IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu,17.4.2018
COM(2018) 225 final
2018/0108(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali
{SWD(2018) 118 final}
{SWD(2018) 119 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta
Illum, l-użu tal-midja soċjali, tal-webmail, tas-servizzi u l-applikazzjonijiet (“apps”) ta’ messaġġerija sabiex wieħed jikkomunika, jaħdem, jissoċjalizza u jikseb l-informazzjoni, sar komuni f’bosta partijiet tad-dinja. Dawn is-servizzi jikkollegaw mijiet ta’ miljuni ta’ utenti ma’ xulxin. Huma jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti għall-benesseri ekonomiku u soċjali tal-utenti fl-Unjoni u lil hinn. Madankollu, huma jistgħu jintużaw ukoll ħażin sabiex titwettaq jew tiġi faċilitata l-kriminalità, inkluża kriminalità serja bħal attakki terroristiċi. Meta dan iseħħ, dawn is-servizzi u apps ħafna drabi jkunu l-uniku post fejn l-investigaturi jistgħu jsibu ħjiel sabiex jiddeterminaw min wettaq il-kriminalità u jiksbu evidenza li tista’ tintuża fil-qorti.
Minħabba n-natura mingħajr fruntieri tal-internet, dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn kwalunkwe post fid-dinja u mhux neċessarjament jirrikjedu infrastruttura fiżika, preżenza korporattiva jew persunal fl-Istati Membri fejn jiġu offruti s-servizzi jew fis-suq intern sħiħ. Huma ma jirrikjedux ukoll post speċifiku għall-ħażna tad-data, li ħafna drabi jintgħażel mill-fornitur tas-servizzi abbażi ta’ konsiderazzjonijiet leġittimi bħas-sigurtà tad-data, l-ekonomiji ta’ skala u l-ħeffa tal-aċċess. B’riżultat ta’ dan, f’għadd dejjem jiżdied ta’ każijiet kriminali li jinvolvu kull tip ta’ kriminalità, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrikjedu aċċess għal data li tista’ sservi bħala evidenza u li tkun maħżuna barra mill-pajjiż tagħhom u/jew minn fornituri tas-servizzi fi Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.
Għal sitwazzjonijiet fejn l-evidenza jew il-fornitur tas-servizzi jkunu jinstabu xi mkien ieħor, diversi deċennji ilu ġew żviluppati mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi. Minkejja riformi regolari, dawn il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jinsabu taħt pressjoni dejjem tiżdied mill-ħtieġa dejjem akbar ta’ aċċess transfruntiera għall-evidenza elettronika. Bi tweġiba, għadd ta’ Stati Membri u pajjiżi terzi espandew l-għodod nazzjonali tagħhom. Il-frammentazzjoni li tirriżulta tiġġenera inċertezza tad-dritt u obbligi konfliġġenti u tqajjem mistoqsijiet dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji proċedurali għall-persuni affettwati minn dawn it-talbiet.
Fl-2016, il-Kunsill sejjaħ għal azzjoni konkreta bbażata fuq approċċ komuni tal-UE sabiex l-assistenza legali reċiproka ssir aktar effiċjenti; sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi bbażati f’pajjiżi mhux tal-UE; u sabiex jiġu proposti soluzzjonijiet għall-problema tal-iddeterminar u l-infurzar tal-ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju. Il-Parlament Ewropew issottolinja bl-istess mod l-isfidi li l-qafas legali frammentat ta’ bħalissa jista’ joħloq għall-fornituri tas-servizzi li jkunu qegħdin ifittxu li jikkonformaw mat-talbiet ta’ infurzar tal-liġi u sejjaħ għal qafas legali Ewropew, inklużi salvagwardji għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha kkonċernati.
Din il-proposta timmira l-problema speċifika maħluqa min-natura volatili tal-evidenza elettronika u d-dimensjoni internazzjonali tagħha. Hija tfittex li tadatta l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għall-era diġitali, biex tagħti lill-ġudikatura u lill-infurzar tal-liġi l-għodod sabiex jindirizzaw il-mod kif il-kriminali jikkomunikaw illum u sabiex jiġġieldu l-forom moderni ta’ kriminalità. Dawn l-għodod huma kondizzjonali għall-fatt li jkunu soġġetti għal mekkaniżmi ta’ protezzjoni b’saħħithom għad-drittijiet fundamentali. Din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb iċ-ċertezza tad-dritt għall-awtoritajiet, il-fornituri tas-servizzi u l-persuni affettwati u li żżomm standard għoli għat-talbiet ta’ infurzar tal-liġi, u b’hekk tassigura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Hija tħaffef ukoll il-proċess sabiex tiġi assigurata u miksuba evidenza elettronika li tkun maħżuna u/jew miżmuma minn fornituri tas-servizzi stabbiliti f’ġurisdizzjoni oħra. Dan l-istrument se jeżisti flimkien mal-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja preżenti li għadhom rilevanti u jistgħu jintużaw kif ikun xieraq mill-awtoritajiet kompetenti. B’mod parallel, il-Kummissjoni qiegħda taħdem sabiex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja eżistenti permezz ta’ miżuri bħall-ħolqien ta’ pjattaforma sigura għall-iskambju veloċi ta’ talbiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fi ħdan l-UE u l-investiment ta’ EUR 1 miljun għat-taħriġ ta’ professjonisti mill-Istati Membri kollha tal-UE dwar l-assistenza legali reċiproka u l-kooperazzjoni, b’fokus fuq l-Istati Uniti bħala l-pajjiż terz li jirċievi l-akbar għadd ta’ talbiet mill-UE.
Għan-notifika u l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet b’dan l-istrument, l-awtoritajiet għandhom jibbażaw fuq ir-rappreżentant legali maħtur mill-fornituri ta’ servizz. Il-Kummissjoni llum qiegħda tippreżenta proposta sabiex tassigura li dawn ir-rappreżentanti legali fil-fatt jinħatru. Hija tipprovdi soluzzjoni komuni, għall-UE kollha, għall-indirizzar tal-ordnijiet legali lill-fornituri tas-servizzi permezz ta’ rappreżentant legali.
•Konsistenza mal-qafas legali eżistenti tal-UE fil-qasam ta’ politika u mal-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa
Il-qafas legali attwali tal-UE jikkonsisti minn strumenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni f’materji kriminali, bħad-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (id-Direttiva dwar l-OIE), il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA li tistabbilixxi Eurojust, ir-Regolament (UE) 2016/794 dwar il-Europol, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti, kif ukoll ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u pajjiżi mhux tal-UE, bħall-Ftehim dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka (“MLA”) bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Ftehim dwar l-MLA bejn l-UE u l-Ġappun.
Billi tintroduċi l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej, il-proposta tagħmilha aktar faċli biex tiġi assigurata u miġbura evidenza elettronika għal-proċedimenti kriminali, li tkun maħżuna jew miżmuma minn fornituri tas-servizzi f’ġurisdizzjoni oħra. Id-Direttiva dwar l-OIE, li fil-biċċa l-kbira ssostitwiet il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali, tkopri kwalunkwe miżura investigattiva. Dan jinkludi l-aċċess għall-evidenza elettronika iżda d-Direttiva dwar l-OIE ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar din it-tip ta’ evidenza. L-istrument il-ġdid mhux se jieħu post l-OIE sabiex tinkiseb l-evidenza elettronika iżda jipprovdi għodda addizzjonali għall-awtoritajiet. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet, pereżempju meta jkunu jridu jitwettqu diversi miżuri investigattivi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fejn l-OIE tista’ tkun l-għażla preferuta għall-awtoritajiet pubbliċi. Il-ħolqien ta’ strument ġdid għall-evidenza elettronika huwa alternattiva aħjar mill-emendar tad-Direttiva dwar l-OIE minħabba l-isfidi speċifiċi inerenti sabiex tinkiseb l-evidenza elettronika li ma jaffettwawx il-miżuri investigattivi l-oħra koperti mid-Direttiva dwar l-OIE.
Sabiex jiffaċilita l-ġbir transfruntiera ta’ evidenza elettronika, l-istrument il-ġdid se jibni fuq il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku. Awtorità fil-pajjiż fejn ikun jinstab id-destinatarju tal-Ordni mhux se jkollha għalfejn tkun involuta direttament fin-notifika u l-eżekuzzjoni tal-Ordni, ħlief jekk ikun hemm nuqqas ta’ konformità, f’liema każ ikun meħtieġ infurzar u tintervjeni l-awtorità kompetenti fil-pajjiż fejn ikun jinstab ir-rappreżentant. L-istrument għalhekk jirrikjedi sett ta’ salvagwardji u dispożizzjonijiet b’saħħithom, bħall-validazzjoni minn awtorità ġudizzjarja f’kull każ. Pereżempju, l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej sabiex tiġi prodotta data dwar it-tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut (b’differenza mid-data dwar l-abbonati u d-data ta’ aċċess) jistgħu jinħarġu biss għal reati kriminali li fl-Istat emittenti jkunu punibbli permezz ta’ piena ta’ kustodja ta’ perjodu massimu ta’ mill-anqas 3 snin, jew għal kriminalità speċifika ċiberdipendenti, kriminalità bl-użu tal-internet jew kriminalità relatata mat-terroriżmu kif imsemmija fil-proposta.
Id-data personali koperta minn din il-proposta hija protetta u tista’ tiġi pproċessata biss skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Awtoritajiet tal-Pulizija u tal-Ġustizzja Kriminali (id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Infurzar tal-Liġi). Il-GDPR se jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018, filwaqt li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Infurzar tal-Liġi trid tiġi trasposta mill-Istati Membri sas-6 ta’ Mejju 2018.
Il-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa (CETS Nru 185), ratifikata mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, tistabbilixxi mekkaniżmi internazzjonali għall-kooperazzjoni kontra ċ-ċiberkriminalità. Il-Konvenzjoni tittratta kriminalità mwettqa permezz tal-internet u netwerks oħra tal-kompjuter. Hija tirrikjedi wkoll li l-Partijiet jistabbilixxu setgħat u proċeduri biex jiksbu l-evidenza elettronika u li jipprovdu assistenza legali reċiproka lil xulxin, mhux limitata għaċ-ċiberkriminalità. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tirrikjedi li l-Partijiet jistabbilixxu ordnijiet ta’ produzzjoni sabiex tinkiseb data tal-kompjuter mingħand fornituri ta’ servizz fit-territorju tagħhom u data dwar l-abbonati mingħand il-fornituri ta’ servizz li joffru servizzi fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tipprovdi għal ordnijiet ta’ preservazzjoni meta jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li d-data tal-kompjuter tkun partikolarment vulnerabbli għal telf jew modifika. In-notifika u l-eżegwibbiltà tal-ordnijiet ta’ produzzjoni nazzjonali kontra fornituri stabbiliti barra t-territorju ta’ xi Parti għall-Konvenzjoni jqajmu aktar kwistjonijiet. F’dan ir-rigward, bħalissa qegħdin jiġu kkunsidrati miżuri ulterjuri sabiex jittejjeb l-aċċess transfruntiera għall-evidenza elettronika.
•Sommarju tar-Regolament propost
Ir-Regolament propost jintroduċi Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej vinkolanti. Iż-żewġ Ordnijiet iridu jinħarġu jew jiġu vvalidati minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru. Tista’ tinħareġ ordni sabiex titfittex il-preservazzjoni jew il-produzzjoni ta’ data li tkun maħżuna minn fornitur tas-servizzi li jkun jinstab f’ġurisdizzjoni oħra u li tkun meħtieġa bħala evidenza f’investigazzjonijiet kriminali jew fi proċedimenti kriminali. Ordnijiet bħal dawn jistgħu jinħarġu biss jekk tkun disponibbli miżura simili għall-istess reat kriminali f’sitwazzjoni domestika komparabbli fl-Istat emittenti. Iż-żewġ Ordnijiet jistgħu jiġu nnotifikati lil fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, netwerks soċjali, postijiet tas-suq online, fornituri oħra ta’ servizzi ta’ hosting u fornituri tal-infrastruttura tal-internet bħall-indirizz IP u reġistraturi ta’ ismijiet ta’ dominji, jew lir-rappreżentanti tagħhom meta jkunu jeżistu. L-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea, l-istess bħall-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, tiġi indirizzata lir-rappreżentant legali barra l-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru emittenti, sabiex tiġi ppreservata d-data fid-dawl ta’ talba sussegwenti għall-produzzjoni ta’ din id-data, pereżempju permezz tal-kanali ta’ MLA fil-każ ta’ pajjiżi terzi jew permezz ta’ OIE bejn Stati Membri parteċipanti. Kuntrarjament għall-miżuri ta’ sorveljanza jew l-obbligi ta’ żamma tad-data stabbiliti mil-liġi, li mhumiex previsti minn dan ir-Regolament, l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea hija Ordni maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja fi proċedura kriminali konkreta wara evalwazzjoni individwali tal-proporzjonalità u tan-neċessità f’kull każ individwali. Bħall-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, hija tirreferi għall-awturi magħrufa jew mhux magħrufa speċifiċi ta’ reat kriminali li jkun diġà seħħ. L-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea tippermetti biss il-preservazzjoni ta’ data li tkun diġà maħżuna meta tasal l-Ordni, u mhux l-aċċess għad-data f’mument fil-ġejjieni wara li tiġi riċevuta l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea.
Iż-żewġ Ordnijiet jistgħu jintużaw biss fi proċedimenti kriminali, mill-fażi investigattiva inizjali ta’ qabel il-proċess sal-għeluq tal-proċedimenti permezz ta’ sentenza jew deċiżjoni oħra. L-Ordnijiet sabiex tiġi prodotta data dwar l-abbonati u data ta’ aċċess jistgħu jinħarġu għal kwalunkwe reat kriminali filwaqt li l-Ordni sabiex tiġi prodotta data dwar it-tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut tista’ tinħareġ biss għal reati kriminali li fl-Istat emittenti jkunu punibbli b’piena ta’ kustodja ta’ perjodu massimu ta’ minn tal-anqas 3 snin, jew għal kriminalità speċifika msemmija fil-proposta u fejn ikun hemm rabta speċifika mal-għodod elettroniċi u r-reati koperti mid-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu 2017/541/UE.
Minħabba l-livelli differenti ta’ intrużività tal-miżuri imposti fir-rigward tad-data mfittxija, il-proposta tistabbilixxi għadd ta’ kundizzjonijiet u salvagwardji. Dawn jinkludu l-obbligu li tinkiseb validazzjoni ex ante tal-ordnijiet minn awtorità ġudizzjarja. Il-proposta tapplika biss għad-data maħżuna. L-interċettazzjoni f’ħin reali tat-telekomunikazzjoni mhijiex koperta minn din il-proposta. Il-miżura hija limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali rilevanti. Hija tippermetti wkoll lill-fornituri tas-servizzi jfittxu kjarifiki mill-awtoritajiet emittenti, fejn ikun neċessarju. Jekk dawn il-kwistjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu solvuti u l-awtorità emittenti tiddeċiedi li tfittex l-infurzar, il-fornituri tas-servizzi jistgħu jużaw l-istess raġunijiet sabiex jopponu l-infurzar mill-awtoritajiet proprji tagħha. Barra minn hekk, hija stabbilita proċedura speċifika għal sitwazzjonijiet fejn l-obbligu ta’ għoti tad-data jiġi f’kunflitt ma’ obbligu konkorrenti li jirriżulta minn liġi ta’ pajjiż terz.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipproteġi d-drittijiet tal-persuni suspettati u tal-akkużati fi proċedimenti kriminali, u diġà hemm regoli għall-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, għall-persuni li tkun qiegħda titfittex id-data tagħhom, dawn is-salvagwardji addizzjonali fil-proposta jipprovdu drittijiet proċedurali għal dawn il-persuni fil-proċedimenti kriminali u barra minnhom. Dan jinkludi l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità, in-neċessità jew il-proporzjonalità tal-Ordni mingħajr ma jiġu limitati r-raġunijiet għall-kontestazzjoni skont il-liġi nazzjonali. Id-drittijiet skont il-liġi tal-Istat tal-infurzar huma rrispettati b’mod sħiħ billi huwa assigurat li l-immunitajiet u l-privileġġi li jipproteġu d-data mfittxija fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi jiġu kkunsidrati fl-Istat emittenti. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta jipprovdu għal protezzjoni akbar mil-liġi tal-Istat emittenti.
L-Ordnijiet skont ir-Regolament propost huma eżegwibbli bl-istess mod bħall-ordnijiet domestiċi komparabbli fil-ġurisdizzjoni fejn il-fornitur tas-servizzi jirċievi l-ordni. Ir-Regolament jistipula li l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sanzjonijiet effettivi u proporzjonati.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika sabiex tiġi appoġġata azzjoni f’dan il-qasam hija l-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 82(1) jistipula li jistgħu jiġu adottati miżuri skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jiġu stabbiliti regoli u proċeduri sabiex jiġi assigurat ir-rikonoxximent madwar l-Unjoni tal-forom kollha ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji. Jistgħu jiġu adottati wkoll miżuri sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet.
Din il-bażi ġuridika tapplika għall-mekkaniżmi koperti minn dan ir-Regolament. L-Artikolu 82(1) jassigura r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li bihom awtorità ġudizzjarja fl-Istat emittenti tindirizza persuna ġuridika fi Stat Membru ieħor u saħansitra timponi obbligi fuqha, mingħajr intervent minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja f’dak l-Istat Membru l-ieħor. L-Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea tista’ twassal għall-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja tal-Istat ta’ eżekuzzjoni meta jkun meħtieġ għall-infurzar tad-deċiżjoni.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 82(1) TFUE jagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni l-possibbiltà li jadotta regolamenti u direttivi.
Billi l-proposta tirrigwarda proċeduri transfruntiera, fejn hemm il-ħtieġa ta’ regoli uniformi, ma hemmx bżonn li jitħalla marġini għall-Istati Membri biex jittrasponu dawn ir-regoli. Regolament japplika direttament, jipprovdi ċarezza u ċertezza tad-dritt akbar u jevita l-interpretazzjoni diverġenti fl-Istati Membri u problemi oħra ta’ traspożizzjoni li d-Deċiżjonijiet Qafas dwar ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ltaqgħu magħhom. Barra minn hekk, regolament jippermetti li l-istess obbligu jiġi impost b’mod uniformi fl-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa meqjus li l-aktar forma xierqa li għandha tintuża għal dan l-istrument ta’ rikonoxximent reċiproku hija regolament.
•Sussidjarjetà
Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-problemi indirizzati, il-miżuri inklużi fil-proposta jeħtieġ li jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi. Il-kriminalità li għaliha teżisti evidenza elettronika ħafna drabi tinvolvi sitwazzjonijiet fejn l-infrastruttura li fiha tkun maħżuna l-evidenza elettronika u l-fornitur tas-servizzi li jħaddem l-infrastruttura jkunu taħt qafas legali nazzjonali differenti, fl-Unjoni jew lil hinn, mill-qafas legali nazzjonali tal-vittma u tal-awtur tal-kriminalità. Minħabba f’hekk, jista’ jkun diffiċli u jieħu ħafna żmien sabiex il-pajjiż kompetenti jaċċessa effettivament l-evidenza elettronika bejn il-fruntieri mingħajr regoli minimi komuni. B’mod partikolari, l-Istati Membri li jaġixxu waħidhom ikollhom diffikultà sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin:
·Il-frammentazzjoni tal-oqfsa legali fl-Istati Membri, li kienet identifikata bħala sfida ewlenija mill-fornituri tas-servizzi li jkunu qegħdin ifittxu li jikkonformaw ma’ talbiet ibbażati fuq liġijiet nazzjonali differenti;
·L-espedjenza aħjar tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-OIE.
Minħabba d-diversità tal-approċċi legali, l-għadd ta’ oqsma ta’ politika kkonċernati (is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali inklużi d-drittijiet proċedurali u l-protezzjoni tad-data personali, kwistjonijiet ekonomiċi), u l-firxa kbira ta’ partijiet ikkonċernati, il-leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati.
•Proporzjonalità
Il-proposta tistabbilixxi r-regoli li bihom awtorità kompetenti fl-Unjoni tista’ tordna fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni u ma jkunx stabbilit fl-istess Stat Membru, sabiex jipproduċi jew jippreserva evidenza elettronika. Il-karatteristiċi ewlenin tal-proposta, bħall-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, il-kundizzjonijiet li jassiguraw il-korteżija, il-mekkaniżmu tal-issanzjonar u s-sistema ta’ salvagwardji u rimedji legali, jillimitaw il-proposta għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi prinċipali tagħha. B’mod partikolari, il-proposta hija limitata għat-talbiet għal data maħżuna (id-data mill-interċettazzjoni f’ħin reali tat-telekomunikazzjonijiet mhijiex koperta) u għall-ordnijiet maħruġa fi proċedimenti kriminali għal reat kriminali speċifiku taħt investigazzjoni. Għalhekk ma tkoprix il-prevenzjoni tal-kriminalità jew tipi oħra ta’ proċedimenti jew ksur (bħall-proċedimenti amministrattivi għall-ksur tar-regoli tal-liġi) u ma tirrikjedix li l-fornituri jiġbru jew jaħżnu sistematikament aktar data milli jagħmlu għal raġunijiet kummerċjali jew għall-konformità ma’ rekwiżiti legali oħra. Barra minn hekk, filwaqt li l-Ordnijiet sabiex tiġi prodotta data dwar l-abbonati u ta’ aċċess jistgħu jinħarġu għal kwalunkwe reat kriminali, l-Ordni sabiex tiġi prodotta data dwar it-tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut tista’ tinħareġ biss għal reati kriminali li fl-Istat emittenti jkunu punibbli b’piena ta’ kustodja ta’ perjodu massimu ta’ minn tal-anqas 3 snin, jew għal reati speċifiċi ċiberdipendenti u reati bl-użu tal-internet definiti fil-proposta u għal kriminalità relatata mat-terroriżmu. Fl-aħħar nett, il-proposta tikkjarifika r-regoli u s-salvagwardji proċedurali applikabbli għall-aċċess transfruntiera għal evidenza elettronika iżda ma tasalx biex tarmonizza l-miżuri domestiċi. Hija limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji fl-era diġitali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Fuq perjodu ta’ sena u nofs, il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex tidentifika l-problemi u t-toroq ’il quddiem. Dan sar permezz ta’ stħarriġ, li kien ivarja minn konsultazzjoni pubblika miftuħa sa stħarriġ immirat mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Ġew organizzati wkoll laqgħat ma’ gruppi ta’ esperti u laqgħat bilaterali sabiex jiġu diskussi l-effetti potenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Intużaw ukoll konferenzi li fihom ġie diskuss l-aċċess transfruntiera għall-evidenza elettronika sabiex jinġabar rispons dwar l-inizjattiva.
