ fluttwazzjonijiet miżjuda fuq perjodu ta’ żmien qasir. Minkejja dan, jenħtieġ li l-investimenti jimmiraw li jiżguraw ammont suffiċjenti ta’ assi likwidi għall-pagamenti annwali mitluba mis-servizz deżinjat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2003/76/KE u tad-Deċiżjoni 2008/376/KE.

(7)Il-linji gwida finanzjarji jenħtieġ li jippermettu approċċ aktar flessibbli fir-rigward tal-aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni u jenħtieġ li jiddeterminaw strumenti tal-investiment xierqa biex jiksbu l-objettivi tal-investiment.

(8)Jenħtieġ li kull klassi tal-assi ma titqiesx waħedha, iżda bir-rwol tagħha f’portafoll diversifikat. Storikament, id-diversifikazzjoni bejn il-klassijiet tal-assi twassal għal iżjed redditi bl-istess livell ta’ riskju. Il-korrelazzjoni bejn l-assi hija importanti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet b’rabta mal-allokazzjoni tal-assi fil-kuntest tar-riskju ta’ investiment ġenerali u r-redditu.

(9)L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar jenħtieġ li jiġu amministrati fuq il-bażi ta’ strateġija tal-investiment li jenħtieġ li tkun espressa fil-forma ta’ allokazzjoni strateġika tal-assi / parametru referenzjarju, b’riflessjoni tal-objettivi tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-assi. Il-parametru referenzjarju jipprovdi gwida għall-investiment ta’ terminu twil lill-maniġers tal-portafolli, fil-forma ta’ allokazzjonijiet lil klassijiet tal-assi differenti.

(10)Il-linji gwida finanzjarji jenħtieġ li jippermettu investimenti f’bonds likwidi ħafna denominati f’dollari Amerikani, maħruġa minn entitajiet sovrani, supranazzjonali, sottosovrani u aġenziji tal-gvern, biex itejbu d-diversifikazzjoni, filwaqt li jiġu ħħeġġjati — bi grad xieraq — ir-riskji tat-telf minħabba l-flutwazzjoni tar-rata tal-kambju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi, bi qbil mal-Uffiċċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, dwar investimenti f’assi oħra li huma denominati f’muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra u / jew ta’ Stati Membri oħra. Jenħtieġ li dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq dimostrazzjoni sostanzjata b’mod sħiħ tal-vantaġġi tal-investiment inkwistjoni għall-prestazzjoni tal-assi. Jenħtieġ li l-linji gwida finanzjarji jwessgħu l-ambitu tal-investimenti eliġibbli biex joffru l-possibbiltà ta’ skopertura diversifikata għal indiċijiet wiesgħa tas-suq, ċerti setturi ġeografiċi u klassijiet tal-assi partikolari.

(11)Jenħtieġ li l-linji gwida finanzjarji jippermettu strumenti finanzjarji oħra, bħal kuntratti tal-futuri, kuntratti forward u swaps biex jiġu ġestiti r-riskji u l-iskoperturi bħar-riskju tar-rata tal-imgħax u tal-kambju.

(12)Il-karatteristiċi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) ta’ investiment dejjem qed isiru aktar importanti u jenħtieġ li jitqiesu fid-deċiżjonijiet tal-investiment. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/77/KE tiġi emendata wkoll biex jiġu introdotti l-karatteristiċi ESG bl-inklużjoni ta’ skrinjar pożittiv li jiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza fl-għażla tal-investimenti, u skrinjar negattiv li fih lista ta’ attivitajiet esklużi, għal raġunijiet etiċi jew morali, għall-finijiet ta’ investimenti tat-teżor.

(13)Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar imwettqa fil-qafas tal-linji gwida finanzjarji, ikun jipprovdi informazzjoni dwar l-allokazzjoni fil-klassijiet tal-assi differenti. Jenħtieġ li r-rapport annwali jispjega kwalunkwe bidla kbira fl-allokazzjoni strateġika tal-assi.

