EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0208

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi

COM/2019/208 final

Brussell, 14.6.2019

COM(2019) 208 final

2019/0101(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fit-13 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali tat sentenza fl-Azzjonijiet Diretti T-339/16 (Ville de Paris/Kummissjoni ), T-352/16 (Ville de Bruxelles/Kummissjoni) u T-391/16 (Ayuntamiento de Madrid/Kummissjoni) imressqa kontra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) 1 . Ir-Regolament (UE) 2016/646 jistabbilixxi l-fatturi ta’ konformità użati biex tiġi vvalutata l-konformità tal-vettura mal-limiti ta’ emissjoni waqt it-twettiq ta’ test tal-Emissjonijiet f’Sewqan Reali (RDE). Il-fatturi ta’ konformità kkontestati ntużaw biex titnaqqas progressivament id-diskrepanza bejn l-emissjonijiet imkejla f’sewqan reali u dawk imkejla f’laboratorju.

Il-Qorti ma tiddeċidix dwar il-ħtieġa teknika tal-fatturi ta’ konformità. Il-Qorti ssib li r-Regolament (UE) 2016/646 jimmodifika “de facto” il-limitu ta’ 80 mg/km stabbilit bir-Regolament (UE) 715/2007 billi jippermetti livell ogħla ta’ emissjonijiet f’testijiet tal-emissjonijiet f’sewqan reali milli meta jitkejlu l-emissjonijiet f’kundizzjonijiet tal-laboratorju. Il-Qorti ssib li l-leġiżlatur stess biss seta’ introduċa l-fattur ta’ konformità għaliex dan jaffettwa element essenzjali ta’ att leġiżlattiv (ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 2 ). Għalhekk il-Qorti annullat il-parti tar-Regolament (UE) 2016/646, li stabbilixxiet il-fatturi ta’ konformità.

L-annullament huwa ta’ natura parzjali. Il-proċedura tat-test RDE kif stabbilita mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/427 3 u emendata ulterjorment bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 4 , 2017/1154 5 u 2018/1832 6 għalhekk tibqa’ fis-seħħ u trid tibqa’ ssir waqt l-approvazzjoni tat-tip.

Il-ħtieġa li tiġi adottata l-proposta attwali tirriżulta direttament mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-Azzjonijiet Diretti T-339/16, T-352/16 u T-391/16 u l-adozzjoni rapida tagħha hija vitali sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali dwar l-approvazzjonijiet tat-tip diġà mogħtija mill-1 ta’ Settembru 2017, kif ukoll dwar l-approvazzjonijiet tat-tip futuri. Fil-fatt, huwa fundamentali li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ċarezza dwar ir-regoli applikabbli malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ sakemm is-sentenza tieħu effett, fit-23 ta’ Frar 2020. Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju possibbli tal-inċertezza legali, fl-Artikolu 3 ż-żmien ġie stabbilit għal tliet ijiem.

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali dwar l-approvazzjonijiet tat-tip diġà mogħtija mill-1 ta’ Settembru 2017, il-Qorti Ġenerali ttawwal l-effetti tal-annullament b’perjodu massimu ta’ 12-il xahar, (jiġifieri t-23 ta’ Frar 2020) li jagħti żmien lill-Kummissjoni biex timplimenta s-sentenza.

Sadanittant, u biex jiġi evitat piż żejjed għall-manifatturi li diġà ddisinjaw il-vetturi tagħhom filwaqt li qiesu l-proċedura RDE adottata qabel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jerġgħu jdaħħlu l-fatturi ta’ konformità adottati preċedentement.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-leġiżlatur jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex kull sena tirrevedi ’l isfel il-fatturi ta’ konformità stabbiliti mil-leġiżlatur, sabiex jiġi rifless il-progress fil-preċiżjoni tat-tagħmir tal-kejl portabbli. Dan se jippermetti li jitnaqqsu gradwalment saħansitra aktar l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) waqt is-sewqan reali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-regolamenti dwar l-emissjonijiet huma adottati bħala parti mill-qafas tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip tal-karozzi, tal-vannijiet, tat-trakkijiet, tal-karozzi tal-linja u tal-kowċis. L-istandards “Euro” suċċessivi huma indikati b’numri Għarab għall-vetturi ħfief (karozzi u vannijiet) u b’numri Rumani għall-vetturi heavy-duty (trakkijiet, karozzi tal-linja u kowċis). L-aktar standards reċenti huma Euro 6 għall-vetturi ħfief, u Euro VI għall-vetturi heavy-duty:

Id-Direttiva 2007/46/KE 7 tipprovdi qafas legali komuni għall-approvazzjoni tat-tip tal-karozzi, tal-vannijiet, tat-trakkijiet, tal-karozzi tal-linja u tal-kowċis.

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Euro 5 u 6 jistabbilixxi l-limiti ta’ emissjoni għall-karozzi għall-inkwinanti li huma rregolati, b’mod partikolari l-ossidi tan-nitroġenu (NOx, jiġifieri l-emissjonijiet ikkombinati ta’ NO u ta’ NO2) ta’ 80 mg/km.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

Ir-Regolamenti 2017/1151 (Proċedura ta’ Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief) u 2018/1832 (Emissjonijiet f’Sewqan Reali 4) qed jiddefinixxu l-proċeduri tat-test ġodda għall-approvazzjoni tat-tip tal-vettura u jippermettu l-ittestjar f’kundizzjonijiet reali, inkluż l-ittestjar minn laboratorji indipendenti ċċertifikati.

Ir-Regolament 595/2009/KE jeħtieġ li vetturi u magni heavy-duty ġodda jikkonformaw mal-limiti ta’ emissjoni l-ġodda u jintroduċi rekwiżiti addizzjonali dwar l-aċċess għall-informazzjoni.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI).

L-istandards suċċessivi ta’ emissjonijiet Euro wasslu għal tnaqqis sinifikanti ħafna fl-emissjonijiet ta’ partikuli tal-egżost kemm f’termini ta’ massa (PM) kif ukoll f’termini ta’ numri (PN) u ta’ inkwinanti oħrajn bħall-idrokarburi (HC) u l-monossidu tal-karbonju (CO). Madankollu, l-emissjonijiet tal-NOx u b’mod partikolari l-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) mit-trasport bit-triq ma tnaqqsux daqs kemm kien mistenni bl-introduzzjoni tal-istandards Euro sa mill-1991. Dan minħabba l-fatt li l-emissjonijiet waqt il-kundizzjonijiet ta’ sewqan “reali” huma spiss ogħla minn dawk imkejla waqt it-test tal-approvazzjoni tat-tip (b’mod partikolari għall-vetturi diżil).

Biex tindirizza l-emissjonijiet elevati fit-triq minn vetturi tal-passiġġieri, fejn ġiet osservata diskrepanza sinifikanti fl-ittestjar fil-laboratorju f’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni żviluppat il-proċedura tat-test RDE, li tapplika mill-1 ta’ Settembru 2017. Din il-proċedura ta’ ttestjar, li tirrifletti aħjar l-emissjonijiet reali fit-triq u tnaqqas id-diskrepanza bejn l-emissjonijiet imkejla f’sewqan reali għal dawk imkejla fil-laboratorju, tuża analizzaturi tal-emissjonijiet portabbli abbord biex tkejjel l-emissjonijiet waqt test fit-triq realistiku.

Il-proċedura RDE tikkomplementa l-proċedura bbażata fil-laboratorju biex tivverifika li l-livelli ta’ emissjonijiet tan-nitroġenu NOx u l-PN imkejla matul it-test tal-laboratorju jibqgħu baxxi wkoll f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali. Vetturi ħfief iċċertifikati bl-aħħar verżjoni tal-istandards tal-emissjonijiet bħala “Euro 6d-TEMP” jew “Euro 6d” huma ċċertifikati b’testijiet tal-emissjonijiet f’sewqan reali.

