EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0442

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LIL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa

COM/2020/442 final

Brussell, 27.5.2020

COM(2020) 442 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa


IL-BAĠIT TAL-UE JMEXXI L-PJAN TA’ RKUPRU GĦALL-EWROPA

1.Baġit tal-UE ambizzjuż u innovattiv għall-irkupru Ewropew

Il-Kummissjoni ppreżentat pjan determinat u komprensiv għall-irkupru Ewropew 1 . Il-pjan huwa msejjes fuq is-solidarjetà u l-ġustizzja, u għandu l-għeruq tiegħu fil-prinċipji u l-valuri kondiviżi tal-Unjoni. Il-pjan jistipula kif l-ekonomija Ewropeja għandha titqajjem, kif tingħata spinta lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u kif tista’ ssir aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat kull rokna tal-Unjoni u tad-dinja. Madankollu, l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija jvarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri, kif tvarja wkoll il-kapaċità tagħhom li jassorbu l-iskoss u jirrispondu għalih. Dan jhedded li jinħolqu diverġenzi dannużi bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri u jitfa’ pressjoni qawwija fuq is-suq uniku. L-Ewropa teħtieġ rispons koordinat li jsir malajr, li jkun ambizzjuż u li jkun immirat fejn l-iktar li huwa meħtieġ.

L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru se tkun teħtieġ investiment pubbliku u privat massiv. Hija meħtieġa azzjoni b'saħħitha biex tindirizza dawn il-ħtiġijiet biex tingħalaq id-diskrepanza fl-investiment pubbliku u privat ta’ mill-inqas EUR 1,5 triljun, biex tissewwa l-ħsara immedjata ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija, u biex l-Unjoni taqbad sew it-triq lejn irkupru sostenibbli u reżiljenti 2 .

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-Unjoni biex jiġi mmobbilizzat l-investiment u jsir appoġġ finanzjarju minn qabel fl-ewwel snin kruċjali tal-irkupru. Dawn il-proposti huma bbażati fuq:

ØStrument Ewropew għall-Irkupru ta’ emerġenza (“Next Generation EU”) li jammonta għal EUR 750 biljun 3 . Dan se jagħti spinta temporanja lill-baġit tal-UE b’finanzjament ġdid miġbur fis-swieq finanzjarji. Il-fondi miġbura se jiġu mgħoddija minn programmi tal-UE biex jirfdu l-miżuri immedjati meħtieġa għall-ħarsien tal-għajxien tan-nies, biex l-ekonomija titreġġa’ lura fuq saqajha, u biex jitrawwem tkabbir sostenibbli u reżiljenti.

Øqafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ għall-2021 – 2027. Il-Kummissjoni qed tipproponi li toħloq għodod ġodda u ssaħħaħ programmi ewlenin billi tuża Next Generation EU biex tgħaddi l-investiment malajr fejn hu l-aktar meħtieġ, issaħħaħ is-suq uniku, iżżid il-kooperazzjoni f’oqsma bħas-saħħa u u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u tattrezza l-Unjoni b’baġit fit-tul biex jixpruna t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tinbena ekonomija aktar ġusta u reżiljenti.

Flimkien mat-tlett ixbieki ta’ sikurezza importanti għall-ħaddiema, in-negozji u s-sovrani approvati mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ April u li ammontaw għal pakkett b’valur ta’ EUR 540 biljun, dawn il-miżuri eċċezzjonali meħudin fil-livell tal-UE se jilħqu EUR 1 290 biljun ta’ appoġġ immirat u fornut minn qabel għall-appoġġ għall-irkupru Ewropew 4 . Meta jiġu applikati estimi konservattivi tal-effett ta’ ingranaġġ tal-qafas finanzjarju pluriennali u ta’ Next Generation EU, l-investiment totali li jista’ jiġi ġġenerat minn dan il-pakkett ta’ miżuri jammonta għal EUR 3,1 triljun.

Dawn il-miżuri jagħtu risposta deċiżiva għall-appelli tal-Parlament Ewropew għal “pakkett massiv ta' rkupru u rikostruzzjoni għal investiment li jappoġġa l-ekonomija Ewropea wara l-kriżi, [...] li jiddaħħal fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) l-ġdid 5 u tal-Mexxejja għal fond ta’ rkupru “kbir biżżejjed, immirat lejn is-setturi u l-partijiet ġeografiċi tal-Ewropa l-aktar milquta, u ddedikat lejn l-indirizzar ta’ din il-kriżi bla preċedent 6 .

Dan il-fehim kondiviż jipprovdi l-bażi għal ftehim rapidu u komprensiv bejn l-istituzzjonijiet. Il-Kummissjoni tappella għal kooperazzjoni mill-qrib ħafna bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-elementi kollha ta’ dan il-pjan ta’ rkupru u tistedinhom biex ta’ kull sena jagħmlu rieżami tal-infiq iffinanzjat bi dħul assenjat estern permezz ta’ Next Generation EU. Il-prinċipji ta’ tali rieżami jistgħu jiġu stipulati f’dikjarazzjoni interistituzzjonali. Ftehim rapidu dwar il-Ġenerazzjoni li jmiss tal-UE u baġit fit-tul ambizzjuż ikunu dikjarazzjoni qawwija ta’ solidarjetà u determinazzjoni Ewropej fi żmien li fih hemm wisq x’nistgħu nitilfu. 

Il-baġit fit-tul tal-UE, bi spinta minn Next Generation EU, qiegħed f’pożizzjoni unika biex imexxi l-irkupru Ewropew. Il-baġit tal-UE jipprovdi qafas trasparenti u fdat għall-programm ta’ investiment massiv li għandna quddiemna, ankrat fil-metodu Komunitarju tal-governanza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-baġit tal-UE huwa mutur ippruvat tal-investiment, il-koeżjoni u s-solidarjetà, u jsaħħaħ is-suq uniku tal-Ewropa.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni użat il-flessibbiltà kollha li kien għad fadal fil-baġit attwali tal-UE biex kull euro li kien hemm disponibbli jingħadda biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġi mħares l-għajxien tan-nies. Il-miżuri wrew is-saħħa li għandu l-baġit tal-UE biex jipprovdi appoġġ sostanzjali u fil-ħin lill-Istati Membri fi kriżi. Il-miżuri eżawrew ukoll il-flessibbiltà kollha li kien għad fadal fil-baġit attwali tal-UE, li enfasizzat il-ħtieġa urġenti li jiġu introdotti miżuri ġodda biex imexxu l-fażijiet kruċjali li jmiss tal-irkupru.

Il-bażijiet fundamentali tal-proposti tal-Kummissjoni għal baġit fit-tul modern u flessibbli adattat strettament għall-prijoritajiet tal-Unjoni għadhom validi llum. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li dawn il-proposti jiġu adattati u msaħħin biex imexxu l-irkupru tal-Ewropa. Billi nibnu fuq il-progress konsiderevoli li diġà sar fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill se noħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għal ftehim f’waqtu.

It-tranżizzjonijiet tewmin lejn Ewropa ekoloġika u diġitali għadhom l-isfidi li jiddefinixxu din il-ġenerazzjoni. Dan huwa rifless fil-proposti tal-Kummissjoni. L-investiment f’ mewġa ta’ rinnovazzjoni fuq skala kbira, fl-enerġija rinnovabbli u f’soluzzjonijiet tal-idroġenu nadif, fit-trasport nadif, fl-ikel sostenibbli u f’ekonomija ċirkolari intelliġenti għandu potenzjal enormi biex l-ekonomija tal-Ewropa tibda tikber. Jenħtieġ li l-appoġġ ikun konsistenti mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. L-investiment fl-infrastruttura u l-ħiliet diġitali se jgħin biex tingħata spinta lill-kompetittività u lis-sovranità teknoloġika. L-investiment fir-reżiljenza għal sfidi futuri għas-saħħa u fl-awtonomija strateġika se jgħinu biex l-Unjoni tkun imħejjija aħjar għal kriżijiet futuri.

Next Generation EU se jagħti lill-baġit tal-UE l-qawwa addizzjonali neċessarja biex jirrispondi b’mod deċiżiv għall-aktar sfidi urġenti. Dan se jkun strument ta’ emerġenza ta’ darba, implimentat għal perjodu temporanju u użat biss għal miżuri ta’ rispons u rkupru fil-każ ta’ kriżi. Il-fondi se jingħaddew mill-baġit tal-UE lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-prijoritajiet ta’ investiment u riforma, u se jintużaw biex isaħħu programmi finanzjarji essenzjali għall-irkupru, bid-data ta’ tmiem tal-31 ta’ Diċembru 2024 . Il-ġbir ta’ finanzjament fis-swieq finanzjarji se jgħin biex il-kostijiet finanzjarji jinfirxu maż-żmien, sabiex b’hekk l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jagħmlu kontribuzzjonijiet addizzjonali sinifikanti għall-baġit tal-UE fil-perjodu 2021–2027. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll riżorsi proprji ġodda li jistgħu jgħinu biex jiffinanzjaw ir-ripagament tal-finanzjament mis-suq li jinġabar taħt Next Generation EU.

It-tnedija ta’ Next Generation EU malajr se tkun vitali biex tinqaleb il-folja tal-kriżi ekonomika. Barra minn hekk, sabiex il-fondi jsiru disponibbli malajr kemm jista’ jkun biex jirrispondu għall-aktar ħtiġijiet urġenti, il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-qafas finanzjarju pluriennali attwali 2014-2020 biex tagħmel EUR 11,5 biljun f’finanzjament disponibbli mill-2020 stess. Dan il-finanzjament addizzjonali jsir disponibbli għal REACT-EU, l-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jirrifletti l-urġenza ta’ dawn il-ħtiġijiet.

2.Kif se jintuża Next Generation EU?

Kull programm u kull euro f’dan il-pakkett se jintużaw biex jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet ta’ rkupru kruċjali, kif identifikat fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Kummissjoni. Dawn il-proposti jiffukaw fuq fejn il-baġit tal-UE jista’ jagħmel l-akbar differenza, billi jikkomplementaw u jamplifikaw ix-xogħol essenzjali li għaddej fl-Istati Membri.

Il-pakkett huwa mibni fuq tliet pilastri: għodod biex jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jirkupraw, isewwu u joħorġu aktar b’saħħithom mill-kriżi; miżuri biex jagħtu spinta lill-investiment privat u għall-appoġġ ta’ kumpaniji f’diffikultà; u t-tisħiħ tal-programmi ewlenin tal-UE biex jittieħdu t-tagħlimiet mill-kriżi u s-suq uniku jsir aktar b’saħħtu u reżiljenti.

1)Nappoġġaw lill-Istati Membri biex jirkupraw, isewwu, u joħorġu aktar b’saħħithom mill-kriżi

L-investiment pubbliku għandu rwol vitali x’jaqdi fi rkupru bilanċjat u sostenibbli. Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament minn Next Generation EU (aktar minn 80 %) għaldaqstant se jintuża biex jappoġġa l-investiment u r-riformi fl-Istati Membri, ikkonċentrati fejn il-kriżi kellha l-akbar impatt u fejn hemm l-akbar ħtiġijiet marbutin mar-reżiljenza. L-istrument ewlieni ta’ rkupru se jkun Faċilità ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza, imfassla speċifikament biex tiffinanzja investiment u riformi allinjati mal-prijoritajiet Ewropej. Il-politika ta' koeżjoni se taqdi r-rwol essenzjali tagħha biex tappoġġa rkupru bbilanċjat u sostenibbli permezz ta’ inizjattiva ġdida REACT-EU biex tindirizza l-aktar ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali urġenti u aġġustamenti għal programmi ta’ koeżjoni futuri biex isiru aktar flessibbli u allinjati għalkollox mal-prijoritajiet ta’ rkupru. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali se jgħin lill-bdiewa u liż-żoni rurali jwettqu t-tranżizzjoni ekoloġika u se jappoġġa l-investiment u r-riformi essenzjali biex jintlaħqu l-miri ambjentali ambizzjużi tal-Ewropa. Finalment, Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta msaħħaħ sew se jgħin lill-Istati Membri jħaffu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, u billi jagħmlu dan jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom.

ØFaċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġdida

Il-baġit tal-UE jista’ jipprovdi appoġġ qawwi għall-prijoritajiet tal-investiment u r-riforma identifikati permezz tas-Semestru Ewropew, aktar kruċjali minn qatt qabel fi żmien li fih il-baġits nazzjonali qegħdin taħt pressjoni.

Fiċ-ċentru tal-pjan ta’ rkupru se jkun hemm Faċilità ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-mira tal-faċilità se tkun li tappoġġa l-investiment u r-riformi essenzjali għal irkupru dejjiemi, biex tittejjeb ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tal-Istati Membri, u biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekonomiċi u diġitali. Se tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha, iżda l-appoġġ se jkun ikkonċentrat fil-partijiet tal-Unjoni l-aktar milquta u li fihom hemm l-akbar ħtieġa relatata mar-reżiljenza. Dan se jgħin biex jiġu miġġielda d-diverġenzi li qed jikbru bejn l-Istati Membri u biex inħejju l-ekonomiji tagħna għall-ġejjieni.

