MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi qafas uniku tal-Unjoni għal tliet setturi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, jiġifieri għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll għall-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji. Għalhekk, jemenda jew iħassar, sa fejn meħtieġ, ir-Regolamenti, li qabel kienu jipprevedu oqfsa separati f’dawk is-setturi, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-inbid, ir-Regolament (UE) 2019/787 għax-xorb spirituż u r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel.
Ir-Regolament (UE) 2024/1143 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji. Jenħtieġ li dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/XXXX [OP: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għal C(2024)8000] jieħdu post id-dispożizzjonijiet tal-atti delegati fis-setturi tal-inbid, tax-xorb spirituż u tal-prodotti agrikoli, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 fis-settur tal-prodotti agrikoli, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1235 fis-settur tax-xorb spirituż u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 fis-settur tal-inbid.
Ir-regoli inklużi f’dan ir-Regolament Delegat jipprevedu qafas legali uniku u konsistenti. Għalkemm ibbażati fuq setgħat differenti previsti fir-Regolament (UE) 2024/1143, dawn ir-regoli jikkostitwixxu sistema regolatorja unika. Fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, is-setgħat jikkonċernaw il-proċeduri u l-iskadenza għall-proċedura ta’ oppożizzjoni, l-emendi tal-Unjoni li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku, ir-relazzjoni bejn l-emenda tal-Unjoni u l-emenda standard, l-emendi standard b’mod ġenerali u, għall-prodotti agrikoli biss, il-kundizzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-akkwist tal-materja prima. Fir-rigward tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, is-setgħat jikkonċernaw ir-regoli li jillimitaw l-informazzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-proċeduri u l-iskadenza għall-proċedura ta’ oppożizzjoni, il-proċedura għall-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u r-regoli dwar l-użu ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jindikaw prodott użat bħala ingredjent fl-isem ta’ prodott ipproċessat. Sabiex tiġi evitata l-multiplikazzjoni inutli tal-atti legali u bil-ħsieb li din il-leġiżlazzjoni sekondarja tiġi ssimplifikata u ssir faċli biex tiġi kkonsultata u applikata, ir-regoli maħruġa f’konformità ma’ dawk is-setgħat jenħtieġ li jinġabru f’Regolament Delegat uniku.
Għalhekk, l-għan ta’ dan l-att delegat huwa li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 bir-regoli dwar il-proċeduri għall-emendi tal-Unjoni, l-approvazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ emendi u rekwiżiti standard u temporanji għall-akkwist ta’ materja prima għal indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli, kif ukoll il-proċeduri għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u għall-approvazzjoni ta’ emendi għal speċjalitajiet tradizzjonali garantiti. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 għandu jitħassar.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Saru konsultazzjonijiet, li jinvolvu esperti mis-27 Stat Membru kollha, fi ħdan il-laqgħat konġunti tal-Grupp ta’ Esperti għas-Sostenibbiltà u l-Kwalità tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Grupp ta’ Esperti għas-Swieq Agrikoli, b’mod partikolari dwar aspetti li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar l-OKS Unika — is-Sottogrupp dwar l-inbid u l-Grupp ta’ Esperti għas-Swieq Agrikoli, b’mod partikolari dwar aspetti li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar l-OKS Unika — Xorb Spirituż.
Matul dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni ppreżentat verżjonijiet emendati tat-test filwaqt li qieset l-osservazzjonijiet u l-kummenti li saru f’kull waħda mil-laqgħat jew li ntbagħtu bil-miktub lis-servizzi tal-Kummissjoni.
Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni wassal għal kunsens wiesa’ dwar l-abbozz tar-Regolament Delegat.
Il-mekkaniżmu ta’ feedback twettaq fil-Portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar mit-12 ta’ Awwissu 2024 sad-9 ta’ Settembru 2024. Daħlu ħames kummenti. L-att ma ġiex rivedut wara li wasal il-feedback.
3.ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT
Dan l-att delegat fih dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti regoli tar-Regolament (UE) 2024/1143 li huma meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. B’mod partikolari, dan jistabbilixxi l-qafas legali għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti. L-att delegat iżid iċ-ċarezza għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/1143 u jintroduċi elementi ta’ simplifikazzjoni.