Flimkien mal-modifika sostanzjali tar-reġim ta’ ttestjar, ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur se jippermetti s-sorveljanza effettiva tas-suq tal-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa tjiebet matul dawn l-aħħar deċennji, bis-saħħa tal-isforzi konġunti mill-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan jinkludi tnaqqis fl-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja mill-2000 b’bejn 10 % u 70 %, skont l-inkwinanti (u tnaqqis ta’ 42 % għall-NOx). Dan it-tnaqqis huwa bbażat ukoll fuq is-suċċessi fil-kontroll tal-emissjonijiet permezz tal-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali fis-settur tat-trasport 8 .

Madankollu, il-bliet fl-Unjoni Ewropea kollha għadhom jiffaċċjaw problemi serji b’rabta ma’ konċentrazzjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu fil-beraħ (NO2), bit-trasport bit-triq bħala l-akbar kontributur ta’ eċċedenzi tal-valuri ta’ limitu stabbiliti mid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (id-Direttiva 2008/50/KE) għall-protezzjoni minn riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Għall-2016, 19-il Stat Membru rrappurtaw eċċedenzi 9 , ġeneralment f’żoni urbani u minħabba emissjonijiet għoljin ta’ NOx (NO + NO2) mit-traffiku lokali. L-emissjonijiet tal-NOx minn karozzi u vannijiet li jaħdmu bid-diżil, li jistgħu jkunu ogħla b’mod sinifikanti f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali mil-limiti ta’ emissjonijiet regolatorji mkejla fuq ċiklu ta’ test tal-laboratorju, jikkontribwixxu għal dan b’mod konsiderevoli 10 .

Il-limiti ta’ emissjoni obbligatorji tal-NOx għall-karozzi diżil fl-UE tnaqqsu progressivament minn 500 mg/km f’Euro 3 (ma kien hemm l-ebda limiti ta’ emissjoni ta’ NOx speċifikati għal vetturi li jaħdmu bid-diżil Euro 1 u 2) għal 80 mg/km f’Euro 6 11 . Madankollu, hemm evidenza li minkejja dawn il-limiti dejjem aktar stretti ta’ NOx, li huma vverifikati f’kundizzjonijiet tal-laboratorju u fuq ċiklu tat-test standardizzat, l-emissjonijiet ta’ NOx reali f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ma kinux niżlu sal-istess punt (Weiss et al. 2011).

Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni żviluppat il-proċedura tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE). Din il-proċedura ġdida ta’ ttestjar hija vitali għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-NOx f’sewqan reali minn karozzi diżil. Inizjalment kienet tapplika għal finijiet ta’ monitoraġġ mill-bidu tal-2016 biex tikkomplementa t-test tal-laboratorju u ilha applikabbli għal tipi ta’ vetturi ġodda mill-1 ta’ Settembru 2017; mill-1 ta’ Settembru 2019 se tapplika għall-vetturi ġodda kollha.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra li tikkonċerna l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur, l-azzjoni li qed tiġi kkunsidrata hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern.

L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea hija neċessarja minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata l-emerġenza ta’ ostakli għas-suq uniku, b’mod partikolari fl-industrija awtomobilistika, u minħabba n-natura transnazzjonali tat-tniġġis tal-arja u tat-tibdil fil-klima. Anki jekk l-effetti tal-inkwinanti tal-arja tossiċi ewlenin huma l-aktar severi qrib is-sors, l-effetti fuq il-kwalità tal-arja mhumiex limitati għal-livell lokali u t-tniġġis transfruntier jikkostitwixxi problema ambjentali serja li tista’ tfixkel is-soluzzjonijiet nazzjonali. L-immudellar atmosferiku juri li t-tniġġis rilaxxat fi Stat Membru wieħed jikkontribwixxi għat-tniġġis fi Stati Membri oħra. Sabiex tissolva l-problema tat-tniġġis tal-arja, hija meħtieġa azzjoni msaħħa fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata peress li tipprovdi għall-bidla legali meħtieġa u fl-istess ħin ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi bil-mutur fuq naħa u l-iżgurar taċ-ċertezza legali għall-manifatturi tal-vetturi fuq in-naħa l-oħra. Din tipprevedi l-kundizzjonijiet legali meħtieġa biex jinżammu, sa fejn hu possibbli, il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-manifatturi.

