EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0188

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI

COM/2020/188 final

Brussell, 11.5.2020

COM(2020) 188 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI


1.Introduzzjoni

1.1.Sfond

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi jew id-Direttiva) ġiet adottata skont l-Artikolu 82(2) TFUE. Din tistabbilixxi sett ta’ drittijiet għall-vittmi tal-kriminalità u obbligi korrispondenti fuq l-Istati Membri. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi hija l-istrument ewlieni fil-livell tal-UE applikabbli għall-vittmi kollha tal-kriminalità. Hija l-pedament tal-politika dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-UE.

L-UE adottat ukoll diversi strumenti li jittrattaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ tipi partikolari ta’ kriminalità (bħal vittmi tat-terroriżmu 1 , vittmi tat-traffikar tal-bnedmin 2 jew tfal vittmi ta’ sfruttament sesswali 3 ). Dawn l-istrumenti jikkomplementaw u jibnu fuq id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi.

Id-Direttiva torbot lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Sabiex tiġi ffaċilitata t-traspożizzjoni f’waqtha u korretta tad-Direttiva mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta’ Gwida f'Diċembru 2013 4 .

Fl-2018, il-Parlament Ewropew ippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 5 , ibbażat fuq studju mill-2017 6 . Il-Parlament Ewropew ħares ukoll lejn id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fi studju ġenerali dwar il-liġi proċedurali kriminali fl-UE, ippubblikata fl-2018 7 . Fl-2019, diversi partijiet ikkonċernati ppubblikaw rapporti addizzjonali dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 8 .

1.2.Għan u elementi ewlenin tad-Direttiva

L-objettiv tad-Direttiva huwa li tiżgura li vittmi tal-kriminalità, jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminali. Skont id-Direttiva, il-vittmi għandhom jiġu rikonoxxuti u trattati b’rispett, b’mod sensittiv, imfassal apposta, professjonali u mhux diskriminatorju mill-atturi kollha li jiġu f’kuntatt magħhom. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi fid-dawl tal-protezzjoni tagħhom minn vittimizzazzjoni, ritaljazzjoni u intimidazzjoni sekondarji. Tali vittmi għandu jkollhom ukoll aċċess għal servizzi ta’ appoġġ speċjalizzati. Barra minn hekk, id-Direttiva tirrikjedi li meta l-vittma tkun tifel jew tifla, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun il-kunsiderazzjoni primarja.

Id-Direttiva hija applikabbli għall-vittmi kollha mingħajr diskriminazzjoni, indipendentement mill-istatus ta’ residenza tagħhom. Hija applikabbli għall-proċedimenti kriminali kollha li jseħħu fi Stat Membru tal-UE, indipendentement minn meta u fejn seħħ ir-reat.

Id-Direttiva tipprovdi lill-vittmi bid-dritt għall-informazzjoni, dritt li jifhmu u li jinftiehmu, dritt għall-aċċess għall-appoġġ u l-protezzjoni skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom, kif ukoll b’sett ta’ drittijiet proċedurali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea interpretat din id-Direttiva darba — fil-kawża Gambino u Hyka 9 . F’din il-kawża, il-Qorti ddeċidiet dwar ir-riskji li jiġu mminati d-drittijiet tal-vittmi għal protezzjoni u li jirċievu kumpens fi żmien raġonevoli (l-Artikoli 18 u 16 tad-Direttiva rispettivament) bħala riżultat ta’ seduti ta’ smigħ addizzjonali li jistgħu jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni Taljana fuq talba tal-konvenut jekk il-kompożizzjoni tal-qorti tkun inbidlet. Il-Qorti ċċarat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-konvenut jistaqsi lix-xhieda biex jerġgħu jinstemgħu f’ċirkostanzi bħal dawn kienet kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva.

1.3.Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni tar-rapport

Kif stipulat fl-Artikolu 29 tad-Direttiva, dan ir-rapport jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-Direttiva. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi ma tirrikjedix biss traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jieħdu miżuri mhux leġiżlattivi bħall-istabbiliment ta’ servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzati u l-iżgurar li l-prattikanti u persuni oħra li jiġu f’kuntatt mal-vittmi jkunu mħarrġa b’mod effettiv dwar id-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-vittmi. Il-valutazzjoni hija bbażata fuq l-analiżi tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva li ġew innotifikati lill-Kummissjoni u ta’ data addizzjonali li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva.

