Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0144

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali

COM/2021/144 final

Brussell, 31.3.2021

COM(2021) 144 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali


1.Introduzzjoni

Il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għal proċess ġust huma minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) 1 u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).  

Id-Direttiva (UE) 2016/343 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali 2 (“id-Direttiva”) għandha l-għan li ttejjeb id-dritt għal proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

Id-Direttiva hija r-raba’ strument adottat skont l-Artikolu 82(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 3 , li jipprovdi l-bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ regoli minimi dwar “id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali”. Id-Direttiva tapplika f’25-il Stat Membru 4 .

L-UE adottat sitt direttivi f’dan il-qasam: minbarra d-Direttiva 2016/343, hemm direttivi dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni 5 , dwar id-dritt għall-informazzjoni 6 , dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat u dwar il-komunikazzjoni ma’ terzi persuni waqt li jkunu mċaħħda mil-libertà 7 , dwar salvagwardji proċedurali għat-tfal 8 u dwar l-għajnuna legali 9 . Il-Kummissjoni Ewropea diġà pproduċiet rapporti ta’ implimentazzjoni dwar l-ewwel tliet direttivi 10 . Id-Direttivi jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u b’hekk jissaħħaħ il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji oħra.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Dan ir-rapport huwa primarjament ibbażat fuq informazzjoni li l-Istati Membri pprovdew lill-Kummissjoni permezz tan-notifika ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva. Huwa jibbaża wkoll fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali 11 u minn studji ffinanzjati mill-Kummissjoni minn partijiet esterni 12 .

Filwaqt li l-Artikolu 11 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data disponibbli li turi kif id-drittijiet stabbiliti fid-Direttiva ġew implimentati, sal-1 ta’ April 2020 u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, l-Awstrija biss issodisfat dan l-obbligu sal-lum 13 . Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni mill-Istati Membri jimpedixxi l-valutazzjoni sħiħa tal-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva.

Ir-rapport għalhekk jiffoka fuq il-miżuri li ħadu l-Istati Membri s’issa biex jittrasponu d-Direttiva 14 . Dan jivvaluta jekk l-Istati Membri ittrasponewx id-Direttiva u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tilħaqx l-għanijiet tad-Direttiva u tissodisfax ir-rekwiżiti tagħha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea s’issa interpretat id-Direttiva (UE) 2016/343 f’diversi okkażjonijiet, u tali interpretazzjoni tqieset f’dan ir-rapport 15 .

2.Valutazzjoni ġenerali

Skont l-Artikolu 14, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ April 2018. F’din id-data, 11-il Stat Membru – il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, l-Awstrija, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja – ma kinux ikkomunikaw il-miżuri kollha meħtieġa lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, f’Mejju 2018 il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE kontra dawk l-Istati Membri minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni jew komunikazzjoni parzjali tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-biċċa l-kbira minnhom ikkonformaw mal-obbligu, u l-proċedimenti ta’ ksur twaqqfu. Madankollu, wara kontrolli tal-kompletezza, għadhom għaddejjin erba’ proċedimenti ta’ ksur f’każijiet fejn xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva għad iridu jiġu trasposti. Barra minn hekk, tliet proċedimenti ġodda ta’ ksur għal komunikazzjoni parzjali tnedew fi Frar 2021.

L-approċċ għat-traspożizzjoni tad-Direttiva jvarja bejn l-Istati Membri. Xi Stati Membri introduċew miżuri speċifiċi li jittrasponu b’mod espliċitu d-drittijiet skont id-Direttiva flimkien ma’ miżuri ta’ implimentazzjoni legali jew prattiċi. F’oħrajn, il-miżuri eżistenti tqiesu li huma diġà ġeneralment konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva, u ma ġiet adottata l-ebda miżura speċifika biex tiġi trasposta. Filwaqt li n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni espressi xi kultant jiġi rimedjat sa ċertu punt permezz ta’ miżuri prattiċi ta’ implimentazzjoni u l-ġurisprudenza, dan mhux dejjem ikun il-każ.