Il-faċilità se toffri appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investimenti u r-riformi li jagħmlu l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. B’mod kruċjali, se tiżgura li dawn l-investimenti u r-riformi jiffukaw fuq l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Se tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi ekonomiċi u soċjali li huma saħansitra aktar kritiċi kaġun tal-kriżi, f’bosta oqsma bħal dawk soċjali, tal-impjiegi, tal-ħiliet, tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni u tas-saħħa, iżda wkoll f’oqsma relatati mal-ambjent tan-negozju, inkluż l-amministrazzjoni pubblika u s-settur finanzjarju. Il-Kummissjoni se toffri appoġġ tekniku estensiv biex tiżgura li l-fondi jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

Il-faċilità għandha baġit propost ta’ EUR 560 biljun biex jgħin fil-finanzjament ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri. Se tkun mgħammra b’faċilità tal-għotjiet b’valur sa EUR 310 biljun u se tkun kapaċi twassal sa EUR 250 biljun f’self. 

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun integrata sew fis-Semestru Ewropew. L-Istati Membri se jħejju pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Dawn il-pjanijiet se jistipulaw il-prijoritajiet tal-investiment u r-riforma u l-pakketti tal-investiment relatati li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-faċilità, u l-appoġġ se jingħata f’pagamenti skont il-progress li jkun sar u fuq il-bażi ta’ parametri referenzjarji predefiniti.

ØREACT-EU - inżidu l-appoġġ ta’ koeżjoni għall-Istati Membri

Il-Kummissjoni qed tipproponi inizjattiva REACT-EU ġdida biex iżżid l-appoġġ biex l-Istati Membri jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar reżiljenti u sostenibbli fil-fażi tat-tiswija tal-kriżi. Dan se jgħin biex tiċkien id-diskrepanza bejn il-miżuri tal-ewwel rispons u l-irkupru aktar fit-tul. 

Permezz ta’ REACT-EU, il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi EUR 55 biljun ta’ finanzjament addizzjonali tal-politika ta’ koeżjoni minn issa sal-2022, EUR 50 biljun minn Next Generation EU fl-2021 u l-2022, u EUR 5 biljun diġà fl-2020 billi tadatta l-qafas finanzjarju attwali. Dan se jkun ibbażat fuq ir-regoli attwali tal-koeżjoni, inkluża l-flessibilità eċċezzjonali introdotta permezz tal-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. Skont dawn il-proposti, bejn l-2020 u l-2022 se jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali għall-programmi ta’ koeżjoni attwali kif ukoll għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, biex b’hekk il-finanzjament għall-miżuri ewlenin ta’ tiswija wara l-kriżi u l-appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn ikun jista’ jkompli mingħajr interruzzjoni. 

Il-finanzjament addizzjonali se jiġi allokat skont is-severità tal-impatti ekonomiċi u soċjali tal-kriżi, inkluż il-livell ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-prosperità relattiva tal-Istati Membri . L-impenji addizzjonali se jiġu implimentati permezz tal-emendi għall-programmi jew programmi ġodda ddedikati ppreżentati mill-Istati Membri u adottati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex jimmaniġjaw dan il-proċess b’aktar mod rapidu u effiċjenti possibbli.

Il-finanzjament se jappoġġa l-azzjonijiet ta’ tiswija tal-kriżi fl-aktar setturi importanti għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti. Dan se jinkludi investiment biex jissewwew is-swieq tax-xogħol, inluż permezz ta’ sussidji għar-reklutaġġ, skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar, appoġġ għas-sistemi tas-saħħa, u l-provvediment ta’ kapital operatorju għall-intrapriżi żgħar u medji. L-appoġġ se jkun disponibbli f’setturi ekonomiċi differenti, inkluż fit-turiżmu u l-kultura, u għall-investimenti essenzjali fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk isaħħaħ l-investiment diġà ppjanat skont il-programmi ta’ koeżjoni futuri. Parti minn dawn ir-riżorsi addizzjonali jistgħu jintużaw ukoll biex jgħinu lin-nies li qed isofru mill-privazzjoni materjali u alimentari.

ØIl-politika ta' koeżjoni għasservizz tal-irkupru ekonomiku għal kulħadd

Lil hinn mir-rispons immedjat għall-kriżi, il-politika ta' koeżjoni se tkun kruċjali biex niżguraw irkupru bbilanċjat fit-tul, biex jiġu evitati assimetriji u diverġenzi fit-tkabbir bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

Għaldaqstant huwa essenzjali għall-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni li l-programmi ta’ koeżjoni l-ġodda jiġu varati fl-1 ta’ Jannar 2021, b’mod parallel mal-fondi addizzjonali li jkunu saru disponibbli għall-programmi attwali sa tmiem l-2022. Dawn il-proposti ġew imfassla biex jagħtu l-appoġġ massimu għall-prijoritajiet tal-lum.

Il-Kummissjoni issa qed taġġusta l-proposti tagħha għall-programmi futuri tal-politika ta’ koeżjoni biex jagħtu appoġġ aktar b’saħħtu għall-investimenti ta’ rkupru, pereżempju fir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, f’setturi bħat-turiżmu u l-kultura, fl-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji, f’miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, u miżuri li jikkumbattu l-faqar fost it-tfal.

Iż-żgħażagħ aktarx li se jintlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi, u għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla mill-medja tal-UE jipprogrammaw mill-inqas 15 % tar-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus tagħhom b'ġestjoni kondiviża biex jappoġġaw liż-żgħażagħ. Fid-dawl tal-impatt li l-kriżi aktarx ikollha fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li mill-inqas 5 % tan-nefqa totali skont il-Fond Soċjali Ewropew Plus jenħtieġ li tintuża biex tgħin biex it-tfal jinħarġu mill-faqar.

Se tiġi pprovduta assistenza teknika biex l-Istati Membri jimmassimizzaw il-benefiċċji kombinati tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni l-ġodda u l-programmi attwali taħt REACT-EU.

Il-proposti riveduti jipprevedu wkoll flessibbiltà akbar għat-trasferimenti bejn il-fondi u jintroduċu provvedimenti ġodda biex jiġu attivati f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed appoġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-aktar fil-bżonn, il-proposti riveduti tal-Kummissjoni jipprevedu wkoll rieżami tal-allokazzjonijiet tal-koeżjoni nazzjonali fl-2024, huma u jitqiesu l-istatistiċi li kienu disponibbli l-aħħar. Dan ir-rieżami se jwassal biss għal aġġustamenti ’l fuq ta’ sa EUR 10 biljun għall-Istati Membri kollha.

ØAppoġġ għal tranżizzjoni ġusta

L-irkupru u l-prosperità futura tal-Ewropa se jiddependu fuq il-passi li nieħdu issa biex inħejju għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari. Dan it-tibdil se jaffettwa lill-Ewropej kollha iżda l-piż tal-aġġustament se jkun itqal għal xi setturi u reġjuni minn oħrajn. Bħala parti mill-pakkett ta’ rkupru, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża Next Generation EU biex tipprovdi assistenza finanzjarja biex takkumpanja t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea u biex tiżgura li ħadd ma jitħalla lura.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi finanzjament addizzjonali sostanzjali ta’ EUR 30 biljun għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, biex it-total jiġi ta’ EUR 40 biljun. Dan il-finanzjament se jintuża biex jittaffew l-impatti soċjo-ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fir-reġjuni l-aktar affettwati, billi pereżempju jappoġġa t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, jgħin lill-SMEs joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda, u b’investiment fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa u fl-ekonomija ċirkolari. Aktar finanzjament għall-InvestEU se jfisser ukoll li t-tieni pilastru tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta se jissaħħaħ. Il-Kummissjoni qed tagħmel ukoll proposti biex tistabbilixxi l-faċilità ta' self għas-settur pubbliku li tifforma t-tielet pilastru tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta. Dan se jiġi appoġġat minn EUR 1,5 biljun mill-baġit tal-UE 7 u EUR 10 biljun f’self mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Meħudin flimkien, it-tliet pilastri tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta huma mistennija li jimmobilizzaw sa EUR 150 biljun f’investimenti biex jiżguraw li ħadd ma jitħalla lura fit-tranżizzjoni ekoloġika.

Iż-żoni rurali se jkollhom rwol vitali x’jaqdu biex jimplimentaw it-tranżizzjoni ekoloġika u biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u ambjentali ambizzjużi tal-Ewropa. Il-Kummissjoni qed tipproponi li jissaħħaħ il-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali b’EUR 15 biljun biex jappoġġa lill-bdiewa u liż-żoni rurali biex jagħmlu t-tibdil strutturali meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b’mod partikolari biex tappoġġa l-kisba tal-miri ambizzjużi fl-istrateġiji tal-bijodiversità u “Mill-Għalqa sal-Platt”.

2)Inqajmu l-ekonomija u ngħinu biex l-investiment privat jerġa’ jibda jiċċaqlaq

Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex l-ekonomija tqum u jinħolqu l-kundizzjonijiet għal irkupru mmexxi mill-investiment privat fis-setturi u t-teknoloġiji ewlenin. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li ssaħħaħ lill-InvestEU, il-programm emblematiku ta’ investiment tal-Ewropa, biex timmobilizza l-investiment privat fi proġetti strateġiċi madwar l-Unjoni. Bħala parti minn dan, il-Kummissjoni tipproponi li toħloq Faċilità ġdida ta' Investiment Strateġiku biex tinvesti fi ktajjen tal-valur ewlenin kruċjali għar-reżiljenza u l-awtonomija strateġika futuri tal-Ewropa. Kumpaniji f'saħħithom li jista’ jsir investiment fihom huma prerekwiżit għas-suċċess f’din il-kampanja għall-investiment, iżda mijiet ta’ eluf ta’ kumpaniji aktarx li se jaqgħu taħt pressjoni qawwija ta’ finanzjament sa tmiem is-sena. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tippropon Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza ġdid biex jipprovdi appoġġ urġenti lil kumpaniji sodi li qegħdin fir-riskju kaġun tal-kriżi, u jgħinhom jgħaddu minn din il-burraxka. L-istrument għandu jibda jopera minn din is-sena stess.

ØNoħolqu salvawom ta’ likwidità u solvenza għal kumpaniji taħt pressjoni

L-abbiltà tal-ekonomiji Ewropej li jirritornaw għat-tkabbir tiddependi fuq ir-reżiljenza u l-adattabilità tas-settur privat. B’riżultat tal-kriżi, kumpaniji li normalment huma vijabbli qed jesperjenzaw problemi serji ta’ likwidità u solvenza. L-istimi tal-Kummissjoni juru li f’xenarju negattiv, bejn 35 % u 50 % tal-kumpaniji b’aktar minn 20 impjegat jistgħu jesperjenzaw nuqqasijiet ta’ finanzjament sa tmiem is-sena. Il-ħtiġijiet ta’ tiswija tal-ekwità għal din is-sena biss jistgħu jkunu bejn EUR 720 biljun u EUR 1,2 triljun. Bi kriżi ta’ dan id-daqs quddiemna, l-appoġġ li bħalissa qed jiġi pprovdut mill-Istati Membri mhuwiex se jkun biżżejjed. Barra minn hekk, l-abbiltà tal-Istati Membri li jappoġġaw lill-kumpaniji tagħhom tvarja ħafna. Għaldaqstant, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex tgħin dawn il-kumpaniji jgħaddu minn din il-kriżi, u jiġi evitat ċirku vizzjuż ta’ ħsara ekonomika u fallimenti ta’ kumpaniji, u titwitta triq għal irkupru f'saħħtu fis-suq uniku.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza ġdid biex jgħin fil-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi privati biex jipprovdu appoġġ urġenti lil kumpaniji Ewropej li normalment ikunu vijabbli biex jindirizzaw tħassib ta’ likwidità u ta’ solvenza. L-istrument se jkun temporanju u mmirat unikament u strettament biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku tal-pandemija. Se jgħin biex jiġu evitati defiċits massivi ta’ kapital u inadempjenzi possibbli ta’ kumpaniji li normalment ikunu vijabbli u l-ħsara ekonomika kbira li dawn jikkawżaw. Dawn il-miżuri b’azzjoni rapida se jiġu kkomplementati minn appoġġ aktar fit-tul taħt programmi bħal InvestEU, il-politika ta' koeżjoni u l-programm għas-suq uniku.

L-istrument temporanju l-ġdid se jinħoloq taħt il-FEIS. Se jimmobilizza l-investiment privat f’kumpaniji li għaddejjin mill-inkwiet billi jipprovdi garanziji parzjali kontra t-telf. Bi provvediment fil-baġit tal-UE ta’ EUR 5 biljun mill-qafas finanzjarju attwali fl-2020 biex jiżgura bidu rapidu u EUR 26 biljun addizzjonali minn Next Generation EU, il-baġit tal-Unjoni se jipprovdi garanzija ta’ madwar EUR 75 biljun lill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li se jiżgura twettiq rapidu fuq il-post. L-istrument se jkollu l-mira ta’ livell ta’ investiment ta’ EUR 300 biljun f’appoġġ għas-solvenza.