B’mod ġenerali, ir-rispondenti għall-istħarriġ kienu jipperċepixxu ż-żieda fl-użu tas-servizzi ta’ informazzjoni bħala sfida għall-infurzar tal-liġi, billi l-awtoritajiet rilevanti ħafna drabi mhumiex mgħammra kif suppost sabiex jittrattaw l-evidenza online. Il-proċess fit-tul sabiex tinkiseb l-evidenza huwa rikonoxxut ukoll bħala wieħed mill-ostakli ewlenin. Kwistjonijiet ewlenin oħra li ssottolinjaw l-awtoritajiet pubbliċi jinkludu n-nuqqas ta’ kooperazzjoni affidabbli mal-fornituri tas-servizzi, in-nuqqas ta’ trasparenza, u l-inċertezza tad-dritt dwar il-ġurisdizzjoni għall-miżuri investigattivi. Il-kooperazzjoni transfruntiera diretta bejn l-infurzar tal-liġi u l-fornituri tas-servizzi diġitali kienet meqjusa li żżid il-valur f’investigazzjoni kriminali. Il-fornituri tas-servizzi u xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indikaw il-ħtieġa li tiġi assigurata ċ-ċertezza tad-dritt meta jikkooperaw mal-awtoritajiet pubbliċi u li jiġu evitati l-kunflitti tal-liġi. Dwar it-tħassib dwar kif il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE tista’ taffettwa d-drittijiet, il-partijiet ikkonċernati ħassew li għandhom jiġu garantiti salvagwardji speċifiċi bħala kundizzjoni neċessarja għal kwalunkwe strument transfruntiera.
Ir-rispons miġbur mill-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu wera li l-partijiet ikkonċernati kienu jemmnu li l-indirizzar tan-nuqqasijiet tas-sistema ta’ MLA attwali jagħmilha aktar effiċjenti u jtejjeb iċ-ċertezza tad-dritt. Xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu kontra leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-kooperazzjoni diretta. Huma kienu jippreferu li l-azzjoni tal-UE tiġi limitata għat-titjib tal-proċeduri ta’ assistenza legali reċiproka. Din l-idea se titmexxa ’l quddiem bħala parti mill-miżuri prattiċi approvati mill-Kunsill f’Ġunju 2016.
Permezz ta’ stħarriġ immirat għall-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, ġie żvelat ukoll li ma kien hemm ebda approċċ komuni dwar il-ksib ta’ aċċess transfruntiera għall-evidenza elettronika, billi kull Stat Membru għandu l-prattika domestika proprja tiegħu. Il-fornituri tas-servizzi jirreaġixxu wkoll b’mod differenti għat-talbiet minn awtoritajiet barranin tal-infurzar tal-liġi, u ż-żminijiet tar-rispons ivarjaw skont l-Istat Membru li jagħmel it-talba. Dan joħloq inċertezza tad-dritt għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti.
B’mod ġenerali, il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati indikat li l-qafas legali attwali huwa frammentat u kumpless. Dan jista’ jwassal għal dewmien matul il-fażi tal-eżekuzzjoni u nuqqas ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi ta’ reati li jinvolvu aċċess transfruntiera għal evidenza elettronika.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt b’appoġġ għal din il-proposta u għamel diversi suġġerimenti għal titjib. Wara din l-opinjoni, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata sabiex tiddiskuti ulterjorment il-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali assoċjati mal-kondiviżjoni transfruntiera tad-data, b’mod partikolari r-rabtiet bejn id-diversi miżuri li huma parti mill-opzjoni preferuta. Il-valutazzjoni ġiet modifikata wkoll sabiex tirrifletti aħjar il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u tal-Istati Membri u kif ġew ikkunsidrati. Barra minn hekk, il-kuntest ta’ politika ġie rieżaminat sabiex jinkludi referenzi addizzjonali għal diversi aspetti, bħad-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ esperti li għenu sabiex tissawwar l-inizjattiva. Il-komplementarjetà bejn il-miżuri differenti (b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-OIE, in-negozjati ta’ protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni ta’ Budapest u r-rieżami konġunt tal-Ftehim dwar l-MLA bejn l-UE u l-Istati Uniti) ġiet ikkjarifikata f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, twaqqit u profondità, u x-xenarju bażi ġie rivedut sabiex jirrifletti aħjar l-iżviluppi li huma probabbli li jseħħu indipendentement mill-adozzjoni tal-miżuri proposti. Fl-aħħar nett, kienu miżjuda flowcharts sabiex jiddeskrivu aħjar il-flussi tax-xogħol għall-kondiviżjoni tad-data.
Ġew ikkunsidrati erba’ opzjonijiet ta’ politika ewlenin minbarra x-xenarju bażi (l-Opzjoni O): għadd ta’ miżuri prattiċi sabiex jiġu mtejba kemm il-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja kif ukoll il-kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri ta’ servizz (l-Opzjoni A: mhux leġiżlattiva); opzjoni li tgħaqqad il-miżuri prattiċi tal-Opzjoni A ma’ soluzzjonijiet internazzjonali f’livell bilaterali jew multilaterali (l-Opzjoni B: leġiżlattiva); opzjoni li tgħaqqad il-miżuri preċedenti kontenuti fl-Opzjoni B ma’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u miżura sabiex ittejjeb l-aċċess għad-databases li jipprovdu informazzjoni dwar l-abbonati fuq bażi ta’ domanda, bħall-Isem tad-Dominju Whois (l-Opzjoni C: leġiżlattiva); u opzjoni li tgħaqqad il-miżuri preċedenti kollha kontenuti fl-Opzjoni C ma’ leġiżlazzjoni dwar l-aċċess dirett għal data maħżuna b’mod remot (l-Opzjoni D: leġiżlattiva).
Jekk ma tittieħed ebda miżura (l-Opzjoni O), għadd dejjem jiżdied ta’ talbiet se jagħmlu s-sitwazzjoni agħar. L-opzjonijiet l-oħrajn kollha jgħinu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva iżda fi gradi differenti. L-Opzjoni A ttejjeb l-effiċjenza tal-proċessi attwali, pereżempju billi ttejjeb il-kwalità tat-talbiet, iżda l-lok għat-titjib ikun limitat min-nuqqasijiet strutturali tas-sistema preżenti.
L-Opzjoni B twassal għal aktar titjib billi tipprovdi għal soluzzjonijiet aċċettati internazzjonalment, iżda l-eżitu ta’ dawn is-soluzzjonijiet internazzjonali jiddependi ħafna fuq Stati terzi. Is-soluzzjonijiet għalhekk huma inċerti u mhumiex probabbli li jkunu effettivi u joffru salvagwardji daqs soluzzjoni tal-Unjoni.
L-Opzjoni C iżżid b’mod ċar il-valur meta mqabbla mal-opzjonijiet preċedenti billi tipprovdi wkoll strument intra-UE dwar il-kooperazzjoni diretta mal-fornituri tas-servizzi li jindirizza ħafna mill-kwistjonijiet identifikati meta jkun hemm fornitur tas-servizzi li jkollu d-data kkonċernata.
L-Opzjoni D hija l-aktar pakkett komprensiv ta’ soluzzjonijiet. Minbarra l-miżuri preċedenti, hija tinvolvi miżura leġiżlattiva dwar l-aċċess dirett għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx meħtieġ l-involviment ta’ fornitur tas-servizz.
L-inizjattiva leġiżlattiva preżenti li qiegħda tipproponi l-Kummissjoni hija bbażata fuq is-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt. Din il-leġiżlazzjoni se tkun ikkomplimentata mill-miżuri prattiċi kif deskritti fil-valutazzjoni tal-impatt u mill-ħidma kontinwa fid-direzzjoni ta’ protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni ta’ Budapest. Fuq il-bażi tal-proposta leġiżlattiva tagħha, il-Kummissjoni se tiddiskuti wkoll mal-Istati Uniti u pajjiżi terzi oħra l-possibbiltà ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali futuri dwar l-aċċess transfruntiera għall-evidenza elettronika bis-salvagwardji li jakkumpanjawh. Għall-miżuri dwar l-aċċess dirett u l-aċċess għad-databases, li jiffurmaw parti mill-Opzjoni D, il-Kummissjoni f’dan il-mument mhi qiegħda tipproponi l-ebda leġiżlazzjoni, iżda se tirrifletti aktar dwar l-aħjar triq ’il quddiem dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet.
L-inizjattiva hija mistennija li tippermetti investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet aktar effettivi u effiċjenti filwaqt li ttejjeb it-trasparenza u l-akkontabilità u tassigura r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Hija mistennija wkoll li trawwem il-fiduċja fis-suq uniku diġitali billi ttejjeb is-sigurtà u tnaqqas il-perċezzjoni ta’ impunità għar-reati mwettqa fuq jew permezz ta’ apparat imqabbad ma’ netwerk.
Għall-awtoritajiet pubbliċi, l-inizjattiva hija mistennija li tiġġenera kostijiet inizjali tal-implimentazzjoni, li fuq terminu twil jiġu paċuti mill-iffrankar fil-kostijiet rikorrenti. L-awtoritajiet nazzjonali jkunu jridu jaddattaw għall-proċeduri l-ġodda u jitħarrġu. Madankollu, wara dan, l-awtoritajiet jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni u l-qafas legali ċar li jirregola t-talbiet għall-aċċess għad-data, billi dawn għandhom jiġġeneraw żidiet fl-effiċjenza. Bl-istess mod, billi l-opzjoni preferuta tneħħi l-pressjoni minn fuq il-kanali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, il-pajjiżi li jirċievu t-talbiet għandhom jaraw tnaqqis fl-għadd ta’ talbiet li jkunu meħtieġa jipproċessaw.
Il-fornituri tas-servizzi jkunu jridu jaddattaw għal qafas leġiżlattiv ġdid billi jistabbilixxu proċeduri (ġodda) u jħarrġu lill-persunal tagħhom. Min-naħa l-oħra, qafas armonizzat jista’ jnaqqas il-piż minn fuq dawk il-fornituri li attwalment qed jirrispondu għat-talbiet għal data mhux ta’ kontenut li jridu jivvalutawhom skont il-liġijiet differenti tal-Istati Membri kollha. Iċ-ċertezza tad-dritt u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri għandu jkollhom impatt pożittiv ukoll fuq in-negozji żgħar u medji, billi jtaffu l-piż amministrattiv u jiffavorixxu l-kompetittività. B’mod ġenerali, l-inizjattiva hija mistennija wkoll li tiġġenera ffrankar għalihom.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tista’ potenzjalment taffettwa għadd ta’ drittijiet fundamentali:
·id-drittijiet tal-individwu li tiġi aċċessata d-data tiegħu: id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali; id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja; id-dritt għal-libertà tal-espressjoni; id-dritt tad-difiża; id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali;
·id-drittijiet tal-fornitur tas-servizzi: id-dritt għal-libertà ta’ intrapriża; id-dritt għal rimedju effettiv;
·id-drittijiet taċ-ċittadini kollha: id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.
B’kont meħud tal-acquis rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, fir-Regolament propost huma inklużi salvagwardji suffiċjenti u importanti sabiex jiġi assigurat li d-drittijiet ta’ dawn il-persuni jkunu protetti.
Billi l-Ordnijiet jistgħu jinħarġu biss fi proċedimenti kriminali u jekk ikun hemm sitwazzjonijiet nazzjonali komparabbli, kemm matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kif ukoll matul il-fażi tal-proċess, japplikaw is-salvagwardji proċedurali kollha tal-liġi kriminali. Dan jinkludi b’mod partikolari d-dritt għal proċess ġust kif imnaqqax fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Huwa jinkludi wkoll il-leġiżlazzjoni rilevanti fil-livell tal-UE dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali: Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fir-rigward tad-drittijiet u l-akkużi u aċċess għall-proċess tal-każ, id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u għal komunikazzjoni ma’ qraba f’każ ta’ aċċess u detenzjoni, id-Direttiva 2016/343 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu stess, id-Direttiva 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal u d-Direttiva 2016/1919 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
B’mod aktar speċifiku, l-intervent minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja meta tinħareġ l-Ordni jassigura li l-legalità tal-miżura u n-neċessità u l-proporzjonalità għall-każ inkwistjoni jkunu ġew ivverifikati. Dan jassigura wkoll li l-Ordni ma timpattax bla bżonn id-drittijiet fundamentali, inklużi l-effetti ta’ prinċipji legali bħall-privileġġ professjonali legali. L-awtorità emittenti hija meħtieġa tassigura fil-każ individwali li l-miżura tkun meħtieġa u proporzjonata, inkluż fid-dawl tal-gravità tar-reat li jkun qed jiġi investigat. Il-proposta tinkludi wkoll limiti għad-data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut, li jassiguraw li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tintuża biss għall-forom aktar serji ta’ kriminalità fir-rigward ta’ dik id-data.
Id-dritt għal rimedju effettiv għall-persuni li tkun qiegħda tintalab id-data tagħhom huwa wkoll indirizzat b’mod espliċitu. L-immunitajiet u l-privileġġi mogħtija ta’ ċerti professjonijiet bħall-avukati kif ukoll l-interessi fundamentali tad-difiża jew tas-sigurtà nazzjonali fl-Istat tad-destinatarju jridu jiġu kkunsidrati wkoll waqt il-proċess fl-Istat emittenti. Ir-rieżami minn awtorità ġudizzjarja hawnhekk iservi bħala salvagwardja ulterjuri.
Billi l-Ordni hija miżura vinkolanti, hija taffettwa wkoll id-drittijiet tal-fornituri ta’ servizz, b’mod partikolari l-libertà ta’ intrapriża. Il-proposta tinkludi d-dritt li l-fornitur tas-servizzi jqajjem ċerti talbiet fl-Istat Membru emittenti, pereżempju jekk l-Ordni ma tkunx inħarġet jew ġiet ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja. Jekk l-Ordni tiġi trażmessa għall-infurzar lill-istat tal-infurzar, l-awtorità ta’ infurzar tista’ tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew ma tinforzax l-Ordni jekk meta tirċeviha, tkun evidenti xi waħda mir-raġunijiet limitati għall-oppożizzjoni, u wara konsultazzjoni mal-awtorità emittenti. Barra minn hekk, jekk tinbeda l-proċedura għall-infurzar, id-destinatarju nnifsu se jkun jista’ jopponi l-Ordni quddiem l-awtorità ta’ infurzar fuq il-bażi ta’ kwalunkwe raġuni limitata bħal din. Dan jinkludi, pereżempju, każijiet fejn ikun evidenti li l-Ordni ma tkunx inħarġet jew ma ġietx ivvalidata minn awtorità kompetenti jew fejn il-konformità tikser b’mod ċar il-Karta jew tkun manifestament abbużiva. Dan ma jipprekludix id-dritt tad-destinatarju għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni li timponi sanzjoni.
Kwistjoni potenzjali relatata mal-miżuri tal-UE f’dan il-qasam hija l-possibbiltà li din tista’ twassal biex pajjiżi terzi jintroduċu obbligi reċiproċi għall-fornituri tas-servizzi tal-UE li ma jkunux konsistenti mal-kundizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-UE, inkluż il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data assigurat mill-acquis tal-UE. Il-proposta tindirizza din is-sitwazzjoni b’żewġ modi: l-ewwel, billi tipprovdi miżura li tinkludi salvagwardji b’saħħithom u referenzi espliċiti għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji diġà inerenti fl-acquis tal-UE, u b’hekk isservi bħala mudell għal-leġiżlazzjoni barranija; u t-tieni, billi tinkludi klawżola speċifika dwar il-“kunflitti tal-obbligi” li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi jidentifikaw u jqajmu l-obbligi konfliġġenti li jiffaċċjaw, u b’hekk jiskattaw stħarriġ ġudizzjarju. Din il-klawżola hija mfassla sabiex tassigura r-rispett kemm għall-istatuti ta’ bblokkar ġenerali, bħal pereżempju l-Att dwar il-Privatezza tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ECPA) tal-Istati Uniti, li jipprojbixxi d-divulgazzjoni fir-rigward tad-data ta’ kontenut fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tiegħu ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi, kif ukoll għal-liġijiet li ġeneralment ma jipprojbux id-divulgazzjoni iżda jistgħu jagħmlu dan f’każijiet individwali. Għal każijiet relatati mal-ECPA, fil-preżent f’ċerti każijiet jista’ jiġi prevenut l-aċċess għad-data ta’ kontenut, u l-MLA għalhekk għandha tibqa’ l-għodda prinċipali sabiex tiġi aċċessata tali data. Madankollu, bil-bidliet ikkawżati mill-adozzjoni tal-CLOUD Act tal-Istati Uniti, l-istatut ta’ blokkar jista’ jitneħħa kieku l-UE kellha tikkonkludi ftehim mal-Istati Uniti. Ftehimiet internazzjonali addizzjonali ma’ msieħba ewlenin oħra jistgħu jnaqqsu ulterjorment is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti tal-liġijiet.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-miżuri f’din il-proposta huma kompatibbli mad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta leġiżlattiva għal Regolament ma għandhiex impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Ir-Regolament japplika direttament fl-Unjoni. Huwa se jiġi applikat direttament mill-professjonisti, mingħajr il-ħtieġa li jiġu modifikati s-sistemi legali interni.
Ir-Regolament se jiġi evalwat u l-Kummissjoni se tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Fuq il-bażi tas-sejbiet tar-rapport, b’mod partikolari fuq jekk ir-Regolament iħallix lakuni li huma rilevanti fil-prattika, u b’kont meħud tal-iżviluppi teknoloġiċi, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li jitkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tissottometti proposti sabiex tadatta dan ir-Regolament. L-Istati Membri se jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja għat-tħejjija tar-rapport. L-Istati Membri se jiġbru d-data neċessarja għall-monitoraġġ annwali tar-Regolament.
Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se toħroġ gwida għall-fornituri tas-servizzi sabiex jikkonformaw mal-obbligi skont ir-Regolament.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
|
REGOLAMENT
|
|
|
Artikolu
|
Premessa
|
I. Suġġett, definizzjonijiet u kamp ta’ applikazzjoni
|
1. Suġġett
|
1-15
|
|
2. Definizzjonijiet
|
16-23
|
|
3. Kamp ta’ applikazzjoni
|
24-27
|
II. Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u Ċertifikati, rappreżentant legali
|
4. Awtorità emittenti
|
30
|
|
5. Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea
|
28-29, 31-35
|
|
6. Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea
|
36
|
|
7. Destinatarju ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea
|
37
|
|
8. Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea
|
38-39
|
|
9. Eżekuzzjoni ta’ EPOC
|
40-41
|
|
10. Eżekuzzjoni ta’ EPOC-PR
|
42
|
|
11. Kunfidenzjalità u informazzjoni dwar l-utent
|
43
|
|
12. Rimborż tal-kostijiet
|
Xejn
|
III. Sanzjonijiet u infurzar
|
13. Sanzjonijiet
|
Xejn
|
|
14. Proċedura għall-infurzar
|
44-45, 55
|
IV. Rimedji
|
15. u 16. Proċedura ta’ rieżami fil-każ ta’ obbligi konfliġġenti mil-liġi ta’ pajjiż terz
|
47-53
|
|
17. Rimedji effettivi
|
54
|
|
18. Assigurazzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet skont il-liġi tal-Istat tal-infurzar
|
35
|
V. Dispożizzjonijiet finali
|
19. Monitoraġġ u rappurtar
|
58
|
|
20. Emendi fiċ-Ċertifikati u fil-Formoli
|
59-60
|
|
21. Eżerċizzju ta’ delega
|
60
|
|
22. Notifiki
|
Xejn
|
|
23. Relazzjoni mal-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej
|
61
|
|
24. Evalwazzjoni
|
62
|
|
25. Dħul fis-seħħ
|
Xejn
|
Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan ġenerali tal-proposta, li huwa li tistabbilixxi r-regoli li bihom awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Unjoni Ewropea tista’ tordna fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni sabiex jipproduċi jew jippreserva evidenza elettronika permezz ta’ Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea. Dawn l-istrumenti jistgħu jintużaw biss f’sitwazzjonijiet transfruntiera, jiġifieri, f’sitwazzjonijiet fejn il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru ieħor.
Dan ir-Regolament għandu jagħti għodod addizzjonali lill-awtoritajiet investigattivi biex jiksbu evidenza elettronika mingħajr ma jillimita s-setgħat diġà stabbiliti mil-liġi nazzjonali sabiex jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi stabbiliti jew rappreżentati fit-territorju tagħhom. Jekk il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit jew rappreżentat fl-istess Stat Membru, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru għalhekk għandhom jużaw miżuri nazzjonali biex jobbligaw lill-fornitur tas-servizzi.
Id-data ordnata permezz ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea għandha tiġi pprovduta direttament lill-awtoritajiet mingħajr l-involviment tal-awtoritajiet fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew rappreżentat il-fornitur tas-servizzi. Ir-Regolament jitbiegħed ukoll mil-lokalizzazzjoni tad-data bħala fattur determinanti ta’ konnessjoni, billi l-ħażna tad-data normalment ma tirriżulta f’ebda kontroll mill-Istat li fit-territorju tiegħu tkun maħżuna d-data. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet din il-ħażna tiġi determinata mill-fornitur waħdu, abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali.
Barra minn hekk, ir-Regolament huwa applikabbli wkoll jekk il-fornituri ta’ servizz ma jkunux stabbiliti jew rappreżentati fl-Unjoni, iżda joffru servizzi fl-Unjoni. Dan huwa rifless fl-Artikolu 3(1).
Meta l-proposta tirreferi għal fornitur tas-servizzi stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru permezz ta’ rappreżentant legali maħtur, il-ħatra biss ta’ rappreżentant legali ma toħloqx stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi għall-fini ta’ dan ir-Regolament.
L-Artikolu 1(2) ifakkar li dan ir-Regolament ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali kif stabbilit fl-Artikolu 6 TUE.
Artikolu 2: Definizzjonijiet
Dan l-Artikolu jistabbilixxi definizzjonijiet li japplikaw għall-istrument kollu.