Dan jirriżulta f’li d-dispożizzjonijiet nazzjonali spiss ma jkunux biżżejjed biex jikkonformaw bis-sħiħ ma’ ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva. Dan huwa partikolarment il-każ fejn l-ambitu tal-miżuri nazzjonali jkun iktar ristrett minn dak stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva. Il-valutazzjoni żvelat ukoll nuqqasijiet oħra f’diversi Stati Membri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ referenzi pubbliċi għall-ħtija u d-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu.

Tali nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva jaffettwa b’mod negattiv l-effettività tad-drittijiet previsti minnha. Il-Kummissjoni se tieħu kull miżura xierqa biex tirrimedjaha, inklużi proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE.

3.Punti speċifiċi ta’ valutazzjoni

3.1.Ambitu (Kapitolu 1 - Artikolu 2)

L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-ambitu tar-rekwiżiti tad-Direttiva. Dan japplika għal persuni fiżiċi li huma suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna tkun suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew allegat reat kriminali, dment li d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali ta’ jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.

Filwaqt li xi Stati Membri ma ttrasponewx espressament l-Artikolu 2, l-ambitu tal-miżuri nazzjonali li jagħtu effett lid-drittijiet tad-Direttiva huwa madankollu fil-biċċa l-kbira konformi mad-Direttiva. Madankollu, fi Stat Membru wieħed il-miżuri ta’ traspożizzjoni japplikaw biss għal persuni li ġew detenuti jew akkużati, iżda mhux għal persuni suspettati de facto 16 , b’tali mod li jfixkel b’mod sinifikanti l-konformità mad-Direttiva. Fi ftit Stati Membri jinqalgħu kwistjonijiet ta’ konformità bħala riżultat tal-ambitu temporali aktar limitat tal-miżuri nazzjonali. Dawn il-limitazzjonijiet fuq l-ambitu temporali jistgħu jaffettwaw l-ambitu personali wkoll, meta jkollhom impatt fuq il-mod li bih jinbdew il-proċedimenti jew fuq il-punt li minnu persuna tibda titqies bħala suspettata.

Dawn il-kwistjonijiet ta’ konformità huma essenzjali peress li jistgħu jaffettwaw ukoll l-ambitu tal-preżunzjoni tal-innoċenza u jillimitaw il-kopertura tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw drittijiet speċifiċi skont id-Direttiva.

3.2.Preżunzjoni tal-innoċenza (Kapitolu 2)

Il-Kapitolu 2 tad-Direttiva jittratta l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. L-Artikolu 3 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi. Fi Stat Membru wieħed, il-prinċipju huwa żgurat għall-konvenuti u l-arrestati, iżda mhux għas-suspettati li mhumiex arrestati.

3.2.1.Referenzi pubbliċi għall-ħtija - Artikolu 4

Il-leġiżlazzjoni ta’ sitt Stati Membri biss hija kompletament konformi mal-Artikolu 4(1) li tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, dment li ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti. Abbażi ta’ dan, u f’konformità mal-Premessa 16, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva “ma tirregolax iċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jiġu adottati deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess” 17 .

Fi ftit Stati Membri, filwaqt li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(1) mhijiex espliċita, ir-rekwiżit tad-Direttiva jingħata effett mid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza jew il-limitazzjoni tat-tixrid tal-informazzjoni, u mill-ġurisprudenza.

Madankollu, ġew innutati kwistjonijiet ta’ konformità fi 19-il Stat Membru, li jagħmlu din id-dispożizzjoni bl-ogħla numru ta’ kwistjonijiet.

F’xi Stati Membri dawn il-kwistjonijiet jirriżultaw prinċipalment min-nuqqas ta’ traspożizzjoni u fi 13-il Stat Membru prinċipalment mill-portata aktar limitata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jkoprux l-awtoritajiet pubbliċi jew l-istadji kollha tal-proċedimenti, jew ma jkoprux deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif meħtieġ mid-Direttiva.