Il-garanzija se tiġi kalibrata biex tiżgura li l-investimenti jiġu mmirati lil dawk il-kumpaniji li għandhom l-akbar ħtieġa ta’ kapital fl-Istati Membri u s-setturi kollha, b’enfasi partikolari fuq l-Istati Membri li huma anqas kapaċi jintervjenu permezz tal-għajnuna mill-istat u fuq l-Istati Membri u s-setturi li fihom l-effetti ekonomiċi tal-COVID-19 kienu l-aktar serji. Dan huwa essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq uniku u biex jiġi evitat li jkomplu jikbru d-diverġenzi ekonomiċi dannużi fl-Unjoni. Jenħtieġ li titqies bir-reqqa s-sitwazzjoni kapitali tal-istituzzjonijiet li jimplimentaw l-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza.

Barra minn hekk, bħala miżura komplementari, il-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment se jiżdied biex jipprovdi appoġġ lil firxa wiesgħa ta’ intrapriżi żgħar u medji, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza. Dan se jkompli jżid mal-bini ta’ pakkett komprensiv għall-irkupru Ewropew, ukoll flimkien mal-miżuri miftiehma mill-Kunsill Ewropew f’April. Iż-żieda kapitali li se tasal sa EUR 1,5 biljun se tiġi ffinanzjata kemm taħt il-qafas finanzjarju pluriennali preżenti kif ukoll dak li jmiss.

ØKapaċità tal-investiment u awtonomija strateġika msaħħa

L-investiment privat se jintlaqat ħafna mill-kriżi: l-analiżi tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-investiment tas-settur privat jista’ jonqos b’aktar minn EUR 1 triljun fl-2020–2021. Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment tal-ekonomija Ewropea se jkun hemm bżonn azzjoni urġenti biex din ix-xejra titreġġa’ lura u tqiegħed il-kundizzjonijiet meħtieġa għal irkupru mmexxi mill-investiment. Dan l-investiment huwa partikolarment kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Ewropa, fejn il-Kummissjoni tistma li l-ħtiġijiet tal-investiment jammontaw għal mill-inqas EUR 1,2 triljun fl-istess perjodu. L-investiment fis-setturi u t-teknoloġiji ewlenin, mill-5G sal-intelliġenza artifiċjali, mill-idroġenu nadif għall-enerġija rinnovabbli offshore, huwa l-muftieħ għall-ġejjieni tal-Ewropa.

Il-programm InvestEU huwa uniku f’kemm jista’ jimmobilizza l-investiment u jappoġġa l-politiki tal-Unjoni tul l-irkupru minn kriżi ekonomika profonda. Dan ġie muri sew mill-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-istrumenti finanzjarji wara l-kriżi finanzjarja li għaddiet.

Il-Kummissjoni għaldaqstant qed tipproponi li InvestEU tissaħħaħ għal livell ta’ EUR 15,3 biljun għall-erba’ twieqi ta’ politika diġà maqbula mill-koleġiżlaturi. Dan jista’ jiskatta investiment ta’ aktar minn EUR 240 biljun.

L-InvestEU se jipprovdi appoġġ kruċjali għal kumpaniji fil-fażi tal-irkupru u jiżgura enfasi qawwija fost l-investituri fuq il-prijoritajiet ta’ politika fi żmien medju u fit-tul, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni. Se jżid il-kapaċità ta’ teħid ta’ riskji tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Banek Promozzjonali Nazzjonali b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku. Billi jimmobilizza investiment privat sinifikanti, se jikkomplementa l-appoġġ immedjat ipprovdut tul il-fażi tat-tiswija tal-kriżi mill-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza u REACT-EU, u l-finanzjament skont il-qafas futur mill-politika ta’ koeżjoni u programmi oħrajn.

Ninvestu fl-awtonomija strateġika: Faċilità għall-Investiment Strateġiku ġdida

Karatteristika ewlenija tal-InvestEU se tkun faċilità ġdida biex iżżid ir-reżiljenza tal-Ewropa billi tinbena l-awtonomija strateġika fi ktajjen tal-valur essenzjali fil-livell Ewropew.

Se tinħoloq Faċilità għall-Investiment Strateġiku bħala tieqa addizzjonali taħt InvestEU. Din il-faċilità se tappoġġa proġetti li jikkontribwixxu għall-bini ta’ ktajjen tal-valur b'saħħithom u reżiljenti madwar l-UE u jsaħħu l-awtonomija tas-suq uniku tal-Unjoni, filwaqt li żżomm il-ftuħ tagħha għall-kompetizzjoni u l-kummerċ f’konformità mar-regoli tagħha. Dan se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-Unjoni filwaqt li tipprovdi r-riżorsi għal kumpaniji strateġikament importanti biex jiffjorixxu u jikbru fl-UE. L-appoġġ mill-Istati Membri għal dawn il-proġetti aktarx li mhux se jkun biżżejjed u d-dimensjoni transfruntiera qawwija tfisser li approċċ koordinat Ewropew se jkun essenzjali għas-suċċess.

Bi provvediment ta’ EUR 15-il biljun minn Next Generation EU, il-faċilità l-ġdida tipprovdi garanzija tal-UE ta’ EUR 31,5 biljun u tista’ tiġġenera investimenti li jaslu sa EUR 150 biljun biex jinċentivizzaw it-tmexxija industrijali Ewropea f’setturi strateġiċi u ktajjen tal-valur ewlenin, inklużi dawk li huma kruċjali għat-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali. It-tieqa se tiżgura li tali investimenti jisfruttaw għalkollox il-potenzjal tas-suq uniku, bil-garanzija tal-UE tappoġġa kumpaniji minn madwar l-ekonomija Ewropea u ssir strument qawwi għall-irkupru.

3)Nitgħallmu mill-kriżi u nindirizzaw l-isfidi strateġiċi tal-Ewropa

Il-kriżi issottolinjat il-valur tal-kooperazzjoni Ewropea kif ukoll uriet b’mod ċar li l-Unjoni għandha b’mod urġenti tibni l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-kriżijiet u tibni reżiljenza għal xokkijiet futuri. Il-Kummissjoni qed tipproponi programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa biex isaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa u jħejji għal kriżijiet futuri tas-saħħa. RescEU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, se jiġi estiż u msaħħaħ biex jipprovdi lill-Unjoni bi tħejjija għal kriżijiet futuri u twieġeb għalihom. Orizzont Ewropa se jissaħħaħ biex jiffinanzja riċerka vitali fis-saħħa, ir-reżiljenza u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Programmi oħra tal-UE, fosthom l-istrumenti esterni tagħha, se jissaħħu biex jallinjaw il-qafas finanzjarju futur mal-ħtiġijiet ta’ rkupru u se jissaħħu l-istrumenti speċjali biex il-baġit tal-UE jsir aktar flessibbli u reattiv.

ØProgrammi ġodda u msaħħa biex tinbena r-reżiljenza u tissaħħaħ il-kooperazzjoni

Next Generation EU se jipprovdi tisħiħ immirat għal programmi ewlenin li jmexxu t-tkabbir u l-kapaċità tal-Ewropa li tirreżisti u tegħleb kriżijiet futuri. Dawn iż-żidiet huma addizzjonali għall-proposti inizjali tal-Kummissjoni għall-qafas futur, li jibqgħu bażi ġusta u bbilanċjata għal ftehim.

Programm ġdid għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa.

Il-kriżi wriet li l-finanzjament għas-saħħa għandu jingħata prijorità ogħla fil-qafas finanzjarju futur. Il-Kummissjoni qed tipproponi programm ambizzjuż u indipendenti l-UE għas-Saħħa li jipprovdi appoġġ dedikat għall-isfidi tas-saħħa li ġejjin kif identifikat fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet. Skont din il-proposta, il-finanzjament għall-programm il-ġdid se jammonta għal EUR 9,4 biljun, tisħiħ kbir meta mqabbel mal-proposti preċedenti taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Il-programm il-ġdid se jgħin biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun mgħammra bil-kapaċitajiet kritiċi li tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet tas-saħħa futuri u bl-iskala meħtieġa. Il-programm se jkollu l-għan li joħloq qafas komprensiv għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa fl-UE, li jikkumplimenta u jsaħħaħ l-isforzi fuq livell nazzjonali u l-appoġġ reġjonali għas-sistemi tal-kura tas-saħħa taħt il-politika ta’ koeżjoni. 

L-ewwel parti tal-programm se tindirizza s-sigurtà tas-saħħa u t-tħejjija għall-kriżijiet. Se tappoġġa l-investimenti f’infrastruttura tas-saħħa kritika, għodda, strutturi, proċessi, u kapaċità tal-laboratorji, inklużi għodod għas-sorveljanza, l-immudellar, it-tbassir, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ tifqigħat. Se tappoġġa l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għall-iżvilupp, l-akkwist u l-ġestjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet tas-saħħa bħall-mediċini - inkluż it-tilqim - u t-trattamenti, is-sustanzi intermedji tagħhom, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u l-materja prima; apparat mediku u tagħmir mediku bħal ventilaturi, ilbies u tagħmir protettiv, materjali u għodod dijanjostiċi. Dan se jgħin biex jinħoloq qafas ġdid ta’ komunikazzjoni tar-riskju fl-UE li jkopri l-fażijiet kollha ta’ kriżi.

It-tieni parti se tappoġġa viżjoni aktar fit-tul għat-titjib tal-eżiti tas-saħħa permezz ta’ sistemi tas-saħħa effiċjenti u inklużivi fl-Istati Membri, permezz ta’ prevenzjoni u sorveljanza aħjar tal-mard, il-promozzjoni tas-saħħa, l-aċċess, id-dijanjożi u t-trattament, u l-kollaborazzjoni transfruntiera fis-saħħa. Pereżempju, il-programm se jappoġġa l-bini ta’ kapaċità fl-Istati Membri, jiffinanzja programmi ta’ taħriġ għall-persunal mediku u tal-kura tas-saħħa, u jinvesti fit-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-kura tas-saħħa u l-iskjerament ta’ infrastrutturi diġitali interoperabbli, inkluż għar-riċerka u l-kondiviżjoni tad-data.

Il-programm se jkun imfassal u implimentat b’rispett sħiħ għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan il-qasam. Dan se jorbot mal-appoġġ rilevanti pprovdut permezz ta' programmi oħra tal-UE u jistabbilixxi modi ġodda biex jiġu implimentati azzjonijiet konġunti u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ kontromiżuri u riżorsi mediċi f’każ ta’ theddid kbir għas-saħħa. Se jaħdem ma’ rescEU msaħħaħ, li huwa ffukat fuq il-kapaċitajiet ta’ rispons dirett għall-kriżijiet, il-ħażniet, l-iskjerament u d-dispaċċ ta’ tagħmir u persunal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, billi jiġu pprovduti l-kontribuzzjonijiet tas-saħħa meħtieġa.

It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ċivili tal-Unjoni.

Lezzjoni ċara mill-pandemija hija li l-Ewropa trid tkun kapaċi tirreaġixxi aktar malajr u b’mod flessibbli fi kriżijiet transfruntieri serji minħabba l-iskala tat-tfixkil potenzjali għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna. Għaldaqstant il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ lil rescEU, il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-Unjoni. Dan se jagħmel lil rescEU aktar flessibbli u jżid il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi b’mod unitarju fil-livell tal-UE.

L-allokazzjoni finanzjarja se tiżdied għal EUR 3,1 biljun, li tiffinanzja investimenti fl-infrastruttura ta’ rispons, fil-kapaċità tat-trasport u f’timijiet ta’ appoġġ ta’ emerġenza. Ir-rescEU aġġornat se jagħti lill-Unjoni l-kapaċità u l-infrastruttura loġistika meħtieġa biex tipprovdi għal tipi differenti ta’ emerġenza, inklużi dawk b’komponent mediku, li jikkumplimentaw il-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa. Il-proposta se tissimplifika wkoll u żżid il-flessibbiltà tal-kapaċitajiet operazzjonali. Dan se jiżgura rispons tal-UE aktar f’waqtu u effettiv fil-futur għal emerġenzi fuq skala kbira.

Orizzont Ewropa – ninvestu fl-innovazzjoni u t-tħejjija għall-futur

Orizzont Ewropa se jammonta għal EUR 94,4 biljun biex jiżdied l-appoġġ Ewropew għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni relatati mas-saħħa u l-klima. Dan se jikkontribwixxi għal tħejjija msaħħa biex jiġu indirizzati b’mod effettiv u rapidu l-emerġenzi u l-investiment f’soluzzjonijiet xprunati mix-xjenza, li jikkumplimentaw il-finanzjament operazzjonali pprovdut bil-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa u rescEU.

Fil-qasam tas-saħħa, it-tisħiħ se jintuża biex jiżdied l-isforz tar-riċerka għal sfidi bħalma huma l-pandemija tal-Coronavirus, l-estensjoni tal-provi kliniċi, il-miżuri protettivi innovattivi, il-viroloġija, it-tilqim, it-trattamenti u d-dijanjostiċi, u t-traduzzjoni tas-sejbiet tar-riċerka f’miżuri ta’ politika tas-saħħa pubblika.

Qed jiġi propost ukoll li jiżdiedu r-riżorsi għar-riċerka u l-innovazzjoni f’oqsma relatati mal-klima. Dan se jsaħħaħ l-appoġġ għall-kompetittività tal-industrija tal-UE f’setturi ekonomiċi relatati u jippromwovi rkupru konsistenti mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-tisħiħ se jipprovdi mezzi addizzjonali għal innovazzjonijiet emerġenti u rivoluzzjonarji minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, negozji ġodda, u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja.

Flimkien mas-sħab globali tagħna fi żmien ta’ kriżi.