Għażla tal-istrument

L-użu ta’ Regolament huwa xieraq għaliex jemenda Regolament eżistenti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-partijiet ikkonċernati fis-settur awtomobilistiku qabel l-adozzjoni tal-fatturi ta’ konformità tal-RDE. Dan il-kwestjonarju talab għal informazzjoni u data tekniċi biex jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-mistoqsijiet iffukaw fuq dawn it-tliet punti:

a) Kompożizzjoni tal-flotta l-ġdida tal-vetturi diżil rigward it-teknoloġiji tat-tnaqqis tal-NOx;

b) Kwalunkwe data disponibbli dwar il-prestazzjoni attwali tal-emissjonijiet f’sewqan reali ta’ dawn il-vetturi;

c) Informazzjoni dwar il-potenzjal ta’ titjib ġeneriku tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tal-NOx tagħhom.

Waslu erba’ tweġibiet. Dawn it-tweġibiet ġew mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi (ACEA), l-Assoċjazzjoni għall-Kontroll tal-Emissjonijiet b’Katalizzatur (AECC), assoċjazzjoni tal-manifatturi tal-vetturi (sottomessa bil-kundizzjoni tal-anonimità) u fornitur ewlieni tal-Grad 1 (sottomessa bil-kundizzjoni tal-anonimità). L-ebda manifattur ta’ vettura ma kkontribwixxa informazzjoni minkejja talbiet orali bil-miktub u diversi talbiet orali fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti. Minn fost l-erba’ tweġibiet li waslu, dawk tal-AECC u tal-fornitur tal-Grad 1 biss taw informazzjoni u data rilevanti. It-tnejn l-oħra rriżultaw ta’ użu limitat ħafna f’dan il-kuntest.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/646, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) wettaq metastudju tad-data tal-emissjonijiet tal-NOx minn testijiet ta’ Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS) li saru fuq vetturi diżil Euro 6. Is-sett tad-data li rriżulta kien jinkludi 36 vettura diżil ta’ tipi differenti u 234 vjaġġ individwali ta’ ttestjar. Kien sett ta’ data komprensiv u affidabbli, li wera li l-livell medjan ta’ emissjonijiet tal-NOx ta’ vetturi diżil Euro 6 fit-triq kien madwar 4 (jiġifieri erba’ darbiet il-limitu regolatorju tal-NOx).

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt. Din l-inizjattiva sempliċement tbiddel l-istrument legali li permezz tiegħu jiġu stabbiliti l-istess fatturi ta’ konformità eżistenti li huma meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tal-proċedura tat-test RDE, u tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tkompli tirrevedi ’l isfel il-fattur ta’ konformità, biex tadattah għall-progress tekniku. Il-fatturi ta’ konformità ma għandhom l-ebda impatt fuq il-limiti tal-emissjonijiet eżistenti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 715/2007, li kienu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 12 .

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma ġġorrx konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

2019/0101 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 huwa wieħed mill-atti regolatorji separati li jaqa’ fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip stipulata fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 .

(2)Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 jesiġi li l-vetturi ħfief il-ġodda jikkonformaw ma’ ċerti limiti ta’ emissjoni (l-istandards Euro 5 u Euro 6) u jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Id-dispożizzjonijiet tekniċi speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament kienu stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 16 u sussegwentement, fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1151 17 .