F’xi każijiet, il-kwistjonijiet ta’ konformità identifikati għandhom inqas impatt fil-prattika minħabba li f’kuntest nazzjonali, il-projbizzjoni ta’ referenzi pubbliċi għall-ħtija tista’ titqies bħala dimensjoni essenzjali tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-malafama u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fil-midja, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jew linji gwida li mhumiex vinkolanti legalment jew miżuri prattiċi oħra ta’ implimentazzjoni diġà jiżguraw konformità parzjali mar-rekwiżit tad-Direttiva fil-prattika.

Fi Stati Membri oħra, l-implimentazzjoni prattika tidher li hija problematika. Pereżempju, il-prattika turi li filwaqt li l-imħallfin u l-prosekuturi normalment jikkonformaw mal-Artikolu 4(1), korpi oħra, bħall-Ministri jew il-Membri tal-Parlament, xi drabi jirreferu għall-konvenuti bħala ħatja.

Il-liġi nazzjonali ta’ 12-il Stat Membru mhijiex kompletament konformi mal-Artikolu 4(2), li jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li jkunu disponibbli miżuri xierqa f’każ ta’ ksur tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4(1).

F’erba’ Stati Membri dan jirriżulta minn limitazzjonijiet fl-ambitu tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 4(1), pereżempju meta t-traspożizzjoni tkun limitata għal deċiżjonijiet ġudizzjarji iżda ma jkun hemm l-ebda miżura fis-seħħ għall-awtoritajiet pubbliċi.

Skont l-Artikolu 4(3), l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4(1) li ma ssirx referenza għal persuni suspettati jew akkużati bħala li huma ħatja ma jimpedixxix lill-awtoritajiet pubbliċi milli jxerrdu informazzjoni pubblikament dwar il-proċedimenti kriminali meta dan ikun strettament meħtieġ għal raġunijiet relatati mal-investigazzjoni kriminali jew mal-interess pubbliku. Il-liġi nazzjonali ta’ xi Stati Membri mhijiex kompletament konformi ma’ dan, għal waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin. Mhux l-awtoritajiet pubbliċi kollha jew it-tipi ta’ informazzjoni huma koperti mill-miżuri nazzjonali rilevanti, in-nuqqas tar-rekwiżit “meta dan ikun strettament meħtieġ”, jew in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ċari li jillimitaw it-tixrid tal-informazzjoni. F’xi każijiet, il-kwistjonijiet ta’ konformità għandhom inqas impatt fil-prattika, peress li l-linji gwida mhux legalment vinkolanti huma rilevanti wkoll, bħal linji gwida għall-istampa dwar il-kuntatt mal-ġurnalisti u l-għoti ta’ informazzjoni lilhom.

3.2.2.Preżentazzjoni ta’ persuni suspettati u akkużati - Artikolu 5

L-Artikolu 5(1) jirrikjedi l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li persuni suspettati u akkużati ma jiġux ippreżentati bħala ħatja, fil-qorti jew fil-pubbliku, permezz tal-użu ta’ miżuri ta’ trażżin fiżiku. Ħafna Stati Membri naqsu milli jadottaw regoli speċifiċi biex jittrasponu din id-dispożizzjoni.

Skont l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 5(1) ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli japplikaw miżuri ta’ trażżin fiżiku li huma meħtieġa għal raġunijiet ta’ każijiet speċifiċi, relatati mas-sigurtà jew biex persuni suspettati jew akkużati ma jingħatawx iċ-ċans milli jaħarbu jew ikollhom kuntatt ma’ terzi persuni. Ġew identifikati kwistjonijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ garanzija li titwettaq valutazzjoni individwali f’żewġ Stati Membri.

Barra minnhekk, f’xi Stati Membri l-konformità mal-Artikolu 5 tidher ukoll problematika fil-prattika. Fi ftit, pereżempju, jintużaw il-manetti irrispettivament mir-raġuni għaliex l-akkużat ikun f’kustodja. Waqt li jkunu qed jiġu ttrasportati lejn l-awla tal-qorti, il-pubbliku u l-istampa jistgħu jaraw l-akkużati fil-manetti, u jistgħu jittieħdu ritratti tal-akkużati. Fi Stati Membri oħra, hemm użu vast ta’ kaxxi tal-ħġieġ fl-awli tal-qorti.