Il-pandemija hija sfida dinjija. Mingħajr rispons dinji, kull pajjiż u reġjun fid-dinja, inkluża l-Unjoni, se jibqa’ vulnerabbli. L-UE trid tkompli turi solidarjetà mas-sħab tagħha madwar id-dinja fil-ġlieda kontra l-COVID-19.

Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali għal EUR 86 biljun, permezz ta’ Garanzija għall-Azzjoni Esterna ġdida, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli biex jiġu appoġġati s-sħab – b’mod partikolari fil-Balkani tal-Punent, il-Viċinat u fil-bqija tal-Afrika – fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu u jirkupraw mill-impatt tal-pandemija, f’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali bħalma huma l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Aġġustament immirat għall-qafas finanzjarju attwali se jippermetti li EUR 1 biljun ta’ appoġġ addizzjonali jkunu diġà disponibbli fl-2020.

L-appoġġ se jipprovdi likwidità lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, jippreserva l-investimenti fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u jżid il-kapaċità ta’ finanzjament f’muniti lokali f’pajjiżi sħab biex jissaħħu s-sistemi tal-kura tas-saħħa, inkluż l-istat ta’ tħejjija, u biex tinbena l-kapaċità ta’ manifattura għal tilqim, trattamenti u dijanjostika relatati mal-COVID‑19. Dan l-appoġġ akbar se jkun immirat ukoll lejn l-aktar pajjiżi u reġjuni vulnerabbli, filwaqt li jindirizza l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi severi tal-pandemija.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll EUR 5 biljun addizzjonali biex issaħħaħ l-istrument tal-għajnuna umanitarja, li jirrifletti l-ħtiġijiet umanitarji li qed jikbru fl-aktar partijiet vulnerabbli tad-dinja. L-impatt tal-pandemija u l-effett ekonomiku, pereżempju t-telf ta’ dħul minħabba l-kollass taż-żejt u l-prezzijiet tal-materja prima u t-tnaqqis drastiku fir-rimessi, qed iżidu l-ħtiġijiet eżistenti, u dan jagħmilha aktar importanti li l-Unjoni tkun mgħammra biex turi solidarjetà mal-bqija tad-dinja.

ØNgħammru programmi oħra għall-bini ta’ reżiljenza u twettiq ta’ prijoritajiet strateġiċi

Il-qafas finanzjarju għall-2021-2027 propost mill-Kummissjoni fl-2018, kif imsaħħaħ mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u l-bidliet proposti llum, jibqa’ l-punt ta’ referenza essenzjali għall-fażi finali tan-negozjati. L-arkitettura proposta, il-livell ta’ appoġġ, il-bilanċ bejn il-prijoritajiet, u l-karatteristiċi ewlenin bħall-mira ta’ mill-inqas 25 % tan-nefqa li tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, u l-miżuri li jappoġġaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni huma kollha meħtieġa għal pakkett ta’ rkupru bbilanċjat. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt hija karatteristika ewlenija oħra. Barra minn hekk, miżuri b’saħħithom għall-protezzjoni tal-baġit kontra l-frodi u l-irregolaritajiet huma fis-seħħ u l-Kummissjoni se ssaħħaħhom aktar. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) se jeżerċitaw is-setgħat ta’ kontroll u investigazzjoni tagħhom.

Madankollu, il-kriżi wriet b’mod ċar li f’diversi oqsma ewlenin il-livelli ta’ appoġġ diskussi mill-Mexxejja fi Frar mhux se jkunu biżżejjed. Minbarra t-tisħiħ iffinanzjat taħt Next Generation EU, huwa għalhekk imperattiv li jissaħħu programmi oħra biex ikunu jistgħu jwettqu r-rwol sħiħ tagħhom biex l-Unjoni ssir aktar reżiljenti u biex jiġu indirizzati l-isfidi li żdiedu minħabba l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha.

Dawn jinkludu:

ØInsaħħu d-difiżi tal-Unjoni u nappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali billi ngħammru l-Programm Ewropa Diġitali b’baġit totali ta’ EUR 8,2 biljun.

ØNinvestu f’infrastruttura tat-trasport aġġornata u bi prestazzjoni għolja biex jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet transfruntiera, bħalma huma Rail Baltica, permezz ta’ EUR 1,5 biljun addizzjonali għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

ØNoħolqu l-kundizzjonijiet għal irkupru tas-suq uniku li jaħdem tajjeb billi nżommu l-baġits proposti għall-Programm tas-Suq Uniku u għal programmi li jappoġġaw il-kooperazzjoni fl-oqsma tat-tassazzjoni u tad-dwana fil-livell ta’ EUR 3,7 biljun, EUR 239 miljun u EUR 843 miljun rispettivament.

ØNinvestu fiż-żgħażagħ permezz ta’ EUR 3,4 biljun addizzjonali għall-Erasmus Plus, biex b’hekk it-total jinġieb għal EUR 24,6 biljun, kif ukoll fis-setturi kulturali u kreattivi permezz ta’ żieda tal-Ewropa Kreattiva sa livell ta’ EUR 1,5 biljun.

ØInsaħħu r-reżiljenza tas-setturi agroalimentari u tas-sajd u l-provvediment tal-kamp ta’ applikazzjoni meħtieġ għall-ġestjoni tal-kriżi permezz ta’ EUR 4 biljun addizzjonali għall-Politika Agrikola Komuni u ta’ EUR 500 miljun għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

ØInsaħħu l-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tal-fruntieri esterni u l-migrazzjoni u l-politika dwar l-ażil billi jissaħħaħ il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri biex jintlaħaq livell ta’ EUR 22 biljun.

ØNiżguraw appoġġ b’saħħtu għall-awtonomija strateġika u s-sigurtà Ewropea billi nżidu l-Fond għas-Sigurtà Interna għal EUR 2,2 biljun u nsaħħu l-Fond Ewropew għad-Difiża għal livell ta’ EUR 8 biljun.

ØNappoġġaw lis-sħab tagħna fil-Balkani tal-Punent billi ntellgħu l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni għal livell ta’ EUR 12,9 biljun.

B’dawn l-aġġustamenti mmirati, l-Unjoni se jkollha qafas finanzjarju fit-tul allinjat aħjar mal-prijoritajiet u l-ambizzjonijiet tagħha u mfassal biex jibni r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fiż-żmien medju u fit-tul. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi emendi mmirati għall-proposta tagħha tal-2018 għall-qafas finanzjarju li jmiss li jinkorpora r-riżultati tan-negozjati sa issa, għall-proposta tagħha għal Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta 8 , u r-rinforzi diskussi hawn fuq. Il-ħarsa ġenerali sħiħa programm programm tal-qafas finanzjarju pluriennali li tinkorpora Next Generation EU hija ppreżentata fl-Anness

ØGħodod ta’ emerġenza aktar flessibbli

Lil hinn mill-programmi individwali, il-kriżi enfasizzat kemm huwa importanti li l-Unjoni tkun tista’ tirreaġixxi malajr u b’mod flessibbli biex tistabbilixxi rispons Ewropew ikkoordinat. Dan imbagħad jeħtieġ baġit tal-UE aktar flessibbli. Il-konsegwenzi kbar tal-kriżi tas-saħħa malajr eżawrew il-flessibilità tal-baġit attwali. Baġit aktar flessibbli u aġili huwa meħtieġ għall-futur, li jista’ jinkiseb biss permezz ta’ strumenti speċjali mfassla tajjeb.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jissaħħu l-flessibbiltà u l-għodod ta’ emerġenza li jistgħu jimmobilizzaw ir-riżorsi fil-livell ta’ skala biex jiġu indirizzati sfidi mhux previsti, bħall-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri u r-reġjuni milquta minn diżastri fuq skala kbira, u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jappoġġa lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar.

Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza msaħħa b’mod sinifikanti se ssaħħaħ l-azzjoni tal-UE b’reazzjoni għall-aspetti kollha tal-kriżi tas-saħħa, kif ukoll emerġenzi oħra. Il-fondi jistgħu jiġu allokati biex jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza kif u meta meħtieġ permezz ta’ strumenti tal-UE bħall-għajnuna umanitarja, l-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza, il-Programm tas-Suq Uniku, bil-miżuri veterinarji u fitosanitarji ta’ emerġenza tiegħu, jew il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni.

Flimkien, dawn l-istrumenti jipprovdu sa EUR 21 biljun f’finanzjament ta’ emerġenza addizzjonali matul il-perjodu 2021-2027 meta mqabbla mal-proposti tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2018.

3.Kif nagħmluha realtà: Next Generation EU

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ rkupru proposti se jiġu mħaddma minn strument ta’ rkupru temporanju ġdid Next Generation EU b’qawwa finanzjarja ta’ EUR 750 biljun. L-istrument se jkun mekkaniżmu ta’ emerġenza eċċezzjonali u temporanju. Il-finanzjament se jkun possibbli permezz tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li se tippermetti lill-Kummissjoni biex tissellef sa EUR 750 biljun f’isem l-Unjoni, għal miżuri matul il-perjodu 2021-2024.

Biex tipprovdi l-kapaċità baġitarja meħtieġa biex jiġu akkomodati r-responsabbiltajiet potenzjali relatati mal-finanzjament ta’ Next Generation EU u skont ir-rekwiżiti ta’ dixxiplina baġitarja, id-Deċiżjoni riveduta dwar ir-Riżorsi Proprji se tinkludi żieda eċċezzjonali u temporanja tal-limiti massimi tar-riżorsi proprji għall-impenji u l-pagamenti b’0,6 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE. L-espansjoni tal-limiti massimi se tintuża biss għall-fini li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ kriżi tal-COVID 19 u limitata għat-tul meħtieġ biex jiġu koperti dawn l-obbligazzjonijiet.

L-iskala ta’ Next Generation EU u t-tfassil tiegħu jirriflettu l-kobor u l-urġenza tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal investimenti urġenti li jqumu wara l-kriżi huma bla preċedent. Rispons deċiżiv u straordinarju fil-livell tal-Unjoni huwa għalhekk meħtieġ. In-natura mingħajr preċedent ta’ din l-operazzjoni u l-ammont eċċezzjonali ta’ dawk il-fondi jeħtieġu li jankraw fis-sistema tar-riżorsi proprji, li hija approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom. 

Appoġġ addizzjonali ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali miżjuda immedjatament wara l-kriżi jkompli jżid il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, huwa kompletament iġġustifikat li jintuża mekkaniżmu ta’ finanzjament li jipprovdi spinta ta’ nfiq sinifikanti u f’waqtha mingħajr ma jiżdiedu d-djun nazzjonali, bħala espressjoni ta’ solidarjetà fi skala proporzjonata mal-kriżi.

Is-self se jibni fuq ir-rekord b’saħħtu tal-Unjoni tal-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq biex jiġu appoġġati l-investiment u r-riformi fl-Istati Membri. L-Unjoni se tissellef fuq il-bażi tas-swieq finanzjarji b’kundizzjonijiet li jirriflettu l-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja ħafna tagħha u tidderieġi dawn il-fondi malajr sa fejn ikunu l-aktar meħtieġa.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se toħroġ bonds b’maturitajiet differenti fis-swieq kapitali, billi tagħmel l-aħjar użu mill-kapaċità ta’ dawn is-swieq biex jassorbu tali bonds filwaqt li tiżgura l-inqas kost medju tas-self. Strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħal din tippermetti lill-Kummissjoni twettaq operazzjonijiet ta’ self b’mod l-aktar adattat għall-iskala tal-operazzjonijiet u l-ambjent prevalenti tas-suq.

EUR 500 biljun mill-fondi allokati permezz ta’ Next Generation EU se jintużaw biex jiffinanzjaw il-komponent ta’ għotja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jsaħħu l-programmi ewlenin oħra ta’ kriżi u rkupru. Il-bqija tal-finanzjament mobilizzat permezz tal-istrument ta’ EUR 250 biljun se jsir disponibbli għall-Istati Membri fil-forma ta’ self permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-fondi miġbura se jitħallsu lura wara l-2027 u sa mhux aktar tard mill-2058. Dan se jgħin biex tittaffa l-pressjoni fuq il-baġits tal-Istati Membri fi żmien meta l-finanzi pubbliċi huma taħt pressjoni qawwija, filwaqt li jiġi żgurat li l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dan il-ħruġ ta’ dejn se jiġu onorati minn baġits futuri tal-UE. Biex tiffaċilita l-ħlas lura tal-finanzi tas-suq miġbura u tgħin aktar tnaqqas il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, il-Kummissjoni se tipproponi riżorsi proprji ġodda addizzjonali fi stadju aktar tard tal-perjodu finanzjarju.

B’ħarsitha lejn il-futur: nirriformaw is-sistema tar-riżorsi proprji

Il-kuntest ekonomiku ġdid u l-ġestjoni sostenibbli tal-ħlas lura ta’ fondi miġbura taħt Next Generation EU isaħħu l-każ għar-riforma fundamentali ta’ kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE.