(14)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/77/KE tiġi emendata skont dan.

(15)Fid-dawl tal-konnessjoni strutturali mad-Deċiżjoni 2003/76/KE, din l-emenda jenħtieġ li tapplika biss mid-data li fiha tibda tapplika d-Deċiżjoni [XXXX/XX] li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar 16 . B’kont meħud tal-Artikolu 145 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 17 , ikun xieraq li din l-emenda tapplika biss mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2003/77/KE hija emendata kif ġej:

(1)jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

   “Artikolu 1a

L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom ikunu amministrati biex jipprovdu pagamenti annwali fil-limiti tal-allokazzjoni annwali ta’ EUR [111-il miljun] għall-finanzjament ta’ riċerka kollaborattiva fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar. Il-pagamenti annwali għandhom jiġu ffinanzjati mid-dħul nett mill-investimenti u mir-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, sal-ammont annwali stabbilit mis-servizz deżinjat tal-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2003/76/KE u d-Deċiżjoni 2008/376/KE.”;

(2)L-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hi għandha tapplika mid-data li fiha tibda tapplika d-Deċiżjoni [XXXX/XX] li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar 18 , jew mill-1 ta’ Jannar 2021, skont liema data tkun l-iżjed tard.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 29, 5.2.2003, p. 25.
(2)    Bid-dħul fis-seħħ, fil-31.1.2020, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 384I, 12.11.2019, p. 1), bdiet teżisti obbligazzjoni ġdida u relattivament kbira, prevista fl-Artikolu 145 tat-tali Ftehim. Madankollu, il-kobor tal-ammont huwa magħruf u l-impatt tiegħu huwa limitat ħafna fiż-żmien (ħames rati annwali li jitħallsu fil-perjodu 2021–2025).
(3)    ĠU L 255, 23.9.2008, p. 28-30.
(4)    L-ammont eżatt se jiġi stabbilit fil-bidu tal-2021. Skont l-Artikolu 145(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, “L-Unjoni għandha tkun responsabbli lejn ir-Renju Unit għas-sehem tiegħu tal-assi netti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar f’likwidazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020”.
(5)    Qed tiġi proposta data differita ta’ applikazzjoni għall-emenda biex tiġi evitata interferenza mal-applikazzjoni tal-Artikolu 145 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/599 tas-16 ta’ April 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 1-2).
(7)    Ibidem., p. 11-12, 17.
(8)    Irreferi wkoll għall-punt D ta’ hawn taħt għal mod iktar sofistikat biex jiġi mmaniġġjat ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u / jew tad-durata.
(9)    Il-benefiċċju tal-bonds b’termini itwal jiddependi fost l-oħrajn fuq kemm tkun wieqfa l-kurva tar-rendiment fil-mument tal-investiment. Benefiċċju ieħor tal-bonds b’termini itwal huwa li l-konvessità tkun ogħla; f’termini sempliċi, il-valuri tas-suq tagħhom jiggwadanjaw iktar għal ċertu tnaqqis fir-rati meta mqabbla mat-telf indott għal żieda ekwivalenti fir-rati.
(10)    C(2020) 1896 final.
(11)    It-terminu użat biex issir referenza għal klassifikazzjonijiet tal-kreditu ta’ AA-/Aa3 jew ogħla.
(12)    Il-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 327).
(13)    ĠU C , , p. .
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29, 5.2.2003, p. 22).
(15)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29, 5.2.2003, p. 25).
(16)    ĠU , , p. .
(17)    Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 384I, 12.11.2019, p. 1).
(18)    ĠU , , p. .
Top

Brussell, 16.7.2020

COM(2020) 321 final

ANNESS

tad-

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar


ANNESS

Linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar

1.UŻU TAL-FONDI

L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni, inklużi kemm il-portafoll ta’ self tagħha u l-investimenti tagħha, għandhom jintużaw kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet li jifdal tal-KEFA, f’termini ta’ self pendenti, tal-impenji tagħha li jirriżultaw mill-baġits operattivi preċedenti, u kull obbligazzjoni li ma hijiex prevista.