Dan ir-rapport jiffoka fuq id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva li huma miġbura f’dawn ir-raggruppamenti li ġejjin: (1) kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet; (2) aċċess għall-informazzjoni; (3) drittijiet proċedurali; (4) aċċess għal servizzi ta’ appoġġ; (5) ġustizzja restorattiva; u (6) dritt għall-protezzjoni.

Ir-rapport jivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha marbutin bid-Direttiva 10 .

2.valutazzjoni ġenerali

Skont l-Artikolu 27, l-Istati Membri kellhom jittrasponu r-rekwiżiti tad-Direttiva fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom sas-16 ta’ Novembru 2015. F’Jannar 2016, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra 16-il Stat Membru li sa dik id-data ma kinux ikkomunikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom 11 .

Mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Rapport, ħafna mill-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx kompletament id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Il-proċedimenti ta’ ksur għal dawn il-pajjiżi għadhom għaddejjin 12 .

3.punti speċifiċi ta’ valutazzjoni

3.1.Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet (l-Artikolu 2)

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tipprevedi standards minimi dwar id-drittijiet tal-vittmi. L-Istati Membri jistgħu u huma mħeġġa jmorru lil hinn minn dawn l-istandards minimi.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jistabbilixxi d-definizzjonijiet ta’ “vittma”, “membri tal-familja”, “minuri” u “ġustizzja restorattiva”.

Traspożizzjoni korretta tad-definizzjoni ta’ vittma (li tinkludi membri tal-familja ta’ persuna li mietet b’konsegwenza ta’ reat) hija partikolarment importanti. Dan jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-individwi previsti mid-Direttiva.

Il-konformità mad-definizzjoni ta’ “vittma” instabet li kienet nieqsa f’diversi Stati Membri. Id-definizzjoni ta’ vittma jew kienet nieqsa, jew il-fatt li ma ġiex speċifikat li l-membri tal-familja ta’ persuna mejta jiġu kklassifikati bħala vittmi, u dan jillimita d-drittijiet ta’ dawn il-membri tal-familja.

Il-“membri tal-familja” ta’ vittma li ma tkunx mietet b’konsegwenza ta’ reat ukoll għandhom drittijiet skont id-Direttiva, b’mod partikolari d-dritt għal appoġġ u protezzjoni. It-traspożizzjoni mhux kompluta ta’ din id-definizzjoni ġiet ukoll identifikata fi ftit Stati Membri.

It-traspożizzjoni korretta tad-definizzjonijiet “tfal” u “ġustizzja restorattiva” hija importanti wkoll peress li jiddeterminaw id-drittijiet konkreti tal-individwi. Il-konformità mat-traspożizzjoni ta’ dawn id-definizzjonijiet instabet li kienet nieqsa fi ftit Stati Membri.

3.2.Aċċess għall-informazzjoni (l-Artikoli 3-7)

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar id-dritt għall-aċċess għall-informazzjoni. Din tinkludi dritt li wieħed jifhem u jinftiehem (l-Artikolu 3), dritt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi (l-Artikolu 4), dritt għall-informazzjoni meta jsir ilment u dwar il-każ (l-Artikoli 5 u 6) u d-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni (l-Artikolu 7).

L-Artikolu 3 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-vittmi. Jenħtieġ li tali komunikazzjoni tkun f’lingwa sempliċi u b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi personali tal-vittma, inkluża kwalunkwe diżabilità.

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-implimentazzjoni tad-dritt li wieħed jifhem u li jinftiehem kienet problematika f’għadd ta’ Stati Membri. Dan jinkludi ftit Stati Membri li naqsu milli jittrasponu l-obbligu li jassistu b’mod proattiv lill-vittmi meta jikkomunikaw magħhom (l-Artikolu 3). Diversi Stati Membri naqsu milli jiżguraw li l-komunikazzjoni tiġi pprovduta b’lingwa sempliċi u b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi personali tal-vittma (Artikolu 3(2)).