Il-Kummissjoni tibqa’ tal-fehma li l-eliminazzjoni gradwali tat-tnaqqisiet kollha se jagħmel il-qafas finanzjarju pluriennali aktar ibbilanċjat. Madankollu, f’din is-sitwazzjoni, minħabba l-impatt ekonomiku tal-pandemija COVID-19, l-eliminazzjoni gradwali tat-tnaqqisiet ikun jinvolvi żidiet sproporzjonati ta’ kontribuzzjonijiet għal ċerti Stati Membri fl-2021-2027. Biex dan jiġi evitat, it-tnaqqisiet attwali jistgħu jitneħħew gradwalment fuq perjodu ta’ żmien ħafna itwal minn dak previst mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha fl-2018.

Riżorsi proprji ġodda jikkumplimentaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali, riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud u kontribuzzjonijiet nazzjonali, kif ukoll riżorsi proprji ġodda bbażati fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat. Se jibnu fuq il-prijoritajiet u l-politiki tal-UE bil-għan li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, iżda wkoll tassazzjoni ġusta f’dinja globalizzata.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti riżultati skont il-Patt Ekoloġiku. F’dan il-kuntest, ir-riżorsi proprji ekoloġiċi jistgħu jikkontribwixxu għall-isforz ta’ rkupru, filwaqt li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropea. L-għażliet jistgħu jinkludu riżorsa proprja bbażata fuq is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet inkluża l-estensjoni possibbli tagħha għas-setturi marittimi u tal-avjazzjoni, u mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera.

Riżorsa proprja bbażata fuq is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet kif diskussa fil-Kunsill Ewropew f’Frar 2020 tippermetti lill-Istati Membri jżommu l-istess ammont ta’ dħul li rċevew mill-irkant tul perjodu reċenti. Kull dħul iġġenerat mis-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet li jaqbeż dan il-massimu jmur għall-baġit tal-UE. Riżorsi proprji bħal dawn jistgħu jiġġeneraw dħul għall-baġit tal-UE ta’ madwar EUR 10 biljun, skont l-evoluzzjoni tal-prezz tal-karbonju u l-estensjoni tas-sistema għal setturi oħra.

Fl-istess ħin, se jkun importanti li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-UE jikkompetu ma’ kumpaniji mhux tal-UE b’kundizzjonijiet ekwi. Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju għall-fruntiera jgħin biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, li jdgħajjef l-isforzi tal-UE lejn tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera jista’ jġib dħul addizzjonali li jvarja minn madwar EUR 5 biljun sa EUR 14-il biljun, skont il-kamp ta’ applikazzjoni u d-disinn.

Il-kumpaniji li jieħdu benefiċċji kbar mis-suq uniku tal-UE u li se jissopravivu l-kriżi, anki bis-saħħa tal-appoġġ dirett u indirett tal-UE u dak nazzjonali, jistgħu jikkontribwixxu biex terġa’ tinbena fil-fażi ta’ rkupru. Dan jista’ jinkludi riżorsa proprja bbażata fuq operazzjonijiet ta’ intrapriżi li, skont id-disinn tiegħu, jistgħu jrendu madwar EUR 10 biljun fis-sena.

Taxxa diġitali tkun tibni fuq il-ħidma tal-OECD fuq it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti; il-Kummissjoni tappoġġa attivament id-diskussjonijiet immexxija mill-OECD u l-G20 u tinsab lesta biex taġixxi jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim globali. Taxxa diġitali applikata fuq kumpaniji b’fatturat ta’ aktar minn EUR 750 miljun tista’ tiġġenera sa EUR 1,3 biljun fis-sena għall-baġit tal-UE.

Dawn ir-riżorsi proprji ġodda jistgħu jgħinu biex jiffinanzjaw ir-ripagament u l-interess fuq il-finanzjament tas-suq miġbur taħt Next Generation EU. Jekk jiġu introdotti sal-2024, il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 jistgħu jonqsu bħala sehem mill-ekonomija tagħhom meta mqabbla mal-pagamenti tagħhom fl-2020.

Il-flussi ta’ dħul u ta’ pagament kollha bbażati fuq Next Generation EU se jkunu addizzjonali għall-approprjazzjonijiet allokati matul il-proċedura baġitarja annwali, u għaldaqstant mhux se jkollhom impatt fuq il-bilanċ baġitarju. Dawn il-flussi, inkluż l-imgħax imħallas, se jintwerew b’mod distint fil-baġit biex juru l-karattru temporanju u eċċezzjonali tagħhom u biex jipprovdu trasparenza sħiħa 9 .

Barra minn hekk, l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-Coronavirus jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat biżżejjed spazju fiskali għall-Unjoni f’każijiet ta’ xokkijiet ekonomiċi li jwasslu għal tnaqqis fl-introjtu nazzjonali gross. Sabiex jiġi ppreservat marġni suffiċjenti skont il-limiti massimi tar-riżorsi proprji għall-Unjoni biex tkopri l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti tagħha li jkunu dovuti f’sena partikolari, anki taħt l-aktar żviluppi ekonomiċi negattivi, il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-limiti massimi tar-riżorsi proprji fuq bażi permanenti għal 1,46 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE għall-impenji u għal 1,40 % għall-pagamenti.

4.Konklużjoni – it-triq lejn ftehim rapidu dwar baġit ambizzjuż għall-irkupru Ewropew

F’dan iż-żmien ta’ tbatija u inċertezza straordinarja, l-Unjoni teħtieġ aktar minn qatt qabel li turi li hija lesta u disposta li taġixxi b’mod deċiżiv u tfassal triq lejn ġejjieni aħjar. Ftehim dwar pjan ambizzjuż ta’ rkupru bil-baġit tal-UE fil-qalba tiegħu se jagħti lill-Unjoni l-aħjar ċans ta’ suċċess possibbli.

Next Generation EU se jisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-UE biex jagħti spinta lill-ekonomija u jsaħħaħ is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Jibni fuq l-esperjenza tal-Unjoni li tuża l-finanzjament tas-suq u jespandih biex jikseb l-iskala ta’ appoġġ li hija meħtieġa b’mod urġenti fiċ-ċirkostanzi tal-lum.

Qafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ għall-2021-2027 se jiggwida lill-Unjoni lura mill-kriżi lejn il-mogħdija tal-irkupru fit-tul, billi jipprovdi finanzjament essenzjali għal ħtiġijiet immedjati u għal investimenti fit-tul fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Is-suċċess tal-pjan ta’ rkupru se jiddependi mhux biss fuq l-iskala u l-ambizzjoni tagħha, iżda wkoll fuq il-ħeffa tal-azzjoni u l-abbiltà li tiġi aġġustata r-reazzjoni fid-dawl tal-iżviluppi. Hemm bżonn urġenti ta’ appoġġ finanzjarju f’ħafna partijiet tal-Unjoni biex in-negozji jibqgħu f’wiċċ l-ilma u jiġu appoġġati dawk li l-aktar għandhom bżonn. Fadal ukoll ftit żmien biex jintlaħaq qbil dwar il-qafas fit-tul – iżda għadu mhux tard wisq. Ftehim rapidu se jippermetti li l-programmi msaħħa jiġu mnedija fil-ħin.

Il-Kummissjoni tikkondividi d-determinazzjoni tal-Parlament Ewropew li jiżgura li jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas fit-tul il-ġdid. Madankollu, l-estensjoni tal-qafas attwali mhuwiex sostitut għal ftehim komprensiv dwar baġit fit-tul ġdid u modern. Dan huwa l-uniku mod biex l-Unjoni tiġi mgħammra bil-programmi u l-għodod ġodda li se jkunu essenzjali biex jitwettaq il-pjan ta’ rkupru. Għaldaqstant jenħtieġ li l-fokus sħiħ u indiviż tal-ħidma interistituzzjonali fil-ġimgħat li ġejjin ikun fuq il-finalizzazzjoni ta’ Next Generation EU u l-qafas fit-tul il-ġdid.

Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-koleġiżlaturi biex jeżaminaw malajr dawn il-proposti, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil politiku fil-livell tal-Kunsill Ewropew sa Lulju. 

Deċiżjoni bikrija dwar il-proposta biex jiġi emendat il-qafas attwali se tippermetti finanzjament addizzjonali li għandu jsir immedjatament disponibbli għal REACT-EU, l-Istrument ta’ Appoġġ tas-Solvenza u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jirrifletti l-urġenza ta’ dawn il-ħtiġijiet.

Il-Kummissjoni imbagħad se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiffinalizza ftehim dwar il-qafas futur fit-tul u l-programmi settorjali li jakkumpanjawha. It-tlestija ta’ dan ix-xogħol fil-bidu tal-ħarifa tfisser li l-baġit il-ġdid fit-tul jista’ jkun operattiv u jmexxi l-irkupru tal-Ewropa fl-1 ta’ Jannar 2021.

Azzjoni issa se turi li l-Unjoni hija lesta li tagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex l-ekonomija terġa’ lura fi triqtha, biex tipproteġi l-għajxien tal-Ewropej kollha, u biex tinvesti fit-tranżizzjoni fit-tul tal-Ewropa għal futur aktar ġust, aktar ekoloġiku u diġitali.

EUR biljuni, prezzijiet tal-2018

(1)      COM(2020) 456.
(2)      SWD(2020) 98.
(3)      Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-ammonti huma espressi fi prezzijiet kostanti tal-2018.
(4)      Fuq il-bażi ta’ suppożizzjoni konservattiva dwar il-multiplikaturi mistennija u r-riżultati miksuba minn strumenti kumparabbli. Madankollu, l-akkuratezza tal-multiplikaturi mistennija tista’ tiġi affettwata mill-volatilità tas-sitwazzjoni ekonomika attwali.
(5)     Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, riaffermata mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta’ rkupru.
(6)      Konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza tal-Membri tal-Kunsill Ewropew, 23 ta' April 2020.
(7)      EUR 1,25 biljun minn rimborżi minn strumenti finanzjarji preċedenti u EUR 250 miljun mill-baġit.
(8)      COM(2020) 22, COM(2020) 23.
(9)      Il-kostijiet tas-self għall-komponent ta’ għotja ta’ Next Generation EU se jitħallsu mill-baġit tal-UE. Huwa stmat li dawn il-kostijiet se jammontaw għal EUR 17,4 biljun matul il-qafas finanzjarju 2021-2027.
Top

Brussell, 27.5.2020

COM(2020) 442 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI












































Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa




























FAĊILITÀ GĦALL-IRKUPRU U R-REŻILJENZA  

Objettiv: Appoġġ għal investimenti u riformi biex l-ekonomiji tal-UE jsiru aktar reżiljenti u jitrawwem it-tkabbir sostenibbli

Mekkaniżmu: Għotjiet u self 

Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni

ØIl-kriżi tal-COVID-19 se taffettwa serjament l-Istati Membri kollha. Madankollu, l-impatt u l-konsegwenzi tal-kriżi se jvarjaw bejn l-Istati Membri. L-għan tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkun li tittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri, jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi u jiġi appoġġat l-irkupru, filwaqt li jitrawmu tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk tiġi evitata l-kriżi li timmina l-konverġenza bejn l-Istati Membri.

ØL-impatt fi żmien medju tal-kriżi tal-COVID-19 se jiddependi b’mod kritiku fuq kemm idumu u fuq is-severità tal-miżuri ta' lockdown, il-kompożizzjoni tal-output u l-miżuri tal-politika ekonomika meħuda biex itaffu l-impatt immedjat tal-kriżi. Il-konsegwenzi fuq żmien medju u twil tal-kriżi se jiddependu fuq kemm l-ekonomiji tal-Istati Membri jirkupraw mill-Kriżi, li min-naħa l-oħra jiddependu fuq ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħhom u l-abilità li jieħdu miżuri adegwati. Fid-dawl ta’ pożizzjonijiet fiskali inizjali inekwi u rati ta’ infezzjoni differenti sew u l-grad tal-emerġenza tas-saħħa pubblika, hemm riskju reali li l-kriżi tal-COVID-19 se twassal għal twessigħ ulterjuri tad-diverġenzi fl-UE. Dan ikollu impatt ekonomiku, soċjali u politiku negattiv għoli u mhux sostenibbli - jekk ma jkunx indirizzat.

ØIl-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se toffri appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investimenti u r-riformi, anki fil-qasam tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li jagħmlu l-ekonomiji aktar reżiljenti, u mħejjija aħjar għall-futur. Se tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw, b’mod saħansitra aktar kritiku wara l-kriżi. B’mod kruċjali, se tiżgura wkoll li dawn l-investimenti u r-riformi jiffokaw fuq l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk jiġi żgurat irkupru sostenibbli. B’hekk, il-Faċilità se tirreaġixxi kontra tendenzi possibbli li jitwarrab investiment fit-tul fit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħna fis-segwitu tal-kriżi. Il-Faċilità se tkun akkumpanjata mill-offerta ta’ appoġġ tekniku sinifikanti.

Implimentazzjoni

ØIl-Faċilità se jkollha qawwa sinifikanti u se tkun programm ewlieni ta’ Next Generation EU bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali rivedut. Se tipprovdi kemm għotjiet kif ukoll self biex jiġu ffinanzjati ħtiġijiet ta’ investiment u ta’ riforma.

ØIl-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun inkorporata fis-Semestru Ewropew. L-Istati Membri se jippreżentaw pjanijiet nazzjonali ta’ Rkupru u Reżiljenza bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Dawn il-pjanijiet se jkun fihom l-aġenda ta’ investiment u riforma tagħhom għas-snin li ġejjin, kif ukoll il-pakketti ta’ investiment u riforma li għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-Faċilità. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-pjanijiet fuq il-bażi tal-impatt tagħhom fuq ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tas-sostenibbiltà kompetittiva, it-tkabbir sostenibbli, u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Istati Membri.