It-tipi ta’ fornituri ta’ servizz li ġejjin jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament: fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li għalihom il-ħażna tad-data hija komponent determinanti tas-servizz mogħti lill-utent, inklużi n-netwerks soċjali sa fejn dawn ma jikkwalifikawx bħala servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, postijiet tas-suq online li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet bejn l-utenti tagħhom (bħall-konsumaturi jew in-negozji) u fornituri oħra ta’ servizzi ta’ hosting, u fornituri ta’ ismijiet ta’ dominji tal-internet u servizzi ta’ numerazzjoni.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ikopri l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika kif definiti [fid-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi]. Is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni tradizzjonali, il-konsumaturi u n-negozji qed jibbażaw dejjem aktar fuq servizzi ġodda bbażati fuq l-internet li jippermettu komunikazzjoni interpersonali bħall-Vuċi fuq IP (Voice over IP), messaġġi instantanji u servizzi ta’ posta elettronika, minflok servizzi ta’ komunikazzjoni tradizzjonali. Dawn is-servizzi, flimkien man-netwerks soċjali, bħal Twitter u Facebook, li jippermettu lill-utenti jaqsmu l-kontenut, għalhekk għandhom ikunu koperti minn din il-proposta.
F’ħafna każijiet, id-data ma tkunx aktar maħżuna fuq l-apparat tal-utent iżda tkun disponibbli fuq infrastruttura bbażata fuq il-cloud li fil-prinċipju tippermetti aċċess minn kullimkien. Il-fornituri tas-servizzi ma għandhomx għalfejn ikunu stabbiliti jew ikollhom servers f’kull ġurisdizzjoni iżda pjuttost jużaw amministrazzjoni ċentralizzata u sistemi deċentralizzati biex jaħżnu d-data u jipprovdu s-servizzi tagħhom. Huma jagħmlu dan sabiex jottimizzaw l-ibbilanċjar tal-ikkargar u jqassru d-dewmien sabiex jitwieġbu t-talbiet tal-utenti għad-data. In-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-kontenut (CDNs) ġeneralment jintużaw sabiex titħaffef id-distribuzzjoni tal-kontenut permezz tal-ikkupjar tal-kontenut f’diversi servers distribwiti madwar id-dinja. Dan jippermetti lill-kumpaniji li jservu l-kontenut mis-server li jkun l-aktar qrib tal-utent jew jistgħu jgħaddu l-komunikazzjoni minn netwerk anqas konġestjonat. Biex tikkunsidra dan l-iżvilupp, id-definizzjoni tkopri l-cloud u servizzi oħra ta’ hosting li jipprovdu varjetà ta’ riżorsi tal-informatika bħal netwerks, servers jew infrastruttura oħra, ħażna, apps u servizzi li jagħmluha possibbli tinħażen id-data għal għanijiet differenti. L-istrument japplika wkoll għas-swieq diġitali li jippermettu lill-konsumaturi u/jew lin-negozji jikkonkludu tranżazzjonijiet permezz ta’ kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ servizz online. Tranżazzjonijiet bħal dawn isiru jew fuq is-sit web tas-suq online jew fuq is-sit web ta’ kummerċjant li juża s-servizzi tal-informatika pprovduti mill-post tas-suq online. Għalhekk huwa dan is-suq li għandu fil-pussess tiegħu l-evidenza elettronika li tista’ tkun meħtieġa waqt proċedimenti kriminali.
Is-servizzi li għalihom il-ħażna tad-data mhijiex komponent determinanti mhumiex koperti mill-proposta. Għalkemm il-biċċa l-kbira tas-servizzi pprovduti mill-fornituri jinvolvu xi tip ta’ ħażna tad-data, speċjalment meta dawn jiġu pprovduti online mill-bogħod, jistgħu jiġu distinti s-servizzi li għalihom il-ħażna tad-data mhijiex karatteristika ewlenija u għalhekk hija biss ta’ natura anċillari, inklużi s-servizzi legali, arkitettoniċi, ta’ inġinerija u kontabilistiċi pprovduti online mill-bogħod.
Id-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi tal-infrastruttura tal-internet, bħar-reġistraturi u r-reġistri tal-ismijiet ta’ dominji u l-fornituri ta’ servizzi ta’ privatezza u ta’ proxy, jew ir-reġistri reġjonali tal-internet għall-indirizzi tal-protokoll tal-internet, jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-proċedimenti kriminali billi jistgħu jipprovdu traċċi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ individwu jew ta’ entità involuti f’attività kriminali.
Il-kategoriji ta’ data li jistgħu jinkisbu b’Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea mill-awtoritajiet kompetenti jinkludu d-data dwar l-abbonati, id-data ta’ aċċess, id-data dwar it-tranżazzjonijiet (it-tliet kategoriji komunement imsejħa flimkien bħala “data mhux ta’ kontenut”) u d-data maħżuna ta’ kontenut. Din id-distinzjoni, apparti mid-data ta’ aċċess, teżisti fl-ordnijiet legali ta’ bosta Stati Membri kif ukoll f’oqfsa legali mhux tal-UE.
Il-kategoriji kollha jinkludu data personali u għalhekk huma koperti mis-salvagwardji skont l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. L-intensità tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tvarja bejniethom, b’mod partikolari bejn id-data dwar l-abbonati fuq naħa u d-data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut fuq in-naħa l-oħra. Huwa essenzjali li dawn il-kategoriji kollha jkunu koperti mill-istrument: id-data dwar l-abbonati u d-data ta’ aċċess ħafna drabi hija l-punt tal-bidu sabiex jinkiseb ħjiel f’investigazzjoni dwar l-identità ta’ persuna suspettata. Filwaqt li d-data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut tista’ tkun l-aktar rilevanti bħala materjal probatorju. Minħabba l-livelli differenti ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali, huwa ġustifikat li jiġu marbuta kundizzjonijiet differenti mad-data dwar l-abbonati fuq naħa u mad-data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut fuq in-naħa l-oħra, kif sar f’diversi dispożizzjonijiet fir-Regolament.
Huwa xieraq li d-data ta’ aċċess tiġi individwalizzata bħala kategorija ta’ data speċifika użata f’dan ir-Regolament. Id-data ta’ aċċess kif definita hawnhekk hija mfittxija għall-istess objettiv bħad-data dwar l-abbonati, jiġifieri sabiex jiġi identifikat l-utent, u l-livell ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali huwa simili. Għalhekk għandha tkun soġġetta għall-istess kundizzjonijiet bħad-data dwar l-abbonati. Għaldaqstant din il-proposta tintroduċi kategorija ġdida ta’ data, li għandha tiġi ttrattata bħad-data dwar l-abbonati jekk ikun imfittex li jinkiseb l-istess għan.
L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-Istati Membri u l-awtoritajiet li jistgħu jkunu involuti fil-proċedura. Definizzjoni tal-awtorità emittenti hija inkluża fl-Artikolu 4.
Il-każijiet ta’ emerġenza huma sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jirrikjedu reazzjoni f’waqtha mill-fornituri tas-servizzi u li għalihom se japplikaw kundizzjonijiet speċjali. Għalhekk huma definiti separatament f’dan l-Artikolu.
Artikolu 3: Kamp ta’ applikazzjoni
Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta. Ir-Regolament japplika għall-fornituri kollha ta’ servizz li joffru servizzi fl-Unjoni, inklużi fornituri tas-servizzi li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni. L-offerta attiva ta’ servizzi fl-Unjoni, bil-benefiċċji kollha li jirriżultaw minnha, tiġġustifika li dawn il-fornituri tas-servizzi jkunu soġġetti wkoll għar-Regolament u toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn il-parteċipanti fl-istess swieq. Barra minn hekk, jekk dawn il-fornituri ta’ servizz ma jiġux koperti, tinħoloq lakuna li tagħmilha aktar faċli għall-kriminali jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.
Sabiex jivverifikaw jekk ikunux qed jiġu offruti s-servizzi, l-awtoritajiet iridu jivvalutaw jekk il-fornitur tas-servizzi jippermettix persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu. Madankollu, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-servizz (li tista’ tirriżulta wkoll mill-aċċessibbiltà tas-sit web jew ta’ indirizz tal-posta elettronika tal-fornitur tas-servizzi jew ta’ intermedjarju jew ta’ dettalji ta’ kuntatt oħra) ma għandhiex tkun kundizzjoni suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, hija meħtieġa konnessjoni sostanzjali ma’ dawk l-Istati Membri sabiex tiġi aċċertata rabta suffiċjenti bejn il-fornitur u t-territorju fejn ikun qiegħed joffri s-servizzi tiegħu. Tali konnessjoni sostanzjali teżisti meta fornitur tas-servizzi jkollu stabbiliment fi Stat Membru wieħed jew aktar. Fin-nuqqas ta’ stabbiliment fl-Unjoni, il-kriterju ta’ konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni għandu jiġi vvalutat abbażi tal-eżistenza ta’ għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew l-immirar tal-attivitajiet fid-direzzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet fid-direzzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jiġi determinat abbażi taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti, inklużi fatturi bħall-użu ta’ lingwa jew munita ġeneralment użata fi Stat Membru. L-immirar ta’ attivitajiet fid-direzzjoni ta’ Stat Membru jista’ jiġi derivat ukoll mid-disponibbiltà ta’ app fl-app store nazzjonali rilevanti, mill-forniment ta’ reklamar lokali jew reklamar bil-lingwa użata fi Stat Membru, mill-użu ta’ kwalunkwe informazzjoni li toriġina minn persuni fl-Istati Membri waqt l-attivitajiet tagħhom, jew mill-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-klijenti bħall-għoti ta’ servizz lill-klijenti bil-lingwa ġeneralment użata fi Stat Membru. Għandha tiġi preżunta wkoll konnessjoni sostanzjali meta fornitur tas-servizzi jidderieġi l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif stabbilit fl-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea huma miżuri investigattivi li jistgħu jinħarġu biss f’investigazzjonijiet kriminali jew fi proċedimenti kriminali għal reati kriminali konkreti. Ir-rabta ma’ investigazzjoni konkreta tiddistingwiha mill-miżuri preventivi jew l-obbligi ta’ żamma tad-data stabbiliti mil-liġi u tassigura l-applikazzjoni tad-drittijiet proċedurali applikabbli għall-proċedimenti kriminali. Il-kompetenza għall-ftuħ tal-investigazzjonijiet għal reat speċifiku għalhekk hija prerekwiżit għall-użu tar-Regolament.
Bħala rekwiżit addizzjonali, id-data mfittxija trid tkun relatata mas-servizzi offruti mill-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni.
Kapitolu 2: Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u Ċertifikati
Artikolu 4: Awtorità emittenti
Meta tinħareġ Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea, awtorità ġudizzjarja dejjem trid tkun involuta bħala awtorità emittenti jew ta’ validazzjoni. Fil-każ tal-Ordnijiet sabiex tiġi prodotta data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut, huma meħtieġa mħallef jew qorti. Għad-data dwar l-abbonati jew ta’ aċċess, dan jista’ jsir ukoll minn prosekutur.
Artikolu 5: Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea
L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea. Dawn iridu jiġu vvalutati mill-awtorità ġudizzjarja emittenti.
L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tista’ tinħareġ biss jekk dan ikun meħtieġ u proporzjonat fil-każ individwali. Barra minn hekk, hija għandha tinħareġ biss jekk tkun disponibbli miżura simili f’sitwazzjoni domestika komparabbli fl-Istat emittenti.
L-Ordnijiet għall-produzzjoni ta’ data dwar l-abbonati u data ta’ aċċess jistgħu jinħarġu għal kwalunkwe reat kriminali. Id-data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut għandha tkun suġġetta għal rekwiżiti aktar stretti sabiex jirriflettu n-natura aktar sensittiva ta’ din id-data u l-grad korrispondenti ogħla ta’ invażività tal-Ordnijiet għal din id-data, meta mqabbel mad-data dwar l-abbonati u d-data ta’ aċċess. L-Ordnijiet għalhekk jistgħu jinħarġu biss għal reati li jġorru piena massima ta’ kustodja ta’ minn tal-anqas 3 snin jew aktar. L-istabbiliment ta’ limitu bbażat fuq il-piena massima ta’ kustodja jippermetti approċċ aktar proporzjonat, flimkien ma’ għadd ta’ kundizzjonijiet u salvagwardji ex ante u ex post oħra sabiex jassiguraw ir-rispett għall-proporzjonalità u d-drittijiet tal-persuni affettwati.
Fl-istess ħin, limitu ma għandux jimmina l-effettività tal-istrument u l-użu tiegħu mill-professjonisti. L-Istati Membri japplikaw diversi massimi għas-sentenzi relatati mas-sistema nazzjonali tagħhom. Il-kodiċijiet kriminali nazzjonali jvarjaw u mhumiex armonizzati. Dan huwa l-każ għar-reati kriminali u għas-sanzjonijiet applikabbli għalihom. Il-kodiċijiet proċedurali nazzjonali wkoll ivarjaw fir-rigward tal-limiti sabiex tinkiseb data dwar it-tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut: xi Stati Membri ma jistabbilixxu l-ebda limitu speċifiku; oħrajn jipprovdu lista ta’ reati. Limitu ta’ tliet snin jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument għal kriminalità aktar serja, mingħajr ma jillimita eċċessivament il-possibbiltajiet tal-użu tiegħu mill-professjonisti. Dan il-limitu jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni firxa wiesgħa ta’ kriminalità skont il-kodiċi kriminali tal-Istat Membru (pereżempju f’xi Stati Membri l-parteċipazzjoni fl-attività ta’ grupp kriminali organizzat u l-ħtif ta’ persuna, iżda wkoll reati bħal serq żgħir, frodi u attakk li għalihom l-użu ta’ ordni ta’ produzzjoni transfruntiera għal data aktar sensittiva jista’ jitqies bħala sproporzjonat). Min-naħa l-oħra, limitu ta’ tliet snin jinkludi kriminalità li tirrikjedi approċċ aktar effettiv, bħas-sħubija f’organizzazzjoni kriminali, il-finanzjament ta’ gruppi terroristiċi, is-sostenn jew ir-reklamar ta’ organizzazzjoni kriminali, it-taħriġ għall-kummissjoni ta’ reati terroristiċi, ċerti reati magħmula b’intenzjoni terroristika u t-tħejjija ta’ reat biex jitwettaq b’intenzjoni terroristika, jew it-tħejjija ta’ ħtif ta’ ostaġġi, li kienu jkunu esklużi kieku ġie applikat limitu aktar għoli, skont l-Istat Membru. Dan il-limitu ntgħażel sabiex ikun assigurat bilanċ għall-Istati Membri kollha bejn l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet kriminali u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-proporzjonalità. Limitu għandu l-vantaġġ ukoll li huwa faċilment applikabbli fil-prattika.
Barra minn hekk, l-Ordnijiet għall-produzzjoni ta’ data dwar it-tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut jistgħu jinħarġu wkoll għal reati armonizzati speċifiċi elenkati fid-dispożizzjoni li l-evidenza għalihom ġeneralment tkun disponibbli l-aktar biss f’forma elettronika. Dan jiġġustifika l-applikazzjoni tar-Regolament anki f’każijiet fejn il-piena massima ta’ kustodja tkun anqas mil-limitu msemmi aktar ’il fuq; inkella dawk ir-reati ma jkunux jistgħu jiġu investigati sewwa, li jista’ jwassal għal impunità. Ir-reati huma dispożizzjonijiet speċifiċi ta’: (i) id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti, (ii) id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI u (iii) id-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI. Jistgħu jinħarġu Ordnijiet ukoll għar-reati elenkati fid-Direttiva 2017/541/UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI. Xi wħud minn dawn ir-reati għandhom limiti massimi minimi ta’ minn tal-anqas sena, oħrajn ta’ sentejn, iżda l-ebda wieħed minnhom ma jinżel taħt limitu massimu ta’ sena.
L-Artikolu jistabbilixxi wkoll l-informazzjoni obbligatorja li trid tkun parti mill-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea sabiex tippermetti lill-fornitur tas-servizzi jidentifika u jipproduċi d-data mitluba. Il-motivazzjonijiet tar-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ din il-miżura huma wkoll parti mill-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea.
L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tiġi implimentata bil-ħruġ ta’ Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea (EPOC) (ara l-Artikolu 8), li jiġi tradott u mibgħut lill-fornitur tas-servizzi. L-EPOC jinkludi l-istess informazzjoni obbligatorja bħall-Ordni, ħlief ir-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura jew aktar dettalji dwar il-każ.
F’sitwazzjonijiet fejn id-data mfittxija tkun maħżuna jew ipproċessata bħala parti minn infrastruttura pprovduta minn fornitur tas-servizzi lil kumpanija, ġeneralment fil-każ ta’ servizzi ta’ hosting jew ta’ softwer, il-kumpanija nnifisha għandha tkun id-destinatarja primarja ta’ talba mill-awtoritajiet investigattivi. Dan jista’ jirrikjedi proċedura ta’ OIE jew ta’ MLA fejn il-kumpanija ma tkunx fornitur tas-servizzi kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-fornitur tas-servizzi jista’ jiġi indirizzat biss b’Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jekk ma jkunx xieraq li t-talba tiġi indirizzata lill-kumpanija, b’mod partikolari fejn dan joħloq ir-riskju li tiġi pperikolata l-investigazzjoni, pereżempju meta l-kumpanija nnifisha tkun taħt investigazzjoni.
Qabel toħroġ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, l-awtorità emittenti trid tikkunsidra wkoll l-immunitajiet u l-privileġġi skont il-liġi tal-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi jew kwalunkwe impatt fuq l-interessi fundamentali ta’ dak l-Istat Membru bħad-difiża u s-sigurtà nazzjonali. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tassigura li l-immunitajiet u l-privileġġi li jipproteġu d-data mfittxija fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi jiġu kkunsidrati fl-Istat emittenti, b’mod partikolari meta dawn jipprovdu protezzjoni akbar mil-liġi tal-Istat emittenti.
Artikolu 6: Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea
Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea hija suġġetta għal kundizzjonijiet simili bħall-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea. Hija tista’ tinħareġ għal kwalunkwe reat f’konformità mal-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 6. L-għan tagħha huwa li tipprevjeni t-tneħħija, it-tħassir jew il-modifika ta’ data rilevanti f’sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun meħtieġ aktar żmien sabiex tinkiseb il-produzzjoni ta’ din id-data, pereżempju minħabba li jkunu se jintużaw kanali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Pereżempju, minħabba li l-OIE b’mod ġenerali tista’ tinħareġ għal kwalunkwe reat mingħajr ma tiġi limitata għall-ebda limitu, l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea ma għandhiex tkun limitata lanqas. Inkella, dan l-istrument ma jkunx effettiv. Sabiex l-awtoritajiet investigattivi jkunu jistgħu jaġixxu malajr u minħabba li t-talba rilevanti sabiex tiġi prodotta d-data se tkun it-talba sussegwenti fejn jerġgħu jiġu skrutinizzati l-kundizzjonijiet kollha, l-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej jistgħu jinħarġu jew jiġu vvalidati wkoll minn prosekutur.
Artikolu 7: Destinatarju ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea
L-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej għandhom jiġu indirizzati lil rappreżentant legali maħtur mill-fornitur tas-servizzi għall-iskop li tinġabar evidenza fi proċedimenti kriminali skont id-Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-iskop ta’ ġbir tal-evidenza fi proċedimenti kriminali. It-trażmissjoni se tkun fil-forma ta’ Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea (“EPOC”) jew Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea (“EPOC-PR”) kif imsemmija fl-Artikolu 8. Dan ir-rappreżentant legali se jkun responsabbli sabiex jirċevihom u għall-eżekuzzjoni f’waqtha u sħiħa tagħhom. Dan iħalli lill-fornituri tas-servizzi l-għażla dwar kif jorganizzaw ruħhom sabiex jipproduċu d-data ordnata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.
Fejn ma jkun inħatar l-ebda rappreżentant legali, l-Ordnijiet jistgħu jiġu indirizzati lil kwalunkwe stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni. Din l-opzjoni ta’ riżerva sservi sabiex tassigura l-effettività tas-sistema f’każ li l-fornitur tas-servizzi jkun għadu ma nnominax rappreżentant iddedikat, pereżempju meta ma jkunx hemm obbligu li jiġi nnominat rappreżentant legali skont id-Direttiva, minħabba li l-fornituri tas-servizzi jkunu stabbiliti u attivi biss fi Stat Membru wieħed jew f’każijiet fejn l-obbligu li jiġi nnominat rappreżentant legali jkun għadu mhuwiex fis-seħħ, qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva.
F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mir-rappreżentant legali, hemm żewġ sitwazzjonijiet fejn l-awtorità emittenti tista’ tindirizza kwalunkwe stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni: f’każijiet ta’ emerġenza kif definiti fl-Artikolu 9(2), u f’każijiet fejn ir-rappreżentant legali ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 9 u 10, u fejn l-awtorità emittenti temmen li jkun hemm riskji ċari ta’ telf tad-data.
Artikolu 8: Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropea
L-EPOC u l-EPOC-PR iservu sabiex jiġu trażmessi l-Ordnijiet lid-destinatarju definit fl-Artikolu 7. Huma pprovduti mudelli għaż-żewġ Ċertifikati fl-Anness I u II tar-Regolament; dawn iridu jiġu tradotti f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun jinstab id-destinatarju. Il-fornitur tas-servizzi jista’ jiddikjara li l-Ordnijiet se jiġu aċċettati wkoll f’lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni. L-għan taċ-Ċertifikati huwa li jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja li għandha tiġi trażmessa lid-destinatarju f’format standardizzat, u b’hekk jimminimizzaw is-sorsi ta’ żball, jippermettu identifikazzjoni faċli tad-data u jevitaw kemm jista’ jkun it-test liberu u għalhekk inaqqsu l-kostijiet tat-traduzzjoni. Il-motivazzjoni kompluta bir-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità jew aktar dettalji dwar il-każ ma għandhomx jiġi inklużi fiċ-Ċertifikat sabiex ikun evitat li jiġu pperikolati l-investigazzjonijiet. Dan għalhekk huwa meħtieġ biss bħala parti mill-Ordni nnifisha sabiex aktar tard jippermetti lill-persuna ssuspettata li tikkontestah matul il-proċedimenti kriminali.