L-att iħassar id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'30.10.2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u b’mod partikolari l-Artikoli 17(10), 24(10), 47(5), 54(2), 61(10), 66(3), 68(5) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1143 jistabbilixxi qafas komuni uniku tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fi tliet setturi agrikoli: l-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli. Għal dan l-għan, ir-Regolament (UE) 2024/1143 emenda jew ħassar, sa fejn meħtieġ, dawk l-atti tal-Unjoni li pprevedew oqfsa separati f’dawk is-setturi. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2024/1143 emenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid, u r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tax-xorb spirituż, u ħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel.
(2)Ir-Regolament (UE) 2024/1143 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni għat-tliet setturi agrikoli kollha: l-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli.
(3)Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli fil-qafas legali l-ġdid u b’mod partikolari biex jiġi ssimplifikat u razzjonalizzat il-funzjonament tas-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll is-sistema tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, jenħtieġ li jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ atti delegati.
(4)Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali fil-proċeduri ta’ oppożizzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma fil-ħin lill-applikanti dwar kwalunkwe oppożizzjoni li tirċievi kontra l-applikazzjonijiet tagħhom.
(5)Sabiex ikun hemm passi ċari fil-proċedura ta’ oppożizzjoni, huwa meħtieġ li tiġi identifikata b’mod preċiż id-data tal-bidu għall-konsultazzjonijiet xierqa bejn l-opponent u l-applikant bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim u li jiġu speċifikati l-obbligi tal-Istat Membru applikant f’każ li jqis li l-bidliet fl-applikazzjoni, wara ftehim milħuq fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni, huma sostanzjali.
(6)Għal raġunijiet ta’ trasparenza u sabiex jittejbu l-kwalità u l-uniformità tal-informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, jenħtieġ li l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li għaliha qatt ma ġie ppubblikat Dokument Uniku jew ekwivalenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tinkludi Dokument Uniku li jikkonforma mar-rekwiżiti rispettivi għad-dokumenti uniċi fis-setturi tal-inbid, tax-xorb spirituż u tal-prodotti agrikoli.
(7)Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura għall-approvazzjoni ta’ emendi standard u emendi temporanji biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu valutazzjoni xierqa tal-applikazzjonijiet u biex jiġi ggarantit approċċ konsistenti madwar l-Istati Membri, inkluż għall-indikazzjonijiet ġeografiċi transfruntiera. Jenħtieġ li l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-valutazzjoni mill-Istati Membri jkunu ekwivalenti għall-preċiżjoni u l-kompletezza meħtieġa għall-proċess ta’ valutazzjoni fil-proċedura li tirregola l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika.
(8)Jenħtieġ li l-emendi standard u temporanji relatati mal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi jsegwu l-approċċ previst għall-Istati Membri, u jenħtieġ li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tittieħed f’konformità mas-sistema fis-seħħ fil-pajjiż terz inkwistjoni.
(9)Bl-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali applikabbli immedjatament li tannulla deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni bl-għan li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u b’hekk tinforma lill-utenti u lill-awtoritajiet ta’ kontroll kollha fl-Unjoni.
(10)Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ġestjoni effiċjenti tas-sistema, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti u l-iskadenzi għall-komunikazzjonijiet ta’ emendi standard jew temporanji approvati.
(11)Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jistabbilixxu koordinazzjoni bejn il-proċeduri għall-emendi għal Speċifikazzjoni tal-Prodott f’każijiet fejn l-applikazzjonijiet li jikkonċernaw emenda tal-Unjoni u emenda standard ikunu pendenti fl-istess ħin quddiem il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, rispettivament. Peress li ż-żewġ applikazzjonijiet jemendaw l-istess Speċifikazzjoni tal-Prodott, filwaqt li jsegwu żewġ proċeduri paralleli differenti bi skeda ta’ żmien differenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jevitaw l-inkonsistenzi.
(12)Għalkemm l-emendi standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott jiġu approvati mill-Istati Membri wara proċedura speċifika li tkun differenti mill-proċedura għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni, li għalihom hija responsabbli l-Kummissjoni, jenħtieġ li dawn jiġu ttrattati flimkien mal-emendi tal-Unjoni meta jitqiesu bħala marbuta b’mod inseparabbli magħhom, jiġifieri meta emenda standard waħda tirriżulta f’emenda tal-Unjoni jew tiġi skattata minnha. Jenħtieġ li din l-eċċezzjoni tippermetti li s-suġġetti relatati jiġu ttrattati fl-istess waqt taħt proċedura amministrattiva waħda, u b’hekk toffri effiċjenza u koerenza tal-proċedura.
