EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2021-02844-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Miżuri ta emerġenza biex jiġu appoġġjati l-impjieg u l-introjtu matul il-kriżi pandemika (Opinjoni fuq inizjattiva proprja - Gr II)

EESC-2021-02844-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Miżuri ta’ emerġenza biex jiġu appoġġjati l-impjieg u l-introjtu matul il-kriżi pandemika

_____________

Miżuri ta’ emerġenzja biex jiġu appoġġjati l-impjieg u l-introjtu matul il-kriżi pandemika
[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]

SOC/686

Relatur: Cinzia DEL RIO

MT

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

26/04/2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

07/09/2021

Adottata fil-plenarja

22/09/2021

Sessjoni plenarja Nru

563

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

211/1/4

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE japprova l-istrateġija tal-UE għall-indirizzar tal-kriżi pandemika, li tagħti ħajja ġdida u ssaħħaħ is-sistemi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-Istati Membri u li tissalvagwardja s-sistema tal-produzzjoni, tal-impjiegi u l-appoġġ għall-introjtu tal-persuni.

1.2Il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ SURE bħala strument finanzjarju innovattiv għas-solidarjetà Ewropea biex jinżammu l-impjiegi, jingħata appoġġ għall-introjtu lill-ħaddiema u jiġu appoġġjati l-impriżi, kif ukoll bħala għodda għall-integrazzjoni u r-reżiljenza soċjoekonomika fl-UE.

1.3Il-KESE jenfasizza l-valur soċjali ta’ SURE li, permezz tal-ħruġ ta’ bonds għall-finanzjament ta’ inizjattivi għal skopijiet soċjali, jantiċipa l-mekkaniżmu tal-programm tan-Next Generation EU.

1.4Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni SURE, li, permezz tal-finanzjament ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, il-forom ta’ appoġġ għall-introjtu u s-sostenn għall-impriżi, ipproteġiet kwart tal-popolazzjoni totali, filwaqt li żammet l-impjiegi u l-kapaċità produttiva tal-impriżi, u għandha impatt pożittiv fuq l-ekonomija u s-suq tax-xogħol. Madankollu, ta’ min jinnota li dawn iċ-ċifri ma jenfasizzawx biżżejjed il-miżuri individwali ffinanzjati mid-diversi pajjiżi, l-ammonti tagħhom u l-kategoriji ta’ ħaddiema koperti mill-għajnuna.

1.5Il-KESE jipproponi li jitwaqqaf osservatorju SURE sakemm jibqa’ jopera SURE, bl-involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. L-osservatorju se jkollu l-kompitu li jimmonitorja u jivvaluta l-impatt f’pajjiżi individwali tal-miżuri li jirċievu finanzjament, sabiex, fost l-oħrajn, jidentifika mudelli għal sistemi fil-ġejjieni li jistgħu jintużaw biex jitnaqqas il-ħin tax-xogħol u jingħata appoġġ għall-introjtu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi simili.

1.6Matul żminijiet ta’ kriżi ekonomika, il-ħeffa tad-deċiżjonijiet u tal-għażliet hija fattur determinanti. Għal din ir-raġuni, il-KESE japprezza l-ħeffa li biha l-Kummissjoni Ewropea waqqfet SURE u r-rapidità li biha kkonkludiet in-negozjati mal-Istati Membri fi żmien qasir, li juri l-kapaċità ta’ reazzjoni għas-severità tal-kriżi.

1.7Il-KESE jirrakkomanda li l-użu ta’ SURE jiġi kkombinat ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol u perkorsi ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid vokazzjonali li għandhom l-għan li joħolqu impjiegi stabbli u ta’ kwalità, filwaqt li jiġu miġġielda forom ta’ impjiegi medjokri, frammentati u mhux stabbli, li ma jipprovdu l-ebda garanzija ta’ kopertura ta’ sigurtà soċjali adegwata u li jaffettwaw ukoll is-sistemi tas-sigurtà soċjali pubbliċi.

1.8Il-KESE jemmen li SURE huwa wieħed mill-istrumenti adatti biex tipprovdi inċentivi għal min iħaddem biex iżomm il-ħaddiema minkejja t-tnaqqis fl-attività produttiva. Permezz ta’ ftehimiet kollettivi jistgħu jiġu mħeġġa miżuri għall-allokazzjoni ta’ parti mill-ħin tax-xogħol għat-taħriġ. Dan jippermetti lill-impriżi jadattaw il-ħiliet tal-ħaddiema, billi jallokaw parti mis-sigħat tagħhom għat-taħriġ, bil-paga tal-persunal li jkun qed jitħarreġ titħallas minn SURE.

1.9Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa tissawwar u tiġi kkompletata b’mod aktar konsistenti, filwaqt li tiġi żgurata l-kompetittività tal-Ewropa fil-kuntest globali u inkluż fid-dawl tal-isfidi l-ġodda tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, bl-użu tal-miżuri stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi miżuri u investimenti biex jiġu appoġġjati l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

1.10Il-KESE jappoġġja l-komunikazzjoni tal-KE li tissospendi l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u jappella għal “bidla” lejn qafas ta’ governanza ekonomika rivedut u bbilanċjat mill-ġdid, immirat lejn il-promozzjoni tal-investimenti produttivi. Se jkun essenzjali li l-Istati Membri jiġu megħjuna jpoġġu l-finanzi pubbliċi tagħhom fuq bażi sostenibbli, u b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja fl-investiment.