(3)B’mod gradwali u b’mod sinifikanti, ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip rigward l-emissjonijiet minn vetturi bil-mutur saru aktar stretti permezz tal-introduzzjoni u r-reviżjoni sussegwenti tal-istandards Euro. Filwaqt li l-vetturi b’mod ġenerali wasslu tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet fil-firxa kollha tal-inkwinanti rregolati, dan ma kienx il-każ għall-emissjonijiet tal-NOx minn magni diżil jew għall-partiċelli minn magni b’injezzjoni diretta tal-petrol, installati b’mod partikolari fil-vetturi ħfief. Għalhekk, huma meħtieġa azzjonijiet biex din is-sitwazzjoni tiġi kkoreġuta.

(4)Il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tal-proċeduri, tat-testijiet u tar-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 692/2008 fuq il-bażi tar-riċerka tagħha stess u ta’ informazzjoni esterna u sabet li l-emissjonijiet iġġenerati minn sewqan reali fit-triq ta’ vetturi Euro 5 jew Euro 6 jaqbżu b’mod sostanzjali l-emissjonijiet imkejla fuq iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC) regolatorju, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi diżil.

(5)Bħala riżultat, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija ġdida għall-ittestjar tal-emissjonijiet tal-vetturi f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, il-proċedura tat-test tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE). Il-proċedura tat-test RDE ġiet introdotta mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 18 u (UE) 2016/646 19 , sussegwentement meħuda fir-Regolament (UE) 2017/1151 u mtejba aktar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1154 20 .

(6)Ir-Regolament (UE) Nru 2016/646 21 introduċa d-dati tal-applikazzjoni tal-proċedura tat-test RDE, kif ukoll il-kriterji ta’ konformità għall-RDE. Għal dak il-fini, intużaw fatturi ta’ konformità speċifiċi għall-inkwinanti biex jitqiesu l-inċertezzi tekniċi u statistiċi tal-kejl li sar permezz ta’ Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS).

(7)Fit-13 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali tat sentenza fil-Kawżi Konġunti T-339/16, T-352/16 u T-391/16 22 rigward rikors għal annullament tar-Regolament (UE) Nru 2016/646. Il-Qorti Ġenerali annullat il-parti tar-Regolament (UE) 2016/646 li stabbilixxiet il-fatturi ta’ konformità użati biex tiġi vvalutata l-konformità tar-riżultati tat-test RDE mal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Il-Qorti sabet li l-leġiżlatur biss jista’ jintroduċi dawk il-fatturi ta’ konformità għaliex dawn kienu jaffettwaw element essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

(8)Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx il-ġustifikazzjoni teknika tal-fatturi ta’ konformità. Għalhekk, u billi fl-istadju attwali tal-iżvilupp teknoloġiku għad hemm diskrepanza bejn l-emissjonijiet imkejla f’sewqan reali u dawk imkejla f’laboratorju, huwa xieraq li jiġu introdotti l-fatturi ta’ konformità fir-Regolament (KE) Nru 715/2007.

(9)Sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-limiti ta’ emissjoni Euro 6 fil-kuntest tal-proċedura tat-test RDE, il-kriterji ta’ konformità għall-RDE għandhom jiġu introdotti f’żewġ stadji. Matul l-ewwel stadju, wara talba tal-manifattur, jenħtieġ li japplika fattur ta’ konformità temporanju, filwaqt li bħala t-tieni stadju jenħtieġ li jintuża biss il-fattur ta’ konformità finali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ tirrevedi l-fatturi ta’ konformità finali fid-dawl tal-progress tekniku.

(10)It-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi l-possibbiltà li l-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Il-miżuri li jistgħu jiġu koperti b’delegi tas-setgħat, kif imsemmi fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE, fil-prinċipju jikkorrispondu ma’ dawk koperti mill-proċedura regolatorja bl-iskrutinju stabbilit bl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE 23 . Għalhekk jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju jiġu adattati għall-Artikolu 290 tat-TFUE.