(13)Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għar-restrizzjonijiet dwar l-oriġini tal-materja prima għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, jenħtieġ li tkun meħtieġa wkoll ġustifikazzjoni fir-rigward tar-rabta, fejn ir-rekwiżiti li l-passi speċifiċi tal-produzzjoni jridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita jirriżultaw f’restrizzjonijiet.
(14)Sabiex ikun żgurat li l-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott għall-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti jipprovdu biss informazzjoni rilevanti u konċiża, u sabiex jiġu evitati applikazzjonijiet voluminużi żżejjed għar-reġistrazzjoni jew għall-approvazzjoni ta’ emenda għal Speċifikazzjoni tal-Prodott ta’ speċjalità tradizzjonali garantita, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu għat-tul tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
(15)Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, jenħtieġ li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda għal Speċifikazzjoni tal-Prodott ta’ speċjalità tradizzjonali garantita tkopri biss emendi li huma deskritti kif xieraq.
(16)Fid-dawl tal-prattiki kummerċjali, b’mod simili għad-dispożizzjonijiet adottati għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-Regolament (UE) 2024/1143, hija meħtieġa ċarezza dwar l-użu ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita fl-isem tal-bejgħ ta’ prodott ipproċessat li l-prodott denominat mill-ispeċjalità tradizzjonali garantita huwa ingredjent tiegħu. Jenħtieġ li jiġi żgurat li tali użu jsir f’konformità ma’ prattiki kummerċjali ġusti.
(17)Jenħtieġ li r-regoli adottati abbażi ta’ dawk is-setgħat jipprovdu qafas legali uniku u konsistenti li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 fir-rigward tal-protezzjoni u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ isem u għall-emendar ta’ Speċifikazzjoni tal-Prodott relatata mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. Għalkemm huma bbażati fuq setgħat differenti previsti fir-Regolament (UE) 2024/1143, dawn ir-regoli jikkostitwixxu sistema regolatorja unika.
(18)Fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, is-setgħat jikkonċernaw il-proċeduri u l-iskadenza għall-proċedura ta’ oppożizzjoni, l-emendi tal-Unjoni li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku, ir-relazzjoni bejn l-emenda tal-Unjoni u l-emenda standard, il-proċedura u l-kontenut għall-emendi standard u, għall-prodotti agrikoli biss, kundizzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-akkwist tal-materja prima. Fir-rigward tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, is-setgħat jikkonċernaw ir-regoli li jillimitaw l-informazzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-proċeduri u l-iskadenza għall-proċedura ta’ oppożizzjoni, il-proċedura għall-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u r-regoli dwar l-użu ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jindikaw prodott użat bħala ingredjent fl-isem ta’ prodott ipproċessat.
(19)L-elementi essenzjali tal-proċeduri u tal-protezzjoni li jikkonċernaw l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti huma kollha previsti fir-Regolament (UE) 2024/1143. B’mod partikolari, għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ dak ir-Regolament huwa li jipprevedi sistema unitarja u eżawrjenti ta’ protezzjoni, ibbażata fuq l-istess regoli proċedurali u ġestita mill-istess Kumitat. Il-konsistenza ta’ sistema bħal din tkun żgurata aħjar jekk ir-regoli jkunu previsti fl-istess att. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, għall-konsistenza tas-sistema ġenerali, jenħtieġ li r-regoli supplimentari kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jikkonċernaw elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv meħtieġa biex is-sistema għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti tkun qed tiffunzjona tajjeb jinġabru fl-istess att.
(20)Ir-regoli adottati abbażi ta’ dawn is-setgħat għandhom l-istess objettiv, li huwa li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tas-sistema unitarja ta’ reġistrazzjoni, l-emenda u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti fil-livelli u l-passi differenti kollha. Dawn ir-regoli huma kollha parti mill-istess fluss tax-xogħol imfassal biex jipproteġi u jimmaniġġja l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Garanzija tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali fl-Unjoni.
