EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2022-03497-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Pjan RePowerEU

EESC-2022-03497-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-Pjan REPowerEU

_____________

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan REPowerEU

u

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-Kapitoli tar-REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060, ir-Regolament (UE) 2021/2115, id-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni (UE) 231– 2015/1814
[COM(2022) 230 final and COM(2022) 231 final – 2022/0164(COD)]

TEN/782

Relaturi: Stefan BACK

Thomas KATTNIG

Lutz RIBBE

MT

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 06/06/2022

Kunsill Ewropew, 03/06/2022

Kummissjoni Ewropea, 28/06/2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21/09/2022

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

07/09/2022

Adozzjoni fil-plenarja

21/09/2022

Sessjoni plenarja Nru

572

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

220/01/07

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Qabel ma jidħol fil-kontenut tal-pjan REPowerEU, il-KESE bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili, li hija affettwata bla bżonn miż-żidiet drammatiċi fil-prezzijiet ta’ bħalissa, jirrimarka li ħafna mill-problemi li jeħtieġ li jiġu solvuti issa setgħu ġew evitati, jew għall-inqas limitati, kieku tnaqqset id-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija – kif ipproponiet il-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin. Il-KESE jfakkar fid-dikjarazzjonijiet li saru fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija tal-2014 u l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-2015 li l-UE tibqa’ vulnerabbli għal xokkijiet esterni tal-enerġija u b’hekk jappellaw lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jiċċaraw maċ-ċittadini l-għażliet involuti fit-tnaqqis tad-dipendenza tagħna minn fjuwils, fornituri tal-enerġija u rotot partikolari. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-politiċi u l-partijiet il-kbar tas-soċjetà tagħna ġew mgħomija mill-provvisti fossili rħas u naqsu milli jsegwu kwalunkwe politika ta’ prekawzjoni. Is-sitwazzjoni attwali hija r-riperkussjoni ta’ din in-negliġenza. Il-KESE jinnota b'dispjaċir li kellha tkun il-gwerra fl-Ukrajna u d-distorsjonijiet konsegwenti fil-provvista tal-enerġija mir-Russja biex tinġibed l-attenzjoni għal din il-kwistjoni bażika tas-sigurtà tal-enerġija u biex jiġu skattati l-miżuri proposti fil-Pjan REPowerEU biex tiġi żgurata l-indipendenza mill-importazzjoni tal-enerġija Russa.

1.2Il-KESE jilqa’ l-għan tal-Pjan REPowerEU li jagħmel l-UE indipendenti mill-provvista Russa tal-gass u taż-żejt, u jaqbel mal-approċċ b’erba’ pilastri li jiffoka fuq l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-gass, u s-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili billi jiġu aċċellerati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u s-soluzzjonijiet ta’ finanzjament. Il-KESE jieħu nota tad-distinzjoni bejn miżuri fuq perjodu ta’ żmien qasir u dawk fuq perjodu medju.

1.3Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista bi spiża “affordabbli kemm jista’ jkun” kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija, u jirrimarka li provvista tal-enerġija li hija essenzjalment ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli Ewropea u sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju tagħti kontribut sinifikanti għal sigurtà tal-enerġija approvata.

1.4F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltajiet ta’ appoġġ offruti mill-Fond Soċjali għall-Klima ppjanat u – fir-rigward tan-negozju – il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat temporanja f’każ ta’ kriżi. L-għan għandu jkun li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni.

1.5Il-KESE huwa tal-fehma li l-livell ta’ sforz fil-Pjan irid ikun adegwat, fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni tal-provvista, u għalhekk jaqbel mal-ħtieġa għal flessibbiltà fir-rigward tal-użu tranżizzjonali tal-fjuwils fossili u fjuwils b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-faħam u l-enerġija nukleari. Dan il-perjodu jeħtieġ li jinżamm qasir kemm jista’ jkun, ma jridx iwassal għal dipendenzi ġodda u jeħtieġ li ma jipperikolax l-isforzi biex tinkiseb in-newtralità klimatika mill-aktar fis possibbli, sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jitqies li l-kwistjoni tal-istatus tal-enerġija nukleari għadha miftuħa u bħalissa tinsab f’idejn kull Stat Membru.

1.6Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni u r-riskju ta’ disturbi mhux previsti fil-provvista tal-enerġija mir-Russja, il-KESE jagħti importanza lil miżuri li jistgħu jiġu implimentati minnufih, b’mod partikolari l-iffrankar kbir ħafna tal-enerġija, appoġġjati minn ftehimiet ta’ sħubija u l-implimentazzjoni bikrija ta’ inizjattivi ġodda. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li l-effetti ekonomiċi u soċjali kkombinati tal-kriżi attwali jpoġġu s-sistema demokratika taħt pressjoni sakemm ma jinstabux soluzzjonijiet adegwati.

1.7Il-KESE jappoġġja l-proposta li l-mira tal-effiċjenza enerġetika tiżdied minn 9 % kif propost fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” għal 14 % sal-2030, u l-isforzi ġenerali għall-iffrankar tal-gass stmati għal 30 % sal-2030. Il-KESE jilqa’ wkoll ir-Regolament tal-Kunsill adottat reċentement dwar tnaqqis koordinat ta’ 15 % fl-użu tal-gass matul ix-xitwa 2022-2023, u jenfasizza li l-kapaċità ta’ ffrankar tvarja bejn l-Istati Membri. Iż-żieda fil-livell tal-proposti l-ġodda turi wkoll li l-Kummissjoni qieset l-urġenza pprovokata mill-gwerra fl-Ukrajna biex iżżid l-ambizzjoni għal livell ġdid. Il-KESE jappoġġja b’mod partikolari miżuri bikrija għall-iffrankar tal-enerġija, bħall-iffrankar tal-enerġija permezz ta’ utenti individwali mibdija mill-Kummissjoni fi sħubija mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), miżuri mmexxija mis-suq bħal irkanti inversi u miżuri ta’ rispons għad-domanda.