1.11Il-KESE jemmen li l-kondiviżjoni u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali huma valur miżjud tal-politiki Ewropej u nazzjonali. L-involviment tagħhom f’azzjonijiet kofinanzjati minn SURE huwa għalhekk kruċjali, u jiffoka wkoll fuq in-negozjar kollettiv fis-setturi speċifiċi l-aktar milquta mill-kriżi. Madankollu, huwa kruċjali li l-involviment tal-imsieħba soċjali jkun sostanzjali, leġittimu u mhux formali.

1.12Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ ir-riżultati pożittivi ta’ SURE enfasizzati fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2021 u japprova l-proposta għall-istabbilizzazzjoni tiegħu b’appoġġ għall-ħaddiema u n-negozji bħala għodda għall-integrazzjoni u r-reżiljenza soċjoekonomika tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi bħal dik attwali. Dan għandu jsir wara l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-osservatorju SURE, li l-KESE jipproponi li jitwaqqaf.

1.13Il-KESE jilqa’ r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “EASE”, li tieħu l-approċċ strateġiku li gradwalment ikun hemm bidla mill-miżuri ta’ emerġenza użati matul il-pandemija għal dawk ġodda meħtieġa biex jiġi żgurat irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, b’mod partikolari politiki attivi tas-suq tax-xogħol, bħal inċentivi temporanji ta’ reklutaġġ għal gruppi vulnerabbli, titjib tal-ħiliet u opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u appoġġ intraprenditorjali, inkluż għall-ekonomija soċjali.

2.Introduzzjoni

2.1L-ekonomija Ewropea ġarrbet dannu kbir minħabba l-pandemija li għaddejja bħalissa. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri ekonomiċi u soċjali li l-UE implimentat b’għodod straordinarji biex tindirizza l-effetti tal-kriżi pandemika, peress li dawn jirrappreżentaw opportunità kbira għat-tfassil mill-ġdid ta’ Ewropa aktar ġusta u bbażata fuq is-solidarjetà, ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva kif ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda b’rabta mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Dawn l-istrumenti jinkludu, minbarra l-pjan tan-Next Generation EU:

Ømiżuri nazzjonali meħuda bħala parti mill-flessibbiltà tar-regoli fiskali tal-UE;

Ømiżuri nazzjonali ta’ appoġġ għal-likwidità, approvati skont regoli temporanji u flessibbli dwar l-għajnuna mill-Istat;

Øit-tisħiħ tal-linji ta’ kreditu garantiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għall-impriżi, permezz tal-ħolqien ta’ fond ta’ garanzija ġdid;

Øil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), introdott permezz ta’ emendi għat-Trattat ta’ Lisbona biex joffri self fil-qasam tas-saħħa mingħajr kundizzjonijiet;

Øl-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE).

2.2L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tanalizza l-impatt tal-miżuri ta’ emerġenza biex jitrażżan il-qgħad, jiġi appoġġjat l-introjtu u jiġu appoġġjati l-impriżi, b’enfasi partikolari fuq l-istrument SURE.

2.3Sa April 2020, aktar minn 50 miljun ħaddiem f’diversi pajjiżi Ewropej kienu ġew inklużi fi programmi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar 1 , jew miżuri simili ġew stabbiliti ad hoc biex ilaħħqu mat-telf parzjali jew totali ta’ sigħat tax-xogħol. Il-Eurofound irreġistrat 500 miżura, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mmirati lejn l-għajnuna għall-impriżi (35 %), l-appoġġ għall-introjtu (flimkien mal-miżuri dwar ix-xogħol b’ħinijiet iqsar, 20 %) u l-protezzjoni tal-impjiegi (13 %) 2 . Il-kumpaniji tal-manifattura, il-kummerċ, is-servizzi, it-turiżmu u l-kultura ntlaqtu l-aktar mill-kriżi 3 .

2.4Id-diversi forom ta’ fondi għall-għoti ta’ sensji biex jiġu appoġġjati s-sigħat mhux maħduma, li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, huma l-aktar għodda użata għall-protezzjoni tal-impjiegi matul perjodi ta’ kriżi ekonomika, peress li għandhom effetti pożittivi fuq il-ħaddiema u l-impriżi. Fir-rapport tal-2020 dwar il-preżentazzjoni tal-programm SURE, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li “billi jevitaw sensji żejda, l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jistgħu jipprevjenu li xokk temporanju jkollu konsegwenzi negattivi aktar severi u dejjiema fuq l-ekonomija u s-suq tax-xogħol fl-Istati Membri. Dan jgħin biex isostni d-dħul tal-familji u jippreserva l-kapaċità produttiva u l-kapital uman tal-intrapriżi u l-ekonomija kollha. 4

2.5F’pajjiżi fejn diġà jeżistu programmi bħal dawn, il-gvernijiet ħadu miżuri ad hoc biex jiffaċilitaw l-aċċess, il-kriterji ta’ eliġibbiltà, jestendu l-kopertura u jżidu l-appoġġ ekonomiku, iżda b’differenzi kbar bejn il-pajjiżi 5 .