L-Artikolu 4 jirrikjedi li l-vittmi jiġu offruti mingħajr dewmien bla bżonn sett ta’ informazzjoni mill-ewwel kuntatt tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti. It-traspożizzjoni tad-dispożizzjoni kienet problematika għal ftit Stati Membri b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit li l-informazzjoni trid tiġi pprovduta mal-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat xi kwistjonijiet bl-applikazzjoni prattika ta’ din id-dispożizzjoni. L-implimentazzjoni effettiva tal-obbligu skont l-Artikolu 4 tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jkunu mħarrġa tajjeb dwar kif u meta jinfurmaw lill-vittmi dwar id-drittijiet tagħhom.

Skont l-Artikolu 5, il-vittmi għandhom id-dritt li jirċievu konferma bil-miktub tal-ilment tagħhom u li jilmentaw b’lingwa li jifhmu. Ġew identifikati xi nuqqasijiet fit-traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu f’diversi Stati Membri. Stat Membru wieħed ma ttrasponiex ir-rekwiżit li jagħti l-possibbiltà lill-vittmi li jirċievu l-assistenza lingwistika meħtieġa meta jagħmlu l-ilment (l-Artikolu 5(2)). Żewġ Stati Membri ma ttrasponewx ir-rekwiżit ta’ traduzzjoni tal-konferma bil-miktub tal-ilment (Artikolu 5(3)). Xi Stati Membri oħrajn illimitaw id-dispożizzjoni għal vittmi ta’ reati speċifiċi jew jagħmluha soġġetta għat-talba tal-vittmi.

Skont l-Artikolu 6, il-vittmi għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar il-każ tagħhom matul il-proċedimenti kriminali. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti u li jkunu infurmati dwar riskji possibbli għas-sigurtà tagħhom meta, pereżempju, it-trasgressur jiġi rilaxxat jew jaħrab. Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità f’għadd kbir ta’ Stati Membri. Fi ftit minn dawn l-Istati Membri, kien hemm rekwiżit ċar nieqes li l-vittmi jiġu nnotifikati dwar id-dritt tagħhom li jitolbu informazzjoni dwar id-deċiżjoni li ma jitkompliex il-każ. F’xi Stati Membri ma nstab l-ebda rekwiżit li jipprovdi din l-informazzjoni meta l-vittma titlob hekk. F’għadd żgħir ta’ Stati Membri, il-vittmi ma jiġux innotifikati dwar in-natura tal-akkużi kontra t-trasgressur (l-Artikolu 6(1)). Xi Stati Membri mhumiex konformi mar-rekwiżit li jipprovdu informazzjoni lill-vittmi dwar l-istat tal-proċedimenti kriminali. Ftit minnhom ma ttrasponewhx u l-ftit Stati Membri l-oħra ma jiżgurawx l-għoti ta’ tali informazzjoni matul il-proċedimenti kollha.

Xi Stati Membri ma ttrasponewx l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti f’dawn l-Istati Membri ma jipprovdux lill-vittmi bir-raġunijiet jew b’sommarju tar-raġunijiet għad-deċiżjoni dwar il-każ.

It-traspożizzjoni tal-obbligu li l-vittmi għandhom jiġu nnotifikati dwar ir-rilaxx jew il-ħarba tat-trasgressur (l-Artikolu 6(5)) tqajjem tħassib f’diversi Stati Membri. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-Istati Membri naqsu milli jittrasponu r-rekwiżit li l-vittmi għandhom jiġu infurmati “mingħajr dewmien bla bżonn” dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma ttrasponewx ir-rekwiżit li jinfurmaw lill-vittmi dwar miżuri ta’ protezzjoni f’każ ta’ rilaxx jew ħarba tat-trasgressur.

Id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għall-vittmi li ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali, huwa stabbilit fl-Artikolu 7. Dan id-dritt irid jingħata lill-vittmi mingħajr ħlas u fuq talba tagħhom.