1.8Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-koleġiżlaturi biex isegwu t-talba tal-Kummissjoni biex jinkludu l-objettiv imtejjeb tal-iffrankar tal-enerġija li pproponiet bħala parti mill-Pjan fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” biex jiggwadanjaw iż-żmien, li huwa essenzjali fis-sitwazzjoni attwali.

1.9Fir-rigward tad-diversifikazzjoni tal-importazzjoni, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-prospetti offruti mix-xiri komuni volontarju permezz tal-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija u sħubijiet ġodda dwar l-enerġija, li huma għażliet li jistgħu jiġu implimentati immedjatament. Madankollu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ġeopolitika għall-importazzjoni tal-enerġija, li tqis ukoll l-urġenzi enerġetiċi u klimatiċi, qabel ma tikkonkludi sħubijiet ma’ pajjiżi mhux demokratiċi jew politikament instabbli.

1.10Il-KESE jappoġġja żieda fis-sehem tas-sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE u jappoġġja bis-sħiħ it-talba tal-Kummissjoni biex tinkludi s-sehem ta’ 45 % propost fil-Pjan fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”.

1.11Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet aktar ambizzjużi, jeħtieġ li jiġu importati għadd ta’ tagħmir tekniku, peress li l-UE m’għadx għandha kapaċitajiet ta’ produzzjoni. Pereżempju, il-pannelli solari huma prinċipalment importati miċ-Ċina. Għalhekk, l-enerġiji fossili jiddependu mhux biss fuq l-importazzjonijiet, iżda wkoll fuq it-tagħmir meħtieġ. Il-KESE jappella lil dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi biex jippromovu bil-kbir l-espansjoni tas-siti ta’ produzzjoni għat-tagħmir tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-ħżin tal-batteriji, fl-Ewropa. L-Alleanza Ewropea ta-Industrija Solari tista’ titqies bħala l-ewwel pass.

1.12Madankollu, hemm bżonn ta’ investiment massiv biex jiżdied is-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE. Minkejja dan, is-sehem tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni huwa aktar baxx fl-UE milli f’ekonomiji ewlenin oħra, u dan jipperikola l-kompetittività tal-UE f’teknoloġiji futuri ewlenin. Il-KESE jinnota li t-tranżizzjoni ekoloġika u s-sigurtà tal-provvista jeħtieġu grad suffiċjenti tat-taħlita tajba ta’ sorsi rinnovabbli għall-elettrifikazzjoni u biex tirnexxi l-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku, jiġu żviluppati teknoloġiji tal-ħżin u jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni. Għalhekk għad hemm ħtieġa sinifikanti għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.

1.13Il-KESE jenfasizza l-valur miżjud tal-proposti dwar proċeduri rapidi għall-għoti ta’ permessi għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u d-definizzjoni ta’ żoni deżinjati (“go-to areas”) għal proġetti bħal dawn. Għal darb’ oħra, il-KESE jenfasizza l-valur miżjud li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet biex dawk il-prinċipji jiġu applikati minn kmieni.

1.14F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-produzzjoni domestika tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-idroġenu, iżda jenfasizza wkoll li xi wħud mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli prijoritizzati, bħall-idroġenu, jistgħu ma jkunux disponibbli immedjatament fi kwantità suffiċjenti u/jew bi prezzijiet affordabbli. Sabiex jiġu applikati s-soluzzjonijiet ta’ tranżizzjoni stabbiliti f’punt 1.3 hawn fit-terminu medju, huwa importanti li titfassal politika Ewropea ta’ dekarbonizzazzjoni b’enfasi speċjali fuq setturi diffiċli sabiex jitrażżnu (industriji li jiddependu fuq sħana kbira, iżda wkoll inkwilini f’bini b’diversi appartamenti u t-trasport). Diġà hemm disponibbli strumenti konvenjenti (eż. kuntratti għad-differenza għall-karbonju u awtokonsum kollettiv). Dawn l-istrumenti jeħtieġ li jintużaw malajr kemm jista’ jkun filwaqt li jitqiesu l-effetti soċjali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetittività internazzjonali tan-negozju.

1.15Fir-rigward tal-potenzjal għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal tal-awtokonsum, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u l-kondiviżjoni tal-enerġija, kif rifless fil-Pjan iżda sfortunatament mingħajr mhuwa spjegat kif għandhom jitneħħew l-ostakli rilevanti għal dawn l-intrapriżi.

1.16Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza ta’ xejriet nazzjonali ta’ mġiba u tradizzjonijiet li jinfluwenzaw l-għażliet fir-rigward tat-taħlitiet tal-enerġija sostenibbli. Il-KESE jappoġġja użu akbar tar-riżorsi disponibbli għall-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli. Fid-dawl tal-għażliet nazzjonali diverġenti, għandha titħeġġeġ il-versatilità u għalhekk għandha tintuża varjetà kbira ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li ekonomikament u ekoloġikament huma kompatibbli ma’ sistema tal-enerġija ġdida bbażata primarjament fuq sorsi tal-enerġija Ewropej. Il-KESE jieħu nota li l-istatus tal-enerġija nukleari s’issa għadu miftuħ u bħalissa huwa f’idejn kull Stat Membru.

1.17Il-KESE jaqbel li l-enerġiji rinnovabbli, il-grilji tal-ħżin u tad-distribuzzjoni għandhom jiġu ttrattati bħala interess pubbliku prevalenti, iżda huwa tal-fehma li l-implikazzjonijiet konkreti ta’ dan kellhom jiġu spjegati aħjar. F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE diġà indika l-potenzjal għoli li l-karozzi elettroniċi għandhom bħala “ħżin strateġiku tal-elettriku”. Sfortunatament, il-pjan jonqos milli jiddiskuti dan ukoll.

1.18Fir-rigward tal-investiment, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir enfasi akbar fuq l-effetti pożittivi possibbli fuq l-impjiegi u l-ekonomiji reġjonali, u fuq l-importanza li l-aspetti tal-enerġija u dawk relatati mal‑klima jintrabtu mal-koeżjoni soċjali u reġjonali.