2.6Dawn il-miżuri ppermettew lill-impriżi jkopru t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol f’konformità mat-tnaqqis fl-attività ekonomika bi spejjeż limitati jew mingħajr ebda spiża, u b’hekk naqqsu b’mod sinifikanti l-għadd ta’ impjiegi f’riskju minħabba nuqqas ta’ likwidità. Xi kategoriji ta’ ħaddiema f’impjiegi atipiċi baqgħu esklużi mill-appoġġ f’diversi pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari l-ħaddiema b’kuntratti każwali u, f’xi każijiet anke ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, il-ħaddiema b’kuntratti bi żmien stipulat, filwaqt li f’oħrajn l-għajnuna pubblika ġiet estiża għal ċerti forom ta’ impjieg indipendenti 6 . Hemm ukoll modi u kriterji differenti għall-aċċess ta’ dawn is-sussidji f’termini ta’ kopertura, ta’ benefiċjarji, ta’ tul ta’ żmien, eċċ 7 .

2.7L-iskemi ta’ impjieg b’ħinijiet iqsar għenu biex jiġi evitat it-tkissir tar-relazzjoni ta’ impjieg, li jiswa ħafna flus għall-impriżi u għall-ħaddiema. Dawn il-miżuri għaż-żamma tal-impjiegi fit-tieni kwart tal-2020 naqqsu b’mod sinifikanti t-telf tal-impjiegi minn madwar 12 % għal 4 % fil-pajjiżi tal-OECD. Fl-UE, id-data turi li l-ħaddiema impjegati uffiċjalment, iżda b’sigħat żero, irdoppjaw għal 17 % fit-tieni kwart tal-2020 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019 8 .

2.8Għandu jiġi kkunsidrat l-impatt tal-kriżi tal-impjiegi fuq in-nisa u ż-żgħażagħ, ta’ spiss impjegati b’kuntratti atipiċi, b’paga baxxa u aktar vulnerabbli għal impjieg mhux stabbli li ma tipprovdi l-ebda garanzija ta’ kopertura ta’ sigurtà soċjali adegwata. Barra minn hekk, dawn jirrappreżentaw proporzjon għoli ħafna tal-ħaddiema fis-setturi tat-turiżmu, tal-lukandi u tal-catering, li huma partikolarment affettwati, kif ukoll fil-qasam tal-kultura, tad-divertiment u dak mingħajr skop ta’ qligħ involut fis-servizzi soċjali. L-irkupru ekonomiku jeħtieġ ukoll li jinkludi riformi u miżuri speċifiċi bi qbil mal-imsieħba soċjali, biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u dawk b’rabta mal-età, anke dawk li kienu jeżistu qabel il-kriżi attwali u biex jiġu implimentati azzjonijiet immirati fuq medda qasira, medja u twila ta’ żmien 9 .

2.9Minbarra l-miżuri li jikkumpensaw għal tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, diversi pajjiżi adottaw miżuri biex joffru ħarsien kontra s-sensji f’impriżi li jirċievu appoġġ pubbliku taħt skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar. Dan sar kemm biex jiġi evitat l-abbuż matul il-perjodu ta’ kriżi kif ukoll biex jiġu imposti kundizzjonijiet fuq l-użu ta’ fondi nazzjonali u Ewropej, li jridu jintużaw biex jiġu eliminati s-sensji u biex in-negozji jiġu appoġġjati fuq bażi temporanja sakemm l-ekonomija terġa’ lura fit-triq it-tajba. F’xi pajjiżi, il-ftehimiet kollettivi stess jipprevedu projbizzjoni fuq is-sensji fil-każ ta’ għajnuna pubblika 10 .

2.10In-negozjar kollettiv kellu rwol importanti, bi ftehimiet u protokolli speċifiċi biex tiġi indirizzata u ġestita l-kriżi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jiddaħħlu dispożizzjonijiet kuntrattwali ad hoc matul il-pandemija. Dawn biddlu kemm il-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol (eż. il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Iżvezja, Spanja, l-Awstrija u d-Danimarka). F’xi pajjiżi ġew adottati wkoll forom oħra ta’ appoġġ għall-impriżi (moratorju fuq is-self, differiment jew sospensjoni tal-ħlas tat-taxxi, kirjiet jew kontribuzzjonijiet soċjali), li jipposponu l-impenji ta’ pagament u huma mfassla biex jappoġġjaw lill-impriżi, b’mod partikolari l-SMEs, jew lil dawk li jaħdmu għal rashom bil-għan li jinżammu l-impjiegi u tiġi pprovduta likwidità fi żmien qasir.

3.Karatteristiċi, regolamentazzjoni u l-ewwel riżultati ta’ SURE

3.1L-istrument Ewropew SURE huwa fond temporanju li jipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self, b’termini preferenzjali, sa EUR 100 biljun lill-Istati Membri biex jiġġieldu l-qgħad, jappoġġjaw xogħol b’ħinijiet iqsar u l-introjtu għall-ħaddiema kollha. Il-fond se jibqa’ operattiv sal-31 ta’ Diċembru 2022.

3.2Il-bonds maħruġa għall-ewwel darba mill-Kummissjoni Ewropea fl-ambitu tal-istrument SURE huma “bonds soċjali”, li jiggarantixxu lil dawk li jinvestu f’dawn il-bonds li l-fondi mobilizzati huma fil-fatt allokati għal skopijiet soċjali. Id-domanda kienet 10 darbiet akbar mill-provvista u żgurat redditi kompetittivi fis-suq.