Instabu nuqqasijiet rigward it-traspożizzjoni tal-Artikolu 7 fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Fi Stat Membru wieħed it-traspożizzjoni mhijiex kompluta, peress li tipprovdi għall-interpretazzjoni biss matul il-proċedimenti tal-qorti (l-Artikolu 7(1)). Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità relatati man-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 7(2) dwar l-użu tal-vidjokonferenzi f’diversi Stati Membri. F’xi Stati Membri instabu nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tar-rekwiżit biex il-vittmi jingħataw traduzzjoni ta’ informazzjoni essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom (l-Artikolu 7(3)). Dawn in-nuqqasijiet huma relatati l-aktar mat-traduzzjoni nieqsa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni rilevanti.

Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx id-dritt tal-vittmi li jissottomettu talba motivata biex dokument jiġi meqjus bħala essenzjali (l-Artikolu 7(5)). F’diversi Stati Membri instabu kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 7(7) rigward il-valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar jekk il-vittmi jeħtiġux interpretazzjoni u traduzzjoni. Il-maġġoranza tagħhom ma ttrasponietx dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma jipprovdux il-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni li ma tiġix ipprovduta l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni.

3.3.Drittijiet proċedurali (Artikoli 10, 11, 13, 16 u 17)

Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi relatati mad-drittijiet proċedurali jirreferu għar-rwol li l-vittmi għandhom fis-sistema tal-ġustizzja kriminali ta’ Stat Membru partikolari. Dan ir-rwol ivarja madwar l-Istati Membri. Għalhekk, il-portata eżatta tad-drittijiet proċedurali tal-vittmi hija differenti minn Stat Membru għal ieħor.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva għandu l-għan li jiżgura li l-vittmi kollha jkollhom opportunità li jipprovdu informazzjoni, opinjonijiet jew evidenza matul il-proċedimenti kriminali. Ir-regoli proċedurali applikabbli jitħallew f’idejn il-liġi nazzjonali. Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità f’għadd żgħir ta’ Stati Membri. Huma prinċipalment relatati man-nuqqas ta’ salvagwardji meħtieġa għas-seduti ta’ smigħ ta’ vittmi minuri (Artikolu 10(1)).

L-Artikolu 11 jistabbilixxi d-drittijiet tal-vittmi f’każ ta’ deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni kompletament. Pereżempju, xi Stati Membri ma jipprovdux informazzjoni suffiċjenti lill-vittmi li tippermettilhom jiddeċiedu jekk għandhomx jitolbu reviżjoni ta’ deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni (l-Artikolu 11(3)).

L-Artikolu 13 dwar l-aċċess għal għajnuna legali ġie kompletament traspost mill-maġġoranza tal-Istati Membri. Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni tirreferi għal-liġi nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni attwali tal-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li skonthom il-vittmi għandhom aċċess għal għajnuna legali. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tarmonizzax il-kundizzjonijiet li skonthom il-vittmi għandhom aċċess għal għajnuna legali.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva jistabbilixxi dritt għal deċiżjoni dwar kumpens mit-trasgressur matul il-proċedimenti kriminali. L-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni ta’ wieħed jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit. L-Istati Membri huma obbligati wkoll li jippromwovu miżuri li jħeġġu lit-trasgressuri biex jipprovdu kumpens adegwat (l-Artikolu 16(2)). Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponiet dan ir-rekwiżit.

L-Artikolu 17(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jimminimizzaw id-diffikultajiet għal vittma li tkun residenti ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn ikun sar ir-reat kriminali. Xi ftit Stati Membri ma ttrasponewx dan ir-rekwiżit.

Ġew identifikati wkoll nuqqasijiet fl-iżgurar li l-ilment jiġi trasmess mingħajr dewmien lill-Istat li fih twettaq ir-reat kriminali (l-Artikolu 17(3)). Diversi Stati Membri m’għandhom l-ebda dispożizzjoni għal dan il-għan.

3.4.Aċċess tal-vittmi għas-servizzi ta’ appoġġ (l-Artikolu 8 u l-Artikolu 9)

L-għan tal-Artikoli 8 u 9 huwa li jiġi żgurat li l-vittmi jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzati skont il-ħtiġijiet tagħhom. Is-servizzi għandhom ikunu kunfidenzjali, mingħajr ħlas u jaġixxu fl-interess tal-vittmi qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedimenti kriminali. Il-membri tal-familja għandhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ skont il-ħtiġijiet tagħhom u l-grad ta’ dannu mġarrab.

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 8(1) dwar id-dritt għas-servizzi ta’ appoġġ ġenerali, għadd ta’ Stati Membri għadhom ma ttrasponewhx kompletament. Ħafna Stati Membri jillimitaw l-aċċess għal tali servizzi lil vittmi ta’ vjolenza domestika jew vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Fil-prattika, madankollu, il-vittmi ta’ vjolenza domestika ma jirċevux appoġġ u protezzjoni effettivi f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha jipprovdu għal dritt għall-appoġġ ta’ servizzi għall-membri tal-familja tal-vittmi.

Diversi Stati Membri naqsu milli jittrasponu l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jirreferu l-vittmi għas-servizzi ta’ appoġġ (l-Artikolu 8(2)). F’dawk l-Istati Membri l-vittmi jew ma jiġux riferuti għas-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jew tiġi riferuta biss ċerta kategorija ta’ vittmi (eż., vittmi ta’ vjolenza domestika). Instabu problemi simili ta’ traspożizzjoni fir-rigward tal-Artikolu 8(3), li jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu servizzi ta’ appoġġ speċjalizzati mingħajr ħlas u kunfidenzjali. Għadd ta’ Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni jew ma ttrasponewhiex kompletament. Pereżempju, xi Stati Membri jipprovdu għal tali servizzi biss lil vittmi ta’ vjolenza domestika jew vittmi minuri.

Ġew identifikati fi ftit Stati Membri kwistjonijiet dwar it-traspożizzjoni tal-obbligu li l-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi ma għandux jiddependi fuq ilment formali ta’ vittma (l-Artikolu 8(5)). Pereżempju, fi Stat Membru wieħed, il-vittmi ta’ vjolenza domestika biss għandhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ mingħajr ma jirrappurtaw reat lill-pulizija.

L-Artikolu 9(1) jelenka s-servizzi minimi li jridu jiġu pprovduti mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi. Xi ftit Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat miżuri mhux leġiżlattivi li jimplimentaw din id-dispożizzjoni.

Dwar l-aċċess għall-postijiet ta’ kenn jew kwalunkwe akkomodazzjoni interim xierqa għall-vittmi fil-bżonn ta’ post sikur u ta’ appoġġ immirat għall-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi (l-Artikolu 9(3)), il-Kummissjoni sabet kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni f’diversi Stati Membri. Dan jinkludi b’mod partikolari problemi b’implimentazzjoni prattika, bħad-disponibbiltà ta’ postijiet ta’ kenn għall-vittmi ta’ ċerti tipi ta’ kriminalità, u għadd insuffiċjenti ta’ postijiet ta’ kenn.

3.5.Ġustizzja restorattiva (l-Artikolu 12)

Dan l-Artikolu għandu l-għan li jiżgura li jekk Stat Membru jipprovdi għal servizzi ta’ ġustizzja restorattiva, is-salvagwardji meħtieġa jkunu fis-seħħ għall-vittmi biex tiġi evitata vittimizzazzjoni ulterjuri.

Id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri biex jintroduċu tali servizzi. Erbgħa u għoxrin Stat Membru jipprovdu għal servizzi ta’ ġustizzja restorattiva. Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt hija rilevanti biss għal dawn l-Istati Membri.

Għadd kbir ta’ Stati Membri kkonċernati naqsu milli jittrasponu kompletament waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet minimi għal ġustizzja restorattiva stabbiliti fl-Artikolu 12(1). Eżempji ta’ traspożizzjoni mhux kompluta jew skorretta jinkludu nuqqas ta’ obbligu li l-vittmi jagħtu kunsens “infurmat” biex jipparteċipaw fil-proċess jew nuqqas ta’ garanzija li jinfurmaw lill-vittmi dwar l-eżiti potenzjali tal-proċess.

Dwar l-iffaċilitar tar-riferiment ta’ każijiet għal servizzi ta’ ġustizzja restorattiva (l-Artikolu 12(2)), xi Stati Membri nstabu li ma kellhom l-ebda miżura speċifika fis-seħħ .

3.6.Dritt tal-vittmi għall-protezzjoni (l-Artikoli 18-24)

L-Artikoli 18-24 għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-vittmi, inkluż ir-rikonoxximent ta’ vittmi bi ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi.

L-Artikolu 18 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li tkun disponibbli firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ protezzjoni għall-protezzjoni tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom minn vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni. Dan jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jipproteġu lill-vittmi u lill-membri tal-familja tagħhom mid-dannu fiżiku, emozzjonali jew psikoloġiku. L-Artikolu 18 japplika għall-vittmi kollha u għall-membri kollha tal-familja. Ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità f’inqas minn nofs l-Istati Membri, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ miżuri speċifiċi mmirati lejn il-protezzjoni tal-membri tal-familja. Fi ftit Stati Membri, il-miżuri rilevanti mhumiex disponibbli għall-vittmi kollha jew il-miżuri disponibbli ma jinkludux il-protezzjoni kontra r-riskji ta’ dannu emozzjonali jew psikoloġiku.

Id-Direttiva tirrikjedi li jiġu evitati kuntatti bejn il-vittma u t-trasgressur u li l-bini l-ġdid kollu tal-qrati jkollu żoni ta’ stennija separati għall-vittmi (l-Artikolu 19). Nuqqasijiet fit-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nstabu f’aktar minn nofs l-Istati Membri, għalkemm xi Stati Membri jissodisfaw dan ir-rekwiżit b’miżuri prattiċi u mhux leġiżlattivi.

L-Artikolu 20 għandu l-għan li jipprevjeni vittimizzazzjoni sekondarja tal-vittmi waqt l-investigazzjonijiet kriminali. Aktar minn nofs l-Istati Membri illimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew ma ttrasponewhx. Għalhekk, pereżempju, diversi Stati Membri ma ttrasponewx ir-rekwiżit li l-eżamijiet mediċi tal-vittmi jinżammu f’livell minimu. Fi ftit Stati Membri, l-obbligu li l-intervisti jinżammu f’livell minimu huwa disponibbli għal vittmi speċifiċi biss (vittmi minuri jew vittmi bi ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi).

L-Artikolu 21 għandu l-għan li jiżgura d-dritt tal-vittmi għall-protezzjoni tal-privatezza tagħhom. Xi ftit Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni, u inqas minn nofshom biss ittrasponewha parzjalment.

L-Artikolu 22 huwa partikolarment importanti peress li jistipula li kull vittma għandha d-dritt għal valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tagħha. L-għan tiegħu huwa li jiddetermina jekk il-vittma jkollhiex xi vulnerabbiltà partikolari għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, għal intimidazzjoni u/jew għal ritaljazzjoni, u biex jipproteġiha skont il-ħtiġijiet individwali tagħha.

F’diversi Stati Membri, ir-rekwiżit li tiġi introdotta din il-valutazzjoni mhuwiex implimentat jew ġie implimentat parzjalment biss. Dan jaffettwa l-konformità ġenerali mad-dispożizzjonijiet dwar miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni skont l-Artikoli 23 u 24 li jiddependu fuq il-valutazzjoni individwali.

Barra minn hekk, inqas minn nofs l-Istati Membri ma ttrasponewx jew ittrasponew l-Artikolu 22(3) parzjalment biss. Din id-dispożizzjoni telenka s-sitwazzjonijiet li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari meta tiġi vvalutata l-vulnerabbiltà tal-vittmi. Pereżempju, f’xi Stati Membri l-proċess ta’ valutazzjoni individwali ma jqisx il-fatt li reat twettaq bi preġudizzju jew minħabba raġuni diskriminatorja.

Xi Stati Membri oħra ma ttrasponewx għalkollox ir-rekwiżit tal-Artikolu 22(4), li skontu l-minuri jiġu dejjem preżunti li jkollhom ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni. Pereżempju, f’wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-liġi tillimita l-preżunzjoni għal vittmi minuri ta’ ċerti kategoriji ta’ reati biss.

L-Artikolu 23 jistabbilixxi miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni għall-vittmi li l-ħtiġijiet speċjali tagħhom ta’ protezzjoni jkunu ġew identifikati permezz ta’ valutazzjoni individwali. Tali miżuri ta’ protezzjoni għandhom ikunu disponibbli għal vittmi waqt investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti tal-qorti.

Diversi Stati Membri ma jikkonformawx ma’ dan ir-rekwiżit, peress li ma ttrasponewx waħda mill-miżuri previsti jew aktar jew ittrasponewhom b’mod mhux komplut. Tali traspożizzjoni mhux kompluta tirriżulta, pereżempju, mil-limitazzjoni tad-disponibbiltà tal-protezzjoni speċjali għall-minuri jew għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali. Bħala eżempju ieħor, f’diversi Stati Membri t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni ma jintużawx b’mod effettiv matul il-proċedimenti tal-qorti bħala mezz biex jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittmi u t-trasgressuri.

L-Artikolu 24 jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ protezzjoni li jridu jkunu disponibbli għall-vittmi minuri. Fi ftit Stati Membri ġew identifikati kwistjonijiet ta’ konformità u problemi bl-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-miżuri. Pereżempju, dispożizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ intervisti huma limitati għal minuri li huma vittmi ta’ ċerti tipi ta’ kriminalità (Artikolu 24(1)).

L-Artikolu 24(2) jirrikjedi li jekk l-età ta’ xi ħadd ma tkunx ċerta u jkun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-vittma tkun minuri, għandu jiġi preżunt li din il-persuna hija minuri. Xi Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni, għalkemm xi wħud jiżguraw dan permezz ta’ miżuri mhux leġiżlattivi. It-traspożizzjoni tidher problematika fi ftit Stati Membri oħra. Pereżempju, xi wħud japplikaw din il-preżunzjoni għall-vittmi tal-aktar reati serji, bħat-traffikar tal-bnedmin jew l-abbuż sesswali.

4.Ġbir ta’ data

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri, sas-16 ta’ Novembru 2017 u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-data disponibbli li turi kif il-vittmi kellhom aċċess għad-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva (l-Artikolu 28). Jenħtieġ li d-data tinkludi mill-inqas in-numru u t-tip ta’ reati rrappurtati u, sa fejn data bħal din tkun magħrufa u tkun disponibbli, l-għadd u l-età u s-sess tal-vittmi (il-premessa 64).

Erba’ Stati Membri biss ipprovdew id-data statistika rilevanti sas-16 ta’ Novembru 2017. Fil-15 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri li fih talbet l-informazzjoni msemmija hawn fuq għas-sena 2016 sas-16 ta’ Jannar 2018. Għoxrin Stat Membru wieġbu għall-kwestjonarju, iżda ħafna minnhom wieġbu għal xi mistoqsijiet biss.

Skont l-istatistika għall-2016, ipprovduta minn 18-il Stat Membru, total ta’ 26 304 808 delitt ġie rrappurtat lill-pulizija. L-aktar delitti rrappurtati jinkludu reati ta’ serq u ħsara kriminali lill-proprjetà.

L-istatistika ppreżentata minn 18-il Stat Membru turi li 11 120 123 persuna rrappurtaw delitt fl-2016. Id-data disponibbli turi li madwar 40 % tal-vittmi ta’ delitti rrappurtati huma nisa. Franza tindika perċentwal partikolarment għoli ta’ nisa bħala vittmi ta’ delitt irappurtat (62 %). Fl-Istati Membri kollha li wieġbu għall-kwestjonarju, inqas minn 10 % tal-vittmi ta’ delitti rrappurtati huma minuri.