ØL-allokazzjoni tar-riżorsi se tkun espressjoni tal-objettiv tal-istrument: li tiffaċilita rkupru dejjiemi, ittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomiji tal-UE u tnaqqas id-diverġenzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri. L-ebda kofinanzjament nazzjonali mhu se jkun meħtieġ.

Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali

ØIl-Faċilità se tkun parti mis-Semestru Ewropew. Investimenti ppreżentati permezz tal-pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza jenħtieġ li jkunu koerenti mal-istrateġiji fit-tul tal-Unjoni, partikolarment il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali, mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima tal-Istati Membri, kif ukoll mal-pjanijiet ta’ Tranżizzjoni Ġusta fejn ikunu rilevanti.

ØIl-Faċilità se tkun kumplimentari għall-assistenza ta’ rkupru għall-koeżjoni (REACT-EU), li se tiffoka fuq l-azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi fi żmien qasir relatati mas-swieq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-SMEs (appoġġ għal-likwidità u s-solvenza), u investimenti essenzjali fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biex tipprovdi appoġġ immedjat u dirett lill-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-Faċilità għall-Ikupru u r-Reżiljenza se tappoġġa investimenti u riformi li se jkollhom impatt dejjiemi fuq il-produttività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri.

ØFil-pjanijiet tagħhom ta’ rkupru u reżiljenza l-Istati Membri se jindikaw finanzjament ippjanat jew eżistenti permezz ta' politiki oħra tal-Unjoni u kif se tkun żgurata l-kumplimentarjetà bejn dawn l-investimenti. Deċiżjonijiet biex ikun ipprovdut appoġġ finanzjarju lil Stat Membru mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tikkunsidra l-miżuri ffinanzjati minn fondi u programmi oħra tal-Unjoni, biex b’hekk ikun evitat finanzjament doppju. Fl-aħħar nett, investimenti u riformi li se jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkunu identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, biex b’hekk tkun żgurata l-addizzjonalità u jkun iffaċilitat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

Aspetti Finali

L-envelop finanzjarju tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mobilizzat minn Next Generation EU se jkun ta’ EUR 560 biljun li minnhom EUR 310 biljun għal għotjiet u EUR 250 biljun għal self.

ASSISTENZA TA’ RKUPRU GĦALL-KOEŻJONI

U T-TERRITORJI TAL-EWROPA (REACT -EU)

Objettiv: Investiment f’azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi fuq żmien qasir

Mekkaniżmu: Prinċipalment għotjiet

Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni

ØIl-politika ta’ koeżjoni se tkun kruċjali biex tiżgura rkupru bbilanċjat, waqt li tevita li jikbru l-assimetriji u d-diverġenzi bejn l-Istati Membri u fihom. Se tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-aktar milquta mit-tifqigħa tal-COVID-19. L-inizjattiva l-ġdida REACT-EU għandha l-għan li żżid l-appoġġ lill-Istati Membri, waqt li xxejjen il-lakuna bejn il-miżuri tal-ewwel rispons u l-irkupru fuq żmien twil.

ØREACT-EU se tipprovdi finanzjament addizzjonali għall-aktar setturi importanti li jassistu l-azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi li se jkunu neċessarji biex jinbena l-pedament għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti.

ØDan se jinvolvi investiment biex jirriabilità s-swieq tax-xogħol, anki permezz ta’ sussidji tal-impjiegi, skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ, appoġġ għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u provvediment ta’ appoġġ essenzjali ta’ likwidità għall-kapital operatorju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Tali appoġġ se jkun disponibbli għas-setturi ekonomiċi kollha, anki għas-setturi tat-turiżmu u tal-kultura li ntlaqtu ħażin ħafna; minħabba li dawn jifformaw parti kbira ta’ xi ekonomiji tal-UE l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19, REACT-EU jista’ wkoll jibbilanċja xejriet ta’ diverġenzi li qegħdin jiżdiedu fl-Unjoni.

ØL-appoġġ addizzjonali jista’ jintuża biex isir investiment fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fit-tranżizzjoni diġitali bħala parti mill-miżuri ta’ riabilitazzjoni tal-kriżi, biex isaħħaħ l-investiment sinifikanti f’dawk l-oqsma li diġà qiegħed isir u huwa ppjanat permezz ta’ programmi ta’ koeżjoni.

ØIt-tifqigħa tal-COVID-19 qiegħed ikollha wkoll impatt qawwi fuq l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna. Għalhekk, parti mir-riżorsi addizzjonali tista’ tintuża wkoll biex tappoġġa persuni li jbatu minn privazzjoni alimentari u materjali.

Implimentazzjoni

ØIl-programmi ta’ koeżjoni tal-2014-2020 qabdu sew. Huma adattabbli u flessibbli, b’mod partikolari wara emendi bħala parti mill-pakketti tal-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. Se jkomplu jappoġġaw il-kostijiet għal proġetti eliġibbli sa tmiem l-2023.

ØTaħt REACT-EU, il-programm ta’ koeżjoni kurrenti se jirċievi appoġġ addizzjonali għall-miżuri ewlenin ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi., fl-2020, fl-2021 u fl-2022. L-impenji addizzjonali se jkunu implimentati permezz tal-emendi tal-programm jew programm ġdid dedikat ippreżentat mill-Istati Membri u adottat mill-Kummissjoni.

ØIr-riżorsi addizzjonali se jkunu allokati fuq il-bażi tal-gravità tal-impatti ekonomiċi u soċjali tal-kriżi u tal-prosperità relattiva tal-Istati Membri. Il-flessibilità addizzjonali provduta permezz l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus se tkompli. Dan jinkludi proċeduri simplifikati, il-possibilità li jkunu trasferiti r-riżorsi bejn il-fondi u l-kategoriji tar-reġjuni, u laxkar tar-regoli dwar il-kofinanzjament - biex b’hekk jippermetti l-iffinanzjar sħiħ mill-baġit tal-UE.

Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali

ØREACT-EU se tkun komplementari għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u għall-appoġġ eżistenti tal-politika ta’ koeżjoni. Hija se tiffoka fuq l-azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi fi żmien qasir relatati mas-swieq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-SMEs (appoġġ ta’ likwidità għall-kapital operatorju), u investimenti essenzjali fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biex tipprovdi appoġġ immedjat u dirett lill-ekonomiji tal-Istati Membri, waqt li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tappoġġa investimenti u riformi li se jkollhom impatt dejjiemi fuq il-produttività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri. 

ØREACT-UE se tkun ukoll komplementari għall-proposti għall-programmi futuri tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027. Dawn il-proposti qegħdin ikunu aġġustati biex jagħtu appoġġ aktar b’saħħtu lill-investimenti f’oqsma bħar-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, f’setturi bħat-turiżmu u l-kultura, jew f’miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ, edukazzjoni u ħiliet u miżuri li jikkombattu l-faqar fost it-tfal. Huma se jiżguraw ukoll appoġġ xieraq għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Se jipprovdu aktar flessibilità għat-trasferimenti bejn il-fondi u jintroduċu provvedimenti ġodda biex jippermettu reazzjoni rapida f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Rieżami ta’ allokazzjonijiet ta’ koeżjoni nazzjonali fl-2024 se jiżguraw appoġġ addizzjonali xieraq lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-aktar fil-bżonn, waqt li jikkunsidraw l-aħħar statistika nazzjonali u reġjonali disponibbli .

Aspetti Finali

ØIr-Riżorsi ta’ REACT-EU se jkunu EUR 55 biljun li għandhom ikunu impenjati fl-2020, fl-2021 u fl-2022.

INVEST EU

(INKLUŻA FAĊILITÀ TA' INVESTIMENT STRATEĠIKU)

Objettiv: L-immobilizzar tal-investiment biex jappoġġa l-irkupru u t-tkabbir fuq żmien twil, inkluża faċilità ġdida biex tippromwovi l-investimenti f’katini tal-valur Ewropej Strateġiċi

Mekkaniżmu: Proviżjonament għall-garanzija tal-baġit

Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni

ØIl-Programm InvestEU huwa unikament xieraq biex jipprovdi finanzjament ta’ emerġenza u biex jappoġġa politiki tal-Unjoni fi rkupru minn kriżi ekonomika profonda. Dan ħareġ mill-esperjenza bl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u tal-istrumenti finanzjarji — il-prekursuri ta’ InvestEU — fid-dawl tal-kriżi finanzjarja preċedenti.

ØFil-kriżi attwali, l-allokazzjoni tas-suq tar-riżorsi finanzjarji mhix kompletament effiċjenti u ir-riskju perċepit ifixkel il-fluss ta’ investiment privat b’mod sinifikanti. Inċertezza profonda bħalissa tikkomprometti l-kwalità tal-informazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-abilità tal-mutwanti li jivvalutaw il-vijabilità tal-kumpaniji u tal-proġetti ta’ investiment. Jekk ma tkunx ikkontrollata, din tista’ toħloq averżjoni mifruxa għar-riskju lejn il-proġetti ta’ investiment privat u tikkontribwixxi għal “kriżi tal-kreditu”. F’tali ċirkostanzi, il-fattur ewlieni ta’ InvestEU li jneħħi r-riskju mill-proġetti biex idaħħal finanzjament privat huwa partikolarment ta’ valur u jenħtieġ li jkun sfruttat.

ØIl-programm InvestEU imsaħħaħ ikun jista’ jipprovdi appoġġ kruċjali lill-kumpaniji fil-fażi ta’ rkupru u fl-istess waqt jiżgura li l-investituri jiffukaw sew fuq il-prijoritajiet fuq żmien medju u twil tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-isfida tad-diġitalizzazzjoni. Se jżid il-kapaċità għat-teħid tar-riskju tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku.

ØIl-programm se jissaħħaħ ulterjorment permezz ta’ Faċilità ta' Investiment Strateġiku li se tiffoka fuq il-bini ta’ katini tal-valur reżiljenti skont l-aġenda strateġika tal-Unjoni u l-istrateġija industrijali l-ġdida preżentata mill-Kummissjoni. Tali proġetti jistgħu jinkludu Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni jew proġetti b’karatteristiċi simili, pereżempju fl-industrija farmaċewtika.

ØFaċilità bħal din hija ta’ importanza partikolari fis-sitwazzjoni ta’ wara l-kriżi, minħabba li ċerti Stati Membri jaf ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji biex jappoġġaw tali proġetti b’għajnuna mill-Istat nazzjonali, u ħafna proġetti huma transfruntiera u jeħtieġu approċċ Ewropew. Il-faċilità l-ġdida se tgħin biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet.

Implimentazzjoni

ØIl-karatteristiċi ta’ erba’ sezzjonijiet tal-politika ta’ InvestEU diġà ġew miftehma mill-koleġiżlaturi, iżda l-qawwa finanzjarja tagħhom se tiżdied. Il-kapaċità tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni li jipprovdu finanzjament se tiżdied bl-istess mod.

ØIl-Faċilità ta' Investiment Strateġiku l-ġdida se tkun il-ħames settur tal-fond InvestEU bħala parti importanti tal-pakkett ta’ rkupru. Il-Faċilità se tappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ katini tal-valur b’saħħithom u reżiljenti madwar l-UE. Billi tiffoka fuq il-katini tal-valur, il-Faċilità se ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-ekonomija tal-Unjoni waqt li tipprovdi riżorsi mill-UE biex korporattivi li huma strateġikament importanti jirnexxu u jikbru. Il-Faċilità se tiffoka fuq korporattivi stabbiliti u li joperaw fl-Unjoni Ewropea li l-attivitajiet tagħhom huma ta’ importanza strateġika u li jaqgħu taħt oqsma bħall-infrastruttura u teknoloġija kritika u provvedimenti kritiċi tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, se tappoġġa katini tal-valur strateġiċi pereżempju fis-saħħa intelliġenti, l-internet tal-oġġetti industrijali, l-industrija b’emissjonijiet baxxi tas-CO2 u ċ-ċibersigurtà. Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu fihom infushom aktar riskjużi fl-ambjent tan-negozju ta’ wara il-COVID fid-dawl li l-promoturi huma aktar esposti għar-riskju tad-domanda u l-forniment. Investimenti fit-tul għaldaqstant se jkollhom rwol kruċjali biex isaħħu l-kumpaniji li jimplimentaw proġetti ta’ importanza strateġika għolja. 

Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali

ØIl-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku se tkun komplementari għall-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza fil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa strument immedjat u temporanju maħsub biex jipprovdi appoġġ għall-ħtiġijiet ta’ solvenza tal-kumpaniji l-aktar affettwati mill-kriżi tal-COVID-19, bil-għan li jibnu mill-ġdid il-pożizzjoni kapitali tagħhom bħala miżura ta' rispons għall-kriżi.

ØIl-Faċilità ta' Investiment Strateġiku se tħares aktar ’il quddiem bl-approċċ tagħha, billi tgħin fil-bini tas-swieq wara l-kriżi, billi tiffoka fuq l-appoġġ tal-proġetti rilevanti biex tinkiseb awtonomija strateġika f’katina tal-valur ewlenin fis-suq uniku billi tappoġġa l-iskalar tal-proġetti bbażati fl-UE permezz ta’ investimenti transfruntiera.