(21)Jenħtieġ li r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jitħassar biex jitħassru d-dispożizzjonijiet kollha li jkunu f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li japplikaw ukoll għas-settur tal-prodotti agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjoni introduttorja
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi:
(i)ir-regoli ta’ proċedura għall-oppożizzjoni;
(ii)il-proċeduri għal emendi tal-Unjoni;
(iii)l-approvazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ emendi standard, inkluż emendi temporanji;
(iv)ir-relazzjoni bejn l-emendi tal-Unjoni u l-emendi standard;
(v)ir-rekwiżiti għall-akkwist ta’ materja prima għal indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli;
(b)fir-rigward tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti:
(i)il-proċeduri għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;
(ii)ir-regoli ta’ proċedura għall-oppożizzjoni;
(iii)il-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;
(iv)ir-regoli dwar l-użu ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jiddenominaw prodott użat bħala ingredjent fl-isem ta’ prodott ipproċessat.
KAPITOLU II
Indikazzjonijiet ġeografiċi
Artikolu 2
Regoli ta’ proċedura għall-oppożizzjoni
1.Meta l-Kummissjoni tirċievi oppożizzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, hija għandha tinforma lill-applikant dwar l-oppożizzjoni mingħajr dewmien.
2.Il-perjodu ta’ 3 xhur li matulu l-opponent u l-applikant jistgħu jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa, imsemmi fl-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, għandu jibda fid-data li fiha tiġi kkonsenjata l-istedina lilhom b’mezzi elettroniċi.
3.Għall-finijiet tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità jew tal-persuna li ppreżentat l-oppożizzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità, lill-korp jew lill-persuna li ssottomettiet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni jew it-talba għat-tħassir.
4.F’każ li l-Istati Membri jqisu li l-bidliet konsegwenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) 2024/1143 huma sostanzjali, u b’hekk jaffettwaw l-interessi li ma kinux tqiesu fil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 10(4) ta’ dak ir-Regolament, dawk il-bidliet għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta’ oppożizzjoni addizzjonali. L-Istati Membri applikanti għandhom jitħallew iwettqu l-proċedura addizzjonali ta’ oppożizzjoni wara li jinnotifikaw ir-riżultat tal-konsultazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) 2024/1143. F’dik il-proċedura ta’ oppożizzjoni addizzjonali, l-Istat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni titħalla tippreżenta oppożizzjoni qabel ma l-verżjoni emendata tad-Dokument Uniku u tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġi ripetut l-eżami kif imsemmi fl-Artikolu 17(7) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
Artikolu 3
Emenda tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li għalihom qatt ma ġie ppubblikat dokument uniku
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ indikazzjoni ġeografika, li għaliha qatt ma ġie ppubblikat Dokument Uniku jew ekwivalenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandha tinkludi dokument uniku. Id-Dokument Uniku għandu jikkonforma mal-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/787, skont jekk l-indikazzjoni ġeografika tiddenominax prodott agrikolu, inbid jew xarba spirituża, rispettivament.
Artikolu 4
Approvazzjoni minn Stat Membru ta’ emendi standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ indikazzjoni ġeografika
1.Għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għandhom jitressqu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab iż-żona ġeografika ddefinita tal-prodott ikkonċernat.
2.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-applikazzjonijiet għal emendi standard jiġu ppubblikati għall-oppożizzjoni fil-livell nazzjonali. Jekk ma tkunx prevista oppożizzjoni nazzjonali, u jekk l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott ma tkunx ġejja mill-grupp ta’ produtturi applikant li jkun ressaq l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem jew ismijiet li għalihom tirreferi l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, l-Istat Membru għandu jagħti lil dak il-grupp ta’ produtturi applikant l-opportunità li jikkummenta dwar l-applikazzjoni, jekk dak il-grupp ta’ produtturi applikant ikun għadu jeżisti.
3.L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda standard għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-emendi standard u sommarju tar-raġunijiet li għalihom huma meħtieġa l-emendi, u għandha turi li l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala standard f’konformità mal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
4.Fejn l-Istat Membru jqis li r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1143 u tad-dispożizzjonijiet adottati skont dak ir-Regolament huma ssodisfati, huwa jista’ japprova l-emenda standard. Id-deċiżjoni tal-approvazzjoni għandha tinkludi r-referenza elettronika tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ikkonsolidata ppubblikata u, fejn rilevanti, id-Dokument Uniku kkonsolidat emendat. Meta l-emenda standard tikkonċerna indikazzjoni ġeografika li għaliha qatt ma jkun ġie ppubblikat Dokument Uniku f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dejjem għandu jiġi inkluż Dokument Uniku.