Xi fornituri tas-servizzi diġà stabbilew pjattaformi għas-sottomissjoni ta’ talbiet mill-infurzar tal-liġi. L-użu ta’ dawn il-pjattaformi ma għandux jiġi prevenut mir-Regolament, billi dan joffri bosta vantaġġi, inkluża l-possibbiltà ta’ awtentikazzjoni faċli u trażmissjoni sigura tad-data. Madankollu, dawn il-pjattaformi għandhom jippermettu s-sottomissjoni tal-EPOC u tal-EPOC-PR fil-format previst fl-Annessi I u II, mingħajr ma jirrikjedu data addizzjonali relatata mal-Ordni.
Il-pjattaformi stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-korpi tal-Unjoni jistgħu jipprovdu wkoll mezzi siguri ta’ trażmissjoni u jiffaċilitaw l-awtentikazzjoni tal-Ordnijiet u l-ġbir tal-istatistika. Għandha tiġi kkunsidrata l-espansjoni possibbli tal-pjattaformi eCodex u SIRIUS sabiex jinkludu konnessjoni sigura għall-fornituri tas-servizzi għall-finijiet tat-trażmissjoni tal-EPOC u tal-EPOC-PR u, fejn ikun xieraq, it-tweġibiet mill-fornituri tas-servizzi.
Artikolu 9: Eżekuzzjoni ta’ EPOC
L-Artikolu 9 jobbliga lid-destinatarji jwieġbu għall-EPOCs, u jintroduċi skadenzi obbligatorji. L-iskadenza normali hija ta’ 10 ijiem, filwaqt li l-awtoritajiet jistgħu jistabbilixxu skadenza iqsar fejn ikun ġustifikat. Barra minn hekk, f’każijiet ta’ emerġenza, definiti bħala sitwazzjoni fejn ikun hemm theddida imminenti għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta’ persuna jew għal infrastruttura kritika, l-iskadenza hija ta’ 6 sigħat.
Id-dispożizzjoni tassigura wkoll il-possibbiltà ta’ djalogu bejn id-destinatarju u l-awtorità emittenti. Jekk l-EPOC ikun inkomplet, manifestament skorrett jew ma jkunx fih informazzjoni suffiċjenti għall-fornitur tas-servizzi sabiex jesegwixxi l-EPOC, id-destinatarju għandu jikkuntattja lill-awtorità emittenti u jfittex kjarifika, billi juża l-formola fl-Anness III. Huwa għandu jinforma wkoll lill-awtorità emittenti f’każijiet fejn ma jkunx jista’ jipprovdi d-data minħabba force majeure, jew impossibbiltà de facto. Dan ikun il-każ jekk, pereżempju, il-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha ma kinitx klijent ta’ dan is-servizz jew — pereżempju taħt obbligi oħra ta’ privatezza — id-data tkun tħassret legalment mill-fornitur tas-servizz qabel ma huwa jew ir-rappreżentant legali tiegħu jkunu rċevew l-Ordni. L-awtorità emittenti trid tkun konxja ta’ dawn iċ-ċirkostanzi sabiex tirreaġixxi malajr, biex forsi tiġbor l-evidenza elettronika mingħand fornitur ieħor ta’ servizz u biex tipprevjeni lill-awtorità emittenti milli tibda proċedura ta’ infurzar meta dan ma jkun jagħmel l-ebda sens.
Jekk id-destinatarju ma jipprovdix affattu l-informazzjoni, jew mhux b’mod eżawrjenti jew f’waqtha, għal raġunijiet differenti minn dawk imsemmija aktar ’il fuq, huwa għandu jinforma lill-awtorità emittenti dwar ir-raġunijiet fil-formola inkluża fl-Anness III. Id-destinatarji għalhekk jistgħu jqajmu kwalunkwe kwistjoni relatata mal-eżekuzzjoni tal-EPOC mal-awtorità emittenti. Dan jippermetti lill-awtorità emittenti li tikkoreġi jew terġa’ tikkunsidra l-EPOC fi stadju bikri, qabel il-fażi tal-infurzar.
Fejn id-data ma tiġix prodotta immedjatament, b’mod partikolari meta jinbeda djalogu bejn id-destinatarju u l-awtorità emittenti, li jkun ifisser li l-iskadenzi tal-Artikolu 9(1) ma jkunux se jinżammu aktar, il-fornitur tas-servizzi għandu obbligu li jippreserva d-data biex jevita li jitlifha, malli jirċievi l-EPOC, bil-kundizzjoni li d-data tkun tista’ tiġi identifikata. Il-preservazzjoni tista’ tkun għall-EPOC kjarifikat jew għal talba sussegwenti għal MLA jew OIE li tkun se tintbagħat minflok l-EPOC oriġinali.
Artikolu 10: Eżekuzzjoni ta’ EPOC-PR
L-eżekuzzjoni ta’ EPOC-PR tirrikjedi l-preservazzjoni tad-data disponibbli meta tiġi riċevuta l-Ordni. Il-fornituri tas-servizzi għandhom jippreservaw id-data għal kemm ikun meħtieġ sabiex jipproduċu d-data meta jintalbu, bil-kundizzjoni li l-awtorità emittenti tikkonferma fi żmien 60 jum wara li tkun ħarġet l-Ordni li hija tkun nediet it-talba sussegwenti għall-produzzjoni. Dan jirrikjedi li tal-anqas ikunu ttieħdu xi passi formali, pereżempju li tintbagħat talba ta’ assistenza legali reċiproka għat-traduzzjoni.
Min-naħa l-oħra, it-talbiet għall-preservazzjoni għandhom isiru jew jinżammu biss sakemm ikun meħtieġ sabiex tkun tista’ ssir talba sussegwenti għall-produzzjoni ta’ din id-data. Sabiex tiġi evitata preservazzjoni bla bżonn jew twila żżejjed, l-awtorità li tkun ħarġet l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea għandha tinforma lid-destinatarju malli tittieħed deċiżjoni biex ma tinħariġx, jew biex tiġi rtirata ordni ta’ produzzjoni jew talba għall-kooperazzjoni ġudizzjarja.
Din id-dispożizzjoni tassigura wkoll il-possibbiltà ta’ djalogu bejn id-destinatarju u l-awtorità emittenti, simili għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9. Jekk l-EPOC-PR ikun inkomplet, manifestament skorrett jew ma jkunx fih informazzjoni suffiċjenti għall-fornitur tas-servizzi sabiex jesegwixxi l-EPOC-PR, id-destinatarju għandu jikkuntattja lill-awtorità emittenti u jfittex kjarifika, billi juża l-Formola fl-Anness III. Huwa għandu jinforma wkoll lill-awtorità emittenti f’każijiet fejn ma jkunx jista’ jipprovdi d-data minħabba ċirkostanzi li jkunu kkunsidrati bħala force majeure, jew impossibbiltà de facto, jew għal raġunijiet oħra.
Artikolu 11: Kunfidenzjalità u informazzjoni dwar l-utent
Trid tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni li tkun għaddejja, inkluż il-fatt li kien hemm Ordni sabiex tinkiseb id-data rilevanti. Dan l-Artikolu huwa ispirat mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar l-OIE. Huwa jipprovdi għall-obbligu tad-destinatarju u jekk ikun differenti, tal-fornitur tas-servizzi, li jippreserva l-kunfidenzjalità tal-EPOC jew tal-EPOC-PR, b’mod partikolari billi ma jinfurmax lill-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha, fejn mitlub mill-awtorità emittenti sabiex tiġi salvagwardjata l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, f’konformità mal-Artikolu 23 GDPR.
Min-naħa l-oħra, huwa importanti, inkluż għall-eżerċitar tar-rimedji legali, li l-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha tiġi infurmata. Fejn dan ma jsirx mill-fornitur tas-servizzi fuq talba tal-awtorità emittenti, l-awtorità emittenti għandha tinforma lill-persuna skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Infurzar tal-Liġi ladarba ma jkunx hemm aktar ir-riskju li tiġi pperikolata l-investigazzjoni u tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli. Minħabba li huwa involut anqas indħil fid-drittijiet, tali informazzjoni mhijiex prevista fil-każ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea, iżda biss għall-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej.
Artikolu 12: Rimborż ta’ spejjeż
Jekk dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti għal ordnijiet domestiċi f’każijiet domestiċi simili, il-fornituri tas-servizzi jistgħu jitolbu wkoll ir-rimborż tal-kostijiet tagħhom mingħand l-Istat emittenti skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti. Dan jassigura t-trattament ugwali tal-fornituri tas-servizzi indirizzati b’ordni domestika u dawk indirizzati b’EPOC mill-istess Stat Membru, jekk dak l-Istat Membru jkun għażel li jirrimborża ċerti fornituri tas-servizzi. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament propost ma jarmonizzax ir-rimborż tal-kostijiet, billi l-Istati Membri għamlu għażliet diverġenti f’dak ir-rigward.
Il-kostijiet jistgħu jintalbu jew direttament mill-fornitur tas-servizzi, jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħu. Huma jistgħu jiġu rimborżati darba biss.
Kapitolu 3: Sanzjonijiet u infurzar
Artikolu 13: Sanzjonijiet
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jkun hemm disponibbli multi finanzjarji effettivi, proporzjonati u deterrenti meta l-fornituri tas-servizzi ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 9, 10 jew 11. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għal sitwazzjonijiet bħal dawn.
Artikolu 14: Proċedura għall-infurzar
L-Artikolu 14 jipprovdi proċedura għall-infurzar tal-Ordnijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità bl-għajnuna tal-Istat Membru fejn ikun jinstab id-destinatarju taċ-Ċertifikat trażmess. Jiddependi mid-destinatarju inizjali, dan ikun jew l-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi jew tar-rappreżentant legali. L-awtorità emittenti tittrasferixxi l-Ordni kompluta, inkluża l-motivazzjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità, akkumpanjata miċ-Ċertifikat, lill-awtorità kompetenti fl-Istat tal-infurzar, li għandha tinfurzaha skont il-liġi nazzjonali tagħha billi tuża, jekk ikun meħtieġ, is-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13. Jekk l-Ordni tiġi trażmessa għall-infurzar lill-Istat tal-infurzar, l-awtorità tal-infurzar tista’ tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix u ma tinforzax l-Ordni jekk meta tirċeviha hija tqis li tapplika xi waħda mir-raġunijiet limitati għall-oppożizzjoni, u wara konsultazzjoni mal-awtorità emittenti. Barra minn hekk, jekk tinbeda l-proċedura għall-infurzar, id-destinatarju nnifsu se jkun jista’ jopponi l-Ordni quddiem l-awtorità tal-infurzar. Id-destinatarju jista’ jagħmel dan fuq il-bażi ta’ kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet, esklużi l-immunitajiet u l-privileġġi iżda inklużi l-każijiet fejn ikun evidenti li l-Ordni ma tkunx inħarġet jew ġiet ivvalidata minn awtorità kompetenti jew li l-konformità tikser b’mod ċar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew tkun manifestament abbużiva. Pereżempju, Ordni li titlob il-produzzjoni ta’ data ta’ kontenut dwar klassi mhux definita ta’ persuni f’żona ġeografika jew mingħajr l-ebda rabta ma’ proċedimenti kriminali konkreti, tinjora b’mod ċar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea stabbiliti f’dan ir-Regolament u tkun evidenti diġà mill-kontenut taċ-Ċertifikat innifsu. Raġunijiet oħra jistgħu jiġu invokati biss mill-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha, fil-qafas tar-rimedji legali proprji tagħha fl-Istat emittenti (ara l-Artikolu 17 aktar ’l isfel). Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi għandu jkollhom rimedju legali kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tal-infurzar li timponi penali fuqhom.
Il-proċedura ta’ infurzar tinkludi diversi skadenzi għall-awtorità tal-infurzar u emittenti sabiex jiġi evitat aktar dewmien matul din il-proċedura.
Kapitolu 4: Rimedji
Artikoli 15 u 16: Proċedura ta’ rieżami fil-każ ta’ obbligi konfliġġenti li jirriżultaw mil-liġi ta’ pajjiż terz
L-Artikoli 15 u 16 jipprovdu għal proċedura ta’ rieżami f’każ li fornituri tas-servizzi li jkollhom is-sede tagħhom f’pajjiżi terzi jkunu ffaċċjati b’obbligi konfliġġenti. Dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ importanza kbira wkoll sabiex jassiguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet individwali u l-korteżija internazzjonali. Billi jistabbilixxu standard għoli, huma għandhom l-għan li jinkoraġġixxu pajjiżi terzi sabiex jipprovdu livell simili ta’ protezzjoni. Fis-sitwazzjoni opposta, fejn l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz ifittxu li jiksbu d-data ta’ ċittadin tal-UE mingħand fornitur tas-servizzi tal-UE, il-liġijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li jipproteġu d-drittijiet fundamentali, bħall-acquis dwar il-protezzjoni tad-data, jistgħu jipprevjenu d-divulgazzjoni. L-Unjoni Ewropea tistenna lill-pajjiżi terzi jirrispettaw tali projbizzjonijiet kif tagħmel din il-proposta.
Il-proċedura fl-Artikolu 15 tista’ tiġi skattata mid-destinatarju jekk il-konformità ma’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tikkawża ksur tal-liġi(jiet) ta’ pajjiż terz li jipprojbixxi d-divulgazzjoni tad-data għar-raġuni li dan ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali. Id-destinatarju huwa meħtieġ li jinforma lill-awtorità emittenti permezz ta’ oġġezzjoni motivata, ir-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu li jkun hemm obbligi konfliġġenti. Tali oġġezzjoni motivata ma tistax tkun ibbażata fuq is-sempliċi fatt li dispożizzjonijiet simili ma jeżistux fil-liġi tal-pajjiż terz u lanqas fuq iċ-ċirkostanza biss li d-data tkun maħżuna f’pajjiż terz. L-oġġezzjoni motivata għandha titqajjem skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(5) għan-notifika tal-intenzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, billi tintuża l-formola pprovduta l-Anness III.
Fuq il-bażi ta’ din l-oġġezzjoni motivata, l-awtorità emittenti għandha tirrieżamina l-Ordni tagħha stess. Jekk l-awtorità emittenti tagħżel li tirtira l-Ordni, il-proċedura tintemm. Jekk l-awtorità emittenti tkun tixtieq iżżomm l-Ordni, il-każ jiġi trasferit lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru tagħha. Il-qorti mbagħad tivvaluta, abbażi tal-oġġezzjoni motivata u billi tikkunsidra l-fatti rilevanti kollha tal-każ, jekk il-liġi tal-pajjiż terz tapplikax għall-każ speċifiku inkwistjoni u — jekk tapplika — jekk jeżistix kunflitt fil-każ speċifiku inkwistjoni. Fit-twettiq ta’ din il-valutazzjoni, il-qorti għandha tikkunsidra jekk il-liġi tal-pajjiż terz, pjuttost milli tkun maħsuba sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, tfittixx manifestament li tipproteġi interessi oħra jew ikollha l-għan li tipproteġi attivitajiet illegali mit-talbiet ta’ infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali.
Jekk il-qorti tistabbilixxi li fil-fatt ikun hemm kunflitt mal-obbligi li jirriżultaw minn liġijiet li jipproteġu d-drittijiet fundamentali ta’ individwi jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, il-qorti trid titlob opinjoni tal-pajjiż terz rilevanti permezz tal-awtoritajiet ċentrali nazzjonali tal-pajjiż terz. Jekk il-pajjiż terz ikkonsultat jikkonferma l-eżistenza tal-kunflitt u joġġezzjona għall-eżekuzzjoni tal-Ordni, il-qorti trid tirtira l-Ordni.
Jekk il-kunflitt jinħoloq abbażi ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-pajjiż terz li ma sservix la biex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-individwi u lanqas l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, f’dak il-każ il-qorti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi ta’ bbilanċjar tal-interessi favur u kontra ż-żamma tal-Ordni.
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9, speċjalment l-obbligi ta’ preservazzjoni deskritti fl-Artikolu 9(6), huma applikabbli wkoll f’sitwazzjonijiet fejn iseħħu obbligi konfliġġenti li jirriżultaw mil-liġi ta’ pajjiż terz. Fejn il-qorti tiddeċiedi li l-Ordni għandha tinżamm, l-awtorità emittenti u l-fornitur tas-servizzi jiġu infurmati sabiex jipproċedu għall-eżekuzzjoni tagħha. Fejn l-Ordni titneħħa, tista’ tinħareġ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea separata biex tassigura d-disponibbiltà tad-data fejn din tista’ tinkiseb permezz ta’ talba ta’ assistenza legali reċiproka.
Minħabba li l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea waħedha ma twassalx għal divulgazzjoni tad-data u għalhekk ma toħloqx tħassib simili, il-proċedura ta’ rieżami hija limitata għall-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea.
Artikolu 17: Rimedji effettivi
Din id-dispożizzjoni tassigura li l-persuni affettwati mill-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jkollhom rimedji effettivi. Dawn ir-rimedji jiġu eżerċitati fl-Istat emittenti skont il-liġi nazzjonali. Għall-persuni suspettati u l-persuni akkużati, ir-rimedji normalment jiġu eżerċitati waqt il-proċedimenti kriminali. Mhumiex disponibbli rimedji speċifiċi għall-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea, li fiha nnifisha ma tippermettix divulgazzjoni tad-data, għajr f’dawk il-każijiet fejn tkun segwita b’Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew strument ieħor li jwassal għad-divulgazzjoni, li mbagħad iwasslu għal rimedji speċifiċi.
Il-persuni li tkun tfittxet id-data tagħhom mingħajr ma kienu persuni suspettati jew persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, għandu jkollhom ukoll id-dritt għal rimedju legali fl-Istat emittenti. Dawn id-drittijiet kollha huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju disponibbli skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-GDPR.
B’differenza minn dak li huwa previst għall-fornituri tas-servizzi, ir-Regolament ma jillimitax ir-raġunijiet possibbli għal dawn il-persuni kollha sabiex jikkontestaw il-legalità tal-Ordni. Dawn ir-raġunijiet jinkludu n-neċessità u l-proporzjonalità tal-Ordni.
L-eżerċitar tar-rimedji fl-Istat emittenti ma jpoġġix piż sproporzjonat fuq il-persuni affettwati. L-istess bħal fil-każ ta’ Ordnijiet li jiġu infurzati permezz ta’ forom oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, il-qrati fl-Istat emittenti jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jirrieżaminaw il-legalità tal-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej maħruġa mill-awtoritajiet proprji tagħhom u sabiex jivvalutaw il-kompatibbiltà mal-liġi nazzjonali proprja tagħhom. Barra minn hekk, matul il-fażi ta’ infurzar, id-destinatarji jistgħu jopponu separatament l-infurzar tal-EPOC jew tal-EPOC-PR fl-Istat Membru ospitanti tagħhom abbażi ta’ lista ta’ raġunijiet imsemmija fir-Regolament (ara l-Artikolu 14 aktar ’il fuq).
Artikolu 18: Assigurazzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet skont il-liġi tal-Istat riċeventi
Din id-dispożizzjoni għandha l-istess objettiv bħall-Artikolu 5(7) sabiex tassigura li l-immunitajiet u l-privileġġi li jipproteġu d-data mfittxija fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi jiġu kkunsidrati fl-Istat emittenti, b’mod partikolari meta jkun hemm differenzi bejn dawk l-Istati Membri, kif ukoll l-interessi fundamentali ta’ dak l-Istat Membru bħas-sigurtà u d-difiża nazzjonali. L-Artikolu 18 jipprovdi li l-qorti fl-Istat emittenti għandha tikkunsidrahom daqslikieku kienu previsti fil-liġi nazzjonali tagħhom. Minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri meta jkunu qegħdin jivvalutaw ir-rilevanza u l-ammissibbiltà tal-evidenza, id-dispożizzjoni tħalli xi flessibbiltà lill-qrati dwar kif jikkunsidrawhom.
Kapitolu 5: Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 19: Monitoraġġ u rappurtar
Dan l-Artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw informazzjoni speċifika relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament bil-għan li jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont l-Artikolu 24. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 20: Emendi fiċ-Ċertifikati u fil-Formoli
Iċ-Ċertifikati u l-formoli li jinsabu fl-Annessi I, II, u III ta’ din il-proposta se jagħmluha aktar faċli li jiġu eżegwiti EPOC u EPOC-PR. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li fil-ġejjieni wieħed ikun jista’ jindirizza ħtieġa possibbli ta’ titjib fil-kontenut taċ-Ċertifikat u tal-formola kemm jista’ jkun malajr. L-emenda tat-tliet annessi permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma tikkorrispondix għal dan ir-rekwiżit, u huma jikkostitwixxu elementi mhux essenzjali tal-atti leġiżlattivi, bl-elementi ewlenin ikunu definiti fl-Artikolu 8. Għaldaqstant, proċedura aktar mgħaġġla u aktar flessibbli għall-emendi permezz ta’ atti delegati hija stipulata fl-Artikolu 20.
Artikolu 21: Eżerċizzju ta’ delega
Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tipprovdi għall-emendi neċessarji fiċ-Ċertifikat u fil-formoli annessi mal-proposta. Huwa jistabbilixxi proċedura standard għall-adozzjoni ta’ tali atti delegati.
Artikolu 22: Notifiki
L-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar min huma l-awtoritajiet emittenti u ta’ infurzar kompetenti, u liema qrati huma kompetenti sabiex jittrattaw l-oġġezzjonijiet motivati tal-fornituri tas-servizzi f’każ ta’ kunflitt tal-liġi.
Artikolu 23: Relazzjoni mal-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej
Din id-dispożizzjoni tikkjarifika li r-Regolament ma jimpedix lill-awtoritajiet tal-Istati Membri milli joħorġu Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej skont id-Direttiva 2014/41/UE biex jiksbu evidenza elettronika.
Artikolu 24: Evalwazzjoni
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni, inkluża valutazzjoni tal-ħtieġa li jitkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għas-servizzi li għadhom mhumiex koperti iżda li jistgħu jsiru aktar rilevanti għall-investigazzjonijiet, 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost.
Artikolu 25: Dħul fis-seħħ
Ir-Regolament propost għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Ir-Regolament imbagħad japplika 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
2018/0108 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-Unjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għall-istabbiliment gradwali ta’ dan l-ispazju, l-Unjoni se tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li huwa komunement indikat bħala element ewlieni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999.
(2)Il-miżuri sabiex tinkiseb u tiġi ppreservata l-evidenza elettronika huma dejjem aktar importanti sabiex ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali fl-Unjoni kollha. Mekkaniżmi effettivi sabiex tinkiseb evidenza elettronika huma essenzjali sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità, soġġetti għal kundizzjonijiet sabiex jiġi assigurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif imnaqqxa fit-Trattati, b’mod partikolari l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, il-proċess dovut tal-liġi, il-protezzjoni tad-data, is-segretezza tal-korrispondenza u l-privatezza.