Sal-limitu li l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar ma jkunux meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet kif deskritti fl-ewwel subparagrafu, dawk l-assi għandhom jiġu investiti b’mod prudenti f’konformità mal-orizzont tal-investiment magħżul biex jinkisbu redditi li jistgħu jintużaw biex tkompli tiġi ffinanzjata r-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jintużaw biex jipprovdu pagamenti annwali fil-limiti tal-allokazzjoni annwali ta’ EUR [111-il miljun] għar-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar. Dawk il-pagamenti għandhom jiġu ġġenerati mid-dħul nett mill-investimenti. Fejn dak id-dħul nett ikun insuffiċjenti biex tiġi onorata l-allokazzjoni annwali, dan għandu jiġu ssupplimentat bir-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Wara l-2027, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu investiti b’tali mod li jipprovdu dħul li jista’ jintuża biex tiġi ffinanzjata l-kontinwazzjoni tar-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

2.ORIZZONT TAL-INVESTIMENT, OBJETTIV U TOLLERANZA TAR-RISKJU

L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, għandhom jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreservat u, fejn possibbli, jittejjeb il-valur ta’ dawk l-assi (l-“objettiv tal-investiment”). L-objettiv tal-investiment għandu jiġi segwit matul l-orizzont tal-investiment, u jitwassal b’livell ta’ affidabbiltà għoli.

L-assi għandhom jiġu amministrati f’konformità mar-regoli prudenzjali u mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni.

L-objettiv tal-investiment għandu jkun moqdi permezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-investiment prudenti fuq il-bażi ta’ grad għoli ta’ diversifikazzjoni fost il-klassijiet tal-assi eliġibbli, żoni ġeografiċi, emittenti u maturitajiet (l-“istrateġija tal-investiment”). L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi stipulata billi jitqies l-orizzont tal-investiment u b’mod li jiġi żgurat li l-fondi neċessarji jkunu disponibbli f’forma likwida biżżejjed kif u meta meħtieġ.

L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi espressa fil-forma ta’ allokazzjoni strateġika tal-assi, li għandha tistabbilixxi l-allokazzjonijiet indikattivi fil-mira għal kategoriji differenti ta’ assi finanzjarji eliġibbli.

Il-Kummissjoni għandha tirrifletti l-allokazzjoni strateġika tal-assi f’parametru referenzjarju strateġiku (il-“parametru referenzjarju”), li miegħu għandha titqabbel il-prestazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.

L-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni u maqbula mal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-uffiċjali awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni.

L-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju jistgħu jiġu mmodifikati mill-Kummissjoni f’każ ta’ bidla debitament ddokumentata u motivata fil-kundizzjonijiet ekonomiċi, bidla sostanzjali fil-ħtiġijiet u fis-sitwazzjoni tal-istrumenti ta’ kontribuzzjoni jew ta’ bidla sinifikanti fl-istimi tal-flussi tad-dħul / tal-ħruġ. Il-proċedura għal modifika tal-istrateġija ta’ investiment għandha tkun l-istess bħal dik għall-adozzjoni inizjali tagħha.

L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi stabbilita filwaqt li jitqies l-orizzont tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.

3.PRINĊIPJI TAL-ALLOKAZZJONI TAL-ASSI U INVESTIMENTI ELIĠIBBLI

Għandha tiġi żgurata diversifikazzjoni suffiċjenti fost il-klassijiet tal-assi kollha biex jonqsu r-riskji ta’ investiment. Fil-prinċipju, aktar ma assi jkun riskjuż u / jew inqas ma jkun likwidu, jenħtieġ li inqas tkun ikkonċentrata l-iskopertura.