3.2.3.Oneru tal-provi - l-Artikolu 6

L-Artikolu 6(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-oneru tal-provi għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa' fuq il-prosekuzzjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

Il-Premessa 22 tad-Direttiva tispeċifika li l-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-provi jgħaddi mill-prosekuzzjoni għad-difiża. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna suspettata jew akkużata. F’dawk l-Istati Membri fejn jeżistu dawn il-preżunzjonijiet, dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Premessa 22, jiġifieri huma konfutabbli u josservaw id-drittijiet tad-difiża, u huma limitati u proporzjonali għall-għan leġittimu segwit. Jidher li tali preżunzjonijiet jintużaw sa ċertu punt u fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi bħal reati tat-traffiku fit-toroq, malafama, frodi kummerċjali u reati relatati mad-droga. Il-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri mhijiex kompletament konformi mal-Artikolu 6(1), minħabba li l-liġi nazzjonali tagħhom titfa’ l-oneru tal-provi lil hinn mill-prosekuzzjoni mingħajr limiti ċari f’ċerti każijiet. F’wieħed minn dawn, ir-rwol tal-prosekutur jittieħed mill-imħallef, li mbagħad jassumi l-oneru tal-prova.

L-Artikolu 6(2) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi lliberata. F’xi Stati Membri, filwaqt li ma hemm l-ebda traspożizzjoni espliċita ta’ dan il-prinċipju, dan huwa prinċipju ġenerali rikonoxxut mill-ġurisprudenza. Stat Membru wieħed biss mhuwiex kompletament konformi mal-Artikolu 6(2), għaliex meta l-prosekuzzjoni jew l-avukat tad-difiża jagħżlu li ma jagħmlux kontroeżami ta’ xhud, l-imħallef għandu diskrezzjoni li jikkonkludi li l-avukat tad-difiża u l-klijent jaċċettaw il-pożizzjoni ta’ dak ix-xhud, u b’hekk jikkompromettu l-preżunzjoni tal-innoċenza.

3.2.4.Id-dritt li wieħed jibqa' sieket u d-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu - Artikolu 7

L-Artikolu 7(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jibqgħu siekta fir-rigward tar-reat kriminali li huma suspettati jew akkużati li wettqu. Madankollu, fi ftit Stati Membri, it-traspożizzjoni mhijiex kompletament konformi mad-Direttiva, minħabba l-ambitu aktar limitat tal-miżuri nazzjonali.

Din il-kwistjoni taffettwa wkoll il-konformità mal-Artikolu 7(2), li jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li ma jinkriminawx lilhom infushom. Barra minn hekk, Stati Membri oħra ma ttrasponewx espressament l-Artikolu 7(2). F’wieħed minnhom, dan id-dritt madankollu ġie rikonoxxut f’diversi okkażjonijiet mill-qrati supremi, filwaqt li f’żewġ Stati Membri ma hemm l-ebda garanzija espliċita tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu fid-dritt nazzjonali jew fil-ġurisprudenza tal-qrati supremi.

Kwistjonijiet oħra ta’ konformità identifikati f’żewġ Stati Membri huma meqjusa bħala partikolarment importanti, minħabba li jidhru li huma f’kunflitt dirett mad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu permezz ta’ miżuri li jistgħu jippenalizzaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, jew iġiegħel lill-persuni suspettati jew akkużati jindikaw ċirkostanzi li jeskludu r-responsabbiltà kriminali.

L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 7(3) fejn l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti milli jiġbru evidenza li tista’ tinkiseb legalment permezz tal-użu ta’ setgħat legali ta’ ġegħil.

L-Artikolu7(4), li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom iqisu, meta jissentenzjaw, l-imġiba kooperattiva ta’ persuni suspettati u akkużati, ma ġiex traspost espressament mill-Istati Membri. Madankollu, l-ebda wieħed mill-Istati Membri ma jipprojbixxi dan, u huwa tipikament possibbli skont ir-regoli proċedurali kriminali ġenerali li jittieħed kont ta’ dak li jista’ jitqies bħala mġiba kooperattiva meta tingħata s-sentenza.