(3)Id-Dikjarazzjoni Konġunta tat-22 ta’ Marzu 2016 tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u tar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell enfasizzat il-ħtieġa, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li jinstabu modi sabiex tiġi assigurata u miksuba l-evidenza elettronika aktar malajr u b’mod aktar effettiv u li jiġu identifikati miżuri konkreti sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.
(4)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2016 issottolinjaw l-importanza dejjem tiżdied tal-evidenza elettronika fil-proċedimenti kriminali, u tal-protezzjoni taċ-ċiberspazju mill-abbuż u mill-attivitajiet kriminali għall-benefiċċju tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet, u għalhekk il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji jkollhom għodod effettivi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ atti kriminali relatati maċ-ċiberspazju.
(5)Fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Reżiljenza, id-Deterrenza u d-Difiża tat-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni enfasizzat li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva tal-kriminalità bl-użu tal-internet kienet deterrent ewlieni għall-attakki ċibernetiċi, u li l-qafas proċedurali preżenti kien jeħtieġ li jiġi adattat aħjar għall-era tal-internet. Il-proċeduri attwali xi drabi ma setgħux ilaħħqu mal-ħeffa tal-attakki ċibernetiċi, li joħolqu ħtieġa partikolari għal kooperazzjoni rapida bejn il-fruntieri.
(6)Il-Parlament Ewropew esprima wkoll dan it-tħassib fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità tat-3 ta’ Ottubru 2017, fejn issottolinja l-isfidi li l-qafas legali frammentat ta’ bħalissa jista’ joħloq għall-fornituri tas-servizzi sabiex jikkonformaw mat-talbiet ta’ infurzar tal-liġi u talab lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta qafas legali tal-Unjoni għall-evidenza elettronika b’salvagwardji suffiċjenti għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha kkonċernati.
(7)Is-servizzi bbażati fuq netwerk jistgħu jiġu pprovduti minn kullimkien u ma jirrikjedux infrastruttura, bini jew persunal fiżiċi fil-pajjiż rilevanti. Minħabba f’hekk, l-evidenza rilevanti ħafna drabi tinħażen barra mill-Istat investigattiv jew minn fornitur tas-servizzi stabbilit barra minn dan l-Istat. Spiss, ma jkun hemm ebda konnessjoni oħra bejn il-każ li jkun qiegħed jiġi investigat fl-Istat ikkonċernat u l-Istat tal-post tal-ħażna jew tal-istabbiliment prinċipali tal-fornitur tas-servizzi.
(8)Minħabba dan in-nuqqas ta’ konnessjoni, it-talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja ħafna drabi jiġu indirizzati lil stati li jkunu ospitanti għal għadd kbir ta’ fornituri tas-servizzi, iżda li ma jkollhom l-ebda relazzjoni oħra mal-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, l-għadd ta’ talbiet immultiplika minħabba ż-żieda fl-użu ta’ servizzi bbażati fuq netwerk li min-natura tagħhom huma mingħajr fruntieri. B’riżultat ta’ dan, il-ksib ta’ evidenza elettronika bl-użu tal-kanali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ħafna drabi jieħu żmien twil — itwal milli jista’ jkun disponibbli l-ħjiel sussegwenti. Barra minn hekk, ma hemm ebda qafas ċar għall-kooperazzjoni mal-fornituri ta’ servizz, filwaqt li ċerti fornituri ta’ pajjiżi terzi jaċċettaw talbiet diretti għal data mhux ta’ kontenut kif permess mil-liġi domestika applikabbli tagħhom. Konsegwentement, l-Istati Membri kollha jibbażaw fuq il-kanal ta’ kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi fejn ikun disponibbli, billi jużaw għodod, kundizzjonijiet u proċeduri differenti. Barra minn hekk, għad-data ta’ kontenut, xi Stati Membri ħadu azzjoni unilaterali, filwaqt li oħrajn baqgħu jibbażaw fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja.
(9)Il-qafas legali frammentat joħloq sfidi għall-fornituri tas-servizzi li jkunu jixtiequ jikkonformaw mat-talbiet ta’ infurzar tal-liġi. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi ppreżentat qafas legali Ewropew għall-evidenza elettronika sabiex jiġi impost obbligu fuq il-fornituri tas-servizzi koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument biex jirrispondu direttament lill-awtoritajiet mingħajr l-involviment ta’ awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi.
(10)L-Ordnijiet skont dan ir-Regolament għandhom jiġu indirizzati lir-rappreżentanti legali tal-fornituri tas-servizzi maħtura għal dak il-għan. Jekk fornitur tas-servizzi stabbilit fl-Unjoni ma jkunx ħatar rappreżentant legali, l-Ordnijiet jistgħu jiġu indirizzati lil kwalunkwe stabbiliment ta’ dan il-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni. Din l-opzjoni ta’ riżerva sservi biex tassigura l-effettività tas-sistema f’każ li l-fornitur tas-servizzi jkun għadu ma nnominax rappreżentant iddedikat.
(11)Il-mekkaniżmu tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u tal-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea għall-evidenza elettronika f’materji kriminali jista’ jaħdem biss abbażi ta’ livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li hija prekundizzjoni essenzjali għat-tħaddim kif suppost ta’ dan l-istrument.
(12)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u tal-proporzjonalità, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix ipproċessat jew ikkastigat darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Jekk l-Istat Membru emittenti jkollu indikazzjonijiet li jistgħu jkunu għaddejjin proċedimenti kriminali paralleli fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI.
(13)Sabiex jiggarantixxi r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, dan ir-Regolament jirreferi espliċitament għall-istandards neċessarji rigward il-ksib ta’ kwalunkwe data personali, l-ipproċessar ta’ din id-data, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-użu tal-miżura investigattiva prevista minn dan l-istrument u r-rimedji disponibbli.
(14)Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għad-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali stabbiliti fid-Direttivi 2010/64/UE, 2012/13/UE, 2013/48/UE, 2016/343, 2016/800 u 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(15)Dan l-istrument jistabbilixxi r-regoli li bihom awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Unjoni Ewropea tista’ tordna fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni sabiex jipproduċi jew jippreserva evidenza elettronika permezz ta’ Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea. Dan ir-Regolament huwa applikabbli fil-każijiet kollha fejn il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru ieħor. Għas-sitwazzjonijiet domestiċi fejn ma jkunux jistgħu jintużaw l-istrumenti stabbiliti minn dan ir-Regolament, ir-Regolament jenħtieġ li ma jillimitax is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti diġà stabbiliti mil-liġi nazzjonali sabiex jobbligaw il-fornituri tas-servizzi stabbiliti jew rappreżentati fit-territorju tagħhom.
(16)Il-fornituri tas-servizzi l-aktar rilevanti għall-proċedimenti kriminali huma l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u fornituri speċifiċi ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-utenti. Għalhekk, iż-żewġ gruppi jenħtieġ li jkunu koperti minn dan ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma definiti fil-proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Dawn jinkludu komunikazzjonijiet interpersonali bħas-servizzi ta’ vuċi fuq IP, messaġġerija istantanja u s-servizzi ta’ posta elettronika. Il-kategoriji tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni inklużi hawnhekk huma dawk li għalihom il-ħażna tad-data hija komponent determinanti tas-servizz mogħti lill-utent, u jirreferu b’mod partikolari għan-netwerks soċjali sa fejn dawn ma jikkwalifikawx bħala servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, postijiet tas-suq online li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet bejn l-utenti tagħhom (bħall-konsumaturi jew in-negozji) u servizzi oħra ta’ hosting, inkluż fejn is-servizz jiġi pprovdut permezz tal-cloud computing. Is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li għalihom il-ħażna tad-data mhijiex komponent determinanti tas-servizz ipprovdut lill-utent, u li għalihom hija biss ta’ natura anċillari, bħas-servizzi legali, arkitettoniċi, ta’ inġinerija u kontabilistiċi pprovduti online mill-bogħod, jenħtieġ li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, anki fejn dawn jistgħu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni skont id-Direttiva (UE) 2015/1535.
(17)F’ħafna każijiet, id-data ma tkunx aktar maħżuna jew ipproċessata fuq l-apparat tal-utent iżda tkun disponibbli fuq infrastruttura bbażata fuq il-cloud għall-aċċess minn kullimkien. Biex iħaddmu dawk is-servizzi, il-fornituri tas-servizzi ma għandhomx għalfejn ikunu stabbiliti jew ikollhom is-servers f’ġurisdizzjoni speċifika. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiddependix fuq il-lokalizzazzjoni attwali tal-istabbiliment tal-fornitur jew tal-faċilità ta’ pproċessar jew ħażna tad-data.
(18)Il-fornituri ta’ servizzi ta’ infrastruttura tal-internet relatati mal-assenjazzjoni ta’ ismijiet u numri, bħar-reġistraturi u r-reġistri tal-ismijiet ta’ dominji u l-fornituri ta’ servizzi ta’ privatezza u proxy, jew ir-reġistri reġjonali tal-internet għall-indirizzi tal-protokoll tal-internet (“IP”), huma ta’ rilevanza partikolari għall-identifikazzjoni tal-atturi wara siti web malizzjużi jew kompromessi. Huma jkollhom fil-pussess tagħhom data li hija ta’ rilevanza partikolari għall-proċedimenti kriminali billi tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ individwu jew entità wara sit web użat f’attività kriminali, jew il-vittma ta’ attività kriminali fil-każ ta’ sit web kompromess li jkun ġie maħtuf minn kriminali.
(19)Dan ir-Regolament jirregola l-ġbir tad-data maħżuna biss, jiġifieri, id-data miżmuma minn fornitur tas-servizzi fil-ħin li jirċievi Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea. Huwa ma jistipulax obbligu ġenerali ta’ żamma tad-data, u lanqas ma jawtorizza l-interċettazzjoni ta’ data jew il-ksib ta’ data maħżuna f’mument aktar ’il quddiem minn meta jiġi riċevut ċertifikat ta’ ordni ta’ produzzjoni jew ta’ preservazzjoni. Id-data jenħtieġ li tiġi pprovduta irrispettivament minn jekk tkunx kriptata jew le.
(20)Il-kategoriji tad-data li jkopri dan ir-Regolament jinkludu d-data dwar l-abbonati, id-data ta’ aċċess, id-data dwar it-tranżazzjonijiet (dawn it-tliet kategoriji jissejħu komunement bħala “data mhux tal-kontenut”) u d-data ta’ kontenut. Din id-distinzjoni, apparti mid-data ta’ aċċess, teżisti fil-liġijiet legali ta’ bosta Stati Membri kif ukoll fil-qafas legali attwali tal-Istati Uniti li jippermetti lill-fornituri ta’ servizz jaqsmu data mhux ta’ kontenut ma’ awtoritajiet barranin tal-infurzar tal-liġi fuq bażi volontarja.
(21)Huwa xieraq li d-data ta’ aċċess tiġi individwalizzata bħala kategorija ta’ data speċifika użata f’dan ir-Regolament. Id-data ta’ aċċess hija mfittxija għall-istess objettiv bħad-data dwar l-abbonati, fi kliem ieħor sabiex jiġi identifikat l-utent sottostanti, u l-livell ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali huwa simili għal dak tad-data dwar l-abbonati. Id-data ta’ aċċess ġeneralment tiġi rreġistrata bħala parti minn rekord tal-avvenimenti (fi kliem ieħor log tas-server) biex tindika l-bidu u t-tmiem ta’ sessjoni ta’ aċċess tal-utent għal servizz. Din ħafna drabi tkun indirizz IP individwali (statiku jew dinamiku) jew identifikatur ieħor li jidentifika l-interfaċċa tan-netwerk użata waqt is-sessjoni ta’ aċċess. Jekk l-utent ma jkunx magħruf, dan ħafna drabi jkun irid jinkiseb qabel ma tkun tista’ tiġi ordnata d-data dwar l-abbonati mingħand il-fornitur tas-servizzi.
(22)Id-data dwar it-tranżazzjonijiet, min-naħa l-oħra, ġeneralment titfittex sabiex tinkiseb informazzjoni dwar il-kuntatti u l-pożizzjoni tal-utent u tista’ sservi sabiex jiġi stabbilit profil ta’ individwu kkonċernat. Madankollu, id-data ta’ aċċess waħedha ma tistax isservi sabiex tistabbilixxi għan simili, pereżempju hija ma tiżvela ebda informazzjoni dwar l-interlokuturi relatati mal-utent. B’hekk din il-proposta tintroduċi kategorija ġdida ta’ data, li għandha tiġi ttrattata bħad-data dwar l-abbonati jekk l-għan tal-ksib ta’ din id-data jkun simili.
(23)Il-kategoriji kollha tad-data jinkludu data personali, u għalhekk huma koperti mis-salvagwardji skont l-acquis dwar il-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, iżda l-intensità tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tvarja, b’mod partikolari bejn id-data dwar l-abbonati u d-data ta’ aċċess fuq naħa u d-data dwar it-tranżazzjonijiet u d-data ta’ kontenut fuq in-naħa l-oħra. Filwaqt li d-data dwar l-abbonati u d-data ta’ aċċess huma utli sabiex jinkiseb l-ewwel ħjiel f’investigazzjoni dwar l-identità ta’ persuna suspettata, id-data dwar it-tranżazzjonijiet u d-data ta’ kontenut huma l-aktar rilevanti bħala materjal probatorju. Għalhekk huwa essenzjali li dawn il-kategoriji kollha ta’ data jkunu koperti mill-istrument. Minħabba l-grad differenti ta’ ndħil fid-drittijiet fundamentali, huma imposti kundizzjonijiet differenti għall-ksib tad-data dwar l-abbonati u d-data ta’ aċċess fuq naħa, u d-data dwar it-tranżazzjonijiet u d-data ta’ kontenut fuq in-naħa l-oħra.
(24)L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea huma miżuri investigattivi li jenħtieġ li jinħarġu biss fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali speċifiċi kontra l-awtur speċifiku magħruf jew li jkun għadu mhux magħruf ta’ reat kriminali konkret li jkun diġà seħħ, wara evalwazzjoni individwali tal-proporzjonalità u tan-neċessità f’kull każ individwali.
(25)Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet fi proċedimenti ċivili jew amministrattivi, inkluż fejn dawn il-proċedimenti jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet.
(26)Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fornituri tas-servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni, u l-Ordnijiet previsti minn dan ir-Regolament jistgħu jinħarġu biss għal data relatata ma’ servizzi offruti fl-Unjoni. Is-servizzi offruti esklussivament barra mill-Unjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, anki jekk il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit fl-Unjoni.
(27)L-istabbiliment ta’ jekk fornitur tas-servizzi joffrix servizzi fl-Unjoni jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-fornitur tas-servizzi jippermettix persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu. Madankollu, is-sempliċi aċċessibbiltà ta’ interfaċċa online bħal pereżempju l-aċċessibbiltà tas-sit web jew ta’ indirizz tal-posta elettronika tal-fornitur tas-servizzi jew ta’ intermedjarju jew ta’ dettalji oħra ta’ kuntatt fi Stat Membru wieħed jew aktar waħedha ma għandhiex tkun kundizzjoni suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(28)Konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni għandha tkun ukoll rilevanti sabiex jiġi determinat l-ambitu ta’ applikazzjoni tar-Regolament preżenti. Tali konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jenħtieġ li titqies li teżisti meta l-fornitur tas-servizzi jkollu stabbiliment fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ stabbiliment bħal dan, il-kriterju ta’ konnessjoni sostanzjali għandu jiġi vvalutat abbażi tal-eżistenza ta’ għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew l-immirar tal-attivitajiet fid-direzzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet fid-direzzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jiġi determinat abbażi taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti, inklużi fatturi bħall-użu ta’ lingwa jew munita ġeneralment użata f’dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi. L-immirar ta’ attivitajiet fid-direzzjoni ta’ Stat Membru jista’ jiġi derivat ukoll mid-disponibbiltà ta’ applikazzjoni (“app”) fl-app store nazzjonali rilevanti, mill-forniment ta’ reklamar lokali jew reklamar bil-lingwa użata f’dak l-Istat Membru, jew mill-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-klijenti bħall-għoti ta’ servizz lill-klijenti bil-lingwa ġeneralment użata f’dak l-Istat Membru. Għandha tiġi preżunta wkoll konnessjoni sostanzjali meta fornitur tas-servizzi jidderieġi l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif stabbilit fl-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Min-naħa l-oħra, il-forniment tas-servizz minħabba s-sempliċi konformità mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stipulata fir-Regolament (UE) 2018/302 ma jistax, għal dik ir-raġuni waħedha, jitqies li jkun qiegħed jidderieġi jew jimmira l-attivitajiet lejn territorju partikolari fl-Unjoni.
(29)L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jenħtieġ li tinħareġ biss jekk tkun meħtieġa u proporzjonata. Il-valutazzjoni jenħtieġ li tikkunsidra jekk l-Ordni tkunx limitata għal dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li tinkiseb id-data rilevanti u neċessarja sabiex isservi bħala evidenza fil-każ individwali biss.
(30)Meta tinħareġ Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea, dejjem għandu jkun hemm awtorità ġudizzjarja involuta fil-proċess ta’ ħruġ jew ta’ validazzjoni tal-Ordni. Minħabba l-karattru aktar sensittiv tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut, il-ħruġ jew il-validazzjoni tal-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej għall-produzzjoni ta’ dawn il-kategoriji jirrikjedi rieżami minn imħallef. Billi d-data dwar l-abbonati u d-data ta’ aċċess huma anqas sensittivi, l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej għad-divulgazzjoni tagħha jistgħu jinħarġu jew jiġu vvalidati wkoll minn prosekuturi kompetenti.
(31)Għall-istess raġuni, trid issir distinzjoni rigward il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-Regolament: L-Ordnijiet għall-produzzjoni ta’ data dwar l-abbonati u data ta’ aċċess jistgħu jinħarġu għal kwalunkwe reat kriminali, filwaqt li l-aċċess għad-data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut jenħtieġ li jkun soġġett għal rekwiżiti aktar stretti sabiex jirriflettu n-natura aktar sensittiva ta’ din id-data. Limitu jippermetti approċċ aktar proporzjonat, flimkien ma’ għadd ta’ kundizzjonijiet u salvagwardji ex ante u ex post oħra previsti fil-proposta sabiex jassiguraw ir-rispett għall-proporzjonalità u d-drittijiet tal-persuni affettwati. Fl-istess ħin, jenħtieġ li limitu ma jillimitax l-effettività tal-istrument u l-użu tiegħu mill-professjonisti. Jekk jitħalla l-ħruġ ta’ Ordnijiet għal investigazzjonijiet li jġorru minn tal-anqas sentenza massima ta’ tliet snin, dan jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument għal kriminalità aktar serja, mingħajr ma jaffettwa eċċessivament il-possibbiltajiet tal-użu tiegħu mill-professjonisti. Huwa jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni għadd sinifikanti ta’ reati li huma kkunsidrati anqas serji mill-Istati Membri, kif espress f’piena massima aktar baxxa. Huwa għandu l-vantaġġ ukoll li huwa faċilment applikabbli fil-prattika.
(32)Hemm reati speċifiċi fejn l-evidenza ġeneralment tkun disponibbli esklussivament f’forma elettronika, li għandha natura partikolarment qasira. Dan huwa l-każ għar-reati ċibernetiċi, anki dawk li jistgħu ma jkunux meqjusa bħala serji fihom infushom iżda li jistgħu jikkawżaw ħsara estensiva jew konsiderevoli, li jinkludu b’mod partikolari każijiet ta’ impatt individwali baxx iżda ħsara ta’ volum għoli u kumplessiv. Għall-biċċa l-kbira tal-każijiet fejn ir-reat ikun twettaq permezz ta’ sistema tal-informazzjoni, l-applikazzjoni tal-istess limitu bħal fil-każ ta’ tipi oħra ta’ reati twassal predominantement għal impunità. Dan jiġġustifika l-applikazzjoni tar-Regolament anki għal dawk ir-reati fejn il-piena massima tkun anqas minn 3 snin priġunerija. Addizzjonalment, reati relatati mat-terroriżmu kif deskritti fid-Direttiva 2017/541/UE ma jirrikjedux il-limitu massimu minimu ta’ 3 snin.
(33)Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi stipulat li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tista’ tinħareġ biss jekk tkun disponibbli Ordni simili għall-istess reat kriminali f’sitwazzjoni domestika komparabbli fl-Istat emittenti.
(34)F’każijiet fejn id-data mfittxija tkun maħżuna jew ipproċessata bħala parti minn infrastruttura pprovduta minn fornitur tas-servizzi lil kumpanija jew entità oħra għajr persuni fiżiċi, ġeneralment fil-każ tas-servizzi ta’ hosting, l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jenħtieġ li tintuża biss meta miżuri investigattivi oħra indirizzati lill-kumpanija jew lill-entità ma jkunux adattati, speċjalment jekk dan joħloq ir-riskju li tiġi pperikolata l-investigazzjoni. Dan huwa ta’ rilevanza b’mod partikolari fir-rigward ta’ entitajiet akbar, bħall-korporazzjonijiet jew l-entitajiet tal-gvern, li jużaw is-servizzi ta’ fornituri tas-servizzi sabiex jipprovdu l-infrastruttura jew is-servizzi tal-IT korporattivi tagħhom jew it-tnejn. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-ewwel destinatarju ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jenħtieġ li tkun il-kumpanija jew entità oħra. Din il-kumpanija jew entità legali oħra ma tistax tkun fornitur tas-servizzi kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, f’każijiet fejn ma jkunx opportun li tiġi indirizzata dik l-entità, pereżempju minħabba li tkun issuspettata b’involviment fil-każ ikkonċernat jew ikun hemm indikazzjonijiet ta’ kollużjoni mal-mira tal-investigazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jindirizzaw lill-fornitur tas-servizzi li jkun qiegħed jipprovdi l-infrastruttura inkwistjoni sabiex jipprovdi d-data mitluba. Din id-dispożizzjoni ma taffettwax id-dritt li l-fornitur tas-servizzi jiġi ordnat jippreserva d-data.