5.Konklużjoni

Id-Direttiva tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Vittmi hija l-istrument ewlieni tal-politika dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-UE. Hija tipprevedi regoli ambizzjużi li huma kapaċi jtejbu s-sitwazzjoni tal-vittmi fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, din il-valutazzjoni turi li għadu ma ntlaħaqx il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva. L-implimentazzjoni tad-Direttivi hija insodisfaċenti. Dan huwa dovut b’mod partikolari għal traspożizzjoni inkompluta u/jew skorretta.

Dan ir-rapport iqajjem ukoll tħassib kbir dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva. Instabu nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, bħall-aċċess għal informazzjoni, servizzi ta’ appoġġ u protezzjoni skont il-ħtiġijiet individwali tal-vittmi, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Jidher li d-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet proċedurali u mal-ġustizzja restorattiva huma inqas problematiċi.

Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tegħleb id-diffikultajiet identifikati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippromwovi l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva permezz ta’ appoġġ finanzjarju 13 . Pereżempju, in-Netwerk Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 14 , stabbilit taħt għotja tal-UE, jipprovdi forum ta’ esperti nazzjonali li jiskambjaw l-aħjar prattiki u jiddiskutu l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva.

Bħalissa għaddejjin proċedimenti ta’ ksur għal traspożizzjoni mhux kompluta kontra il-maġġoranza tal-Istati Membri. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tibda aktar proċedimenti ta’ ksur għal traspożizzjoni mhux korretta u/jew implimentazzjoni prattika skorretta.

(1) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32017L0541
(2) Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32011L0036 . Rigward l-implimentazzjoni tagħha, irreferi għar-“Rapport tat-Traspożizzjoni” (COM(2016) 722 final); “Rapport tal-utenti” (COM(2016) 719 final) u r-rapporti ta’ Progress tal-Kummissjoni Ewropea COM(2016) 267 final u COM(2018) 777 final u fir-rigward tal-azzjonijiet iffukati fuq il-vittmi, speċifiċi għall-ġeneru u sensittivi għat-tfal: Https://ec.europa.eu/anti-trafficking/publications/eu-anti-trafficking-action-2012-2016-glance_en u https://ec.europa.eu/anti-trafficking/sites/antitrafficking/files/eu_anti-trafficking_action_2017-2019_at_a_glance.pdf
(3) Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32011L0093
(4) Dokument ta’ Gwida tad-DĠ Ġustizzja relatat mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE, il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Ġustizzja, Diċembru 2013, https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/13_12_19_3763804_guidance_victims_rights_directive_eu_en.pdf
(5) Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (2016/2328 (INI)), 14 ta’ Mejju 2018, https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-8-2018-0168_MT.html
(6) Id-Direttiva 2012/29/UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea, PE 611.022, Diċembru 2017, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/611022/EPRS_STU (2017) 611022_EN.pdf
(7) Liġijiet proċedurali kriminali fl-Unjoni Ewropea kollha — Analiżi komparattiva tad-differenzi ewlenin magħżula u l-impatt li għandhom fuq l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-UE, PE 604.977, Awwissu 2018, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/604977/IPOL_STU (2018) 604977_EN.pdf
(8) Dawn ir-rapporti jinkludu: rapport mill-Konsulent Speċjali tal-President Juncker, Joëlle Milquet, dwar “It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi: minn kumpens għal reparazzjoni” ippubblikat f’Marzu 2019, Erba’ rapporti mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-Ġustizzja għall-vittmi ta’ reati vjolenti, ippubblikati f’April 2019, u rapport ta’ sinteżi VOCIARE minn Victim Support Europe, ippubblikat f’Ġunju 2019.
(9) Il-Kawża C-38/18, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Lulju 2019.
(10) Ir-rapport jinkludi lir-Renju Unit, billi jkopri perjodu li matulu kien Stat Membru tal-UE u parti mill-perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu d-Direttiva kompliet tapplika.
(11) L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.
(12) Il-Kummissjoni għandha 21 proċediment ta’ ksur li għadhom għaddejjin għal traspożizzjoni mhux kompluta tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi kontra l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja.
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73-83, https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/programmes/just
(14)   https://envr.eu/
Top