Aspetti Finali

ØIl-kontibuzzjoni finanzjarja addizzjonali minn Next Generation EU ta’ EUR 15,3-il biljun għas-setturi ta’ politika eżistenti u EUR 15-il biljun għas-settur tal-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku biljun se jwassal l-allokazzjoni totali ta’ InvestEU għal livell ta’ EUR 30,3 biljun. Dan jippermetti livell ta’ garanzija ta’ EUR 72 biljun, li jippermetti livell ta’ investiment kumplessiv sa EUR 400 biljun.

STRUMENT TA’ APPOĠĠ GĦAS-SOLVENZA

Objettiv: L-immobilizzar ta’ investiment privat biex jipprovdi appoġġ għas-solvenza lill-kumpaniji vijabbli milquta mill-kriżi

Mekkaniżmu: Proviżjonament għall-garanzija tal-baġit

Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni

ØBħalissa, il-kumpaniji qegħdin jirċievu appoġġ ta’ likwidità sostanzjali biex jgħinhom jgħaddu fil-perjodu ta’ kriżi, prinċipalment permezz tal-baġits nazzjonali taħt l-appoġġ temporanju tal-għajnuna mill-Istat lill-ekonomija fil-kuntest tal-COVID-19. Madankollu, b’konsegwenza tal-kriżi, aktar u aktar kumpaniji li kieku kienu jkunu vijabbli se jiffaċċaw problemi ta’ solvenza u l-appoġġ ta’ likwidità mhux se jkun biżżejjed. Dan huwa parzjalment relatat mal-fatt li l-appoġġ ta’ likwidità tipikament jikkonsisti f’self, li jista’ jdgħajjef ulterjorment il-karta bilanċjali korporattivi moinħabba li ħafna kumpaniji raw żieda stabbli fl-ingranaġġ fis-snin riċenti. Dan ifisser li n-negozji tal-UE daħlu għall-kriżi f’qagħda finanzjarja relattivament dgħajfa u x’aktarx li jaraw deterjorament rapidu tal-qligħ tal-kumpanija u l-pożizzjonijiet ta’ ekwità hekk kif tiżviluppa r-reċessjoni.

ØStimi inizjali jindikaw li, f’każ li x-xenarju ekonomiku ta’ referenza mit-Tbassir tar-Rebbiegħa jimmaterjalizzaw, it-telf totali li għandu jkun imġarrab mill-kumpaniji li għandhom aktar minn 20 impjegat jista’ jammonta għal EUR 720 biljun sa tmiem is-sena. Dan it-telf jiżdied għal madwar EUR 1,2 triljun fix-xenarju ta’ kriżi. Il-kumpaniji jistgħu parzjalment ikopru t-telf imġarrab billi joqogħdu fuq l-assi likwidi u l-kapital operatorju, iżda f’ħafna każijiet dwar il-bafers mhux se jkunu suffiċjenti. L-estimi juru li bejn 35 % u 50 % tal-kumpaniji b’aktar minn 20 impjegat jistgħu jesperjenzaw defiċit ta’ kapital operatorju sa tmiem is-sena, skont jekk ix-xenarju ċentrali jew ix-xenarju ta’ kriżi jsirux realtà. Dan ifisser li sa 260 000 kumpanija Ewropea li jimpjegaw madwar 35 miljun impjegat jistgħu jesperjenzaw nuqqas ta’ finanzjament fil-każ tax-xenarju avvers. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-ekosistemi industrijali Ewropej jiddependu fuq ktajjen ta’ provvista kumplessi mifruxa madwar l-Istati Membri fis-Suq Uniku. Jekk ma jiġux indirizzati, dan id-defiċit ta’ kapital jista’ jwassal għal perjodu twil ta’ investiment aktar baxx u qgħad ogħla. L-impatt tad-defiċit ta’ kapital se jkun inugwali bejn is-setturi, l-ekosistemi industrijali u l-Istati Membri, li jwassal għal diverġenzi fis-Suq Uniku, u ħsara dejjiema lill-potenzjal produttiv tagħna u lill-kapaċità li nirkupraw mir-reċessjoni.

ØL-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa strument ġdid u temporanju maħluq bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex jevita għadd kbir ta’ defiċit ta’ kapital u inadempjenzi possibbli ta’ kumpaniji li f’sitwazzjonijiet oħra kienu jkunu vijabbli minħabba l-kriżi tal-COVID-19. Se jgħin biex jimmobilizza r-riżorsi privati biex jappoġġaw kumpaniji Ewropej vijabbli biex jindirizzaw tħassib ta’ insolvenza. Se jkun temporanju, immirat biss u strettament biex jindirizza l-impatt tal-COVID-19.

ØF’xi Stati Membri, l-Istat se jkollu l-kapaċità li jidħol biex jappoġġa dawk il-kumpaniji. F’oħrajn, il-kapaċità għall-appoġġ mill-Istat se tkun aktar limitata. L-effetti ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19kienu wkoll differenti madwar l-Istati Membri. Jekk ma jkunux indirizzati, tali differenzi jwasslu għal distorsjoni permanenti tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u twessigħ akbar tad-diverġenzi ekonomiċi fl-Unjoni. L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jibbilanċja tali distorsjonijiet u jappoġġa l-funzjonament bla intoppi tas-suq uniku.

Implimentazzjoni

ØL-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jipprovdi garanzija tal-Unjoni lill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jimmobilizza kapital biex jappoġġa kumpaniji eliġibbli li jkunu sofrew impatt negattiv mill-kriżi tal-COVID-19.

ØFilwaqt li jiġi żgurat li l-Istati Membri u s-setturi kollha jistgħu jibbenefikaw mill-garanzija tal-Unjoni, l-użu tal-garanzija tal-Unjoni se jkun indirizzat lejn l-Istati Membri u s-setturi li ntlaqtu l-aktar ekonomikament mill-kriżi tal-COVID-19, u lill-kumpaniji fl-Istati Membri fejn id-disponibbiltà tal-appoġġ għas-solvenza mill-Istat huwa aktar limitat.

ØIl-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment se juża l-garanzija tal-Unjoni biex inaqqas ir-riskju għall-investituri privati li jinvestu f’kumpaniji eliġibbli billi jipprovdi garanziji jew finanzjament għall-istrumenti ta’ investiment (fondi ġestiti privatament jew Veikolu bi Skop Speċjali) li huma ġestiti b’kundizzjonijiet kummerċjali, b’hekk jimmobilizza riżorsi privati biex jappoġġaw tali korporattivi. Dan se jippermetti lill-kumpaniji eliġibbli jfittxu kapital ġdid minn investituri privati, biex b’hekk isaħħu l-bażi tal-kapital tagħhom u jindirizzaw ir-riskji għas-solvenza tagħhom. Sistema intermedjata bħal din tiżgura li l-maniġers indipendenti tal-istrumenti ta’ investiment biss se jiddeċiedu dwar liema kumpaniji se jkunu appoġġati. L-involviment tas-settur privat bħala investituri potenzjali se jippermetti forniment aktar immirat ta’ kapital lil kumpaniji li huma ġenwinament vijabbli.

Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali

ØL-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa komplement immedjat u temporanju għal settur msaħħaħ tal-SMEs f’InvestEU, pakkett ta’ koeżjoni miżjud immirat lejn l-SMEs u l-Fond ta’ Garanzija tal-COVID-19 li qed jiġi stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll għall-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku taħt InvestEU.

ØL-istrument jikkomplementa l-politiki nazzjonali li għadd limitat ta’ Stati Membri qed jistabbilixxu, filwaqt li jiżgura li jkun hemm disponibbli appoġġ ta’ solvenza madwar l-Unjoni. Il-kundizzjonijiet tal-istrumenti jenħtieġ li jkunu konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u jiffaċilitaw kombinazzjonijiet possibbli ma’ appoġġ ipprovdut direttament mill-Istati Membri, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni xierqa għan-natura Ewropea tal-istrument u għall-ġestjoni kummerċjali tal-fondi.

Aspetti Finali

Pakkett finanzjarju ta’ EUR 31 biljun se jżid il-garanzija tal-UE fil-qafas finanzjarju kurrenti b’EUR 66 biljun. Din il-garanzija se tippermetti l-immobilizzar ta’ madwar EUR 300 biljun, diġà mill-2020.

PROGRAMM L-UE GĦAS-SAĦĦA

Objettiv: Investimenti fis-sigurtà tas-saħħa u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa

Mekkaniżmu: Għotjiet u akkwist

Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni

ØIl-programm indipendenti u ambizzjuż l-UE għas-Saħħa se jirrifletti t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19 u minn programmi tas-saħħa preċedenti. Dan jista’ jgħin biex jinbnew jew jinbnew mill-ġdid kapaċitajiet ta’ trattament u tagħmir u provvisti tal-mediċina, u b’hekk jingħata appoġġ għall-isfidi tas-saħħa li ġejjin. Il-programm il-ġdid se jkun għodda ewlenija li tgħin biex l-Ewropa tarma ruħha kontra theddid għas-saħħa fil-futur.

ØSe jimmira li joħloq qafas komprensiv biex jiġu indirizzati tali theddidiet għas-saħħa, jorbot mal-programmi rilevanti kollha tal-UE relatati mas-saħħa u jistabbilixxi modi ġodda biex jiġu implimentati azzjonijiet u biex jiżgura d-disponibbiltà ta’ kontromiżuri u riżorsi mediċi f’każ ta’ theddid maġġuri għas-saħħa.

ØL-ewwel linja tal-programm se tindirizza s-sigurtà tas-saħħa. Se tipprovdi qafas b’saħħtu, legalment sod u finanzjarjament mgħammar tajjeb għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa fl-UE. Qafas bħal dan se jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE għall-ippjanar ta’ kontinġenza li jabilita lill-Istati Membri biex flimkien jiffaċċaw theddid komuni tas-saħħa, b’mod partikolari mat-theddid transfruntier (inklużi dawk minn barra l-UE), fejn l-intervent tal-UE jista’ jżid valur tanġibbli.

ØIt-tieni linja se tappoġġa viżjoni fit-tul “Saħħa Waħda” għat-titjib tal-eżiti tas-saħħa permezz ta’ sistemi tas-saħħa effiċjenti u inklużivi fl-Istati Membri kollha, permezz ta’ prevenzjoni u sorveljanza aħjar tal-mard, il-promozzjoni tas-saħħa, l-aċċess, id-dijanjożi u t-trattament, kif ukoll il-kollaborazzjoni transfruntiera fis-saħħa. 

ØIl-programm il-ġdid se jindirizza wkoll il-mard li ma jitteħidx. Huma wrew li huma determinant b’saħħtu tal-mortalità minn COVID-19.

ØBarra minn hekk, inizjattivi speċifiċi ambizzjużi jistgħu pereżempju jiffukaw fuq l-eradikazzjoni ta’ mard speċifiku, bħat-tnaqqis ta’ każijiet tal-kanċer ċervikali u l-influwenza staġonali. Dawn jgħinu biex tiġi evitata ħsara li tista’ tiġi evitata u spejjeż li jistgħu jiġu evitati, u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

Implimentazzjoni

ØIl-programm se jibni fuq il-ħidma li għaddejja, bħan-Networks ta’ Referenza Ewropej għal mard rari u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, it-tħejjija u l-ġestjoni, biex jiġu żgurati massa kritika u ekonomiji ta’ skala suffiċjenti. Dan se jappoġġa l-konverġenza ’l fuq, jippromwovi l-prevenzjoni, l-integrazzjoni tal-kura u l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa.

ØIl-programm se jiżgura investimenti sostnuti fl-istrutturi u l-għodod meħtieġa għal appoġġ operazzjonali fl-UE biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa, l-indirizzar tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons, u l-appoġġ għal koordinazzjoni transsettorjali ġenwina fil-livell tal-UE. Il-ħidma se titwettaq b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-ECDC, l-EMA, l-EFSA jew l-ECHA, gruppi ta’ esperti u laboratorji ta’ referenza tal-UE kif ukoll ma’ korpi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

ØFuq il-bażi tal-parir xjentifiku, il-programm l-UE għas-Saħħa se jiżgura l-akkwist strateġiku għal oġġetti bħal bijoċidi (diżinfettanti), reaġenti għall-ittestjar, tagħmir protettiv, mediċini essenzjali, tagħmir mediku, reaġenti dijanjostiċi (pereż. appoġġ għat-teħid tan-nifs, CT scanners) u oġġetti rilevanti oħra (bħal materjal ta’ injezzjoni u faxex sterili). Se jkollu l-għan li jistabbilixxi provvista f’waqtha ta’ kontromiżuri xierqa għal mard ewlieni li jittieħed, disponibbli meta meħtieġ għall-Istati Membri. Il-programm se jipprovdi wkoll inċentivi għall-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta’ vaċċini fl-Unjoni u biex titnieda mill-ġdid il-produzzjoni tal-UE ta’ mediċini u ta’ ingredjenti farmaċewtiċi / prekursuri attivi.

ØIl-programm il-ġdid se jappoġġa l-isforzi tar-rescEU biex jissaħħaħ il-Korp Mediku Ewropew billi jissussidja gruppi ta’ esperti permanenti. Filwaqt li jibni fuq l-esperjenza mill-qasam veterinarju, se jissussidja esperti tas-saħħa u l-loġistika u, fejn rilevanti, persunal mediku li jista’ jiġi attivat fi kwalunkwe mument u jintbagħtu madwar l-UE biex jipprovdi pariri u għarfien espert. It-timijiet se jkunu appoġġati b’tagħmir (pereż. laboratorji mobbli).