(35)L-immunitajiet u l-privileġġi, li jistgħu jirreferu għal kategoriji ta’ persuni (bħal diplomatiċi) jew relazzjonijiet protetti b’mod speċifiku (bħall-privileġġ professjonali legali), huma msemmija fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku bħall-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea. Il-firxa u l-impatt tagħhom ivarjaw skont il-liġi nazzjonali applikabbli li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata meta tinħareġ l-Ordni, billi l-awtorità emittenti tista’ toħroġ l-Ordni biss jekk tkun disponibbli ordni simili f’sitwazzjoni domestika komparabbli. Minbarra dan il-prinċipju bażiku, l-immunitajiet u l-privileġġi li jipproteġu d-data ta’ aċċess, id-data dwar it-tranżazzjonijiet jew id-data ta’ kontenut fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi jenħtieġ li kemm jista’ jkun jiġu kkunsidrati fl-Istat emittenti bl-istess mod daqslikieku kienu previsti skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti. Dan huwa rilevanti b’mod partikolari jekk il-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi indirizzat il-fornitur tas-servizzi jew ir-rappreżentant legali tiegħu tipprovdi protezzjoni ogħla mil-liġi tal-Istat emittenti. Id-dispożizzjoni tassigura wkoll ir-rispett għal każijiet fejn id-divulgazzjoni tad-data jista’ jkollha impatt fuq l-interessi fundamentali ta’ dak l-Istat Membru bħalma huma s-sigurtà u d-difiża nazzjonali. Bħala salvagwardja addizzjonali, dawn l-aspetti jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mhux biss meta tinħareġ l-Ordni, iżda wkoll aktar tard, meta jkunu qed jiġu vvalutati r-rilevanza u l-ammissibbiltà tad-data kkonċernata fl-istadju rilevanti tal-proċedimenti kriminali, u jekk isseħħ proċedura ta’ infurzar, mill-awtorità tal-infurzar.
(36)L-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea tista’ tinħareġ għal kwalunkwe reat. L-għan tagħha huwa li tipprevjeni t-tneħħija, it-tħassir jew il-modifika ta’ data rilevanti f’sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun meħtieġ aktar żmien sabiex tinkiseb il-produzzjoni ta’ din id-data, pereżempju minħabba li jkunu se jintużaw kanali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja.
(37)L-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej jenħtieġ li jiġu indirizzati lir-rappreżentant legali maħtur mill-fornitur tas-servizzi. Fin-nuqqas ta’ rappreżentant legali nominat, l-Ordnijiet jistgħu jiġu indirizzati lil stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni. Dan jista’ jkun il-każ meta ma jkun hemm ebda obbligu legali għall-fornitur tas-servizzi sabiex jinnomina rappreżentant legali. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mir-rappreżentant legali f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea tista’ tiġi indirizzata wkoll lill-fornitur tas-servizzi minflok ma tiġi mfittxija l-eżekuzzjoni tal-Ordni oriġinali jew flimkien magħha skont l-Artikolu 14. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mir-rappreżentant legali f’sitwazzjonijiet mhux ta’ emerġenza, iżda fejn ikun hemm riskji ċari ta’ telf tad-data, Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea tista’ tiġi indirizzata wkoll lil kwalunkwe stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni. Minħabba dawn ix-xenarji possibbli differenti, fid-dispożizzjonijiet jintuża t-terminu ġenerali “destinatarju”. Fejn obbligu, pereżempju dwar il-kunfidenzjalità, japplika mhux biss għad-destinatarju, iżda wkoll għall-fornitur tas-servizzi jekk ma jkunx id-destinatarju, dan huwa speċifikat fid-dispożizzjoni rispettiva.
(38)L-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u l-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej jenħtieġ li jiġu trażmessi lill-fornitur tas-servizzi permezz ta’ Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea (EPOC) jew Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea (EPOC-PR), li jenħtieġ li jiġu tradotti. Iċ-Ċertifikati jenħtieġ li jinkludu l-istess informazzjoni obbligatorja bħall-Ordnijiet, ħlief ir-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura jew aktar dettalji dwar il-każ sabiex jiġi evitat li jiġu pperikolati l-investigazzjonijiet. Iżda billi dawn huma parti mill-Ordni nnifisha jippermettu lill-persuna suspettata tikkontestaha aktar tard matul il-proċedimenti kriminali. Fejn ikun meħtieġ, Ċertifikat irid jiġi tradott fil-lingwa/i uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tad-destinatarju, jew f’lingwa uffiċjali oħra li l-fornitur tas-servizzi jkun iddikjara li se jaċċetta.
(39)L-awtorità emittenti kompetenti jenħtieġ li tittrażmetti l-EPOC jew l-EPOC-PR direttament lid-destinatarju bi kwalunkwe mezz li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-fornitur tas-servizzi jistabbilixxi l-awtentiċità, pereżempju permezz ta’ posta rreġistrata, posta elettronika u pjattaformi siguri jew kanali siguri oħra, inklużi dawk magħmula disponibbli mill-fornitur tas-servizzi, f’konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali.
(40)Id-data mitluba jenħtieġ li tiġi trażmessa lill-awtoritajiet sa mhux aktar tard minn 10 ijiem wara li jiġi riċevut l-EPOC. Il-fornitur jenħtieġ li jirrispetta limiti ta’ żmien aktar qosra f’każijiet ta’ emerġenza u jekk l-awtorità emittenti tindika raġunijiet oħra sabiex tiddevja mill-iskadenza ta’ 10 ijiem. Minbarra l-periklu imminenti tat-tħassir tad-data mitluba, raġunijiet bħal dawn jistgħu jinkludu ċirkostanzi li jkunu relatati mal-investigazzjoni li tkun għaddejja, pereżempju meta t-talba mitluba tkun assoċjata ma’ miżuri investigattivi urġenti oħra li ma jkunux jistgħu jitwettqu mingħajr id-data nieqsa jew inkella jkunu dipendenti fuqha.
(41)Sabiex il-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jindirizzaw problemi formali, huwa neċessarju li tiġi stabbilita proċedura għall-komunikazzjoni bejn il-fornitur tas-servizzi u l-awtorità ġudizzjarja emittenti f’każijiet fejn l-EPOC għandu mnejn ikun inkomplet jew ikun fih żbalji ovvji jew mhux biżżejjed informazzjoni sabiex tiġi eżegwita l-Ordni. Barra minn hekk, jekk il-fornitur tas-servizzi ma jipprovdix l-informazzjoni b’mod eżawrjenti u f’waqtu għal kwalunkwe raġuni oħra, pereżempju għax jaħseb li jkun hemm kunflitt ma’ obbligu skont il-liġi ta’ pajjiż terz, jew għax jaħseb li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea ma tkunx inħarġet skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament, huwa għandu jmur lura għand l-awtoritajiet emittenti u jipprovdi l-ġustifikazzjonijiet xierqa. Il-proċedura ta’ komunikazzjoni għalhekk jenħtieġ li tippermetti b’mod ġenerali l-korrezzjoni jew il-konsiderazzjoni mill-ġdid tal-EPOC mill-awtorità emittenti fi stadju bikri. Sabiex jiggarantixxi d-disponibbiltà tad-data, il-fornitur tas-servizzi jenħtieġ li jippreserva d-data jekk ikun jista’ jidentifika d-data mfittxija.
(42)Malli jirċievi Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea (“EPOC-PR”), il-fornitur tas-servizzi jenħtieġ li jippreserva d-data mitluba għal massimu ta’ 60 jum sakemm l-awtorità emittenti ma tinfurmax lill-fornitur tas-servizzi li hija tkun nediet il-proċedura għall-ħruġ ta’ talba sussegwenti għall-produzzjoni, f’liema każ il-preservazzjoni jenħtieġ li titkompla. Il-perjodu ta’ 60 jum huwa kkalkulat sabiex jippermetti t-tnedija ta’ talba uffiċjali. Dan jirrikjedi li minn tal-anqas ikunu ttieħdu xi passi formali, pereżempju billi tintbagħat talba ta’ assistenza legali reċiproka għat-traduzzjoni. Wara li tasal dik l-informazzjoni, id-data jenħtieġ li tiġi ppreservata għal kemm ikun meħtieġ sakemm tiġi prodotta d-data fil-qafas ta’ talba sussegwenti għall-produzzjoni.
(43)Il-fornituri tas-servizzi u r-rappreżentanti legali tagħhom jenħtieġ li jassiguraw il-kunfidenzjalità u meta jintalbu mill-awtorità emittenti, joqogħdu lura milli jinfurmaw lill-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha sabiex jissalvagwardjaw l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679. Madankollu, l-informazzjoni tal-utent hija element essenzjali sabiex tippermetti rieżami u rimedju ġudizzjarju u jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-awtorità jekk il-fornitur tas-servizzi jkun intalab biex ma jinfurmax lill-utent, fejn ma jkun hemm ebda riskju li jiġu pperikolati l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, skont il-miżura nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2016/680.
(44)F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mid-destinatarju, l-awtorità emittenti tista’ tittrasferixxi l-Ordni kompluta, inkluża l-motivazzjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità, akkumpanjata miċ-Ċertifikat, lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit id-destinatarju taċ-Ċertifikat. Dan l-Istat Membru jenħtieġ li jinfurzaha skont il-liġi nazzjonali tiegħu. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet monetarji effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament.
(45)Il-proċedura ta’ infurzar hija proċedura fejn id-destinatarju jista’ jopponi l-infurzar abbażi ta’ ċerti raġunijiet ristretti. L-awtorità ta’ infurzar tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u tinforza l-Ordni abbażi tal-istess raġunijiet, jew jekk japplikaw immunitajiet u privileġġi skont il-liġi nazzjonali tagħha jew jekk id-divulgazzjoni tista’ timpatta l-interessi fundamentali tagħha bħas-sigurtà u d-difiża nazzjonali. L-awtorità ta’ infurzar għandha tikkonsulta mal-awtorità emittenti qabel tirrifjuta li tirrikonoxxi jew tinforza l-ordni, abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-awtoritajiet jistgħu jimponu sanzjonijiet. Dawn is-sanzjonijiet jenħtieġ li jkunu proporzjonati anki fid-dawl ta’ ċirkostanzi speċifiċi bħan-nuqqas ta’ konformità ripetut jew sistemiku.
(46)Minkejja l-obbligi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ma jinżammux responsabbli fl-Istati Membri għall-ħsara lill-utenti tagħhom jew lil partijiet terzi li tirriżulta esklussivament mill-konformità bona fide ma’ EPOC jew ma’ EPOC-PR.
(47)Minbarra l-individwi li tintalab id-data tagħhom, il-fornituri tas-servizzi u pajjiżi terzi jistgħu jiġu affettwati mill-miżura investigattiva. Biex tiġi assigurata l-korteżija fir-rigward tal-interessi sovrani ta’ pajjiżi terzi, biex jiġi protett l-individwu kkonċernat u biex jiġu indirizzati l-obbligi konfliġġenti fuq il-fornituri tas-servizzi, dan l-istrument jipprovdi mekkaniżmu speċifiku għal stħarriġ ġudizzjarju fejn il-konformità ma’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea timpedixxi lill-fornituri tas-servizzi milli jikkonformaw ma’ obbligu legali li jirriżulta mil-liġi ta’ Stat terz.
(48)Għal dan il-għan, kull meta d-destinatarju jqis li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea fil-każ speċifiku tinvolvi l-ksur ta’ obbligu legali li jirriżulta mil-liġi ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li jinforma lill-awtorità emittenti permezz ta’ oġġezzjoni motivata, billi juża l-formoli pprovduti. L-awtorità emittenti mbagħad għandha tirrieżamina l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea fid-dawl tal-oġġezzjoni motivata, billi tikkunsidra l-istess kriterji li l-qorti kompetenti tkun trid issegwi. Fejn l-awtorità tiddeċiedi li żżomm l-Ordni, il-proċedura jenħtieġ li tiġi rinvijata lill-qorti kompetenti, kif notifikata mill-Istat Membru rilevanti, li mbagħad tistħarreġ l-Ordni.
(49)Sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ obbligu konfliġġenti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ li jkun qiegħed jiġi eżaminat, il-qorti kompetenti jenħtieġ li tibbaża fuq għarfien espert estern xieraq fejn meħtieġ, pereżempju jekk l-istħarriġ iqajjem mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-pajjiż terz ikkonċernat. Dan jista’ jinkludi konsultazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali ta’ dak il-pajjiż.
(50)Il-kompetenza esperta dwar l-interpretazzjoni tista’ tiġi pprovduta wkoll permezz ta’ opinjonijiet esperti fejn ikunu disponibbli. L-informazzjoni u l-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi u dwar il-proċeduri għall-kunflitti fl-Istati Membri jenħtieġ li jkunu disponibbli fuq pjattaforma ċentrali bħall-proġett SIRIUS u/jew in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew. Jenħtieġ li dan jippermetti lill-qrati li jibbenefikaw mill-esperjenza u l-kompetenza esperta miksuba minn qrati oħra dwar l-istess kwistjonijiet jew kwistjonijiet simili. Jenħtieġ li dan ma jipprevjenix konsultazzjoni mġedda mal-istat terz fejn ikun xieraq.
(51)Fejn ikunu jeżistu obbligi konfliġġenti, jenħtieġ li l-qorti tistabbilixxi jekk id-dispożizzjonijiet konfliġġenti tal-pajjiż terz jipprojbux id-divulgazzjoni tad-data kkonċernata għar-raġuni li dan ikun neċessarju sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali. Fit-twettiq ta’ din il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-qorti tikkunsidra jekk il-liġi tal-pajjiż terz, pjuttost milli tkun maħsuba sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, tfittixx manifestament li tipproteġi interessi oħra jew għandhiex l-għan li tipproteġi attivitajiet illegali mit-talbiet ta’ infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali. Fejn il-qorti tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet konfliġġenti tal-pajjiż terz jipprojbixxu d-divulgazzjoni tad-data kkonċernata għar-raġuni li dan ikun meħtieġ biex jiġu mħarsa jew id-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati jew inkella l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, jenħtieġ li tikkonsulta lill-pajjiż terz permezz tal-awtoritajiet ċentrali tiegħu, li diġà huma stabbiliti għal skopijiet ta’ assistenza legali reċiproka f’bosta partijiet tad-dinja. Jenħtieġ li tistabbilixxi skadenza biex il-pajjiż terz iqajjem oġġezzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea; jekk l-awtoritajiet tal-pajjiż terz ma jirrispondux sal-iskadenza (estiża) minkejja tfakkira li tinfurmahom bil-konsegwenzi jekk ma jipprovdux tweġiba, il-qorti żżomm l-Ordni. Jekk l-awtoritajiet tal-pajjiż terz joġġezzjonaw għad-divulgazzjoni, jenħtieġ li l-qorti tneħħi l-Ordni.
(52)Fil-każijiet l-oħra kollha ta’ obbligi konfliġġenti, mhux relatati mad-drittijiet fundamentali tal-individwu jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, jenħtieġ li l-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar jekk iżżommx l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea billi tiżen għadd ta’ elementi li huma mfassla sabiex jaċċertaw is-saħħa tal-konnessjoni ma’ xi waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet involuti, l-interessi rispettivi tal-ksib jew tal-prevenzjoni tad-divulgazzjoni tad-data, u l-konsegwenzi possibbli għall-fornitur tas-servizzi li jkollu jikkonforma mal-Ordni. Importanti għar-reati ċibernetiċi, il-post fejn ikun twettaq ir-reat ikopri kemm il-post(ijiet) fejn tkun ittieħdet l-azzjoni kif ukoll il-post(ijiet) fejn immaterjalizzaw ruħhom l-effetti tar-reat.
(53)Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 huma applikabbli wkoll fejn ikun hemm obbligi konfliġġenti li joħorġu mil-liġi ta’ pajjiż terz. Matul din il-proċedura, id-data jenħtieġ li tiġi ppreservata. Fejn l-Ordni tiġi mneħħija, tista’ tinħareġ Ordni ta’ Preservazzjoni ġdida biex tippermetti lill-awtorità emittenti tfittex il-produzzjoni tad-data permezz ta’ kanali oħra, bħall-assistenza legali reċiproka.
(54)Huwa essenzjali li l-persuni kollha li d-data tagħhom tiġi mitluba f’investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali jkollhom aċċess għal rimedju legali effettiv, f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għall-persuni suspettati u l-persuni akkużati, id-dritt għal rimedju effettiv jenħtieġ li jiġi eżerċitat matul il-proċedimenti kriminali. Dan jista’ jaffettwa l-ammissibbiltà, jew skont kif ikun il-każ, l-importanza fil-proċedimenti, tal-evidenza miksuba b’dawn il-mezzi. Barra minn hekk, huma jibbenefikaw mill-garanziji proċedurali kollha applikabbli għalihom, bħad-dritt għall-informazzjoni. Persuni oħra, li ma jkunux persuni suspettati jew akkużati, jenħtieġ li jkollhom ukoll id-dritt għal rimedju effettiv. Għalhekk, bħala minimu, jenħtieġ li tiġi pprovduta l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, inklużi n-neċessità u l-proporzjonalità tal-Ordni. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jillimitax ir-raġunijiet possibbli sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-Ordni. Dawn ir-rimedji jenħtieġ li jiġu eżerċitati fl-Istat emittenti skont il-liġi nazzjonali. Ir-regoli dwar l-eżenzjoni proviżorja jenħtieġ li jiġu regolati mil-liġi nazzjonali.
(55)Barra minn hekk, waqt il-proċedura ta’ infurzar u r-rimedju legali sussegwenti, id-destinatarju jista’ jopponi l-infurzar ta’ Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea għal għadd ta’ raġunijiet limitati, fosthom li ma tkunx maħruġa jew ivvalidata minn awtorità kompetenti jew tkun evidenti li tikser b’mod ċar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew tkun manifestament abbużiva. Pereżempju, Ordni li titlob il-produzzjoni ta’ data ta’ kontenut dwar klassi mhux definita ta’ persuni f’żona ġeografika jew mingħajr l-ebda rabta ma’ proċedimenti kriminali konkreti, tkun tinjora b’mod ċar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea.
(56)Il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi għall-ipproċessar tad-data personali hija dritt fundamentali. Skont l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 16(1) TFUE, kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardah. Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jassiguraw li d-data personali tiġi protetta u tkun tista’ tiġi pproċessata biss skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680.
(57)Id-data personali miksuba skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi pproċessata biss meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, identifikazzjoni u prosekuzzjoni ta’ atti kriminali jew l-infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jassiguraw li japplikaw politiki u miżuri xierqa ta’ protezzjoni tad-data għat-trażmissjoni ta’ data personali mill-awtoritajiet rilevanti lill-fornituri ta’ servizz għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, inklużi miżuri sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tad-data. Il-fornituri tas-servizzi jenħtieġ li jassiguraw l-istess ħaġa għat-trażmissjoni ta’ data personali lill-awtoritajiet rilevanti. Jenħtieġ li persuni awtorizzati biss ikollhom aċċess għal informazzjoni li fiha data personali li tista’ tinkiseb permezz ta’ proċessi ta’ awtentikazzjoni. Jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-użu ta’ mekkaniżmi sabiex tiġi assigurata l-awtentikazzjoni, bħas-sistemi nazzjonali notifikati ta’ identifikazzjoni elettronika jew is-servizzi fiduċjarji kif previsti mir-Regolament (UE) 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE.
(58)Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri oħra possibbli. L-informazzjoni jenħtieġ li tinġabar b’mod regolari u sabiex tinforma l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(59)L-użu ta’ formoli tradotti minn qabel u standardizzati jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-fornituri tas-servizzi, li jippermettilhom jassiguraw u jittrażmettu l-evidenza elettronika b’aktar ħeġġa u b’mod aktar effettiv, filwaqt li jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti neċessarji tas-sigurtà b’mod faċli għall-utent. Huma jnaqqsu l-kostijiet tat-traduzzjoni u jikkontribwixxu għal standard għoli ta’ kwalità. Bl-istess mod, il-formoli ta’ risposta huma mistennija li jippermettu skambju standardizzat tal-informazzjoni, b’mod partikolari fejn il-fornituri ta’ servizz ma jkunux jistgħu jikkonformaw minħabba li l-kont ma jkunx jeżisti jew għax ma tkun disponibbli ebda data. Il-formoli huma mistennija wkoll li jiffaċilitaw il-ġbir tal-istatistika.
(60)Sabiex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-ħtieġa possibbli ta’ titjib fir-rigward tal-kontenut tal-EPOCs u tal-EPOC-PRs u tal-Formola li trid tintuża sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni tal-EPOC jew tal-EPOC-PR, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex temenda l-Annessi I, II u III ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari hu importanti li waqt il-ħidma preparatorja, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(61)Jenħtieġ li l-miżuri bbażati fuq dan ir-Regolament ma jissostitwixxux l-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej skont id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex tinkiseb evidenza elettronika. Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħżlu l-għodda l-aktar adatta għas-sitwazzjoni tagħhom; huma għandhom mnejn ikunu jippreferu jużaw l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea meta jitolbu sett ta’ tipi differenti ta’ miżuri investigattivi li jinkludu iżda mhumiex limitati għall-produzzjoni ta’ evidenza elettronika minn Stat Membru ieħor.
(62)Minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi, fi ftit snin jistgħu jipprevalu forom ġodda ta’ għodod ta’ komunikazzjoni, jew jistgħu jitfaċċaw lakuni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk huwa importanti li jiġi previst rieżami dwar l-applikazzjoni tiegħu.
(63)Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jittejbu l-assigurazzjoni u l-ksib ta’ evidenza elettronika minn fruntiera għall-oħra, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transfruntiera tiegħu, iżda pjuttost jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(64)Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [ir-Renju Unit/l-Irlanda nnotifika(t) ix-xewqa tiegħu/tagħha li jieħu/tieħu parti fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] jew [u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit/l-Irlanda mhuwiex/mhijiex qed jieħu/tieħu parti fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex/mhijiex marbut(a) bih jew soġġett(a) għall-applikazzjoni tiegħu.].
(65)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu parti fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(66)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni fi (…),
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu 1: Suġġett, definizzjonijiet u kamp ta’ applikazzjoni
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li bihom awtorità ta’ Stat Membru tista’ tordna fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni, jipproduċi jew jippreserva evidenza elettronika, irrispettivament mill-post fejn tkun tinstab id-data. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali li jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi stabbiliti jew rappreżentati fit-territorju tagħhom li jikkonformaw ma’ miżuri nazzjonali simili.
2.Dan ir-Regolament ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali kif imnaqqxa fl-Artikolu 6 TUE, inklużi d-drittijiet tad-difiża tal-persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea” tfisser deċiżjoni vinkolanti minn awtorità emittenti ta’ Stat Membru li tobbliga fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni u li jkun stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru ieħor, sabiex jipproduċi evidenza elettronika;
(2)“Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea” tfisser deċiżjoni vinkolanti minn awtorità emittenti ta’ Stat Membru li tobbliga fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni u li jkun stabbilit jew rappreżentat fi Stat Membru ieħor, sabiex jippreserva evidenza elettronika fid-dawl ta’ talba sussegwenti għall-produzzjoni;
(3)“fornitur tas-servizzi” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ servizzi li ġejjin:
(a)servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif definit fl-Artikolu 2(4) tad-[Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi];
(b)servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li għalihom il-ħażna tad-data hija komponent determinanti tas-servizz mogħti lill-utent, inklużi n-netwerks soċjali, il-postijiet tas-suq online li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet bejn l-utenti tagħhom, u fornituri oħra ta’ servizzi ta’ hosting;
(c)servizzi ta’ ismijiet ta’ dominji tal-internet u ta’ numerazzjoni tal-IP bħall-fornituri ta’ indirizzi IP, reġistri ta’ ismijiet ta’ dominji, reġistraturi ta’ ismijiet ta’ dominji u servizzi relatati ta’ privatezza u proxy;
(4)“joffri servizzi fl-Unjoni” tfisser:
(a)jippermetti persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi elenkati taħt il-punt (3) aktar ’il fuq; u
(b)ikollu konnessjoni sostanzjali mal-Istat(i) Membru/i msemmi(ja) fil-punt (a);
(5)“stabbiliment” tfisser jew it-twettiq propju ta’ attività ekonomika għal perjodu indefinit permezz ta’ infrastruttura stabbli minn fejn jitwettaq in-negozju ta’ forniment tas-servizzi jew inkella infrastruttura stabbli minn fejn jiġi mmaniġġjat in-negozju;
(6)“evidenza elettronika” tfisser l-evidenza maħżuna f’forma elettronika minn jew f’isem fornitur tas-servizzi fiż-żmien meta jasal ċertifikat ta’ ordni ta’ produzzjoni jew ta’ preservazzjoni, li tikkonsisti minn data maħżuna dwar l-abbonati, data ta’ aċċess, data dwar it-tranżazzjonijiet u data ta’ kontenut;
(7)“data dwar l-abbonati” tfisser kwalunkwe data relatata ma’:
(a)l-identità ta’ abbonat jew klijent bħall-isem, id-data tat-twelid, l-indirizz postali jew ġeografiku, id-data dwar il-kontijiet u l-ħlas, it-telefown, jew l-indirizz elettroniku pprovduti;
(b)it-tip ta’ servizz u d-durata tiegħu, inkluża data teknika u data li tidentifika l-miżuri tekniċi relatati jew l-interfaċċji użati mill-abbonat jew mill-klijent jew provduti lilu, u data relatata mal-validazzjoni tal-użu tas-servizz, esklużi l-passwords jew mezzi ta’ awtentikazzjoni oħra użati minflok password li jiġu pprovduti minn utent, jew jinħolqu fuq talba ta’ utent;
(8)“data ta’ aċċess” tfisser data relatata mal-bidu u t-tmiem ta’ sessjoni ta’ aċċess tal-utent għal servizz, li hija strettament neċessarja għall-iskop biss li tidentifika l-utent tas-servizz, bħad-data u l-ħin tal-użu, jew il-log-in u l-log-off mis-servizz, flimkien mal-indirizz IP allokat mill-fornitur tas-servizz ta’ aċċess għall-internet lill-utent ta’ servizz, data li tidentifika l-interfaċċa użata u l-ID tal-utent. Din tinkludi l-metadata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif definita fil-punt (g) tal-Artikolu 4(3) tar-[Regolament dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi];
(9)“data dwar it-tranżazzjonijiet” tfisser data relatata mal-forniment ta’ servizz offrut minn fornitur tas-servizzi li sservi sabiex tipprovdi kuntest jew informazzjoni addizzjonali dwar dak is-servizz u hija ġġenerata jew ipproċessata permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni tal-fornitur tas-servizzi, bħas-sors u d-destinazzjoni ta’ messaġġ jew tip ieħor ta’ interazzjoni, data dwar il-lokalizzazzjoni tal-apparat, id-data, il-ħin, id-durata, id-daqs, ir-rotta, il-format, il-protokoll użat u t-tip ta’ kompressjoni, sakemm dik id-data ma tikkostitwix data ta’ aċċess. Din tinkludi l-metadata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif definita fil-punt (g) tal-Artikolu 4(3) tar-[Regolament dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi];
(10)“data ta’ kontenut” tfisser kwalunkwe data maħżuna f’format diġitali bħal kitba, vuċi, vidjows, stampi, u ħoss għajr data dwar l-abbonati, data ta’ aċċess jew data dwar it-tranżazzjonijiet;
(11)“sistema tal-informazzjoni” tfisser sistema tal-informazzjoni kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(12)“Stat emittenti” tfisser l-Istat Membru li fih tinħareġ l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea;
(13)“Stat tal-infurzar” tfisser l-Istat Membru li fih jirrisjedi jew ikun stabbilit id-destinatarju tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew tal-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u li lilu jiġu trażmessi l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u ċ-Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u ċ-Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea għall-infurzar;
(14)“awtorità tal-infurzar” tfisser l-awtorità kompetenti fl-Istat tal-infurzar li lilha jiġu trażmessi l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u ċ-Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u ċ-Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea mill-awtorità emittenti għall-infurzar;
(15)“każijiet ta’ emerġenza” tfisser sitwazzjonijiet fejn ikun hemm theddida imminenti għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta’ persuna jew għal infrastruttura kritika kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE.
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għal fornituri tas-servizzi li joffru servizzi fl-Unjoni.
2.L-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej jistgħu jinħarġu biss għal proċedimenti kriminali, kemm matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kif ukoll fil-fażi tal-proċess. L-Ordnijiet jistgħu jinħarġu wkoll fi proċediment relatati ma’ reat kriminali li għalih persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli jew punita fl-Istat emittenti.
3.L-Ordnijiet previsti minn dan ir-Regolament jistgħu jinħarġu biss għal data relatata ma’ servizzi kif definiti fl-Artikolu 2(3) offruti fl-Unjoni.
Kapitolu 2:
Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u Ċertifikati
Artikolu 4
Awtorità emittenti
1.Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea għal data dwar l-abbonati u data ta’ aċċess tista’ tinħareġ minn:
(a)imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew
(b)kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, tkun qiegħda taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ evidenza f’konformità mal-liġi nazzjonali. Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea bħal din għandha tiġi vvalidata, wara eżami tal-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea skont dan ir-Regolament, minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur fl-Istat emittenti.
2.Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea għal data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut tista’ tinħareġ biss minn:
(a)imħallef, qorti jew imħallef inkwirenti kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew
(b)kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, tkun qiegħda taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ evidenza f’konformità mal-liġi nazzjonali. Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea bħal din għandha tiġi vvalidata, wara eżami tal-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea skont dan ir-Regolament, minn imħallef, qorti jew imħallef inkwirenti fl-Istat emittenti.
3.Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea tista’ tinħareġ minn:
(a)imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew
(b)kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, tkun qiegħda taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ evidenza f’konformità mal-liġi nazzjonali. Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea bħal din għandha tiġi vvalidata, wara eżami tal-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea skont dan ir-Regolament, minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur fl-Istat emittenti.
4.Fejn l-Ordni tkun ġiet ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja skont il-paragrafi 1(b), 2(b) u 3(b), dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni taċ-Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u ċ-Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea.
Artikolu 5
Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea
1.Awtorità emittenti tista’ toħroġ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea biss meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jkunu ssodisfati.
2.L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea għandha tkun meħtieġa u proporzjonata għall-iskop tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) u tista’ tinħareġ biss jekk tkun disponibbli miżura simili għall-istess reat kriminali f’sitwazzjoni domestika komparabbli fl-Istat emittenti.
3.L-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej sabiex tiġi prodotta data dwar l-abbonati jew data ta’ aċċess jistgħu jinħarġu għar-reati kriminali kollha.
4.L-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej sabiex tiġi prodotta data dwar it-tranżazzjonijiet jew data ta’ kontenut jistgħu jinħarġu biss
(a)għal reati kriminali li fl-Istat emittenti jkunu punibbli b’piena ta’ kustodja ta’ perjodu massimu ta’ minn tal-anqas 3 snin, jew
(b)għar-reati li ġejjin, jekk jitwettqu kompletament jew parzjalment permezz ta’ sistema tal-informazzjoni:
–reati kif definiti fl-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA;
–reati kif definiti fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
–reati kif definiti fl-Artikoli 3 sa 8 tad-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c)għar-reati kriminali kif definiti fl-Artikoli 3 sa 12 u 14 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
5.L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-awtorità emittenti u, fejn applikabbli, l-awtorità ta’ validazzjoni;
(b)id-destinatarju tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea kif imsemmi fl-Artikolu 7;
(c)il-persuni li tkun qiegħda tintalab id-data tagħhom ħlief fejn l-uniku għan tal-ordni jkun li tiġi identifikata persuna;
(d)il-kategorija tad-data mitluba (data dwar l-abbonati, data ta’ aċċess, data dwar it-tranżazzjonijiet jew data ta’ kontenut);
(e)jekk applikabbli, il-medda taż-żmien mitluba li tiġi prodotta;
(f)id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi kriminali tal-Istat emittenti;
(g)f’każ ta’ emerġenza jew talba għad-divulgazzjoni aktar bikrija, ir-raġunijiet għaliha;
(h)f’każijiet fejn id-data mfittxija tkun maħżuna jew ipproċessata bħala parti minn infrastruttura pprovduta minn fornitur tas-servizzi lil kumpanija jew entità oħra għajr persuni fiżiċi, konferma li l-Ordni tkun magħmula skont il-paragrafu 6;
(i)ir-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura.
6.F’każijiet fejn id-data mfittxija tkun maħżuna jew ipproċessata bħala parti minn infrastruttura pprovduta minn fornitur tas-servizzi lil kumpanija jew entità oħra għajr persuni fiżiċi, l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tista’ tiġi indirizzata lill-fornitur tas-servizzi biss meta l-miżuri investigattivi indirizzati lill-kumpanija jew lill-entità ma jkunux xierqa, b’mod partikolari minħabba li jistgħu jipperikolaw l-investigazzjoni.
7.Jekk l-awtorità emittenti jkollha raġunijiet sabiex temmen li, id-data dwar it-tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut mitluba tkun protetta b’immunitajiet u privileġġi mogħtija mil-liġi tal-Istat Membru fejn għandu l-indirizz id-destinatarju jew fejn huwa stabbilit, jew id-divulgazzjoni tagħha tista’ timpatta l-interessi fundamentali ta’ dak l-Istat Membru bħas-sigurtà u d-difiża nazzjonali, l-awtorità emittenti għandha tfittex kjarifika qabel toħroġ l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, inkluż billi tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jew direttament jew inkella permezz tal-Eurojust jew tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew. Jekk l-awtorità emittenti ssib li d-data ta’ aċċess, id-data dwar it-tranżazzjonijiet jew id-data ta’ kontenut mitluba tkun protetta minn tali immunitajiet u privileġġi jew id-divulgazzjoni tagħha timpatta l-interessi fundamentali tal-Istat Membru l-ieħor, hija ma għandhiex toħroġ l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea
1.Awtorità emittenti tista’ toħroġ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea biss meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jkunu ssodisfati.
2.Hija tista’ tinħareġ fejn dan ikun meħtieġ u proporzjonat sabiex jiġu evitati t-tneħħija, it-tħassir jew il-modifika tad-data fid-dawl ta’ talba sussegwenti għall-produzzjoni ta’ din id-data permezz ta’ assistenza legali reċiproka, Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea jew Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea. L-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-preservazzjoni tad-data jistgħu jinħarġu għar-reati kriminali kollha.
3.L-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-awtorità emittenti u, fejn applikabbli, l-awtorità ta’ validazzjoni;
(b)id-destinatarju tal-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea kif imsemmi fl-Artikolu 7;
(c)il-persuni li d-data tagħhom għandha tiġi ppreservata, ħlief fejn l-uniku għan tal-ordni jkun li tiġi identifikata persuna;
(d)il-kategorija tad-data li għandha tiġi ppreservata (data dwar l-abbonati, data ta’ aċċess, data dwar it-tranżazzjonijiet jew data ta’ kontenut);
(e)jekk applikabbli, il-medda taż-żmien mitluba li tiġi ppreservata;
(f)id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi kriminali tal-Istat emittenti;
(g)ir-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura.
Artikolu 7
Destinatarju ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea
1.L-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea għandhom jiġu indirizzati direttament lil rappreżentant legali maħtur mill-fornitur tas-servizzi għall-iskop ta’ ġbir tal-evidenza fi proċedimenti kriminali.
2.Jekk ma jkunx inħatar rappreżentant legali ddedikat, l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea jistgħu jiġu indirizzati lil kwalunkwe stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni.
3.Fejn ir-rappreżentant legali ma jikkonformax ma’ EPOC f’każ ta’ emerġenza skont l-Artikolu 9(2), l-EPOC jista’ jiġi indirizzat lil kwalunkwe stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni.
4.Fejn ir-rappreżentant legali ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 9 jew 10 u l-awtorità emittenti tqis li jkun hemm riskju serju ta’ telf tad-data, l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea jistgħu jiġu indirizzati lil kwalunkwe stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi fl-Unjoni.
Artikolu 8
Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropea
1.L-Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea għandha tiġi trażmessa lid-destinatarju kif definit fl-Artikolu 7 permezz ta’ Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea (EPOC) jew Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea (EPOC-PR).
L-awtorità emittenti jew ta’ validazzjoni għandha timla l-EPOC stabbilit fl-Anness I jew l-EPOC-PR stabbilit fl-Anness II, għandha tiffirmah u għandha tiċċertifika l-kontenut tiegħu bħala preċiż u korrett.
2.L-EPOC jew l-EPOC-PR għandhom jiġu trażmessi direttament bi kwalunkwe mezz li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt kundizzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju jistabbilixxi l-awtentiċità tiegħu.
Fejn il-fornituri tas-servizzi, l-Istati Membri jew il-korpi tal-Unjoni jkunu stabbilew pjattaformi ddedikati jew kanali siguri oħra għall-immaniġġjar tat-talbiet għad-data mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, l-awtorità emittenti tista’ tagħżel ukoll li tittrażmetti ċ-Ċertifikat permezz ta’ dawn il-kanali.
3.L-EPOC għandu jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 5(5)(a) sa (h), inkluża informazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lid-destinatarju jidentifika u jikkuntattja lill-awtorità emittenti. Ma għandhomx jiġu inklużi r-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura jew aktar dettalji dwar l-investigazzjonijiet.
4.L-EPOC-PR għandu jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 6(3)(a) sa (f), inkluża informazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lid-destinatarju jidentifika u jikkuntattja lill-awtorità emittenti. Ma għandhomx jiġu inklużi r-raġunijiet għan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura jew aktar dettalji dwar l-investigazzjonijiet.
5.Fejn ikun meħtieġ, l-EPOC jew l-EPOC-PR għandhom jiġu tradotti f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni aċċettata mid-destinatarju. Fejn ma tkun ġiet speċifikata l-ebda lingwa, l-EPOC jew l-EPOC-PR għandhom jiġu tradotti f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali.
Artikolu 9
Eżekuzzjoni ta’ EPOC
1.Malli jirċievi l-EPOC, id-destinatarju għandu jassigura li d-data mitluba tiġi trażmessa direttament lill-awtorità emittenti jew lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kif indikati fl-EPOC sa mhux aktar tard minn 10 ijiem minn meta jirċievi l-EPOC, sakemm l-awtorità emittenti ma tindikax raġunijiet għal divulgazzjoni aktar bikrija.
2.F’każijiet ta’ emerġenza, id-destinatarju għandu jittrażmetti d-data mitluba mingħajr dewmien eċċessiv, sa mhux aktar tard minn 6 sigħat minn meta jirċievi l-EPOC.
3.Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-obbligu tiegħu minħabba li l-EPOC ikun inkomplet, ikun fih żbalji ovvji jew ma jkunx fih informazzjoni suffiċjenti għall-eżekuzzjoni tal-EPOC, id-destinatarju għandu jinforma lill-awtorità emittenti msemmija fl-EPOC mingħajr dewmien eċċessiv u jitlob kjarifika, billi juża l-Formola stabbilita fl-Anness III. Huwa għandu jinforma lill-awtorità emittenti jekk kinitx possibbli identifikazzjoni u preservazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 6. L-awtorità emittenti għandha tirreaġixxi b’ħeffa u sa mhux aktar tard minn 5 ijiem. L-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm tiġi pprovduta l-kjarifika.
4.Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-obbligu tiegħu minħabba force majeure jew impossibbiltà de facto mhux attribwibbli lid-destinatarju jew, jekk ikun differenti, lill-fornitur tas-servizzi, b’mod partikolari minħabba li l-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha ma tkunx klijent tagħhom, jew id-data tkun tħassret qabel ma tirċievi l-EPOC, id-destinatarju għandu jinforma mingħajr dewmien eċċessiv lill-awtorità emittenti msemmija fl-EPOC sabiex jispjega r-raġunijiet, billi juża l-Formola stabbilita fl-Anness III. Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti, l-awtorità emittenti għandha tirtira l-EPOC.
5.Fil-każijiet kollha fejn id-destinatarju ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba, ma jipprovdihiex b’mod eżawrjenti jew ma jipprovdihiex sal-iskadenza, għal raġunijiet oħra, huwa għandu jinforma lill-awtorità emittenti mingħajr dewmien eċċessiv u mhux aktar tard mill-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 dwar ir-raġunijiet għal dan billi juża l-Formola fl-Anness III. L-awtorità emittenti għandha tirrieżamina l-ordni fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-fornitur tas-servizzi u jekk ikun meħtieġ, tistabbilixxi skadenza ġdida għall-fornitur tas-servizzi sabiex jipproduċi d-data.
Jekk id-destinatarju jqis li l-EPOC ma jkunx jista’ jiġi eżegwit għax abbażi tal-unika informazzjoni li tinsab fl-EPOC ikun evidenti li dan jikser b’mod ċar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew ikun abbużiv b’mod ċar, id-destinatarju għandu jibgħat ukoll il-Formola fl-Anness III lill-awtorità ta’ infurzar kompetenti fl-Istat Membru tad-destinatarju. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità ta’ infurzar kompetenti għandha tfittex kjarifiki mingħand l-awtorità emittenti dwar l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, jew direttament jew inkella permezz tal-Eurojust jew tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.
6.Id-destinatarju għandu jippreserva d-data mitluba, jekk ma jipproduċihiex immedjatament, sakemm l-informazzjoni fl-EPOC ma tippermettilux li jidentifika d-data mitluba, f’liema każ huwa għandu jfittex kjarifika skont il-paragrafu 3. Il-preservazzjoni għandha tinżamm sakemm tiġi prodotta d-data, kemm jekk tkun abbażi tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea kjarifikata u ċ-Ċertifikat tagħha kif ukoll jekk permezz ta’ kanali oħra, bħall-assistenza legali reċiproka. Jekk il-produzzjoni tad-data u l-preservazzjoni tagħha ma jkunux għadhom neċessarji, l-awtorità emittenti u fejn applikabbli skont l-Artikolu 14(8), l-awtorità tal-infurzar, għandha tinforma lid-destinatarju mingħajr dewmien eċċessiv.
Аrtikolu 10
Eżekuzzjoni ta’ EPOC-PR
1.Malli jirċievi l-EPOC-PR, id-destinatarju għandu, mingħajr dewmien eċċessiv, jippreserva d-data mitluba. Il-preservazzjoni għandha tieqaf wara 60 jum, sakemm l-awtorità emittenti ma tikkonfermax li tnediet it-talba sussegwenti għall-produzzjoni.
2.Jekk fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1, l-awtorità emittenti tikkonferma li tkun tnediet it-talba sussegwenti għall-produzzjoni, id-destinatarju għandu jippreserva d-data għal kemm ikun meħtieġ sabiex jipproduċi d-data ladarba tiġi nnotifikata t-talba sussegwenti għall-produzzjoni.
3.Jekk il-preservazzjoni ma tkunx aktar meħtieġa, l-awtorità emittenti għandha tinforma lid-destinatarju mingħajr dewmien eċċessiv.
4.Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-obbligu tiegħu minħabba li ċ-Ċertifikat ikun inkomplet, ikun fih żbalji ovvji jew ma jkunx fih informazzjoni suffiċjenti għall-eżekuzzjoni tal-EPOC-PR, id-destinatarju għandu jinforma lill-awtorità emittenti stabbilita fl-EPOC-PR mingħajr dewmien eċċessiv u jitlob kjarifika, billi juża l-Formola stabbilita fl-Anness III. L-awtorità emittenti għandha tirreaġixxi b’ħeffa u sa mhux aktar tard minn 5 ijiem. Id-destinatarju għandu jassigura li min-naħa tiegħu, il-kjarifika meħtieġa tkun tista’ tiġi riċevuta sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu stabbilit fil-paragrafu 1.
5.Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-obbligu tiegħu minħabba force majeure jew impossibbiltà de facto mhux attribwibbli lid-destinatarju jew, jekk ikun differenti, lill-fornitur tas-servizzi, b’mod partikolari minħabba li l-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha ma tkunx klijent tagħhom, jew id-data tkun tħassret qabel ma tirċievi l-Ordni, huwa għandu jikkuntattja mingħajr dewmien eċċessiv lill-awtorità emittenti stabbilita fl-EPOC-PR sabiex jispjega r-raġunijiet, billi juża l-Formola stabbilita fl-Anness III. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, l-awtorità emittenti għandha tirtira l-EPOC-PR.
6.Fil-każijiet kollha fejn id-destinatarju ma jippreservax l-informazzjoni mitluba, għal raġunijiet oħra elenkati fil-Formola tal-Anness III, id-destinatarju għandu jinforma lill-awtorità emittenti mingħajr dewmien eċċessiv, dwar ir-raġunijiet għal dan, fil-Formola stabbilita fl-Anness III. L-awtorità emittenti għandha tirrieżamina l-Ordni fid-dawl tal-ġustifikazzjoni pprovduta mill-fornitur tas-servizzi.
Artikolu 11
Kunfidenzjalità u informazzjoni dwar l-utent
1.Id-destinatarji u, jekk ikunu differenti, il-fornituri tas-servizzi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw il-kunfidenzjalità tal-EPOC jew tal-EPOC-PR u tad-data prodotta jew ippreservata u fejn jintalbu mill-awtorità emittenti, għandhom iżommu lura milli jinfurmaw lill-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha, sabiex ma jfixklux il-proċedimenti kriminali rilevanti.
2.Fejn l-awtorità emittenti tkun talbet lid-destinatarju biex iżomm lura milli jinforma lill-persuna li tkun qiegħda titfittex id-data tagħha, l-awtorità emittenti għandha tinforma mingħajr dewmien eċċessiv lill-persuna li d-data tagħha tkun qiegħda titfittex bl-EPOC, dwar il-produzzjoni tad-data. Din l-informazzjoni tista’ tiġi ttardjata sakemm ikun meħtieġ u proporzjonat sabiex ikun evitat li jiġu ostakolati l-proċedimenti kriminali rilevanti.
3.Meta tkun qiegħda tinforma lill-persuna, l-awtorità emittenti għandha tinkludi informazzjoni dwar kwalunkwe rimedju disponibbli kif imsemmi fl-Artikolu 17.
Artikolu 12
Rimborż ta’ spejjeż
Il-fornitur tas-servizzi jista’ jitlob ir-rimborż tal-kostijiet tiegħu mingħand l-Istat emittenti, jekk dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti għal ordnijiet domestiċi f’sitwazzjonijiet simili, skont dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.
Kapitolu 3: Sanzjonijiet u infurzar
Artikolu 13
Sanzjonijiet
Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet monetarji applikabbli għall-ksur tal-obbligi skont l-Artikoli 9, 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jassiguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet monetarji previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 14
Proċedura għall-infurzar
1.Jekk id-destinatarju ma jikkonformax ma’ EPOC sal-iskadenza jew ma’ EPOC-PR, mingħajr ma jipprovdi raġunijiet aċċettati mill-awtorità emittenti, l-awtorità emittenti tista’ tittrasferixxi lill-awtorità kompetenti fl-Istat tal-infurzar l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea flimkien mal-EPOC jew l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea flimkien mal-EPOC-PR kif ukoll il-Formola stabbilita fl-Anness III mimlija mid-destinatarju u kwalunkwe dokument rilevanti ieħor bl-iskop tal-infurzar tagħha bi kwalunkwe mezz li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità tal-infurzar tistabbilixxi l-awtentiċità. Għal dan il-għan, l-awtorità emittenti għandha tittraduċi l-Ordni, il-Formola u kwalunkwe dokument ta’ akkumpanjament ieħor f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru u għandha tinforma lid-destinatarju dwar it-trasferiment.
2.Malli tirċeviha, l-awtorità tal-infurzar għandha tirrikonoxxi mingħajr formalitajiet ulterjuri Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea trażmessa skont il-paragrafu 1 u għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-infurzar tagħha, sakemm l-awtorità tal-infurzar ma tqisx li tapplika waħda mir-raġunijiet previsti fil-paragrafi 4 jew 5 jew li d-data kkonċernata tkun protetta b’immunità jew privileġġ skont il-liġi nazzjonali tagħha jew li d-divulgazzjoni tagħha tista’ timpatta l-interessi fundamentali tagħha bħas-sigurtà u d-difiża nazzjonali. L-awtorità tal-infurzar għandha tieħu d-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-Ordni mingħajr dewmien eċċessiv u mhux aktar tard minn 5 ijiem tax-xogħol wara li tirċievi l-Ordni.
3.Fejn l-awtorità tal-infurzar tirrikonoxxi l-Ordni, hija għandha tirrikjedi formalment lid-destinatarju jikkonforma mal-obbligu rilevanti, waqt li tinforma lid-destinatarju bil-possibbiltà li jopponi l-infurzar billi jinvoka r-raġunijiet elenkati fil-paragrafi 4 jew 5, kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, u tistabbilixxi skadenza għall-konformità jew għall-oppożizzjoni.
4.Id-destinatarju jista’ jopponi l-infurzar tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea abbażi biss tar-raġunijiet li ġejjin:
(a)l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea ma tkunx inħarġet jew ma tkunx ġiet ivvalidata minn awtorità emittenti kif previst fl-Artikolu 4;
(b)l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea ma tkunx inħarġet għal reat previst mill-Artikolu 5(4);
(c)id-destinatarju ma setax jikkonforma mal-EPOC minħabba impossibbiltà de facto jew force majeure, jew minħabba li l-EPOC ikun fih żbalji ovvji;
(d)l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea ma tkunx tirrigwarda data maħżuna mill-fornitur tas-servizz jew f’ismu fil-mument li jiġi riċevut l-EPOC;
(e)is-servizz ma jkunx kopert minn dan ir-Regolament;
(f)abbażi tal-unika informazzjoni li tinsab fl-EPOC, ikun evidenti li dan jikser b’mod ċar il-Karta jew ikun abbużiv b’mod ċar.
5.Id-destinatarju jista’ jopponi l-infurzar tal-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea abbażi biss tar-raġunijiet li ġejjin:
(a)l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea ma tkunx inħarġet jew ma tkunx ġiet ivvalidata minn awtorità emittenti kif speċifikat fl-Artikolu 4;
(b)il-fornitur tas-servizzi ma setax jikkonforma mal-EPOC-PR minħabba impossibbiltà de facto jew force majeure, jew minħabba li l-EPOC-PR ikun fih żbalji ovvji;
(c)l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea ma tkunx tirrigwarda data maħżuna mill-fornitur tas-servizzi fil-mument tal-EPOC-PR;
(d)is-servizz ma jkunx kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(e)abbażi tal-unika informazzjoni li tinsab fl-EPOC-PR, ikun evidenti li l-EPOC-PR jikser b’mod ċar il-Karta jew ikun abbużiv b’mod ċar.
6.F’każ ta’ oġġezzjoni mid-destinatarju, l-awtorità tal-infurzar għandha tiddeċiedi jekk tinfurzax l-Ordni fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mid-destinatarju u, jekk ikun meħtieġ, informazzjoni supplimentari miksuba mingħand l-awtorità emittenti skont il-paragrafu 7.
7.Qabel tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew ma tinfurzax l-Ordni skont il-paragrafu 2 u 6, l-awtorità tal-infurzar għandha tikkonsulta lill-awtorità emittenti bi kwalunkwe mezz xieraq. Fejn ikun xieraq, hija għandha titlob aktar informazzjoni mingħand l-awtorità emittenti. L-awtorità emittenti għandha twieġeb għal kwalunkwe talba bħal din fi żmien 5 ijiem tax-xogħol.
8.Id-deċiżjonijiet kollha għandhom jiġu nnotifikati immedjatament lill-awtorità emittenti u lid-destinatarju bi kwalunkwe mezz li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub.
9.Jekk l-awtorità tal-infurzar tikseb id-data mingħand id-destinatarju, hija għandha tittrażmettiha lill-awtorità emittenti fi żmien jumejn tax-xogħol, sakemm id-data kkonċernata ma tkunx protetta b’immunità jew privileġġ skont il-liġi domestika proprja tagħha jew timpatta l-interessi fundamentali tagħha bħad-difiża u s-sigurtà nazzjonali. F’każ bħal dan, hija għandha tinforma lill-awtorità emittenti bir-raġunijiet għaliex ma tkunx ittrażmettiet id-data.
10.Jekk id-destinatarju ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu skont Ordni rikonoxxuta li l-infurzabbiltà tagħha tkun ġiet ikkonfermata mill-awtorità tal-infurzar, dik l-awtorità għandha timponi sanzjoni monetarja skont il-liġi nazzjonali tagħha. Għandu jkun disponibbli rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni li tiġi imposta multa.
Kapitolu 4: Rimedji
Artikolu 15
Proċedura ta’ rieżami fil-każ ta’ obbligi konfliġġenti bbażati fuq drittijiet fundamentali jew interessi fundamentali ta’ pajjiż terz
1.Jekk id-destinatarju jqis li l-konformità mal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tiġi f’kunflitt mal-liġijiet applikabbli ta’ pajjiż terz li jipprojbixxu d-divulgazzjoni tad-data kkonċernata fuq il-bażi li dan ikun meħtieġ sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, huwa għandu jinforma lill-awtorità emittenti bir-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(5).
2.L-oġġezzjoni motivata għandha tinkludi d-dettalji rilevanti kollha dwar il-liġi tal-pajjiż terz, l-applikabbiltà tagħha għall-każ inkwistjoni u n-natura tal-obbligu konfliġġenti. Hija ma tistax tkun ibbażata fuq il-fatt li dispożizzjonijiet simili rigward il-kundizzjonijiet, il-formalitajiet u l-proċeduri tal-ħruġ ta’ ordni ta’ produzzjoni ma jkunux jeżistu fil-liġi applikabbli tal-pajjiż terz, u lanqas fuq iċ-ċirkostanza biss li d-data tkun maħżuna f’pajjiż terz.
3.L-awtorità emittenti għandha tirrieżamina l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea abbażi tal-oġġezzjoni motivata. Jekk l-awtorità emittenti jkun beħsiebha żżomm l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, hija għandha titlob rieżami mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru tagħha. L-eżekuzzjoni tal-Ordni għandha tiġi sospiża sakemm titlesta l-proċedura ta’ rieżami.
Il-qorti kompetenti l-ewwel għandha tivvaluta jekk jeżistix kunflitt, abbażi ta’ eżami ta’ jekk
(a)tapplikax il-liġi tal-pajjiż terz abbażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, u jekk iva,
(a)Jekk il-liġi tal-pajjiż terz, meta tiġi applikata għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tipprojbix id-divulgazzjoni tad-data kkonċernata.
4.Fit-twettiq ta’ din il-valutazzjoni, il-qorti għandha tikkunsidra jekk il-liġi tal-pajjiż terz, pjuttost milli tkun maħsuba sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali jew l-interessi fundamentali tal-pajjiż terz relatati mad-difiża jew mas-sigurtà nazzjonali, tfittixx manifestament li tipproteġi interessi oħra jew ikollha l-għan li tipproteġi attivitajiet illegali mit-talbiet ta’ infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali.
5.Jekk il-qorti kompetenti ssib li ma jeżisti l-ebda kunflitt rilevanti fis-sens tal-paragrafi 1 u 4, hija għandha żżomm l-Ordni. Jekk il-qorti kompetenti tistabbilixxi li jeżisti kunflitt rilevanti fis-sens tal-paragrafi 1 u 4, il-qorti kompetenti għandha tittrażmetti l-informazzjoni fattwali u legali rilevanti kollha dwar il-każ, inkluża l-valutazzjoni tagħha, lill-awtoritajiet ċentrali fil-pajjiż terz ikkonċernat, permezz tal-awtorità ċentrali nazzjonali tagħha, bi skadenza ta’ 15-il jum sabiex iwieġbu. Fuq talba motivata mill-awtorità ċentrali tal-pajjiż terz, l-iskadenza tista’ tiġi estiża bi 30 jum.
6.Jekk l-awtorità ċentrali tal-pajjiż terz, sal-iskadenza, tinforma lill-qorti kompetenti li hija toġġezzjona għall-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea f’dan il-każ, il-qorti kompetenti għandha tneħħi l-Ordni u tinforma lill-awtorità emittenti u lid-destinatarju. Jekk ma tasal l-ebda oġġezzjoni sal-iskadenza (estiża), il-qorti kompetenti għandha tibgħat tfakkira li tagħti lill-awtorità ċentrali tal-pajjiż terz 5 ijiem oħra biex twieġeb u tinfurmaha bil-konsegwenzi jekk ma tweġibx. Jekk ma tasal l-ebda oġġezzjoni sa din l-iskadenza addizzjonali, il-qorti kompetenti għandha żżomm l-Ordni.
7.Jekk il-qorti kompetenti tiddeċiedi li l-Ordni għandha tinżamm, hija għandha tinforma lill-awtorità emittenti u lid-destinatarju, li għandu jipproċedi bl-eżekuzzjoni tal-Ordni.
Artikolu 16
Proċedura ta’ rieżami f’każ ta’ obbligi konfliġġenti bbażati fuq raġunijiet oħra
1.Jekk id-destinatarju jqis li l-konformità mal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tiġi f’kunflitt mal-liġijiet applikabbli ta’ pajjiż terz li jipprojbixxu d-divulgazzjoni tad-data kkonċernata għal raġunijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 15, huwa għandu jinforma lill-awtorità emittenti bir-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(5).
2.L-oġġezzjoni motivata trid tinkludi d-dettalji rilevanti kollha dwar il-liġi tal-pajjiż terz, l-applikabbiltà tagħha għall-każ inkwistjoni u n-natura tal-obbligu konfliġġenti. Hija ma tistax tkun ibbażata fuq il-fatt li dispożizzjonijiet simili rigward il-kundizzjonijiet, il-formalitajiet u l-proċeduri tal-ħruġ ta’ ordni ta’ produzzjoni ma jkunux jeżistu fil-liġi applikabbli tal-pajjiż terz, u lanqas fuq iċ-ċirkostanza biss li d-data tkun maħżuna f’pajjiż terz.
3.L-awtorità emittenti għandha tirrieżamina l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea abbażi tal-oġġezzjoni motivata. Jekk l-awtorità emittenti jkun beħsiebha żżomm l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, hija għandha titlob rieżami mill-qorti kompetenti fl-Istat Membru tagħha. L-eżekuzzjoni tal-Ordni għandha tiġi sospiża sakemm titlesta l-proċedura ta’ rieżami.
4.Il-qorti kompetenti għandha l-ewwel tivvaluta jekk jeżistix kunflitt, abbażi ta’ analiżi dwar jekk
(a)tapplikax il-liġi tal-pajjiż terz abbażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, u jekk iva,
(b)Jekk il-liġi tal-pajjiż terz, meta tiġi applikata għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tipprojbix id-divulgazzjoni tad-data kkonċernata.
5. Jekk il-qorti kompetenti ssib li ma jeżisti l-ebda kunflitt rilevanti skont it-tifsira tal-paragrafi 1 u 4, hija għandha żżomm l-Ordni. Jekk il-qorti kompetenti tistabbilixxi li l-liġi tal-pajjiż terz, meta applikata għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ li jkun qed jiġi eżaminat, tipprojbixxi d-divulgazzjoni tad-data kkonċernata, il-qorti kompetenti għandha tiddeċiedi jekk iżżommx jew tirtirax l-Ordni b’mod partikolari abbażi tal-fatturi li ġejjin:
(a)l-interess imħares mil-liġi rilevanti tal-pajjiż terz, inkluż l-interess tal-pajjiż terz li jimpedixxi d-divulgazzjoni tad-data;
(b)il-grad ta’ konnessjoni tal-każ kriminali li għalih tkun inħarġet l-Ordni, ma’ xi waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet, kif indikat fost l-oħrajn minn:
il-lokalizzazzjoni, in-nazzjonalità u r-residenza tal-persuna li d-data tagħha tkun qiegħda titfittex u/jew tal-vittma/i,
il-post fejn twettaq ir-reat kriminali inkwistjoni;
(c)il-grad ta’ konnessjoni bejn il-fornitur tas-servizzi u l-pajjiż terz inkwistjoni; f’dan il-kuntest, il-lokalizzazzjoni tal-ħażna tad-data waħedha mhijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit grad sostanzjali ta’ konnessjoni;
(d)l-interessi tal-Istat investigattiv sabiex jikseb l-evidenza kkonċernata, fuq il-bażi tal-gravità tar-reat u l-importanza li tinkiseb l-evidenza b’mod rapidu;
(e)il-konsegwenzi possibbli għad-destinatarju jew għall-fornitur tas-servizzi jekk jikkonforma mal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, inklużi s-sanzjonijiet li jistgħu jiġġarrbu.
6.Jekk il-qorti kompetenti tiddeċiedi li tneħħi l-Ordni, hija għandha tinforma lill-awtorità emittenti u lid-destinatarju. . Jekk il-qorti kompetenti tiddeċiedi li l-Ordni għandha tinżamm, hija għandha tinforma lill-awtorità emittenti u lid-destinatarju, li għandu jipproċedi bl-eżekuzzjoni tal-Ordni.
Artikolu 17
Rimedji effettivi
1.Il-persuni suspettati u l-persuni akkużati, li d-data tagħhom tkun inkisbet permezz ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea, għandu jkollhom id-dritt għal rimedji effettivi kontra l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea waqt il-proċedimenti kriminali li għalihom tkun inħarġet l-Ordni, mingħajr preġudizzju għar-rimedji disponibbli skont id-Direttiva (UE) 2016/680 u r-Regolament (UE) 2016/679.
2.Fejn il-persuna li tkun inkisbet id-data tagħha ma tkunx persuna suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali li għalihom tkun inħarġet l-Ordni, din il-persuna għandu jkollha d-dritt għal rimedji effettivi kontra Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea fl-Istat emittenti, mingħajr preġudizzju għar-rimedji disponibbli skont id-Direttiva (UE) 2016/680 u r-Regolament (UE) 2016/679.
3.Tali dritt għal rimedju effettiv għandu jiġi eżerċitat quddiem qorti fl-Istat emittenti skont il-liġi nazzjonali tiegħu u għandu jinkludi l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità tal-miżura, inklużi n-neċessità u l-proporzjonalità tagħha.
4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, l-awtorità emittenti għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tassigura li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-possibbiltajiet skont il-liġi nazzjonali għal rimedji u tassigura li dawn ikunu jistgħu jiġu eżerċitati b’mod effettiv.
5.L-istess limiti ta’ żmien jew kundizzjonijiet oħra għat-tfittxija ta’ rimedju f’każijiet domestiċi simili għandhom japplikaw hawnhekk u b’mod li jiggarantixxi eżerċizzju effettiv ta’ dawn ir-rimedji għall-persuni kkonċernati.
6.Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti kriminali fl-Istat emittenti jkunu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċedimenti ġusti meta ssir il-valutazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea.
Artikolu 18
Assigurazzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet skont il-liġi tal-Istat tal-infurzar
Jekk id-data dwar it-tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut miksuba bl-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tkun protetta b’immunitajiet jew privileġġi mogħtija skont il-liġi tal-Istat Membru tad-destinatarju, jew timpatta l-interessi fundamentali ta’ dak l-Istat Membru bħad-difiża u s-sigurtà nazzjonali, il-qorti fl-Istat emittenti għandha tassigura, waqt il-proċedimenti kriminali li għalihom tkun inħarġet l-Ordni, li dawn ir-raġunijiet jiġu kkunsidrati bl-istess mod daqslikieku kienu previsti skont il-liġi nazzjonali tagħhom meta tkun qiegħda tivvaluta r-rilevanza u l-ammissibbiltà tal-evidenza kkonċernata. Il-qorti tista’ tikkonsulta lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rilevanti, lin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji kriminali jew lill-Eurojust.
Kapitolu 5: Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 19
Monitoraġġ u rappurtar
1.Sa mhux aktar tard minn [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament. Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. Huwa għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta’ evidenza oħra.
2.Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jżommu statistika komprensiva mill-awtoritajiet rilevanti. Id-data miġbura għandha tintbagħat lill-Kummissjoni kull sena sal-31 ta’ Marzu għas-sena kalendarja preċedenti u għandha tinkludi:
(a)l-għadd ta’ EPOCs u EPOC-PRs maħruġa skont it-tip ta’ data mitluba, il-fornituri tas-servizzi indirizzati u s-sitwazzjoni (każ ta’ emerġenza jew le);
(b)l-għadd ta’ EPOCs issodisfati u mhux issodisfati skont it-tip ta’ data mitluba, il-fornituri tas-servizzi indirizzati u s-sitwazzjoni (każ ta’ emerġenza jew le);
(c)għall-EPOCs issodisfati, it-tul ta’ żmien medju sabiex tinkiseb id-data mitluba mill-mument li jinħareġ l-EPOC sal-mument li tinkiseb, skont it-tip ta’ data mitluba, il-fornitur tas-servizzi indirizzat u s-sitwazzjoni (każ ta’ emerġenza jew le);
(d)l-għadd ta’ Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej trażmessi u riċevuti għall-infurzar lil Stat tal-infurzar skont it-tip ta’ data mitluba, il-fornituri tas-servizzi indirizzati u s-sitwazzjoni (każ ta’ emerġenza jew le) u l-għadd minnhom li ġew issodisfati;
(e)l-għadd ta’ rimedji legali kontra Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej fl-Istat emittenti u fl-Istat tal-infurzar skont it-tip ta’ data mitluba.
Artikolu 20
Emendi fiċ-Ċertifikati u fil-Formoli
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21 sabiex temenda l-Annessi I, II u III bil-għan li tindirizza b’mod effettiv ħtieġa possibbli għal titjib fir-rigward tal-kontenut tal-formoli tal-EPOC u tal-EPOC-PR u tal-formoli li għandhom jintużaw sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-impossibbiltà ta’ eżekuzzjoni tal-EPOC jew tal-EPOC-PR.
Artikolu 21
Eżerċizzju ta’ delega
1.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
2.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 20 għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament].
3.Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 20 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jqajmu oġġezzjoni għalih fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi mgħarraf lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 22
Notifiki
1.Sa [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:
(a)l-awtoritajiet li, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, ikunu kompetenti skont l-Artikolu 4 biex joħorġu u/jew jivvalidaw Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej;
(b)l-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ infurzar li jkunu kompetenti sabiex jinfurzaw Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej f’isem Stat Membru ieħor;
(c)il-qrati kompetenti sabiex jittrattaw oġġezzjonijiet motivati mid-destinatarji skont l-Artikoli 15 u 16.
2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni li tirċievi skont dan l-Artikolu pubblikament disponibbli, jew fuq sit web iddedikat jew fuq is-sit web tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI.
Artikolu 23
Relazzjoni mal-Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej
L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jkomplu joħorġu Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej skont id-Direttiva 2014/41/UE għall-ġbir ta’ evidenza li taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 24
Evalwazzjoni
Sa mhux aktar tard minn [5 snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tar-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament, li għandu jinkludi valutazzjoni tal-ħtieġa li jitkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi. L-evalwazzjoni għandha ssir skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-Rapport.
Artikolu 25
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika minn [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President