3.3Skont il-proposti tal-Kummissjoni, sa mill-bidu tiegħu, il-Kunsill alloka aktar minn 90 % tal-pakkett totali lil 19-il Stat Membru 11 . Minn dawn, 15-il pajjiż użawh bħala kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili u 14-il pajjiż iffinanzjaw ukoll miżuri biex jappoġġjaw lil dawk li jaħdmu għal rashom 12 .

3.4Xi pajjiżi ma applikawx għall-fondi SURE. Il-gvernijiet taw raġunijiet differenti għal dan: f’xi pajjiżi, il-fondi nazzjonali disponibbli kienu biżżejjed biex ikopru n-nefqa pubblika addizzjonali marbuta maż-żieda fil-qgħad; id-domanda fis-suq għal riżorsi addizzjonali kienet tkun b’rati daqstant vantaġġużi; f’każijiet oħra, l-għażla hija dovuta għall-ispejjeż assoċjati mal-proċeduri amministrattivi biex jiġi aċċessat SURE, pajjiżi oħrajn użaw il-miżuri temporanji stabbiliti mill-KE dwar il-flessibbiltà baġitarja u l-għajnuna mill-Istat 13 .

3.5Abbażi tar-rapporti pprovduti mill-Istati Membri, fir-rapport 14 tagħha ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni tistma li fl-2020 SURE appoġġja bejn 25 u 30 miljun ħaddiem, li jirrappreżentaw kwart tal-popolazzjoni impjegata totali fl-Istati Membri benefiċjarji. Dawn huma madwar 21,5 miljun impjegat u 5 miljun persuna li taħdem għal rasha. Barra minn hekk, bejn 1,5 miljun u 2,5 miljun impriża bbenefikaw minn din il-faċilità, li jirrappreżentaw 12-16 % tal-impriżi fl-Istati Membri benefiċjarji 15 .

3.6Ir-rapport jenfasizza li l-iskemi ta’ appoġġ pubbliku ffinanzjati minn SURE qed ikollhom l-effett li jnaqqsu l-kostijiet lavorattivi għall-impriżi u li joffru appoġġ alternattiv għall-introjtu tal-unitajiet domestiċi, b’riżultati aħjar mill-benefiċċji tal-qgħad tradizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-iskemi ta’ appoġġ għall-impjiegi huma aktar effettivi f’pajjiżi li diġà kellhom skemi ta’ għajnuna nazzjonali biex jittaffa l-impatt tal-qgħad.

3.7Sa tmiem l-2020, kienet diġà ntużat 80 % tan-nefqa pubblika totali ppjanata għall-miżuri eliġibbli. Kważi l-Istati Membri kollha diġà nefqu jew jippjanaw li jonfqu l-ammont totali li ngħataw permezz tas-SURE.

3.8L-Istati Membri ffrankaw madwar EUR 5,8 biljun f’imgħax permezz ta’ SURE, minflok ħarġu dejn sovran huma stess, grazzi għall-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja tal-Kummissjoni. L-iżborżi futuri x’aktarx li jiġġeneraw aktar iffrankar.

4.Kummenti ġenerali

4.1Il-KESE japprova l-istrateġija tal-UE għall-indirizzar tal-kriżi pandemika, li tiżgura l-irkupru u r-reżiljenza tas-sistemi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-Istati Membri u li tissalvagwardja l-impjiegi. Il-KESE jqis li l-istrateġija se tkun tista’ ssawwar u tikkompleta d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, filwaqt li tiżgura l-kompetittività tal-Ewropa fil-kuntest globali. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jitħeġġu l-investimenti meħtieġa għal tkabbir sostenibbli u inklużiv.

4.2Il-KESE enfasizza ripetutament il-ħtieġa li tinkiseb konverġenza ekonomika u soċjali akbar fl-UE. Din tagħmel l-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea aktar kompetittiva u tiżgura li kulħadd ikun jista’ jgawdi d-drittijiet tiegħu mingħajr xkiel, u tappoġġja l-istabbiliment ta’ suq tax-xogħol li jkun kapaċi jadatta għall-bidliet li jseħħu b’miżuri u strateġiji f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-appoġġ li jirċievu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 16 .

4.3Huwa importanti li jiġu megħjuna t-tkabbir u l-produttività ta’ impriżi sostenibbli, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi. SURE huwa waħda mill-għodod xierqa li jistgħu jinkoraġġixxu lil min iħaddem biex iżomm il-ħaddiema minkejja t-tnaqqis fl-attività produttiva. Għandhom jitħeġġu wkoll ftehimiet kollettivi dwar forom ġodda ta’ aġġustament tal-ħin tax-xogħol immirati lejn l-aċċess għal korsijiet ta’ taħriġ, kif ukoll miżuri li jappoġġjaw lill-impriżi biex jippreservaw l-impjiegi, il-ħiliet u l-introjtu.