L-iskopertura għall-klassijiet tal-assi differenti tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ investimenti f’impriżi ta’ investiment kollettiv jew fi prodotti negozjati fil-borża.

L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom ikunu investiti biss fil-prodotti li ġejjin:

(a)    assi tas-suq monetarju ddenominati f’euro;

(b)    titoli b’introjtu fiss, u;

(c)    investimenti kollettivi regolati f’dejn u ekwità.

L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiksbu skopertura għall-klassijiet tal-assi msemmija fis-subparagrafu preċedenti permezz ta’ investiment fl-istrumenti li ġejjin jew b’involviment fl-operazzjonijiet li ġejjin:

(a)    depożiti;

(b)    strumenti tas-suq monetarju u fondi tas-suq monetarju li joffru likwidità ta’ kuljum, regolati bir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ;

(c)    strumenti ta’ dejn, bħal bonds, kambjali tat-teżor u obbligazzjonijiet, u strumenti titolizzati skont il-kriterji Sempliċi, Trasparenti u Standardizzati (STS) stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ;

(d)    impriżi ta’ investiment kollettiv koperti mid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 li jinkludu fondi negozjati fil-borża li jinvestu f’ekwità jew fi strumenti ta’ dejn fejn it-telf massimu ma jistax jaqbeż l-ammonti investiti;

(e)    ftehimiet ta’ riakkwist f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 212(2) tar-Regolament Finanzjarju 4 ;

(f)    ftehimiet ta’ riakkwist invers;

(g)    operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli b’sistemi tal-ikklirjar rikonoxxuti bħal Clearstream u Euroclear, jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin li jispeċjalizzaw f’dawn it-tip ta’ operazzjonijiet.

Derivattivi, fil-forma ta’ kuntratti forward u tal-futuri u swaps, għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ mmaniġġjar effiċjenti tal-portafoll u mhux għal skopijiet ta’ spekulazzjoni jew ingranaġġ ta’ pożizzjonijiet. Dawn id-derivattivi jistgħu jintużaw għall-aġġustament tad-durata, għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu jew ta’ riskji rilevanti oħra jew għal bidliet fl-allokazzjoni tal-assi b’mod konsistenti mal-politika ta’ investiment.

L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar jistgħu jiġu investiti f’bonds likwidi ħafna denominati f’dollari Amerikani maħruġa minn entitajiet sovrani u supranazzjonali unikament għall-finijiet ta’ diversifikazzjoni u skopertura għal kurva ta’ rata tal-imgħax oħra. Kwalunkwe riskju tal-kambju għandu jiġi ħħeġġjat billi jintużaw kif xieraq swaps jew strumenti oħra għal iħħeġġjar tas-suq tal-muniti barranin, kif speċifikat fis-subparagrafu preċedenti.

Il-Kummissjoni tista’, bil-qbil tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà, tkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investimenti eliġibbli biex tinkludi klassijiet tal-assi u operazzjonijiet tal-investiment oħra konsistenti mal-istrateġija u mal-objettivi tal-investiment, kif ukoll muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra, kif elenkati minn żmien għal żmien mill-Fond Monetarju Internazzjonali u soġġetti għall-iħħeġġjar tar-riskju tal-kambju. Kull deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ klassijiet tal-assi, operazzjonijiet tal-investiment jew muniti ta’ ekonomiji avvanzati ġodda għandha tkun sostnuta minn ġustifikazzjoni sostanzjata għal kull klassi tal-assi, operazzjoni jew munita, dwar kif it-tkabbir tal-possibbiltajiet tal-investiment se jtejjeb il-prestazzjoni tar-riskju / redditu tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Din il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-kapaċitajiet operazzjonali meħtieġa biex jiġu appoġġati dawn il-possibbiltajiet ġodda ta’ investiment.