F’konformità mal-Artikolu 7(5), l-eżerċizzju minn persuni suspettati u akkużati tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu ma jridx jintuża kontrihom u ma jridx jitqies bħala evidenza li huma wettqu r-reat kriminali kkonċernat. F’14-il Stat Membru ma hemm l-ebda dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod espliċitu li jinsiltu inferenzi negattivi. Madankollu, dan mhuwiex meqjus li jaffettwa l-konformità f’xi wħud minn dawn l-Istati Membri, minħabba li l-konformità tista’ tiġi inferita mid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, jew il-ġurisprudenza turi li din ir-regola hija segwita b’mod kostanti fil-prattika. Eżempju ta’ dan huwa meta l-qrati kostituzzjonali jikkunsidraw il-projbizzjoni li jinġibdu inferenzi negattivi bħala parti integrali mid-drittijiet li wieħed jibqa’ sieket u mhux li jinkrimina lilu nnifsu. Fl-Istati Membri l-oħra, il-lakuna titqies li taffettwa wkoll il-konformità peress li d-dispożizzjonijiet ġenerali mhumiex biżżejjed jew mhumiex wiesgħa biżżejjed fl-ambitu tagħhom. Fi Stat Membru wieħed, minkejja li l-Artikolu 7(5) ġie traspost, il-konformità hija biss parzjali għaliex għalkemm il-qrati huma sensittivi biex ma jippermettux li jinsiltu konklużjonijiet negattivi mis-silenzju tal-konvenut jew mir-rifjut li jagħti evidenza awtoinkriminanti, din il-protezzjoni ma testendix għal persuni suspettati de facto.

3.3.Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess (Kapitolu 3)

Il-Kapitolu 3 tad-Direttiva jikkonsisti f’żewġ artikoli: L-Artikolu 8 jikkonċerna d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess, u l-Artikolu 9 jistabbilixxi d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju bħal fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 8.

3.3.1.Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess (Artikolu 8)

Il-liġi nazzjonali tal-25 Stati Membri kollha koperti mid-Direttiva tikkonforma mal-Artikolu 8(1) li jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti waqt il-proċess tagħhom.

L-Artikolu 8(2) jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, dment li:

(a)    il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata, fi żmien debitu, dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ kontumaċja; jew

(b)    il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

Fir-rigward tal-Artikolu 8(2)(a), il-Premessa 36 tad-Direttiva tiċċara li l-informazzjoni lill-persuni suspettati jew akkużati bil-proċess jenħtieġ li tinftiehem li tfisser li tħarikkhom personalment jew, b’mezzi oħra, b’tali mod li tipprovdilhom informazzjoni uffiċjali dwar id-data u l-post tal-proċess b’mod li jippermettilhom isiru konxji tal-proċess. Informazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’kontumaċja jenħtieġ, b’mod partikolari, li tinftiehem li tfisser li l-persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati li tista’ tingħata deċiżjoni jekk dawn ma jidhrux fil-proċess.

Il-Premessa 37 tad-Direttiva tirreferi għar-rekwiżit li l-persuna trid tkun ġiet infurmata bil-proċess u jingħata mandat lil avukat li jkun inħatar minn dik il-persuna jew mill-Istat kif previst fl-Artikolu 8(2)(b).

F’każijiet fejn dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li d-Direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess ma jinkisirx meta l-persuna akkużata tiddeċiedi b’mod inekwivoku li ma tidhirx f’waħda mis-seduti li saru b’rabta mal-proċess tagħha 18 .

Il-liġi ta’ xi Stati Membri mhijiex kompletament konformi mal-Artikolu 8(2)(a), minħabba li r-rekwiżit li l-akkużat jiġi infurmat dwar il-proċess fi żmien debitu jew ir-rekwiżit li l-akkużat jiġi infurmat dwar il-konsegwenzi ta’ kontumaċja ma jkunx ġie issodisfat. Fil-prattika, xi drabi huwa diffiċli għall-persuni akkużati li jippruvaw li ma kinux jafu bil-proċess, bħala riżultat tal-metodu ta’ notifika (eż. posta sempliċi bi prova ta’ depożitu). Il-liġi ta’ ftit Stati Membri mhijiex kompletament konformi mal-Artikolu 8(2)(b), billi ma tiżgurax li l-avukat maħtur mill-Istat jirċievi mandat mill-persuna akkużata, b’mod partikolari meta l-assistenza obbligatorja minn avukat f’każ ta’ kontumaċja tal-persuna akkużata hija mifruxa fil-prattika.

Filwaqt li l-proċessi in absentia huma possibbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-prattika turi li f’xi wħud minnhom, f’każ ta’ kontumaċja tal-konvenuti, il-qrati spiss jaġġornaw is-seduti ta’ smigħ u jordnaw li jidhru quddiem il-qorti jew joħorġu mandat ta’ arrest.

L-Artikolu 8(4) jipprevedi li meta l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi eżegwita. Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità f’xi Stati Membri, minħabba l-ambitu usa’ tal-miżuri nazzjonali li jippermettu proċessi in absentia li ma fihomx rekwiżit espliċitu li jridu jsiru sforzi “raġonevoli” biex tiġi lokalizzata l-persuna.

Fejn l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla ta’ hawn fuq, huma jridu jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9. Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità f’għaxar Stati Membri bħala riżultat tan-nuqqas ta’ dispożizzjoni rilevanti fil-liġi nazzjonali jew nuqqas ta’ ċarezza legali.

F’konformità mal-Artikolu 8(5), l-Artikolu 8 huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jipprevedu li l-imħallef jew il-qorti kompetenti jistgħu jeskludu lil persuna suspettata jew akkużata temporanjament mill-proċess fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali jitmexxew korrettament, dment li dan jikkonforma mad-drittijiet tad-difiża. Fi ftit Stati Membri, it-traspożizzjoni mhijiex konformi mad-Direttiva bħala riżultat tal-ambitu aktar limitat tal-miżuri nazzjonali (eż. meta l-konformità ma tkunx garantita fil-kuntest ta’ proċessi għal reati kriminali u reati minuri) jew in-nuqqas ta’ limiti fuq l-ambitu temporali tal-esklużjoni ta’ persuni suspettati jew akkużati mill-proċess, li jagħmilha possibbli li jiġu esklużi mill-proċess kollu kemm hu.

3.3.2.Id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju (Artikolu 9)

L-Artikolu 9 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx issodisfati, huma jkollhom id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jridu jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri tad-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jikkonformaw ma’ dawn il-kundizzjonijiet, peress li determinazzjoni ġdida tal-merti tal-każ wara kundanna in absentia hija possibbli permezz ta’ appell jew rimedju speċifiku li jwassal għal stħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, f’żewġ Stati Membri, ir-rimedji disponibbli mhux dejjem jippermettu determinazzjoni ġdida tal-każ, li taffettwa l-konformità.

3.4.Rimedji (Kapitolu 4 - Artikolu 10)

L-Artikolu 10(1) jirrikjedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt id-Direttiva ma jiġux osservati.

Xi Stati Membri mhumiex kompletament konformi minħabba l-ambitu aktar limitat tal-miżuri nazzjonali tagħhom, fir-rigward tal-awtoritajiet jew l-istadji tal-proċedimenti li għalihom huma disponibbli r-rimedji, jew fir-rigward tad-drittijiet li l-ksur tagħhom huwa kopert mir-rimedji disponibbli.

Fi Stat Membru wieħed, il-kwistjoni tirrigwarda direttament l-ineffettività potenzjali tar-rimedji fil-prattika, minħabba l-kwalifiki stretti stabbiliti għar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-awtoritajiet li jistabbilixxu livell għoli ta’ prova u jeskludu l-kumpens għal kwalunkwe ksur li l-awtoritajiet setgħu wettqu b’ommissjoni jew waqt li jaġixxu in bona fide.