4.4SURE huwa kruċjali għall-ħarsien tal-ħaddiema u għall-mitigazzjoni tar-riperkussjonijiet soċjoekonomiċi severi tal-pandemija fuq is-sistema tal-impjiegi fl-intier tagħha. Huwa jipprovdi appoġġ finanzjarju għal skemi nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, inkluż f’relazzjonijiet ta’ impjieg kostanti, il-protezzjoni tal-impjiegi u t-trażżin tal-qgħad u t-telf ta’ introjtu tal-ħaddiema, filwaqt li jtaffi wkoll l-ispejjeż tal-benefiċċji tal-qgħad u l-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali għan-negozji, peress li huma fil-biċċa l-kbira koperti mir-riżorsi pubbliċi permezz tal-miżuri ta’ emerġenza.

4.5Il-KESE japprezza l-ħeffa tal-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf SURE u n-negozjati immedjati mal-Istati Membri ġew konklużi fi ftit ġimgħat. SURE jenfasizza l-importanza ta’ programmi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u ta’ appoġġ għall-introjtu fuq terminu qasir u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużawhom. Wieħed mill-objettivi tas-Semestru Ewropew, fuq terminu medju u twil, huwa li jippromovi l-investiment immirat lejn impjieg sħiħ u stabbli u l-indirizzar ta’ forom ġodda ta’ faqar, inkluż permezz ta’ riformi strutturali soċjalment sostenibbli.

4.6Il-KESE jqis li huwa importanti li jingħata appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ self preferenzjali mogħti mill-UE lill-Istati Membri u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-bonds maħruġa mill-KE huma “bonds soċjali” għal skopijiet speċifiċi.

4.7Il-finanzjament ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u l-forom ta’ appoġġ għall-introjtu għandhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija kollha kemm hi. Dawn iżommu r-relazzjoni bejn l-impjegatur u l-impjegat, jgħinu biex jiġu ppreservati l-ħiliet tal-ħaddiema u l-kapaċità produttiva tal-impriżi, u jiżguraw li l-pandemija ma tikkawżax aktar ħsara persistenti lill-ekonomija u lis-suq tax-xogħol.

4.8Il-KESE jemmen li l-istabbiliment ta’ SURE huwa pass ieħor lejn sistema ta’ solidarjetà fl-UE, li jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, peress li huwa forma ta’ “assi Ewropew ta’ sikurezza”, li tista’ tissaħħaħ bil-bonds Ewropej li se jintużaw biex jiffinanzjaw il-programm Next Generation EU 17 . Il-KESE jenfasizza li vantaġġ importanti ta’ SURE huwa li juri li, jekk ikun meħtieġ, l-UE tista’ toħloq kapaċità ta’ self u toħroġ “assi sikur komuni” permezz tal-metodu Komunitarju, aktar milli ftehimiet intergovernattivi bħal fil-każ tal-MES u l-EFSF.

4.9Il-KESE jappella għar-reviżjoni tal-proċeduri għall-assistenza u l-aċċess għall-finanzjament ta’ SURE bil-għan li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar.

4.10Il-KESE jirrakkomanda li l-użu ta’ SURE jiġi kkombinat ma’ politiki pubbliċi attivi u perkorsi ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid vokazzjonali kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impriżi 18 . F’dan il-kuntest, qed jiġi diskuss kif is-servizzi tal-impjiegi jistgħu jsiru aktar effiċjenti anke fi żminijiet ta’ kriżi. Matul perjodi ta’ tnaqqis mhux intenzjonat fil-ħinijiet tax-xogħol, għandhom jiġu mħeġġa perkorsi ta’ taħriġ biex jiġi offrut taħriġ mill-ġdid jew biex it-tranżizzjoni toffri opportunitajiet ġodda ta’ impjieg b’ħiliet u stabbli. Sfortunatament, l-eżempji ta’ politiki attivi f’dan il-kuntest huma pjuttost limitati 19 .

4.11Il-KESE jemmen li l-interventi ta’ SURE fl-Istati Membri individwali għandhom jiżguraw li jkunu koperti l-impjegati kollha u kull tip ta’ impjieg indipendenti u impjiegi atipiku, li jaffettwaw b’mod partikolari liż-żgħażagħ.

4.12Id-data limitata disponibbli turi li l-imsieħba soċjali ma ġewx involuti b’mod attiv la mill-istituzzjonijiet Ewropej u lanqas mill-istituzzjonijiet nazzjonali dwar l-aħjar użu ta’ SURE; il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni stabbli għal dan il-għan.

4.13Il-KESE ħa nota tal-istimi dwar il-persuni u l-kumpaniji li jibbenefikaw mill-appoġġ ta’ SURE 20 , iżda jinnota li din id-data ma tenfasizzax biżżejjed il-miżuri individwali ffinanzjati mid-diversi pajjiżi u l-ammonti tagħhom, u lanqas x’impatt kellhom fuq ir-reżiljenza biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad u l-protezzjoni tal-introjtu.

5.Kummenti speċifiċi – X’inhu l-impatt?

5.1Il-kriżi pandemika għamlet pressjoni kbira fuq is-sistemi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-UE u affettwat ħajjet in-nies u l-attivitajiet tal-impriżi, u żiedet l-inugwaljanzi f’kull pajjiż u, f’xi każijiet, bejn il-pajjiżi. Għal din ir-raġuni, il-KESE jirrimarka li huwa neċessarju li d-dimensjoni soċjali Ewropea tiġi definita u kkompletata b’mod aktar komprensiv u koerenti, abbażi tal-miżuri stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li tiġi żgurata l-kompetittività tal-Ewropa fil-kuntest globali.