4.KUNSIDERAZZJONIJIET AMBJENTALI, SOĊJALI, TA’ GOVERNANZA U MORALI

Għandhom japplikaw il-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza li ġejjin:

(a)    l-investimenti tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu implimentati skont l-objettiv ta’ politika tal-Unjoni li trawwem il-finanzjament sostenibbli u l-ġustizzja soċjali sa fejn ikun konsistenti mal-preservazzjoni tal-kapital tal-assi;

(b)    l-implimentazzjoni tal-politika tal-investiment għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha li tippromwovi l-istrumenti finanzjarji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) u għandha tirrispetta l-istandards, is-sistemi, il-kriterji u l-proċessi rilevanti stabbiliti fil-qafas regolatorju tal-Unjoni;

(c)    il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Grupp ta’ Esperti Tekniċi tal-UE dwar il-Finanzjament Sostenibbli, jew is-suċċessur tiegħu, dwar l-implimentazzjoni tal-fatturi ESG fl-istrateġija tal-investiment għall-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.

(d)    il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-profil ESG tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, u tirrapporta dwaru fir-rapport annwali msemmi fil-punt 7 (Proċeduri ta’ Ġestjoni).

Minħabba raġunijiet etiċi jew morali huma esklużi l-investimenti fl-attivitajiet li jidhru fil-lista li ġejja:

(a)    investimenti f’titoli maħruġa minn entitajiet li, skont l-informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni, ikunu nstabu, skont sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali, li huma involuti f’xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(i). attivitajiet meqjusa bħala illegali jew ipprojbiti minħabba raġunijiet etiċi jew morali fil-qafas regolatorju tal-Unjoni u skont il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali;

(ii). attivitajiet relatati mal-iżvilupp, mal-produzzjoni u mal-kummerċ ta’ munizzjon jew armi li huma pprojbiti mil-liġi internazzjonali applikabbli.

(b)    investimenti f’titoli maħruġa minn impriżi li, skont l-informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni, jiġġeneraw aktar minn 25 % tad-dħul annwali globali tagħhom mill-attivitajiet elenkati hawn taħt:

(i). attivitajiet ta’ logħob tal-azzard (produzzjoni, kostruzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar, kummerċ jew attivitajiet relatati mas-software);

(ii). prodotti u attivitajiet relatati mat-tabakk (produzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar u kummerċ);

(iii). kummerċ tas-sess u infrastrutturi, servizzi u midja relatati.    

5.TRASFERIMENT GĦALL-BAĠIT TAL-UNJONI EWROPEA

Id-dħul nett mill-investimenti tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, u r-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi, se jiġu impenjati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala dħul iddedikat u se jiġu ttrasferiti mill-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, mill-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar meta meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet mil-linja baġitarja diretta lejn il-programmi ta’ riċerka għas-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

6.KONTABBILTÀ 

L-amministrazzjoni tal-fondi għandha tkun spjegata fil-kontijiet annwali tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq u ppreżentati skont ir-Regoli tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni kif adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, b’kont meħud tan-natura speċifika tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Il-kontijiet ikunu approvati mill-Kummissjoni u eżaminati mill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tqabbad ditti esterni biex iwettqu verifika annwali tal-kontijiet tagħha.

7.PROĊEDURI TA’ ĠESTJONI

Il-Kummissjoni għandha twettaq, fir-rigward tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni hawn fuq imsemmija skont dawn il-linji gwida u skont ir-regoli interni u l-proċeduri fis-seħħ għall-KEFA fil-mument tax-xoljiment tagħha jew kif modifikati wara.

Kull sena għandu jitfassal rapport dettaljat dwar l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni mwettqa skont dawn il-linji gwida finanzjarji u jintbagħat lill-Istati Membri. Fir-rapport annwali, il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-klassijiet tal-assi differenti, dwar ir-raġunijiet għall-għażla tagħha li tinvesti fi klassijiet speċifiċi tal-assi u dwar il-prestazzjonijiet osservati f’kull klassi tal-assi.

(1)    Ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8).
(2)    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(3)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (riformulazzjoni) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32), kif emendata.
(4)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
Top