L-Artikolu 10(2) jistipula li mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, l-Istati Membri jridu jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu osservati.

Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità fi ftit Stati Membri minħabba l-ambitu aktar limitat tal-liġi nazzjonali (l-ebda garanzija fir-rigward ta’ persuni suspettati de facto), l-ammissibbiltà ta’ evidenza miksuba illegalment skont il-liġi nazzjonali, jew in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jiżguraw protezzjoni effettiva kontra l-użu ta’ dikjarazzjonijiet magħmula jew evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu.

4.Konklużjoni

Id-Direttiva ġiet introdotta biex ittejjeb l-applikazzjoni effettiva tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali. B’mod ġenerali, id-Direttiva pprovdiet valur miżjud tal-UE billi żiedet il-livell ta’ protezzjoni taċ-ċittadini involuti fi proċedimenti kriminali, speċjalment f’xi Stati Membri fejn ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza ma kinux minquxa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Madankollu, dan ir-rapport jenfasizza li għad hemm diffikultajiet relatati mad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva f’xi Stati Membri. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-ambitu tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva, u t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-projbizzjoni ta’ referenzi pubbliċi għall-ħtija u dwar id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu.

Il-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta’ prijorità, se tkompli ssegwi l-każijiet ta’ ksur miftuħa minħabba nuqqas ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva u se tieħu kull miżura xierqa sabiex tiżgura li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

(1)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 392.

(2)

ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1.

(3)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47.

(4)

F’konformità mal-Protokoll Nru 21 u l-Protokoll Nru 22, rispettivament, l-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbuta bid-Direttiva u għalhekk mhumiex ikkunsidrati f’din il-valutazzjoni.

(5)

Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1.

(6)

Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1.

(7)

Id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1.

(8)

Id-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

(9)

Id-Direttiva (UE) 2016/1919 dwar għajnuna legali għal persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1; rettifika ĠU L 91, 5.4.2017, p. 40.

(10)

COM(2018) 857 final, COM(2018) 858 final u COM(2019) 560 final.

(11)

Studju li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Presumption of innocence and related rights – Professional perspectives. Disponibbli fi https://fra.europa.eu/en/publication/2021/presumption-of-innocence.

(12)

 Ara pereżempju l-proġett ikkoordinat mill-Kumitat Ungeriż ta’ Ħelsinki, The Importance of Appearances: How Suspects and Accused Persons are Presented in the Courtroom, in Public and in the Media, u b’mod partikolari r-rapport tal-Proċessi Ġusti Innocent until proven guilty? The presentation of suspects in criminal proceedings, disponibbli fuq https://www.fairtrials.org/publication/importance-appearances .

(13)

Fir-rigward tar-rimedji marbuta mal-proċessi in absentia u l-proċeduri bil-miktub skont il-liġi nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva.

(14)

Il-Kummissjoni organizzat żewġ laqgħat tal-esperti mar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’Mejju u Novembru 2017, biex tiddiskuti u tiffaċilita l-ħidma tal-Istati Membri dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva.

(15)

Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2016, Milev, C-439/16 PPU; tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C-310/18 PPU; tal-5 ta’ Settembru 2019, AH , C-377/18; tad-19 ta’ Settembru 2019, Rayonna Procuratura Lom, C-467/18; tat-28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana Prokuratura, C-653/19 PPU; tat-13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana Prokuratura, C-688/18; tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, C-416/20 PPU; u l-Ordnijiet tat-12 ta’ Frar 2019, RH, C-8/19 PPU; tal-24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana Prokuratura, C-467/19 PPU; tat-28 ta’ Mejju 2020, UL u VM, C-709/18.

(16)

Is-suspettati de facto huma persuni li huma suspettati li wettqu reat kriminali, iżda li ma ġewx innotifikati bl-istatus tagħhom ta’ suspettat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.

(17)

Il-QtĠ-UE, id-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C-310/18 PPU;

(18)

Il-QtĠ-UE, it-13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana Prokuratura, C-688/18.

Top