5.2Il-KESE diġà enfasizza 21 l-ħtieġa li jerġa’ jinbeda l-proċess ta’ reviżjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, li ġie sospiż mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2020 sal-2022 22 . Il-KESE jappoġġja din il-Komunikazzjoni, li tesprimi l-intenzjoni li tiddeċiedi dwar diżattivazzjoni futura tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-prestazzjoni ekonomika bbażata fuq kriterji kwantitattivi. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappella għal “bidla” lejn qafas ta’ governanza ekonomika rivedut u bbilanċjat mill-ġdid immirat lejn il-prosperità, preferibbilment b’regoli semplifikati u tnaqqis fil-proċikliċità li tirrifletti l-kuntest ta’ wara l-pandemija. Se jkun essenzjali li l-Istati Membri jiġu megħjuna jpoġġu l-finanzi pubbliċi tagħhom fuq bażi sostenibbli u b’hekk isaħħu l-fiduċja fl-investiment.

5.3Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta’ SURE, waħda mill-miżuri inkluża fil-pakkett ekonomiku u soċjali li għandha l-għan li tiġġieled l-impatt tal-pandemija. Il-KESE jqis li SURE huwa strument finanzjarju innovattiv li jwettaq is-solidarjetà Ewropea u li antiċipa l-programm “Next Generation EU billi ħareġ l-ewwel bonds soċjali.

5.4SURE wera li huwa xibka ta’ sikurezza u sigurtà għall-impjiegi eżistenti u ta’ salvagwardja għall-impriżi, f’diversi forom u skont il-prerogattivi nazzjonali ta’ protezzjoni. Madankollu, il-miżuri ta’ protezzjoni soċjali adottati fl-ambitu ta’ SURE jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u stabbli u sistemi ta’ tqabbil tal-ħiliet, filwaqt li jiġu miġġielda forom ta’ impjiegi medjokri, frammentati u mhux stabbli lili ma jipprovdu l-ebda garanzija ta’ kopertura ta’ sigurtà soċjali adegwata u li jaffettwaw ukoll is-sistemi tal-protezzjoni soċjali pubblika.

5.5Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “EASE”, adottata bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u mmirata lejn appoġġ attiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 23 . Huwa jenfasizza l-approċċ strateġiku tiegħu ta’ bidla gradwali minn miżuri ta’ emerġenza meħuda matul il-pandemija għal miżuri ġodda meħtieġa biex jiġi żgurat irkupru li jwassal għall-ħolqien ta’ ħafna impjiegi, b’mod partikolari fis-setturi ekoloġiċi u diġitali. Politiki effettivi li jrawmu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u t-tranżizzjonijiet tal-impjiegi għandhom ikunu akkumpanjati minn servizzi tal-impjiegi bi prestazzjoni tajba li jipprovdu appoġġ imfassal apposta għal dawk li qed ifittxu impjieg, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, in-nisa u l-intraprendituri soċjali.

5.6L-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali huma prijorità għall-KESE. Għalhekk huwa fundamentali li dawn jingħataw rwol fil-livelli Ewropej u nazzjonali fid-diskussjoni, l-involviment u n-negozjar tal-miżuri kofinanzjati minn SURE, b’enfasi wkoll fuq in-negozjar kollettiv f’dawk is-setturi speċifiċi l-aktar milquta mill-kriżi. Madankollu, huwa kruċjali li l-involviment tal-imsieħba soċjali jkun sostanzjali, leġittimu u mhux formali.

5.7Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi indikat li r-riżorsi SURE għandhom jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw inizjattivi li jrażżnu t-tixrid tal-virus fuq il-post tax-xogħol. Dawn l-inizjattivi għandhom jinkludu miżuri ta’ saħħa u sikurezza mmirati lejn il-prevenzjoni u l-protezzjoni, bil-ħsieb li jittaffew l-ispejjeż imġarrba mill-impriżi hekk kif jadattaw il-produzzjoni għall-protokolli tas-sikurezza.

5.8Il-KESE jipproponi li jitwaqqaf osservatorju SURE sakemm jibqa’ jopera SURE, li l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili jistgħu jingħaqdu miegħu. L-osservatorju jkollu l-kompitu li jimmonitorja u jivvaluta l-impatt f’pajjiżi individwali tal-miżuri li jirċievu finanzjament, u janalizza l-aħjar prattiki u l-iskemi ta’ protezzjoni implimentati f’kull pajjiż sabiex jidentifika mudelli għal sistemi li jistgħu jintużaw ukoll fil-futur biex jitnaqqas il-ħin tax-xogħol u jingħata appoġġ għall-introjtu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi simili.

5.9Il-KESE jirrikonoxxi bis-sħiħ ir-riżultati pożittivi ta’ SURE enfasizzati fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2021. Il-programm SURE jissodisfa kriterji temporanji biex jappoġġja lill-Istati Membri biex jgħinu lill-ħaddiema u lin-negozji jegħlbu l-kriżi, isalvaw l-impjiegi u jwittu t-triq għall-irkupru ekonomiku u soċjali. Il-KESE jappoġġja l-proposta għal stabbilizzazzjoni ta’ SURE b’appoġġ għall-ħaddiema u l-impriżi bħala strument għall-integrazzjoni u l-kapaċità tar-reżiljenza soċjoekonomika tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi bħal dak attwali. Dan għandu jseħħ wara l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-osservatorju SURE. Din il-proposta toħroġ mid-dibattitu li jinvolvi l-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u dawk ekonomiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u l-akkademiċi minn pajjiżi Ewropej differenti, kif ukoll fi ħdan il-Kummissjoni nnifisha 24 .