ØIl-programm se jappoġġa wkoll il-koordinazzjoni bejn l-infrastrutturi tal-kura tas-saħħa u l-kapaċità tal-laboratorji mediċi u veterinarji madwar l-Unjoni, fosthom it-tħejjijiet għall-istabbiliment ta’ infrastruttura Ewropea għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar possibbiltajiet ta’ kura kritika. Il-programm se jistabbilixxi sistema sempliċi biex tappoġġa l-akkwist konġunt transfruntier ta’ prodotti, għodod u servizzi li juru valur miżjud ċar tal-UE għall-kollaborazzjoni tas-sistemi tas-saħħa.

ØIl-programm l-UE għas-Saħħa se jgħin biex jitwarrab finanzjament għal interventi ewlenin fis-Saħħa elettronika flimkien ma’ finanzjament fil-Programm Ewropa Diġitali, inkluż l-appoġġ tal-użu ta’ data għall-kura tas-saħħa, ir-riċerka u t-tfassil tal-politika (fil-kuntest tal-Ispazju tad-Data Ewropea dwar is-Saħħa) permezz ta’ clouds jew infrastrutturi oħra u teknoloġiji intensivi tad-data bħal għodod ta’ intelliġenza artifiċjali. Se jappoġġa l-użu akbar tat-telesaħħa, inkluż l-użu u t-tisħiħ tal-mudell tat-telemediċina ta’ Networks ta’ Referenza Ewropej. Se jgħin biex jiġu żviluppati punti ta’ riferiment Ewropej u soluzzjonijiet transnazzjonali.

ØIl-programm se jgħin fil-prevenzjoni ta’ mard, anki permezz ta’ appoġġ lill-Istati Membri fil-politiki tagħhom u fuq il-bażi tal-gwida teknika u għażliet politiċi b’saħħithom, dwar il-prevenzjoni u l-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa. Se jgħin fil-ġbir u l-kondiviżjoni xierqa ta’ sorsi ta’ data u intelligence disponibbli fis-servizzi, l-aġenziji tal-UE kif ukoll korpi nazzjonali u internazzjonali relatati mas-saħħa u jippromwovi l-aħjar prattiki bbażati fuq l-evidenza fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ mard.

ØL-azzjoni fuq il-prevenzjoni se tkun ibbażata fuq approċċ veru ta’ “Saħħa Waħda” għall-mard u se tinkludi l-bini ta’ għarfien u fehim tal-evoluzzjoni taż-żoonożi, u żoonożi potenzjali.

ØIl-programm se jappoġġa azzjonijiet li jtejbu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, li jittestjaw malajr u b’mod korrett għall-infezzjonijiet u li jiddijanjostikaw l-infezzjonijiet, li jittrattaw lill-pazjenti bl-użu tal-antimikrobiċi xierqa u li jnaqqsu l-użu mhux xieraq u perikoluż tal-antimikrobiċi fl-oqsma kollha. Komponent internazzjonali se jiżgura li l-politika tas-saħħa Ewropea tkun marbuta ma’ żviluppi internazzjonali u tikkomplementa b’mod utli l-azzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ tħassib reġjonali u globali.

Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali

ØIl-prinċipju ewlieni se jkun li l-programm il-ġdid se jkun il-katalizzatur għal approċċi ġodda mill-aħjar prattiki jew soluzzjonijiet innovattivi, jew riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka billi jgħinhom jagħmlu proġetti pilota u jittestjawhom fil-livell tal-popolazzjoni suxxettibbli qabel l-introduzzjoni fuq skala sħiħa. Il-programm il-ġdid se jinteraġixxi wkoll mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Filwaqt li l-Faċilità se tipprovdi inċentivi għal riformi ġodda, il-programm il-ġdid programm l-UE għas-Saħħa jista’ jappoġġa l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni madwar l-Istati Membri.

ØIl-programm il-ġdid se jkollu l-għan li jikseb eżiti li huma direttament iffukati fuq is-saħħa. B’hekk, se joħloq sinerġiji u se jgħin biex is-saħħa tiġi integrata fi programmi oħra tal-UE bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Programm tas-Suq Uniku u l-politika agrikola komuni. B’mod partikolari, il-programm il-ġdid se jaħdem ma’ rescEU, li huwa ffukat fuq kapaċitajiet diretti għar-rispons għall-kriżijiet, il-bini ta’ riżervi, l-iskjerament u t-tqassim ta’ tagħmir u persunal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u jkun komplementari għalih, billi jipprovdi l-kontribuzzjonijiet tas-saħħa meħtieġa.

ØIl-programm il-ġdid se jaħdem mal-Istati Membri, filwaqt li jirrispetta t-tqassim tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jibni fuq mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti, billi jiffoka fuq aspetti strateġiċi u transfruntiera.

ØIl-komplementarjetà mal-outputs tal-aġenziji kkonċernati se tibbenefika minn investimenti minn dan il-programm, b’mod partikolari fid-dawl tat-trasferiment tal-aħjar prattiki, protokolli għas-sorveljanza jew programmi għall-bini tal-kapaċità.

ØIl-programm il-ġdid se jappoġġa wkoll l-isforzi komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ riżorsi mediċi (mediċini, vaċċini, riżorsi umani, tagħmir), f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-programm futur rescEU.

Aspetti Finali

ØIl-pakkett finanzjarju addizzjonali mmobilizzat minn Next Generation EU se jkun ta’ EUR 7,7 biljuni.

IL-MEKKANIŻMU TAL-UNJONI GĦALL-PROTEZZJONI ĊIVILI / rescEU

Objettiv: It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons tal-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili

Mekkaniżmu: Għotjiet u akkwist

Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni

ØIl-kapaċitajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili / rescEU se jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jkunu mħejjija aħjar u kapaċi jirreaġixxu malajr u b’mod flessibbli fi kriżijiet, b’mod partikolari dawk b’impatt qawwi fid-dawl tat-tfixkil potenzjali tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, kif jidher ċar fl-emerġenza tal-COVID-19. Għalkemm relattivament rari, emerġenzi u katastrofi fuq skala kbira jistgħu jikkawżaw ħsara serja u fit-tul għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, u għalhekk jeħtieġu livell ferm akbar ta’ ppjanar u tħejjija.

ØFuq il-bażi tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi, il-kapaċitajiet estiżi ta’ rescEU jenħtieġ li jippermettu lill-UE tiżviluppa u takkwista kapaċità ta’ ħażna flimkien ma’ kapaċità ta’ dispaċċ rilevanti (bħal faċilitajiet ta’ mħażen, mezzi ta’ trasport u sostenn loġistiku ġenerali).

ØL-iżgurar ta’ rispons kumplessiv effettiv tal-UE għal emerġenzi fuq skala kbira, rescEU jeħtieġ flessibbiltà massima u kapaċità reali li wieħed jaġixxi fil-livell tal-UE, inkluża l-flessibbiltà baġitarja u operazzjonali u r-razzjonalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jagħmlu dan.

ØIl-programm aġġornat se jagħti wkoll lill-Unjoni kapaċitajiet u infrastruttura loġistika profiċjenti li tista’ tipprovdi għal tipi differenti ta’ emerġenza, inklużi dawk b’komponent ta’ emerġenza medika. Dan jinvolvi mekkaniżmi li jippermettu lill-UE:

·Takkwista, tikri, tieħu b’lokazzjoni u taħżen kapaċitajiet identifikati ta’ rescEU;

·Iddaħħal prodotti u persunal minn barra l-UE u tiskjerahom fl-UE;

·Tittrasporta malajr kemm jista’ jkun prodotti u persunal minn diversi punti madwar l-UE għal punti oħra fejn il-prodotti u l-persunal huma meħtieġa. Għarfien espert li jista’ jkun skjerat internazzjonalment għal kull tip ta’ diżastru (inklużi “esperti mediċi pronti” – tobba speċjalisti, infermiera, epidemjologi, intensivisti u timijiet mediċi ta’ emerġenza integrati mgħammra sew);

·Tittrasferixxi malajr vittmi ta’ diżastri/pazjenti għal fejn ikunu jistgħu jirċievu l-kura b’mod l-aktar effiċjenti meta l-kapaċitajiet lokali u nazzjonali ma jkunux jistgħu jlaħħqu. Infrastruttura bħal din se tinkludi sistema ta’ faċilitajiet ta’ kura disponibbli madwar l-Istati Membri.

ØIl-mekkaniżmu se jinkludi sistema ta’ komunikazzjoni diretta u mtejba li tkun aċċessibbli għall-Istati Membri kollha, sabiex l-assi rilevanti jkunu jistgħu jiġu attivati fi żmien qasir fi kwalunkwe mument.

ØIl-komponent tat-tħejjija u tar-rispons internazzjonali se jittejjeb ukoll sabiex il-kapaċitajiet ikunu jistgħu jintużaw ukoll barra mill-UE.

Implimentazzjoni

ØL-UE se tkun tista’ takkwista direttament, tiffinanzja u tistabbilixxi kapaċitajiet strateġiċi adegwati ta’ rescEU, il-ħżin loġistiku u t-trasport loġistiku, kif ukoll infrastruttura ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni ta’ emerġenza interkonnessa li tkun tista’ tkopri kwalunkwe tip ta’ emerġenza, li tista’ tintuża taħt l-awspiċji ta’ rescEU. Dawn il-kapaċitajiet strateġiċi se jkunu supplimentari għal dawk tal-Istati Membri. Jenħtieġ li jkunu lokalizzati fit-territorji ta’ bosta Stati Membri tal-UE b’tali mod li jiżguraw l-aktar kopertura ġeografika effettiva f’rispons għal emerġenza. Il-baġit tal-UE jġarrab kostijiet ta’ dħul/ħruġ/trasport kif ukoll kostijiet ta’ ħżin u finanzjarji.

ØJenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ takkwista, tikri jew tieħu b’lokazzjoni kapaċità loġistika u ta’ trasport (kapaċità ta’ trasport bl-ajru/trasport bi skopijiet multipli). Dan jippermetti lill-UE tirreaġixxi għal kwalunkwe tip ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-UE u f’pajjiżi terzi (inkluża dik medika: it-trasferiment ta’ vittmi ta’ diżastri, pazjenti, tobba, Timijiet Mediċi Ewropej, ripatrijazzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe tip ta’ merkanzija relatata ma’ rispons ta’ emerġenza). Il-ħżin tal-assistenza u l-kapaċità tat-trasport jenħtieġ li jkunu interkonnessi b’mod strateġiku biex iżidu l-veloċità tal-forniment u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-katina tal-provvista.

ØIl-proċeduri amministrattivi se jinżammu minimi sabiex jitnaqqas il-piż u d-dewmien fl-iskjerament, li huwa kruċjali f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

ØIl-mekkaniżmu rescEU se jkollu dispożizzjonijiet li jippermettu flessibbiltà baġitarja, fosthom programmazzjoni pluriennali għal komponent ta’ prevenzjoni u tħejjija u l-iżgurar ta’ disponibbiltà immedjata u flessibbiltà ta’ fondi għal rispons . Kif intwera b’mod ċar mill-kriżi tal-COVID-19, l-emerġenzi huma min-natura tagħhom imprevedibbli u mhux mifruxa b’mod ugwali tul perjodu ta’ programmazzjoni; iżda meta sseħħ emerġenza, il-ħeffa tar-rispons hija essenzjali.

Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali

ØIl-mekkaniżmu msaħħaħ tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili / rescEU se jkun fil-qalba ta’ approċċ ta’ ġestjoni ta’ emerġenza aktar integrat. Permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Ġestjoni tal-Emerġenza tagħha, se jkun il-punt uniku ta’ servizz operazzjonali li jiġġestixxi l-kapaċitajiet strateġiċi tal-UE u li jipprovdi rispons rapidu u effettiv għal kull tip ta’ kriżi fuq skala kbira.

ØSe jservi lill-Istati Membri kollha f’setturi differenti, b’tipi differenti ta’ kapaċitajiet strateġiċi ta’ rescEU, skont is-sitwazzjoni ta’ kriżi. Jenħtieġ li l-kapaċitajiet loġistiċi proprji tiegħu jkunu suffiċjenti għat-trasferiment ta’ merkanzija, persunal mediku u pazjenti sal-grad meħtieġ minn kwalunkwe Stat f’diffikultà, li jwassal b’mod f’waqtu valur miżjud tal-UE tanġibbli.

ØSe tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-komponent rescEU tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, u b’mod partikolari l-ħażna ta’ emerġenza tiegħu, ma’ azzjonijiet oħra ta’ tħejjija ffinanzjati mill-UE. Se jkun ibbażat fuq kriterji speċifiċi, bħall-kategoriji ta’ oġġetti koperti (qasam speċjalizzat, ħtiġijiet ġeneriċi, oġġetti tajbin għall-persuni tal-ewwel rispons, eċċ.).

Aspetti Finali

ØIl-pakkett finanzjarju addizzjonali mmobilizzat minn Next Generation EU għal rescEU se jkun ta’ EUR 2 biljuni.

Top