5.Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni inkluż id-Dokument Uniku relatat, fejn rilevanti, għandha ssir pubblika mill-Istati Membri. L-emenda standard approvata għandha tkun applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat wara r-regoli nazzjonali applikabbli għad-dħul fis-seħħ.
6.Fil-każ ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li tikkonċerna indikazzjoni ġeografika li għaliha qatt ma jkun ġie ppubblikat Dokument Uniku f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, id-Dokument Uniku għandu jiġi ppubblikat għall-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 5
Komunikazzjoni tal-emendi standard
1.L-Istat Membru għandu jikkomunika l-emendi standard approvati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha tkun saret pubblika d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali.
2.Deċiżjoni li tapprova emendi standard li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw f’pajjiżi terzi għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni minn grupp ta’ produtturi, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha tkun ġiet approvata d-deċiżjoni rilevanti.
3.Il-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata lill-Kummissjoni għandha titqies li tkun saret kif xieraq jekk ikun fiha l-elementi kollha elenkati fl-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/XXXX [OP: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għal C(2024)8000].
4.Fil-każ li approvazzjoni ta’ emenda standard tirriżulta f’emenda tad-Dokument Uniku, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-komunikazzjoni tal-emenda standard u tad-Dokument Uniku emendat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-serje C, fi żmien 3 xhur mid-data li fiha tkun irċeviet il-komunikazzjoni ta’ dik l-emenda standard.
5.F’każ li approvazzjoni ta’ emenda standard, debitament ikkomunikata, ma tirriżultax f’emenda tad-Dokument Uniku, il-Kummissjoni għandha tippubblika fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143, il-komunikazzjoni tal-emenda standard fi żmien 3 xhur mid-data li fiha tkun irċeviet il-komunikazzjoni ta’ dik l-emenda standard.
6.Il-Kummissjoni ma għandhiex tippubblika komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard li ma tkunx saret kif xieraq skont il-paragrafu 3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità jew lill-grupp ta’ produtturi li l-komunikazzjoni tal-emenda standard ma saritx kif xieraq fi żmien 3 xhur. F’każ ta’ nuqqas ta’ tweġiba wara xahrejn minn meta tasal l-ittra tal-Kummissjoni, il-komunikazzjoni magħmula b’mod mhux xieraq għandha titqies li ma ġietx sottomessa.
7.L-Istat Membru għandu jikkomunika, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni:
(a)kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva applikabbli immedjatament li tannulla deċiżjoni li tapprova emenda standard;
(b)id-dokument uniku kkonsolidat u r-referenza elettronika tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, jew fil-każ ta’ emenda li ma timmodifikax id-dokument uniku, ir-referenza elettronika tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott biss, aġġornata wara l-annullament ta’ dik l-emenda standard.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali li tannulla emenda standard fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew tippubblikaha fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143, f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, mutatis mutandis, jew l-Artikolu 16(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/XXXX [OP: jj daħħal ir-referenza għal C (2024) 8000], kif xieraq.
8.L-Istat Membru jew il-pajjiż terz jew il-grupp ta’ produtturi msemmi fil-paragrafu 2 li jkun ikkomunika emenda standard lill-Kummissjoni għandu jibqa’ responsabbli għall-kontenut tagħha.
9.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5), l-emendi standard għandhom ikunu applikabbli fit-territorju tal-Unjoni mid-data li fiha jkunu ġew ippubblikati skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew ikunu saru pubbliċi skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
10.Fejn iż-żona ġeografika ddefinita tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, kull Stat Membru kkonċernat għandu japplika l-proċedura għall-emenda standard separatament. L-emenda standard għandha tkun applikabbli fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati biss wara li ssir applikabbli l-aħħar deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali. L-aħħar Stat Membru li japprova l-emenda standard għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-komunikazzjoni rilevanti mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tiegħu.