5.10Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżvolġu rwol effettiv u ta’ appoġġ fil-qasam soċjali u b’mod partikolari billi jirregolaw u jiffinanzjaw miżuri li jappoġġjaw lill-ħaddiema u n-negozji f’każ ta’ kriżi ekonomika. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jippromovu dibattitu pubbliku għall-istabbiliment ta’ skema Ewropea permanenti ta’ riassigurazzjoni tal-qgħad b’bażi legali differenti, filwaqt li jitqiesu l-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE 25 .

Brussell, 22 ta’ Settembru 2021

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

*

*    *

N.B.:     L-Appendiċi jinsab fil-paġni li jmiss.



SURE STATISTICAL ANNEX

As of March 2021, 19 Member States have applied for SURE funds.

The total amounts granted to individual States amount to over 94.3 billion euros: Italy was granted 27.4 billion euros; Spain 21.3 billion euros; Poland 11.2 billion euros; Belgium 8.2 billion euros; Portugal 5.9 billion euros; Greece 5.3 billion euros; Romania 4.1 billion euros; Ireland 2.5 billion euros; the Czech Republic 2 billion euros; Slovenia 1.1 billion euros; Croatia 1 billion euros; Lithuania 957 million euros; Slovakia 630 million euros; Cyprus 604 million euros; Bulgaria 511 million euros; Hungary 504 million euros; Malta 420 million euros; Latvia 305 million euros; Estonia 230 million euros.

This is the data in absolute values of SURE resources allocated to the individual States, but it is interesting to relate the allocated resources to other parameters. In this analysis, we have chosen the ratio to labour force and employment, but we need to consider also other ratio parameters such as employee salaries and wages in individual States, the cost of living or the turnover of the self-employed workers, which are not always available at a comparative level. Therefore, this file is intended to be indicative for further analyses.

Reverting to data, if the SURE per capita amount calculated on the labour force is taken into account, the SURE average per capita amount in the above stated countries was 829 euros. Belgium received 1,616 euros per capita; Malta 1,544 euros; Cyprus 1,342 euros; Portugal 1,163 euros; Greece 1,138 euros; Italy 1,091 euros; Slovenia 1,084 euros; Ireland 1,035 euros; Spain 939 euros; Poland 663 euros; Lithuania 648 euros; Croatia 571 euros; Romania 457 euros; the Czech Republic 373 euros; Estonia 326 euros; Latvia 314 euros; Slovakia 232 euros; Bulgaria 156 euros; Hungary 156 euros.

On the other hand, if we take into account the SURE per capita amount calculated on the employed people (employees and self-employed), the average per capita amount granted to the above mentioned States was 900 euros. Belgium received 1,710 euros per capita; Malta 1,615 euros; Cyprus 1,440 euros; Greece 1,357 euros; Portugal 1,221 euros; Italy 1,195 euros; Slovenia 1,131 euros; Spain 1,102 euros; Ireland 1,084 euros; Lithuania 708 euros ;Poland 679 euros; Croatia 624 euros; Romania 482 euros; the Czech Republic 383 euros; Estonia 349 euros; Latvia 344 euros; Slovakia 248 euros; Bulgaria 163 euros; Hungary 112 euros.



SURE: AMOUNTS GRANTED TO MEMBER STATES IN ABSOLUTE VALUES AND PER CAPITA CALCULATED ON THE LABOUR FORCE AND ON THE EMPLOYED PEOPLE (EMPLOYEES AND SELF-EMPLOYED)

Member States

SURE amount granted in euros – absolute values*

Labour force**

SURE per capita amount granted in euros – calculated on the labour force

Employed people (employees and self-employed)***

SURE per capita amount granted in euros – calculated on the employed people

Italy

27,438,486,464

25,141,000

1,091

22,969,100

1,195

Spain

21,324,820,449

22,718,000

939

19,344,300

1,102

Poland

11,236,693,087

16,953,000

663

16,555,500

679

Belgium

8,197,000,000

5,072,000

1,616

4,793,800

1,710

Portugal

5,934,462,488

5,103,000

1,163

4,859,500

1,221

Greece

5,265,000,000

4,626,000

1,138

3,878,500

1,357

Romania

4,099,000,000

8,973,000

457

8,504,700

482

Ireland

2,500,000,000

2,416,000

1,035

2,306,200

1,084

Czech Republic

2,000,000,000

5,359,000

373

5,217,200

383

Slovenia

1,113,000,000

1,027,000

1,084

983,700

1,131

Croatia

1,020,000.000

1,787,000

571

1,633,900

624

Lithuania

957,000,000

1,477,000

648

1,352,400

708

Slovakia

630,000,000

2,711,000

232

2,538,900

248

Cyprus

604,000,000

450,000

1,342

419,400

1,440

Bulgaria

511,000,000

3,285,000

156

3,126,900

163

Hungary

504,000,000

4,659,000

108

4,482,300

112

Malta

420,000,000

272,000

1,544

260,100

1,615

Latvia

305,000,000

972,000

314

885,500

344

Estonia

230,000,000

705,000

326

659,500

349

Total

94,287,000,000

113,706,000

829

104,771,400

900

* Commission's report to the European Parliament, the Economic and Financial Committee, and the Employment Committee on the Temporary European Instrument for Unemployment Risk Mitigation in the State of Emergency (SURE) following the Covid-19 pandemic - March 2021

** Eurostat data (2020)

*** Eurostat data (fourth quarter 2020)

_____________

(1)     COVID-19: Implications for Employment and working life , Eurofound, March 2021 (COVID-19: Implikazzjonijiet għall-impjiegi u l-ħajja tax-xogħol), Marzu 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2)     COVID-19: Policy responses across Europe , Eurofound, June 2020 (COVID-19: Ir-reazzjonijiet politiċi madwar l-Ewropa) Ġunju 2020 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3)       OECD Employment Outlook 2021 , chap. 2 (OECD – Prospettiva tal-Impjiegi fl-2021), Kapitolu 2 (mhux disponibbli bil-Malti).
(4)      COM(2021) final. SURE:Rendikont tas-Sitwazzjoni Wara Sitt Xhur , 22 ta’ Marzu 2021; Ara wkoll European Parliament Briefing SURE Implementation , (Briefing tal-Parlament Ewropew – l-Implimentazzjoni ta’ SURE) April 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).
(5)       OECD Employment Outlook 2021 (OECD, Prospettiva tal-Impjieg fl-2021), Kapitolu 2, tabella 2.1 Job retention schemes in OECD countries (Skemi għaż-żamma tal-impjiegi fil-pajjiżi tal-OECD) – ibid Eurofound (mhux disponibbli bil-Malti).
(6)      Ibid. nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(7)

   Data tal-OECD, tal-ETUI, tal-KE, skeda informattiva tal-PE.

(8)    Ibid, nota 2 f’qiegħ il-paġna, data tal-Eurostat miġbura mill-Eurofound.
(9)      Analiżi tal-KE, Eurofound u ara wkoll ILO-UN Women Joint Programme , Policy tool, Assessing the gendered employment impacts of Covid-19 and supporting a gender-responsive recovery , Marzu 2021.
(10)       ETUI – Nota ta’ Politika Nru 7, 2020
(11)    Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4 u s-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar SURE għall-aġġornament tal-allokazzjonijiet lill-Istati Membri.
(12)    Ara l-appendiċi għal din l-Opinjoni “SURE Statistical Annex” b’data dwar l-ammonti allokati lill-Istati Membri f’valuri assoluti u per capita għal kull forza tax-xogħol u impjegati.
(13)    Eurofound, ibid., Kapitolu 3, 2021.
(14)     COM(2021) 105 final , Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill – Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali.
(15)    Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(16)       Riżoluzzjoni tal-KESE dwar Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022 (Ġunju 2021), ĠU C 341, 24.8.2021, p. 1
(17)    Christina Katami, Protecting employment in 2021 and beyond: what can the new SURE instrument do? , (Inħarsu l-impjiegi fl-2021 u lil hinn: x’jista’ jagħmel l-istrument SURE l-ġdid?) Dokument ta’ Politika ELIAMEP, 2021 (mhux disponibbli bil-Malti); L. Andor, Protecting Jobs and Incomes in Europe: Towards an EU Capacity for Employment Stabilisation in the Pandemic Period (Inħarsu l-Impjiegi u d-Dħul fl-Ewropa: Lejn Kapaċità tal-UE għall-Istabbilizzazzjoni tal-Impjiegi fil-Perjodu tal-Pandemija), 2021, f’Caetano J:, Vieira I., Caleiro A., New Challenges for the Eurozone Governance (Sfidi Ġodda għall-Governanza taż-Żona tal-Euro) (mhux disponibbli bil-Malti).
(18)       COVID-19: implications for employment and working life , Eurofound, March 2021 (COVID-19: implikazzjonijiet għall-impjiegi u l-ħajja tax-xogħol) Marzu 2021, (mhux disponibbli bil-Malti).
(19)    OECD – Employment Outlook, (OECD, Prospettiva tal-Impjieg) Kap. 2.5 Combining job retention policies with job reallocation, (Nikkombinaw il-politiki dwar iż-żamma tal-impjiegi mar-riallokazzjoni tal-impjiegi) 2021 u Eurofound, ibid. eżempji ta’ miżuri meħuda f’xi pajjiżi (mhux disponibbli bil-Malti).
(20)     EUR-Lex – 52021DC0148 – MT – EUR-Lex (europa.eu)
(21)      Riżoluzzjoni tal-KESE dwar Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ġunju 2021, ĠU C 341, 24.8.2021, p. 1 .
(22)      EUR-Lex – 52020DC0123 – MT – EUR-Lex (europa.eu)
(23)     Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE)
(24)      Ara L. Andor e Christina Katami (nota 16); ara r-rapport tal-KE u Eurofound + OECD (noti 1, 4 u 18).
(25)      Opinjoni tal-KESE dwar standards minimi komuni, ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32 ; Beblavy Miroslav, Karolien Lenaerts, Feasibility and added value of a European Unemployment Benefits Scheme, (Il-fattibbiltà u l-valur miżjud ta’ Skema Ewropea ta’ Benefiċċji tal-Qgħad) CEPS, 2017 (mhux disponibbli bil-Malti).
Top