(11)Sabiex jingħata kontribut għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja u sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi, it-testijiet u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip. Jenħtieġ li dik id-delega tinkludi l-issupplimentar tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 permezz ta’ tali regoli riveduti kif ukoll iċ-ċikli tat-test użati biex jitkejlu l-emissjonijiet; ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet; il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ manifattur li jipprovdi aċċess mhux ristrett u standardizzat għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi; l-adozzjoni ta’ proċedura ta’ kejl riveduta għall-partikulati. Jenħtieġ li d-delega tinkludi wkoll l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 bil-għan li l-fatturi ta’ konformità finali li jiġu riveduti ’l isfel sabiex dawn jirriflettu l-progress tekniku fil-PEMS u l-ikkalibrar mill-ġdid tal-valuri ta’ limitu bbażati fuq il-massa ta’ partikuli u l-introduzzjoni ta’ valuri ta’ limitu bbażati fuq in-numru ta’ partikuli. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom jenħtieġ li jkollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(12)Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-implimentazzjoni fid-dawl tal-progress tekniku, jenħtieġ li l-proċeduri regolatorji bi skrutinju pendenti jitlestew fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament li fih il-kumitat ikun diġà ta l-opinjoni tiegħu, skont l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(13)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 4(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 715/2007, jenħtieġ li s-setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 .

(14)Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli dwar l-emissjonijiet minn vetturi bil-mutur sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet bażiċi tal-kwalità tal-arja, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li vetturi bil-mutur b’approvazzjoni tat-tip valida jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bejn il-fruntieri nazzjonali iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(15)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 715/2007 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 2(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  Wara talba tal-manifattur, l-approvazzjoni tat-tip mogħtija skont dan ir-Regolament tista’ tiġi estiża minn vetturi li jaqgħu fil-kuntest tal-paragrafu 1 għall-vetturi M1, M2, N1 u N2 kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE b’massa ta’ referenza li ma taqbiżx l-2 840 kg u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. ”;

(2)Fl-Artikolu 3 il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: ”;

(3)L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, irreġistrati jew imqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skont dan ir-Regolament. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li tagħmir tal-bdil ġdid kollu għall-kontroll tat-tniġġis, li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skont dan ir-Regolament.

Dawk l-obbligi jinkludu l-issodisfar tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I. Għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-konformità mal-limiti ta’ emissjoni Euro 6 stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness I, il-valuri tal-emissjonijiet determinati waqt kwalunkwe test validu tal-Emissjonijiet f’Sewqan Reali (RDE) għandhom jiġu diviżi bil-fattur ta’ konformità applikabbli stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I. Ir-riżultat għandu jibqa’ taħt il-limiti ta’ emissjoni Euro 6 stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ dak l-Anness.”;

(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-proċeduri u r-rekwiżiti speċifiċi msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). ”;

(4)L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u mmuntati b’mod li jippermetti li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament.”;

(b)fil-paragrafu 3, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 14a sabiex tissupplimenta l-paragrafi 1 u 2 billi tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi u billi tiżviluppa l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni tat-tip stipulati f’dan il-paragrafu relatati b’mod partikolari:”;

(5)fl-Artikolu 6(7), it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“F’każ li din l-informazzjoni tkun għadha mhix disponibbli jew tkun għadha ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament f’dak il-waqt, il-manifattur għandu jipprovdiha fi żmien sitt xhur mid-data tal-approvazzjoni tat-tip. ”;

(6)L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Atti delegati dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a sabiex tissupplimenta l-Artikoli 6 u 7. Dan għandu jinkludi d-definizzjoni u l-aġġornament ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-mod ta’ kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, b’mod li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs.”;

(7)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.  B’effett mit-2 ta’ Lulju 2007, jekk manifattur hekk jitlob, għal raġunijiet relatati mal-emissjonijiet jew mal-konsum tal-fjuwil minn vetturi, l-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ġdid ta’ vettura, jew jipprojbixxu ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz tal-vettura l-ġdida, meta l-vettura konċernata tikkonforma ma’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari mal-valuri ta’ limitu Euro 5 stipulati fit-Tabella 1 tal-Anness I jew mal-valuri ta’ limitu Euro 6 stipulati fit-Tabella 2 tal-Anness I, soġġett għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1).”

(b)il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4. B’effett mill-1 ta’ Settembru 2014, u mill-1 ta’ Settembru 2015 fil-każ tal-vetturi tal-kategorija N1 il-klassi II u l-klassi III u tal-kategorija N2, għal raġunijiet relatati mal-emissjonijiet jew mal-konsum tal-fjuwil, l-awtoritajiet għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni nazzjonali tat-tip għal tipi ġodda ta’ vetturi li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari mal-valuri ta’ limitu Euro 6 stipulati fit-Tabella 2 tal-Anness I.

Matul kwalunkwe test RDE validu, il-konformità mal-valuri ta’ limitu Euro 6 għandha tiġi ddeterminata billi jitqies il-fattur ta’ konformità speċifiku għall-inkwinanti stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

5.  B’effett mill-1 ta’ Settembru 2015, u mill-1 ta’ Settembru 2016 fil-każ tal-vetturi tal-kategorija N1 il-klassi II u l-klassi III u tal-kategorija N2, fil-każ ta’ vetturi ġodda li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari mal-valuri ta’ limitu Euro 6 stipulati fit-Tabella 2 tal-Anness I, [“kif iddeterminati skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4”] l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkunsidraw iċ-ċertifikati ta’ konformità bħala li m’għadhomx aktar validi għall-finijiet tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2007/46/KE u għandhom, għal raġunijiet relatati mal-emissjonijiet jew mal-konsum tal-fjuwil, jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ tali vetturi.

Matul kwalunkwe test RDE validu, il-konformità mal-valuri ta’ limitu Euro 6 għandha tiġi ddeterminata billi jitqies il-fattur ta’ konformità speċifiku għall-inkwinanti stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1).”;

(8)L-Artikolu 11(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.  Dwar tagħmir tal-bdil ġdid għall-kontroll tat-tniġġis maħsub biex jitpoġġa fuq vetturi approvati skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprojbixxu l-bejgħ jew l-istallazzjoni tiegħu fuq vettura jekk ma jkunux ta’ tip li għalih tkun inħarġet approvazzjoni tat-tip b’konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

(9)fl-Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu inċentivi finanzjarji li japplikaw għal vetturi f’produzzjoni tas-serje li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.”;

(10)fl-Artikolu 14, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 14a sabiex tadotta l-miżuri li ġejjin abbażi tar-riżultati tal-Programm ta’ Kejl tal-Partikuli tal-UNECE, imwettaq taħt l-awspiċi tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi, mingħajr ma jitbaxxa l-livell ta’ protezzjoni ambjentali fi ħdan l-Unjoni:

(a)    li temenda dan ir-Regolament għall-finijiet tar-reviżjoni tal-valuri ta’ limitu tal-massa ta’ partikuli u tan-numru ta’ partikuli stabbiliti fl-Anness I;

(b)    li tissupplimenta dan ir-Regolament permezz tal-adozzjoni ta’ proċedura ta’ kejl riveduta għan-numri tal-partikuli.

3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14a li:

(a) jissupplimentaw dan ir-Regolament sabiex jadattaw il-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti kif ukoll iċ-ċikli tat-test użati biex jitkejlu l-emissjonijiet sabiex jirriflettu b’mod adegwat l-emissjonijiet f’sewqan reali;

(b) jemendaw dan ir-Regolament sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku għall-fatturi ta’ konformità finali speċifiċi għall-inkwinanti stabbiliti fit-Tabella 2a tal-Anness I.”;

(11)Jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14a

Eżerċizzju tad-delega

1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 14(2) u (3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn ... [date of entry into force ]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 14(2) u (3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament.