Jekk wieħed jew aktar mill-Istati Membri kkonċernati ma jadottawx id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu, kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jista’ jissottometti dik l-applikazzjoni skont il-proċedura ta’ emenda tal-Unjoni. F’dan il-każ, l-Istat Membru li japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għandu juri li l-proċedura ta’ emenda standard kienet naqset milli tikkonkludi f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri li minnu toriġina l-indikazzjoni ġeografika. Il-proċedura relatata ta’ oppożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha bl-esklużjoni tal-Istat Membru li japplika għall-approvazzjoni tal-emenda tal-Unjoni.
11.Meta parti miż-żona ġeografika ddefinita kkonċernata tkun tinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, il-paragrafu 10 għandu japplika mutatis mutandis.
12.Il-komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ indikazzjoni ġeografika li għaliha qatt ma ġie ppubblikat dokument uniku f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha dejjem tkun akkumpanjata minn Dokument Uniku li għandu jiġi ppubblikat għall-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 6
Relazzjoni bejn l-emendi tal-Unjoni u l-emendi standard
1.Meta emenda standard li timplika emenda tad-Dokument Uniku tiġi approvata, filwaqt li applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni tkun pendenti mal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna d-Dokument Uniku inkluż fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni kif xieraq. Jekk l-emenda tal-Unjoni pendenti tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għall-oppożizzjoni, il-verżjoni aġġornata tad-Dokument Uniku għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-serje L, bħala Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li japprova l-emenda tal-Unjoni.
2.Fejn il-verżjoni emendata tad-Dokument Uniku, inkluż f’applikazzjoni għal emenda standard approvata fil-livell nazzjonali, ma tikkunsidrax l-aħħar emendi tal-Unjoni li jkunu ġew approvati, dik l-emenda standard ma għandhiex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Istat Membru li jkun approva dik l-emenda standard għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-verżjoni kkonsolidata tad-Dokument Uniku kif emendat kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-emendi standard għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3.Emenda standard inkluża f’applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni li hija marbuta b’mod inseparabbli ma’ dik l-emenda tal-Unjoni għandha eċċezzjonalment titqies bħala parti minn dik l-emenda tal-Unjoni u għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni flimkien mal-emenda tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, ir-rabta inseparabbli bejn l-emenda tal-Unjoni u l-emenda standard għandha tiġi spjegata fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-emenda tal-Unjoni.
Artikolu 7
Emendi temporanji tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ indikazzjoni ġeografika
1.L-emendi temporanji għal speċifikazzjoni tal-prodott għandhom jiġu approvati u ppubblikati mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab iż-żona ġeografika ddefinita tal-indikazzjoni ġeografika kkonċernata. Emendi temporanji jistgħu jikkonċernaw parti miż-żona ġeografika.
2.L-emendi temporanji għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet li jappoġġawhom u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha dik id-deċiżjoni tkun saret pubblika. L-emenda temporanja għandha tkun applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat skont ir-regoli nazzjonali applikabbli għad-dħul fis-seħħ.
3.Kull emenda temporanja għandha tapplika għal perjodu limitat ta’ żmien stabbilit mill-awtorità li tapprova l-emenda. Din tista’ tiġġedded biss jekk ikunu għadhom jeżistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2024/1143 li tkun ġiet approvata għall-ewwel darba abbażi tagħhom. Tiġdid ta’ emendi temporanji għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija f’dan l-Artikolu.
4.Fejn iż-żona ġeografika tkun tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandu japplika l-proċedura għall-emendi temporanji msemmija fil-paragrafu 1 separatament.
5.L-emendi temporanji li jikkonċernaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, flimkien mar-raġunijiet li jappoġġawhom, minn grupp ta’ produtturi, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż terz, mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha tkun ġiet approvata l-emenda temporanja.
6.Il-komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata lill-Kummissjoni għandha titqies li saret kif xieraq meta jkun fiha l-elementi elenkati fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/XXXX [OP: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għal C(2024)8000].
7.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-komunikazzjoni ta’ emendi temporanji fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143 fi żmien 3 xhur mid-data li fiha tkun irċeviet il-komunikazzjoni ta’ emendi temporanji. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-emendi temporanji għandhom ikunu applikabbli fit-territorju tal-Unjoni mid-data li fiha jkunu saru pubbliċi mill-Kummissjoni.