1.19Il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-Pjan ma jindirizzax b’mod adegwat ir-rifinanzjament tal-finanzjament pubbliku li jista’ jaġixxi bħala kapital inizjali biex jattira l-investiment privat fl-indipendenza enerġetika. Eżempju possibbli jista’ jkun li tiġi allokata taxxa ddedikata fuq l-hekk imsejħa “profitti mhux mistennija” minn prezzijiet għoljin taż-żejt u tal-gass. Il-KESE jieħu nota tan-natura sensittiva ta’ tali miżura, minħabba l-ħtieġa li jiġi evitat li jiġi skoraġġut l-investiment f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

1.20Minkejja li r-Regolament reċenti tal-Kunsill dwar miżuri koordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass u l-Komunikazzjoni li takkumpanjah dwar Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura huma pass fid-direzzjoni t-tajba biex tittejjeb it-tħejjija għall-kriżijiet, il-KESE jixtieq jara qafas ta’ kriżi aktar ġenerali adatt biex tiġi indirizzata kriżi tal-kobor li l-UE qed tħabbat wiċċha magħha minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.

1.21Il-KESE jieħu nota tal-kummenti reċenti tal-President tal-Kummissjoni dwar l-inadegwatezza tal-istruttura attwali tas-suq tal-enerġija tal-UE u l-ħtieġa ta’ riforma tas-suq tal-elettriku. Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni li jiġu esplorati għażliet għall-ottimizzazzjoni tas-suq tal-elettriku iżda jenfasizza li kwalunkwe proposta għandha tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti.

1.22Il-Pjan, li fi kwalunkwe każ se jeħtieġ finanzjament sostanzjali, se jkun diffiċli ħafna biex jiġi ffinanzjat fi ħdan il-qafas finanzjarju attwali. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investimenti fl-imġiba soċjo/ekoloġika tas-soċjetà tagħna 1 .

2.Sfond

2.1Fil-pjan “REPowerEU” 2 il-Kummissjoni Ewropea tipproponi sett komprensiv ta’ miżuri biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-fjuwils fossili Russi billi nħaffu l-pass lejn it-tranżizzjoni nadifa u ningħaqdu flimkien biex niksbu sistema tal-enerġija aktar reżiljenti u Unjoni tal-Enerġija ġenwina. Il-pjan huwa mibni fuq erba’ pilastri.

2.2L-ewwel pilastru huwa dwar l-iffrankar tal-enerġija: 5 % tnaqqis addizzjonali fil-konsum tal-enerġija sal-2030 minbarra t-tnaqqis ta’ 9 % propost fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” permezz ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika 3 . Rigward il-konsum tal-gass, il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” se jikseb tnaqqis ġenerali ta’ 30 % sal-2030. Il-Kummissjoni talbet lill-koleġiżlaturi biex jinkludu din il-proposta fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” qabel ma jiġi adottat. Bħala miżura immedjata għall-perjodu qasir ta’ żmien, il-Kummissjoni għandha tibda kampanja ta’ ffrankar tal-enerġija mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) immirata lejn l-għażliet individwali tal-individwi u tal-kumpaniji u li tissuġġerixxi li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-għodod disponibbli, inklużi implimentazzjoni mtejba u aġġornament tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) 4 . Il-KESE jinnota li r-Regolament tal-Kunsill li ġie adottat dan l-aħħar jippreskrivi tnaqqis kollettiv ta’ 15 % fl-użu tal-gass matul ix-xitwa 2022-2023 abbażi tal-medja tal-aħħar ħames snin 5 . Ir-Regolament huwa akkumpanjat minn Komunikazzjoni b’suġġerimenti għall-implimentazzjoni 6 .

2.3It-tieni pilastru għandu l-għan li jnaqqas id-dipendenza mill-gass Russu b’2/3 sa tmiem din is-sena u li din tintemm sal-2027 permezz ta’ diversifikazzjoni fl-importazzjonijiet tal-gass; b’aktar importazzjonijiet tal-LNG (+50 bcm) mill-Istati Uniti, l-Eġittu, l-Iżrael, u l-pajjiżi tal-Afrika Sub-Saħarjana u importazzjonijiet bil-pipeline mingħand fornituri mhux Russi (+10 bcm). Barra minn hekk, il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, stabbilita f’April, se takkomuna d-domanda, tiffaċilita x-xiri volontarju, tottimizza l-użu tal-infrastruttura, u tistabbilixxi sħubijiet internazzjonali fit-tul. Il-produzzjoni tal-gass naturali fi ħdan l-UE ser tiżdied; fuq terminu ta’ żmien medju, se jiġu introdotti alternattivi bħall-bijometan u l-idroġenu rinnovabbli. Id-diversifikazzjoni tinkludi wkoll fjuwil nukleari fejn xi Stati Membri bħalissa jiddependu minn sorsi Russi.

2.4It-tielet pilastru jipproponi s-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn enerġija nadifa: l-ewwel nett, il-mira tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli żdiedet minn 40 għal 45 % sal-2030. Huma enfasizzati teknoloġiji ewlenin bħal dik solari (mira ta’ aktar minn 320 GW ta’ apparat fotovoltajku solari installat sal-2025 (id-doppju tal-kapaċità fl-2022), 600 GW sal-2030; l-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari, l-Inizjattiva Ewropea ta’ Bjut Solari ġdida; l-enerġija mir-riħ (aċċelerazzjoni tal-għoti ta’ permessi, pereżempju permezz tal-hekk imsejħa żoni deżinjati (go-to areas), jiġi rduppjat l-użu ta’ pompi tas-sħana għal 10 miljun unità matul il-5 snin li ġejjin), u l-elettrolizzaturi. Il-koleġiżlaturi huma mitlubin jallinjaw is-sottomiri għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (75 % industrija, 5 % trasport), jaċċeleraw l-idroġenu billi jirduppjaw in-numru ta’ “widien tal-idroġenu”, jiffinalizzaw il-valutazzjoni ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) dwar l-idroġenu sas-sajf biex jibnu l-infrastruttura rispettiva biex jipproduċu, jimportaw u jittrasportaw 20 miljun tunnellata ta’ idroġenu sal-2030 7 . Għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet ġodda dwar l-idroġenu (mal-Mediterran, l-Ukrajna). Il-produzzjoni tal-bijometan għandha tiżdied għal 35 bcm sal-2030. Il-konverżjoni tal-installazzjonijiet tal-bijogass eżistenti, se teħtieġ investimenti ta’ EUR 37 biljun matul il-perjodu. Bil-għan li tagħti spinta lill-elettrifikazzjoni u lill-użu tal-idroġenu fl-industrija, il-Kummissjoni se tintroduċi kuntratti għad-differenza għall-karbonju u twieqi tar-REPowerEU ddedikati taħt il-Fond ta’ Innovazzjoni, u tistabbilixxi Alleanza Ewropea tal-Industrija Solari. Hemm ukoll enfasi fuq il-bijomassa u r-residwi agrikoli u tal-foresti. Il-Kummissjoni titlob lill-koleġiżlaturi jadottaw malajr il-proposti pendenti dwar il-fjuwils alternattivi u fajls oħra relatati mat-trasport li jappoġġjaw il-mobilità ekoloġika; L-inizjattiva dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija hija ppjanata għall-2023. Il-Kummissjoni tindika l-ħtieġa li jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi anke permezz tal-applikazzjoni bikrija tal-proposti pendenti.

2.5L-aħħar pilastru jindirizza l-investimenti intelliġenti: EUR 210 biljun oħra huma meħtieġa bejn issa u l-2027, minbarra l-ħtiġijiet tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. Il-finanzjament tal-LNG u tal-gass mill-pipeline minn fornituri oħra, jeħtieġ EUR 10 biljun sal-2030. Huma meħtieġa EUR 29 biljun oħra f’investimenti addizzjonali fil-grilja tal-elettriku sal-2030. Bil-għan li tgħin fil-finanzjament ta’ dawn l-investimenti, il-Kummissjoni tiffoka fuq il-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-irkant taċ-ċertifikati tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, fondi mill-politika ta’ koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm InvestEU, il-Fond ta’ Innovazzjoni, u miżuri fiskali.

2.6Il-Kummissjoni ppreżentat Regolament li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kif ukoll id-Deċiżjoni (UE)2015/1814 u d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament (UE) 2021/1060, biex tippermetti li l-Faċilità tintuża għall-objettivi tal-pjan REPowerEU.

2.7B’mod ġenerali, jista’ jkun meħtieġ li jkomplu jintużaw iż-żejt, fjuwils fossili oħra u l-faħam għal perjodu ta’ tranżizzjoni. Hemm rwol għall-enerġija nukleari wkoll.

3.Kummenti ġenerali

3.1Qabel ma jidħol fil-kontenut tal-pjan REPowerEU, il-KESE bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili, li hija affettwata bla bżonn miż-żidiet drammatiċi fil-prezzijiet ta’ bħalissa, jirrimarka li ħafna mill-problemi li jeħtieġ li jiġu solvuti issa setgħu ġew evitati, jew għall-inqas limitati, kieku tnaqqset id-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija – kif ipproponiet il-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin. Il-KESE jfakkar fid-dikjarazzjonijiet li saru fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija tal-2014 u l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-2015 li l-UE tibqa’ vulnerabbli għal xokkijiet esterni tal-enerġija u b’hekk jappellaw lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jiċċaraw maċ-ċittadini l-għażliet involuti fit-tnaqqis tad-dipendenza tagħna minn fjuwils, fornituri tal-enerġija u rotot partikolari. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-politiċi u l-partijiet il-kbar tas-soċjetà tagħna ġew mgħomija mill-provvisti fossili rħas u naqsu milli jsegwu kwalunkwe politika ta’ prekawzjoni. Is-sitwazzjoni attwali hija r-riperkussjoni ta’ din in-negliġenza. Il-KESE jinnota b'dispjaċir li kellha tkun il-gwerra fl-Ukrajna u d-distorsjonijiet konsegwenti fil-provvista tal-enerġija mir-Russja biex tinġibed l-attenzjoni għal din il-kwistjoni bażika tas-sigurtà tal-enerġija u biex jiġu skattati l-miżuri proposti fil-Pjan REPowerEU biex tiġi żgurata l-indipendenza mill-importazzjoni tal-enerġija Russa.

3.2Effett wieħed tal-atroċitajiet tar-Russja kontra l-poplu Ukren huma sanzjonijiet fuq l-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass Russi u tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-enerġija Russa lejn xi Stati Membri tal-UE. Għaldaqstant, jeħtieġ li jitnaqqsu b’mod rapidu l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja lejn l-UE. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi kollha li jsegwu din il-mira. L-għan għandu jkun li jintemmu gradwalment l-importazzjonijiet kollha tal-enerġija mir-Russja malajr kemm jista’ jkun, idealment fit-tliet snin li ġejjin.

3.3Għalhekk, fil-prinċipju, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-pjan REPowerEU. Huwa jistabbilixxi l-mira t-tajba – it-tmiem tad-dipendenza tal-Ewropa mill-importazzjonijiet tal-enerġija Russa malajr kemm jista’ jkun inkluż sett adegwat ta’ azzjonijiet fuq terminu qasir u medju għall-promozzjoni ta’ din il-mira.

3.4Is-sitwazzjoni hija drammatika ħafna – b’mod partikolari f’perspettiva internazzjonali. Sakemm l-Ewropa tibqa’ timporta l-gass u ż-żejt mir-Russja, l-Ewropa se tibqa’ tikkontribwixxi għall-gwerra ta’ aggressjoni ta’ Putin. L-Ewropa teħtieġ il-gass Russu biex iżżomm l-industrija tagħha għaddejja u d-djar taċ-ċittadini Ewropej sħan, il-pożizzjoni diplomatika tal-UE ddgħajfet. Sakemm ir-Russja tista’ tuża l-provvista li tagħti lill-Ewropa biex timmanipula l-prezzijiet bl-ingrossa tal-gass, iċ-ċittadini Ewropej u l-industrija ser ikomplu jġarrbu prezzijiet għoljin; barra minn hekk, hemm il-biżà ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi fundamentali f’każ li l-provvista tal-gass Russu tinqata’ għalkollox. Għalhekk, is-sitwazzjoni attwali għandha effetti negattivi kemm fuq il-prezzijiet kif ukoll fuq is-sigurtà tal-provvista, li jfisser li kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi huma ostaġġi. Tabilħaqq, xi intrapriżi diġà ġew imġiegħla jrażżnu jew iwaqqfu l-produzzjoni minħabba prezzijiet għoljin tal-enerġija, b’effett negattiv ukoll fuq l-impjiegi. Fl-istess ħin, l-unitajiet domestiċi spiss ma jkunux jafu kif se jħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Din is-sitwazzjoni mħallta tpoġġi wkoll pressjoni fuq is-sistema demokratika tal-UE u trid tiġi solvuta malajr kemm jista’ jkun.

3.5Għalhekk, wieħed għandu jsaqsi jekk il-pjan REPowerEU huwiex ambizzjuż biżżejjed. Meta jitqies li l-objettiv ewlieni huwa t-tneħħija gradwali tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-gass u ż-żejt Russi u l-kisba tal-indipendenza enerġetika tal-UE mir-Russja, essenzjalment billi jiżdied is-sehem ta’ sorsi rinnovabbli, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-importazzjonijiet alternattivi, iżda wkoll, jekk meħtieġ, billi tintuża l-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u mill-faħam bħala soluzzjonijiet tranżitorji għal żmien qasir ħafna, l-isforz għandu jitqies bħala adegwat. Madankollu, wieħed għandu jsaqsi: l-Ewropa – speċjalment l-Istati Membri – qiegħda tagħmel dak kollu li tista’ biex ittemm il-provvista tal-gass mir-Russja kemm jista’ jkun malajr? Meta jitqies il-pjan REPowerEU biss, u jekk wieħed jikkunsidra dak li nafu s’issa dwar ir-riżultati tal-proċess leġiżlattiv rigward il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, donnu hemm dubju dwar dan.

3.6Hemm biss żewġ għażliet li jikkonvinċu bis-sħiħ li se jagħtu kontribut immedjat għas-sostituzzjoni tal-gass naturali fit-tul kif ukoll huma kompletament konformi mal-miri strateġiċi tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”: żieda massiva tal-enerġiji rinnovabbli u tnaqqis drastiku tad-domanda.

3.7Minħabba l-ispejjeż u ż-żmien meħtieġa biex jiġu żviluppati s-soluzzjonijiet ewlenin fuq perjodu ta’ żmien medju u twil, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu immedjatament, bħal għażliet minn individwi u intrapriżi, xiri volontarju komuni permezz tal-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija, il-ħolqien ta’ sħubijiet ġodda tal-enerġija ma’ sostenituri affidabbli, il-ħżin tal-gass, is-segwitu ta’ rakkomandazzjonijiet għal applikazzjoni bikrija ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni rapida, l-introduzzjoni ta’ żoni deżinjati, u żieda fil-produzzjoni tal-bijometanol. Il-koleġiżlaturi jistgħu jaġixxu immedjatament fuq it-talba tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi l-objettivi ta’ żieda fil-livelli ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minn 40 għal 45 %, ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika b’5 % oħra, u ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika għall-bini – stabbiliti fi proposti separati – fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” biex jiggwadanjaw iż-żmien. Il-koleġiżlaturi jistgħu jaġixxu wkoll fuq it-talba biex il-proposti rilevanti jiġu adottati malajr.

3.8Il-KESE jilqa’ wkoll ir-Regolament reċenti tal-Kunsill dwar it-tnaqqis koordinat tal-użu tal-gass matul ix-xitwa 2022-2023.

3.9Minħabba l-urġenza estrema tas-sitwazzjoni, il-KESE jappoġġja wkoll il-mod kif il-pjan REPowerEU jaħseb għall-ħtieġa possibbli li jintużaw il-fjuwils fossili u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-faħam għal perjodu ta’ tranżizzjoni, li għandu jinżamm qasir kemm jista’ jkun sabiex jiġi evitat li dawn is-sorsi jiġu eżawriti. Il-KESE jinnota wkoll b’mod favorevoli li s’issa l-kwistjoni tal-enerġija nukleari titħalla f’idejn kull Stat Membru.

3.10Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ Fond Soċjali għall-Klima sabiex jittaffew l-impatti soċjali u ekonomiċi negattivi u sabiex jiġu pprovdut finanzjament lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-miżuri tagħhom li jindirizzaw l-impatt soċjali fuq unitajiet domestiċi, mikrointrapriżi u utenti tat-trasport li huma finanzjarjament aktar dgħajfa. Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li l-pakkett finanzjarju propost għall-Fond Soċjali għall-Klima mhux se jipprovdi biżżejjed appoġġ finanzjarju biex jindirizza b’mod responsabbli l-effetti soċjoekonomiċi fil-proċess biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u tal-mobbiltà. Għalhekk, huwa meħtieġ baġit f’livell korrispondenti għoli. Il-KESE jirrimarka wkoll li l-kapaċità tal-Istati Membri li jattiraw u jiġġestixxu fondi privati tvarja.

3.11L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ukoll liċ-ċittadini u, b’mod partikolari, lill-familji finanzjarjament dgħajfa kemm fit-terminu qasir, għaż-żewġ xtiewi li jmiss, kif ukoll fit-tul.

3.12Rigward l-iffrankar tal-enerġija, il-Kummissjoni qiegħda timmira għal tnaqqis immedjat ta’ 5 % mill-konsum tal-gass (madwar 13 bcm) u taż-żejt (madwar 16 mto). Dan mhuwa ambizzjuż xejn u ma jikkorrispondix għad-dimensjoni tal-kriżi li rriżultat mill-gwerra kontra l-Ukrajna. Madankollu, ir-realtà politika hija li l-Kunsill tal-Enerġija tas-27 ta’ Ġunju 2022 aċċetta l-livell ta’ tnaqqis ta’ 9 % propost mill-Kummissjoni fl-2021, mingħajr ma qies is-suġġerimenti fil-pjan REPowerEU biex il-proposta tiġi inkluża fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”.

3.13Fil-Ġermanja, fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2022, il-konsum tal-gass kien diġà tnaqqas bi kważi 15 % 8 , minkejja li skont studji tas-suq il-konsumaturi residenzjali setgħu jiffrankaw saħansitra aktar. Dan juri biċ-ċar li s-sitwazzjoni u r-rieda jew il-kapaċità li naġixxu tista’ tkun differenti ħafna fi Stati Membri differenti; possibbilment huma l-miżuri li joffru flessibbiltà f’dan ir-rigward li għandhom l-akbar ċans li jirnexxu, kif joħroġ fir-Regolament tal-Kunsill dwar miżuri koordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass, li ġie adottat fis-26 ta’ Lulju 2022, li jqis ukoll il-ħtiġijiet tal-industrija.

3.14Il-kampanji dwar l-enerġija ma għandhomx jiġu limitati biss għal sejħiet għall-iffrankar tal-enerġija iżda għandhom ikopru miżuri li jkollhom impatt dirett bħal irkanti inversi, li jfissru li awtorità ċentrali – jew l-awtorità regolatorja jew l-operatur tas-sistema – torganizza sejħa għall-offerti għal konsumaturi industrijali li jistgħu jagħmlu l-offerta tagħhom għal tnaqqis volontarju tal-gass abbażi tal-ispejjeż speċifiċi tagħhom. Dan jista’ jkun ta’ għajnuna biex jintlaħqu l-livelli ta’ ħżin tal-gass rispettivi u jagħmluha aktar probabbli li, f’xenarju fejn ma jkunx hemm provvista ta’ gass Russu, l-UE tkampa matul ix-xitwa mingħajr wisq ħsara soċjali u ekonomika. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal tar-rispons għad-domanda bħala mezz biex titnaqqas id-domanda.

 

3.15Rigward l-enerġiji rinnovabbli, il-mira ġenerali stabbilita mill-Kummissjoni ta’ livell imsaħħaħ ta’ 45 % ta’ enerġija rinnovabbli, minflok l-40 % proposti fl-2021, s’issa jidher li ma ngħatatx widen, almenu mill-Kunsill tal-Enerġija tas-27 ta’ Ġunju 2022, minkejja t-talba tal-Kummissjoni biex tiġi inkluża fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. Il-KESE jinnota dan b’dispjaċir peress li jdewwem l-impatt tal-iżvilupp mixtieq. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-proposta separata li saret f’Mejju 2022 biex jitħaffu l-proċeduri ta’ permessi għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u jiġu introdotti żoni deżinjati għal tali proġetti sabiex jitneħħa ostaklu kbir għall-użu rapidu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari proġetti tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ. Għalhekk, il-KESE jilqa’ wkoll ir-rakkomandazzjoni li saret fil-Komunikazzjoni REPowerEU li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni rapida u ż-żoni deżinjati jiġu implimentati immedjatament, sakemm tiġi aċċettata l-proposta tal-Kummissjoni.

3.16Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet aktar ambizzjużi, jeħtieġ li jiġi importat għadd ta’ tagħmir tekniku, peress li l-UE m’għadx għandha kapaċitajiet ta’ produzzjoni, pereżempju, il-pannelli solari huma prinċipalment importati miċ-Ċina. Għalhekk, l-enerġiji fossili jiddependu mhux biss mill-importazzjonijiet, iżda wkoll mit-tagħmir meħtieġ. Il-KESE jappella lil dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi biex jippromovu bil-kbir l-espansjoni tas-siti ta’ produzzjoni għat-tagħmir tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa. L-Alleanza Ewropea tal-Industrija Solari tista’ titqies bħala l-ewwel pass.

3.17Madankollu, hemm bżonn ta’ investiment massiv biex jiżdied is-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE. Minkejja dan, is-sehem tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni huwa aktar baxx fl-UE milli f’ekonomiji ewlenin oħra, u dan jipperikola l-kompetittività tal-UE f’teknoloġiji futuri ewlenin. Il-KESE jinnota li t-tranżizzjoni ekoloġika u s-sigurtà tal-provvista jeħtieġu grad suffiċjenti tat-taħlita tajba ta’ sorsi rinnovabbli għall-elettrifikazzjoni u biex tirnexxi l-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku, jiġu żviluppati teknoloġiji tal-ħżin u jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni, u kunċetti bħall-impjanti virtwali tal-enerġija fl-aħħar ikunu disponibbli. Għalhekk għad hemm ħtieġa sinifikanti għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.

3.18Kunċetti bħall-awtokonsum, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u l-kondiviżjoni tal-enerġija li ġew rikonoxxuti b’mod ġenerali fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa u li l-KESE dejjem appoġġja huma importanti biex jiżdiedu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għandhom jiġu koperti l-ħtiġijiet massivi ta’ investiment. Iċ-ċittadini huma lesti li jinvestu fil-konsum awtonomu jew tal-kommunità, jekk jifhmu li dan huwa wkoll ta’ benefiċċju għalihom. Huma għandhom iħossuhom imħeġġa aktar milli skoraġġuti. F’ħafna Stati Membri dan tal-aħħar għadu l-każ. L-istrateġija solari tal-UE li takkumpanja l-pjan REPowerEU tirrikonoxxi dan u f’dan ir-rigward, tirreplika d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II mingħajr ma tagħti dettalji dwar kif l-Istati Membri se jiġu mġiegħla finalment jeliminaw ix-xkiel rilevanti.

3.19Jagħmel sens li l-enerġiji rinnovabbli u l-ħżin jiġu definiti bħala li huma fl-interess pubbliku ġenerali, iżda għadu mhux ċar x’inhi l-konsegwenza diretta. Il-grilja ta’ distribuzzjoni li tgħaqqad l-installazzjonijiet rispettivi mal-konsumatur teħtieġ ukoll li tiġi rikonoxxuta bħala interess pubbliku prevalenti.

3.20Anke b’titjib massiv fit-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija (ara l-punti 3.7 sa 3.9) u b’żieda fl-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (ara l-punti 3.10 sa 3.12) huwa ċar li l-UE mhux ser jirnexxilha tilħaq l-awtosuffiċjenza fl-enerġija la fuq terminu ta’ żmien qasir u lanqas fuq terminu medju. Jidher li l-awtosuffiċjenza hija possibbli fit-tul iżda jekk dan huwiex mixtieq jew le jidher li għadha mistoqsija mhux imwieġba. L-esperjenza qarsa tad-dipendenza Russa teħtieġ approċċ maħsub sew dwar l-għażla ta’ liema pajjiżi/reġjuni għandna nissieħbu magħhom fil-futur. Filwaqt li l-urġenza titlob deċiżjonijiet rapidi rigward l-importazzjonijiet tal-LNG u tal-idroġenu (ekoloġiċi), għandhom jiġu evitati deċiżjonijiet vinkolanti fit-tul mingħajr analiżi tar-riskju komprensiva. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ġeopolitika għall-importazzjoni tal-enerġija qabel ma’ tipproponi sħubijiet tal‑enerġija ma’ pajjiżi mhux demokratiċi jew politikament instabbli; filwaqt li jitqiesu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-urġenzi enerġetiċi.

 

3.21L-LNG jidher li huwa soluzzjoni għal ħafna Stati Membri, iżda minħabba l-impronta tas-CO2 tiegħu jeħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala teknoloġija pont, u l-pont għandu jkun qasir kemm jista’ jkun. Matul l-20 sena li ġejjin, l-infrastruttura tal-LNG kollha li tkun inbniet trid jew titneħħa jew tkun kapaċi tittrasporta u tiddistribwixxi idroġenu ekoloġiku. Dan irid ikun prinċipju fundamentali għad-deċiżjonijiet ta’ investiment kollha li għandhom jittieħdu fix-xhur li ġejjin. It-tlestija għall-idroġenu spiss tintuża bħala klassifikazzjoni iżda fir-realtà, għadu xejn ma hu ċar xi tfisser verament din il-frażi. Bħal fil-każ tad-definizzjoni ta’ idroġenu ekoloġiku fl-Att Delegat rispettiv, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi t-tlestija għall-idroġenu sabiex tikkombina s-sigurtà tal-investiment ma’ mira klimatika ċara. It-tassonomija għandha tiġi emendata skont dan.

3.22Dan juri l-importanza li jiġu kkunsidrati xejriet nazzjonali ta’ mġiba u approċċi nazzjonali meta jiġu kkunsidrati taħlitiet ta’ enerġija sostenibbli. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ssemmi fil-qosor ir-rwol tal-enerġija nukleari fil-pjan REPowerEU tagħha, madankollu, għandu jitqies li din l-għażla hija r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri. Il-KESE jappoġġja użu akbar tar-riżorsi disponibbli fl-UE, inkluż bħala prijorità, kif propost mill-Kummissjoni, espansjoni rapida u massiva tal-enerġiji rinnovabbli. Taħlita versatili ta’ produzzjoni tal-enerġija tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Minbarra l-enerġija mir-riħ u mix-xemx, għandha għalhekk tiġi użata l-varjetà ta’ sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju li hija konformi ma’ sistemi ġodda tal-enerġija bbażati primarjament fuq sorsi tal-enerġija Ewropej li jvarjaw.

3.23Il-pilastru dwar l-investimenti intelliġenti jistabbilixxi l-prijoritajiet it-tajbin. Madankollu, il-KESE jtenni li bl-approċċ it-tajjeb, struttura tal-provvista tal-enerġija mingħajr karbonju, deċentralizzata u diġitalizzata jista’ jkollha effetti pożittivi enormi fuq l-impjiegi u l-ekonomiji reġjonali (ara l-Opinjoni TEN/660). Fil-kriżi attwali l-Unjoni Ewropea teħtieġ approċċ ġenerali tal-enerġija li jgħaqqad is-suġġetti speċifiċi relatati mal-enerġija u l-klima mal-objettivi fil-politika għall-koeżjoni soċjali u reġjonali. Dan l-aspett huwa injorat bil-kbir fl-Istrateġija Solari li l-Kummissjoni ppreżentat flimkien mal-pjan REPowerEU.

3.24Il-Kummissjoni bir-raġun tindika li l-investimenti pubbliċi jistgħu u jeħtieġu jiġġeneraw flus privati. Madankollu, il-pjan REPowerEU ma jkoprix il-finanzjament mill-ġdid tal-fondi pubbliċi rispettivi. L-abolizzjoni tas-sussidji għar-riżorsi fossili se tkun approċċ possibbli biex dan jiġi organizzat; it-tassazzjoni ta’ profitti mhux mistennija, li l-oriġini tagħhom huwa fil-kriżi ewlenija taż-żejt u tal-gass u li jsarrfu fi profitti żejda enormi speċjalment għall-kumpaniji taż-żejt il-kbar, tkun approċċ ieħor. Il-KESE jipproponi li dawn il-profitti jistgħu jinġabru permezz ta’ taxxi u jiġu trasferiti bħala kumpens finanzjarju lill-konsumaturi tal-enerġija, eż. unitajiet domestiċi aktar dgħajfa jew kumpaniji li jużaw ħafna enerġija, u jintużaw għall-espansjoni tal-produzzjoni tal-enerġija u għall-infrastruttura tal-grilja meħtieġa, speċjalment peress li dan diġà qiegħed jiġi diskuss jew implimentat f’xi Stati Membri. Il-KESE huwa tal-fehma li sabiex il-kumpaniji tal-enerġija ma jiġux skoraġġuti milli jinvestu f’soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, tali tassazzjoni għandha tiġi definita bħala sensittiva ħafna. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri rispettivi mingħajr aktar dewmien.

3.25F’konformità mas-siwi probabbli tal-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet adattati għaċ-ċirkostanzi lokali, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li jsir użu mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-pjan REPowerEU.

3.26Il-Pjan, li fi kwalunkwe każ se jeħtieġ finanzjament sostanzjali, se jkun diffiċli ħafna biex jiġi ffinanzjat fi ħdan il-qafas finanzjarju attwali. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investimenti fl-imġiba soċjo/ekoloġika tas-soċjetà tagħna 9 .

4.Kummenti speċifiċi

4.1Il-bijometan jista’ jkollu rwol fit-tnaqqis/l-eliminazzjoni tad-dipendenza tal-Ewropa mill-gass Russu. Madankollu, għall-produzzjoni tiegħu, inkluż f’tentattiv biex jiġu evitati kunflitti mal-bijodiversità, l-installazzjonijiet eżistenti tal-bijogass għandhom b’mod partikolari jiġu modernizzati. L-impjanti tal-bijogass bħalissa spiss jintużaw biss biex jipproduċu l-elettriku fil-firxa tat-tagħbija bażi, jiġifieri il-ħin kollu. Is-sħana li tirriżulta rarament tintuża. Dawn il-kunċetti mhumiex effiċjenti. Il-bijogass miksub għandu jiġi pproċessat u injettat direttament fin-network tal-gass, jew inkella għandu jintuża wkoll għall-provvista tas-sħana fil-forma ta’ impjanti lokali tas-sħana u tal-enerġija kkombinati. Faċilitajiet iżgħar għall-ħżin tal-gass jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex jiġi prodott elettriku meta jkun hemm nuqqas ta’ riħ jew xemx. Investimenti għal modifiki retroattivi tas-sistemi eżistenti huma meħtieġa. Il-Komunikazzjoni ssemmi l-inċentivi rispettivi, iżda d-dettalji huma neqsin u jeħtieġ li jingħataw minnufih.

4.2Kif indikat fil-punt 3.14, ser ikun meħtieġ li l-LNG ikollu rwol fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju. Il-pjan REPowerEu jwiegħed valutazzjonijiet u ppjanar, xiri konġunt volontarju u koordinazzjoni akbar. Madankollu, sadanittant, Stati Membri individwali huma diġà attivi. Hija meħtieġa solidarjetà Ewropea, u l-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura li l-ebda Stat Membru mhuwa qed jaġixxi kontra l-interess tal-ebda Stat Membru ieħor, kif jipprevedi r-Regolament (UE) 2017/1938 dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

4.3Ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jipprevedi wkoll reġim ta’ solidarjetà Ewropea komprensiv f’każ ta’ emerġenza tal-gass. Minkejja li r-Regolament reċenti tal-Kunsill dwar miżuri koordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass u l-Komunikazzjoni li takkumpanjah dwar Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura, huma pass fid-direzzjoni t-tajba biex tittejjeb it-tħejjija għall-kriżijiet, il-KESE jixtieq jara qafas ta’ kriżi aktar ġenerali adatt biex tiġi indirizzata l-iskala tal-kriżi li l-UE qed tħabbat wiċċha magħha minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.

4.4Pompi tal-enerġija għas-sħana u pompi tas-sħana, anke fil-kuntest ta’ tisħin distrettwali jidher li ser ikunu l-aktar approċċ promettenti biex jiġi sostitwit il-gass naturali fis-settur tat-tisħin. Madankollu, hemm bosta ostakli (li jvarjaw mill-ħaddiema b’ħiliet li huma meħtieġa sa kwistjonijiet soċjali speċjalment fi nħawi fejn il-proporzjon ta’ inkwilini huwa għoli). Il-Komunikazzjoni ma tqisx dawn il-punti. Hemm bżonn ta’ analiżi aktar dettaljata u aktar kritika li tinvolvi s-soċjetà ċivili.

4.5Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija wriet id-dgħufijiet tas-suq tal-enerġija. Il-President tal-Kummissjoni von der Leyen innifisha qalet li s-sistema attwali tas-suq tal-elettriku ma għadhiex taħdem u jeħtieġ li tiġi rriformata. Jeħtieġ li jsiru mistoqsijiet fundamentali dwar il-futur tal-enerġija biex jiġu żgurati kemm provvista tal-enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, bi prezz raġonevoli u affidabbli kif ukoll id-dritt għall-enerġija. Id-diżinn u r-regolamentazzjoni tiegħu għandhom jiġu adattati għar-realtajiet il-ġodda tal-enerġiji rinnovabbli prevalenti u joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal atturi individwali kif ukoll isaħħu l-protezzjoni adatta tal-konsumaturi. Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora alternattivi għall-ottimizzazzjoni tad-diżinn tas-suq tal-elettriku u jappoġġja bil-qawwa valutazzjonijiet tas-suq li janalizzaw l-imġiba tal-atturi potenzjali kollha fis-suq tal-enerġija u d-diżinn tas-suq tal-enerġija. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti qabel issir kwalunkwe proposta. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-elettriku, inkluż ir-raggruppament tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass, li qed ikollu impatt negattiv fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri.

4.6Barra minn hekk, il-KESE jindika li huwa meħtieġ dejjem aktar tbassir sistematiku tad-domanda dejjem togħla għall-enerġija skont iż-żona u t-tip ta’ enerġija, li jieħu inkunsiderazzjoni t-trasformazzjoni tat-tipi ta’ enerġija, kif ukoll l-ippjanar kunċettwali tal-arkitettura tas-sistema ta’ enerġija futura sabiex jiġi żgurat li l-investimenti jkunu mmirati sew u s-sigurtà tal-provvista tkun garantita. Il-Kummissjoni għandha tfassal ħarsa ġenerali korrispondenti u tikkomunikaha b’mod wiesgħa, peress li spiss ikun hemm nuqqas ta’ ċarezza fis-soċjetà dwar sa liema punt l-Ewropa tista’ tforni l-enerġija lilha nnifisha.

Brussell, 21 ta’ Settembru 2022

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)    Opinjoni tal-KESE ĠU C 105, 04.03.2022, p. 11 .
(2)    COM (2022) 230.
(3)    COM(2022) 222.
(4)    COM(2022)240.
(5)    Id-Dokument tal-Kunsill 11625/22.
(6)    COM(2022) 360.
(7)    COM(/2022)230 p 7 u SWD(2022) p. 26.
(8)     Industrie spart Gas, Sparpotenzial bei Verbrauchern nicht gehoben (L-industrija tiffranka l-gass, għadu ma ntlaħaqx il-potenzjal ta’ tfaddil għall-konsumaturi [mhux disponibbli bil-Malti]), handelsblatt.com
(9)    Opinjoni tal-KESE ĠU C 105, 04.03.2022, p. 11 .
Top