6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(3), skont l-Artikolu 8 u skont l-Artikolu 14(2) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu għarrfu t-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(12)L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2007/46/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;

(13)L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-proċeduri pendenti skont l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8 u l-Artikolu 14(2) u (3) tar- Regolament (KE) Nru 715/2007 li fihom il-kumitat ikun diġà ta l-opinjoni tiegħu skont l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 109, 26.4.2016, p. 1.
(2)    Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 tal-10 ta’ Marzu 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 6), ĠU L 82, 31.3.2016, p. 1.
(4)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6), ĠU L 109, 26.4.2016, p. 1.
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 tas-7 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1151 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 u d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emissjonijiet f’sewqan reali ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 6), ĠU L 175, 7.7.2017, p. 708.
(6)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1832 tal-5 ta’ Novembru 2018 li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 għall-fini tat-titjib tat-testijiet u l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet għal vetturi ħfief għall-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali, inklużi dawk it-testijiet u l-proċeduri għall-konformità fis-servizz u l-emissjonijiet f'sewqan reali u li jintroduċi mezzi għall-monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil u tal-enerġija elettrika, ĠU L 301, 27.11.2018, p. 1.
(7)    Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru), ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.
(8)    Ara: COM(2018) 330 Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd.
(9)    Ara: EEA, 2019. Air Quality in Europe – 2018 report. https://www.eea.europa.eu/publications/air-quality-in-europe-2018  
(10)    It-traffiku fit-toroq huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu fl-UE. Mit-total tal-ossidi tan-nitroġenu ġejjin mit-traffiku, madwar 80 % ġej minn vetturi li jaħdmu bid-diżil.
(11)    Il-valur ta’ limitu tal-NOx f’Euro 6 ġie introdott fl-2007 u sar applikabbli għal tipi ġodda f’Settembru 2014 u għal vetturi ġodda f’Settembru 2015.
(12)    Commission staff working document - Annex to the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on type approval of motor vehicles with respect to emissions and on access to vehicle repair information, amending Directive 72/306/EEC and Directive ../../EC - Impact Assessment {COM(2005) 683 final}./* SEC/2005/1745 */
(13)    ĠU C , , p. .
(14)    Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).
(15)    Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).
(16)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).
(17)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).
(18)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 tal-10 ta’ Marzu 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 82, 31.03.2016, p. 1).
(19)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 109, 26.04.2016, p. 1).
(20)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 tas-7 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1151 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 u d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emissjonijiet f’sewqan reali ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 175, 07.07.2017, p. 708)
(21)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 109, 26.04.2016, p. 1).
(22)    Is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid v Commission, T-339/16, T-352/16 u T-391/16, EU:T:2018:927.
(23)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni, konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).
(24)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
Top

Brussell, 14.6.2019

COM(2019) 208 final

ANNESS

ta’ [...]

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, tiżdied it-Tabella 2a li ġejja:

 Tabella 2a

Fatturi ta’ Konformità tal-Emissjonijiet f’Sewqan Reali

Ossidi tan-nitroġenu (NO x)

Numru ta’ partikuli (PN)

Monossidu tal-karbonju (CO)( 1 )

Idrokarburi totali (HC)

Idrokarburi kkombinati u ossidi tan-nitroġenu (THC + NOx)

CFinkwinant-finali(2)

1,43

1,5

CF inkwinant-temp (3)

2,1

1,5

(1) L-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju għandhom jitkejlu u jiġu rreġistrati fit-testijiet RDE kollha.

(2) CFinkwinant-finali huwa l-fattur ta’ konformità użat biex tiġi ddeterminata l-konformità mal-limiti ta’ emissjoni Euro 6 billi jitqiesu l-inċertezzi tekniċi marbuta mal-użu tas-Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS).

(3) CF inkwinant-temp huwa l-fattur ta’ konformità temporanju li jista’ jintuża wara talba tal-manifattur bħala alternattiva għal CFinkwinant-finali matul perjodu ta’ 5 snin u 4 xhur wara d-dati speċifikati fl-Artikolu 10(4) u (5).”.

Top