8.L-Istat Membru, il-pajjiż terz jew il-grupp ta’ produtturi msemmija fil-paragrafu 5 li jkunu kkomunikaw emenda temporanja lill-Kummissjoni għandhom jibqgħu responsabbli għall-kontenut tagħha.
KAPITOLU III
Regoli speċjali għall-prodotti agrikoli
Artikolu 8
Akkwist ta’ materja prima għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti
Il-ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 47(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 għandha tkun meħtieġa wkoll meta r-rekwiżit li jridu jseħħu passi speċifiċi tal-produzzjoni fiż-żona ġeografika ddefinita jirriżulta f’restrizzjonijiet fuq l-akkwist tal-materja prima.
KAPITOLU IV
Speċjalitajiet tradizzjonali garantiti
Artikolu 9
Limitazzjoni tat-tul tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott għall-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti
L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2024/1143 għandha tkun konċiża u ma għandhiex taqbeż il-5 000 kelma, ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati.
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/XXXX [OP: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għal C(2024)8000], għandha tkun konċiża u ma għandhiex taqbeż is-7 500 kelma, bl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott inkluża, ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati.
Artikolu 10
Regoli ta’ proċedura għall-oppożizzjoni
1.Meta l-Kummissjoni tirċievi oppożizzjoni skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, hija għandha tinforma lill-applikant dwar l-oppożizzjoni mingħajr dewmien.
2.Il-perjodu ta’ 3 xhur li matulu l-opponent u l-applikant jistgħu jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa, imsemmi fl-Artikolu 61(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, għandu jibda fid-data li fiha tiġi kkonsenjata l-istedina lilhom b’mezzi elettroniċi.
3.Għall-finijiet tal-Artikolu 61(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità jew tal-persuna li ppreżentat l-oppożizzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità, lill-korp jew lill-persuna li ssottomettiet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew għall-approvazzjoni ta’ emenda jew it-talba għat-tħassir.
4.F’każ li l-Istati Membri jqisu li l-bidliet konsegwenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 61(6) tar-Regolament (UE) 2024/1143 huma sostanzjali, u b’hekk jaffettwaw l-interessi li ma kinux tqiesu fil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 56(3) ta’ dak ir-Regolament, dawk il-bidliet għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta’ oppożizzjoni addizzjonali. L-Istati Membri applikanti għandhom jitħallew iwettqu l-proċedura addizzjonali ta’ oppożizzjoni wara li jinnotifikaw ir-riżultat tal-konsultazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 61(6) tar-Regolament (UE) 2024/1143. F’dik il-proċedura ta’ oppożizzjoni addizzjonali, l-Istat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni titħalla tippreżenta oppożizzjoni qabel ma tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni l-verżjoni emendata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bil-ħsieb li jiġi ripetut l-eżami, kif imsemmi fl-Artikolu 61(7) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
Artikolu 11
Emendi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti
L-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda għal Speċifikazzjoni tal-Prodott ta’ speċjalità tradizzjonali garantita għandha tkopri biss l-emendi inklużi fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
Artikolu 12
Użu ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jindikaw prodott użat bħala ingredjent fl-isem ta’ prodott ipproċessat
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 68 u 70 tar-Regolament (UE) 2024/1143 u għall-Artikoli 7 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-ispeċjalità tradizzjonali garantita li tindika prodott użat bħala ingredjent fi prodott ipproċessat tista’ tintuża f’isem dak il-prodott ipproċessat, jew fit-tikkettar tiegħu, jew fil-materjal ta’ reklamar tiegħu fejn:
(a)il-prodott ipproċessat ma jkun fih l-ebda prodott ieħor komparabbli mal-ingredjent indikat mill-ispeċjalità tradizzjonali garantita;
(b)l-ingredjent indikat mill-ispeċjalità tradizzjonali garantita jintuża fi kwantitajiet suffiċjenti biex jagħti karatteristika essenzjali lill-prodott ipproċessat ikkonċernat; u
(c)il-perċentwal tal-ingredjent denominat mill-ispeċjalità tradizzjonali garantita fil-prodott ipproċessat huwa indikat fuq it-tikketta.
KAPITOLU V
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 13
Tħassir
Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 jitħassar.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 30.10.2024
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN