OPINJONI
|
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi
|
_____________
|
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar it-trattament tal-ilma mormi urban (riformulazzjoni)
[COM(2022) 541 final - 2022/0345 (COD)]
|
|
NAT/877
|
|
Relatur: Stoyan TCHOUKANOV
|
|
Konsultazzjoni
|
Parlament Ewropew, 19/01/2023
Kunsill, 24/01/2023
|
Bażi legali
|
Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
03/02/2023
|
Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja
|
22/02/2023
|
Sessjoni plenarja Nru
|
576
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
198/1/4
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jappoġġja l-viżjoni tal-Kummissjoni li r-regoli tal-UE dwar l-ilma urban mormi jiġu aġġornati u jkunu lesti għall-għoxrin sena li ġejjin mhux biss billi jiġi indirizzat it-trattament tal-ilma mormi, iżda wkoll l-aspetti tal-enerġija u tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll biex tittejjeb il-governanza.
1.2Il-KESE jirrikonoxxi l-ilma nadif bħala riżorsa strateġika biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-soċjetà tagħna u ekonomija tal-UE reżiljenti, kif ukoll għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u għalhekk jemmen li dan għandu jiġi indirizzat bl-attenzjoni dovuta. Madwar 60 % tad-distretti tal-baċini tax-xmajjar tal-UE huma transkonfinali u jeħtieġu kooperazzjoni transkonfinali. Id-diżastru ekoloġiku reċenti tax-xmara Oder għandu jintuża bħala eżempju ta’ twissija ta’ kooperazzjoni falluta u nuqqas ta’ trasparenza.
1.3Il-KESE huwa tal-fehma li, l-ewwel u qabel kollox, it-tniġġis għandu dejjem jiġi indirizzat f’ras il-għajn, iżda jirrikonoxxi t-trattament tal-ilma urban mormi bħala l-aħħar filtru importanti għall-protezzjoni tal-ilmijiet riċeventi b’benefiċċji għall-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u s-soċjetà.
1.4Il-mikrosustanzi niġġiesa, bħar-residwi farmaċewtiċi, qed isiru dejjem aktar ta’ tħassib għall-kwalità tal-ilma. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta għal impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi magħżula biex jiġu installati trattamenti addizzjonali għat-tneħħija tagħhom u jenfasizza l-ħtieġa ta’ sforzi konsiderevoli biex “jitkisser” l-istandard qadim permezz ta’ metodi innovattivi ġodda ta’ trattament.
1.5Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, u tiġi żgurata l-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-proposta għal Responsabbiltà Estiża tal-Produttur li tirrikjedi li l-produtturi jkopru l-ispiża tat-tneħħija tal-mikrosustanzi niġġiesa li jirriżultaw mill-prodotti tagħhom mill-ilma mormi, iżda biex din tkun effiċjenti l-eżenzjonijiet iridu jkunu strettament limitati.
1.6Jekk id-Direttiva tiġi estiża biex tkopri agglomerazzjonijiet minn 1000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni jrid ikun hemm lok għal soluzzjonijiet deċentralizzati permezz ta’ impjanti żgħar b’attenzjoni speċjali fir-rigward tal-funzjonalità.
1.7It-tifwir tad-drenaġġ huwa hotspot għat-tniġġis, inklużi ġeni ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi, mikroplastiċi u sustanzi tossiċi li jqiegħdu f’riskju l-ħajja akkwatika, is-saħħa tal-bniedem u l-istat tal-ilmijiet tar-rikreazzjoni. Id-Direttiva għandha tintroduċi limitu fuq l-okkorrenza tagħhom u r-rappurtar lill-pubbliku għandu jagħti l-istampa sħiħa tat-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa li tinġarr mit-tifwir. L-ilma tax-xeba’ urban, fil-forma ta’ ilma tax-xita mniġġes (inkluża l-borra) mill-pajsaġġ urban, eż. it-toroq, għandu jinġabar u ttrattat b’mod adegwat qabel ma jkun skarikat fl-ilma riċeventi.
1.8It-tibdil fil-klima qed jaffettwa ċ-ċiklu tal-ilma, b’żieda mbassra ta’ okkorrenzi ta’ xita qawwija u ta’ nixfa. Miżuri preventivi, bħal soluzzjonijiet fl-ambjent urban li jinkorporaw sistemi naturali (l-hekk imsejħa blue-green solutions) li jaqbdu u jaħżnu l-ilma tax-xita eż. permezz ta’ soqfa ħodor jew ġonna tax-xita, inaqqsu t-tagħbija fuq id-drenaġġ (u b’hekk inaqqsu r-riskju ta’ tifwir tad-drenaġġ) u jġibu ħafna kobenefiċċji għall-pajsaġġ urban.
1.9Il-KESE jinsab imħasseb li l-ilma u s-sanità huma servizzi pubbliċi, iżda xi drabi jiġu pprovduti minn kumpaniji privati. Jeħtieġ li jkun hemm regoli u regolamenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi ma jitmexxewx għall-profitt u li d-dħul jiġi investit fil-manutenzjoni u t-titjib tas-servizzi.
1.10Il-KESE jenfasizza li l-ilma huwa riżorsa vitali iżda qed issir dejjem aktar skarsa. Żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej iqisu l-kwalità u/jew il-kwantità tal-ilma f’pajjiżhom bħala problema serja. Għal implimentazzjoni b’suċċess tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 6 “l-iżgurar tal-aċċess għall-ilma u s-sanità għal kulħadd” u biex jiġu evitati kriżijiet futuri, dan it-tħassib jeħtieġ li jiġi indirizzat bl-urġenza dovuta. L-iżgurar tal-affordabbiltà tal-ilma jenħtieġ li jkun prijorità għall-Istati Membri kollha.
1.11Il-KESE jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet, biex jiġu ppreservati r-riżorsi tal-ilma u biex l-isfidi relatati jiġi ġestiti b’mod adegwat permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat, li jistabbilixxi miri u azzjonijiet ambizzjużi marbuta ma’ stadji importanti miftiehma. Il-KESE se jagħmel proposti konkreti fir-rigward ta’ Patt Blu tal-UE matul l-2023.
2.Proposta tal-Kummissjoni
2.1Qed ikun propost li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġi estiż biex ikopri agglomerazzjonijiet minn 1 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni li jfisser li bliet żgħar se jkunu obbligati wkoll jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi, u jistgħu jfittxu finanzjament mill-UE biex jagħmlu dan. Il-Kummissjoni se tiżviluppa standards ġodda għall-faċilitajiet deċentralizzati u l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw monitoraġġ u spezzjoni aħjar ta’ faċilitajiet bħal dawn.
2.2It-tifwir tad-drenaġġ u l-ilma tax-xeba’ urban ġew identifikati bħala sorsi importanti li fadal ta’ ilma urban mormi mhux trattat u l-Istati Membri se jkunu mitluba jistabbilixxu pjani integrati ta’ ġestjoni għall-ilma urban mormi biex jitnaqqas it-tniġġis minn dawn is-sorsi. Għandha tingħata prijorità lill-miżuri preventivi, bħas-soluzzjonijiet fl-ambjent urban li jinkorporaw sistemi naturali (l-hekk imsejħa blue-green solutions), u l-ottimizzazzjoni tas-sistemi eżistenti bl-użu ta’ tekniki diġitali.
2.3Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tan-nutrijenti, se jiġu introdotti limiti ġodda għat-tneħħija tan-nitroġenu u tal-fosforu, bħala l-ewwel pass għal faċilitajiet akbar, ’il fuq minn 100 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni, u mbagħad għal faċilitajiet ta’ daqs medju ,’il fuq minn 10 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni, f’żoni fejn l-ewtrofikazzjoni għadha problema. Se jkun hemm ukoll rekwiżit biex jitneħħew il-mikrosustanzi niġġiesa għall-impjanti kollha ta’ daqs kbir u medju fejn l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem jinsabu f’riskju. Bil-għan li titnaqqas it-tagħbija ta’ sustanzi li ma jistgħux jiġu ttrattati, li se jtejbu l-possibbiltajiet għaċ-ċirkolarità, hemm obbligi ġodda għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-iskariki mhux domestiċi fid-drenaġġ f’ras il-għajn.
2.4Biex tiġi koperta l-ispiża tal-aġġornament u l-monitoraġġ meħtieġa biex jitneħħew il-mikrosustanzi niġġiesa, u biex jiġi inċentivat l-iżvilupp ta’ prodotti aktar ekoloġiċi, se tiġi introdotta Responsabbiltà Estiża tal-Produttur li tirrikjedi li l-produtturi ta’ farmaċewtiċi u prodotti li jaqgħu taħt ir-regoli tal-UE dwar il-kożmetiċi jikkontribwixxu finanzjarjament.
2.5Ġiet introdotta mira ġdida ta’ newtralità enerġetika għas-settur tal-ilma mormi sal-2040, li jfisser li l-enerġija kkunsmata mis-settur fil-livell nazzjonali għandha tkun ekwivalenti għall-ammont ta’ enerġija rinnovabbli li dan jipproduċi.
2.6Il-proposta tistabbilixxi l-2040 bħala l-iskadenza għall-konformità sħiħa, bi skadenzi interim biex jiġi żgurat il-progress.
3.Kummenti ġenerali
3.1L-ilma nadif huwa wieħed mill-aktar riżorsi prezzjużi li għandna, kruċjali għall-funzjonament tal-ekosistemi u s-soċjetà tagħna kif ukoll għall-attività soċjoekonomika. L-agrikoltura, il-produzzjoni tal-enerġija, u s-settur tat-turiżmu huma lkoll dipendenti ħafna fuq l-aċċess għal ilma nadif. In-Nazzjonijiet Uniti jirrikonoxxu l-aċċess għall-ilma nadif u s-sanità bħala ħtieġa bażika tal-bniedem għas-saħħa u l-benesseri fost l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Madankollu, l-ilma ħelu jinsab taħt pressjoni minn firxa ta’ attivitajiet, u din il-pressjoni hija mbassra li tiżdied b’segwitu għat-tibdil fil-klima.
3.2Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi hija l-parti ewlenija tal-leġiżlazzjoni tal-UE li għandha l-għan li tħares l-ambjent mill-impatti negattivi tal-ilma mormi mhux trattat. Id-Direttiva ilha fis-seħħ għal aktar minn 30 sena u mill-adozzjoni tagħha ’l hawn, il-kwalità tax-xmajjar, il-lagi u l-ibħra Ewropej tjiebet b’mod sinifikanti, minkejja l-fatt li żewġ terzi tal-ilma tal-wiċċ għadhom mhumiex fi stat tajjeb. Il-pajjiżi tal-UE stabbilew sistemi ta’ ġbir u impjanti tat-trattament tal-ilma mormi bl-għajnuna tal-finanzjament tal-UE. Hemm livell għoli ta’ konformità mad-Direttiva fl-UE kollha, bi 98 % tal-ilma mormi miġbur u 92 % trattat b’mod sodisfaċenti, skont il-kopertura attwali tad-Direttiva.
3.3Ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa għandha l-potenzjal li taġġorna d-Direttiva billi tindirizza s-sorsi li fadal ta’ ilma mormi mhux trattat u sustanzi niġġiesa ġodda, kif ukoll ittejjeb l-aspetti tal-enerġija u tal-ekonomija ċirkolari tat-trattament tal-ilma mormi f’konformità mal-Patt Ekoloġiku u d-diġitalizzazzjoni tal-Ewropa. Madankollu, il-KESE jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jinkludu l-ilma mormi f’viżjoni akbar, jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet, biex jiġu ppreservati r-riżorsi tal-ilma u biex l-isfidi relatati jiġi ġestiti b’mod adegwat permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat, li jistabbilixxi miri u azzjonijiet ambizzjużi marbuta ma’ stadji importanti miftiehma. Il-KESE se jagħmel proposti konkreti fir-rigward ta’ Patt Blu tal-UE matul l-2023.
3.4Fis-settur tal-ilma huma meħtieġa investimenti kbar. L-OECD stmat li l-Istati Membri kollha minbarra l-Ġermanja jeħtieġ li jżidu l-infiq b’mill-inqas 25 % biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva eżistenti. Madankollu, din l-istima ma tqisx l-ispiża tal-manutenzjoni tad-drenaġġ. Ir-regoli l-ġodda se jirrikjedu investimenti addizzjonali u huwa kruċjali li l-finanzjament jitwessa’ mit-tariffi tal-ilma u mill-baġit pubbliku biex jinkludi wkoll dawk is-setturi li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-ilma urban mormi sabiex l-aċċess għall-ilma u s-sanità jinżamm affordabbli għall-unitajiet domestiċi.
3.5It-trattament tal-ilma mormi għandu prezz u jeħtieġ input fil-forma ta’ riżorsi u enerġija. It-tniġġis għandu dejjem l-ewwel u qabel kollox jiġi indirizzat f’ras il-għajn u jingħata prijorità fuq soluzzjonijiet fil-punt tar-rimi. Għalhekk, l-ewwel nett, il-miżuri ta’ politika għandhom, sa fejn ikun possibbli, jillimitaw l-emissjoni ta’ sustanzi ta’ ħsara fl-ambjent u fis-soċjetà. It-trattament tal-ilma urban mormi jaġixxi bħala l-aħħar filtru biex iħares l-ilmijiet riċeventi u biex jintlaħqu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma. Għalhekk, il-KESE qed jappella għal aktar sinerġija mal-istrateġiji tal-iżvilupp urban (Aġenda Urbana tal-UE, il-Ftehim ta’ Ljubljana, sħubijiet tematiċi differenti, eċċ.).
3.6Għandhom isiru aktar sforzi biex jiffavorixxu l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-ġbir, it-trattament u l-ġestjoni tal-ilma urban mormi. Il-pubbliku ġenerali m’għandux ikun involut biss fl-implimentazzjoni tat-trattament tal-ilma mormi f’termini ta’ informazzjoni iżda wkoll f’termini ta’ parteċipazzjoni: għandu jkun hemm mekkaniżmi fl-Istati Membri kollha biex iċ-ċittadini jirrappurtaw nuqqasijiet osservati fil-ġbir u/jew it-trattament tal-ilma urban mormi, b’attenzjoni speċifika mogħtija għall-iskariki industrijali illegali.
3.7Hemm potenzjal kbir biex l-Ewropa ssir mexxej fl-għoti ta’ soluzzjonijiet għas-settur tat-trattament tal-ilma mormi, minn teknoloġiji avvanzati ta’ trattament, għal soluzzjonijiet tal-enerġija. L-iżvilupp tas-settur tal-ilma mormi huwa possibbiltà għall-innovazzjoni u t-teknoloġija u opportunità biex jiġi esportat l-għarfien u jiġu attirati intraprendituri żgħażagħ.
4.Kummenti speċifiċi
4.1L-ilma urban mormi huwa impronta tas-soċjetà u tax-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni tagħna. Dan fih taħlita kumplessa ta’ skariki domestiċi, ilma tax-xeba’ mit-toroq u l-bini, u effluwenti industrijali u oħrajn mhux domestiċi li jeħtieġu trattament adegwat biex ma jkunux ta’ theddida għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jew jaffettwaw l-ilmijiet tar-rikreazzjoni. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema involuti fis-sistema tal-ilma urban mormi għandhom ikunu prijorità ewlenija.
4.2Il-mira ġenerali għall-2040 b’miri interim tistabbilixxi perkors ċar għat-trattament tal-ilma mormi għall-għoxrin sena li ġejjin. Madankollu, għandna fehim limitat tar-riskji għall-ħajja akkwatika b’riżultat tat-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi fl-ilmijiet tal-wiċċ, u ħafna minn dawn is-sustanzi kimiċi joriġinaw minn prodotti użati fi djarna stess. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-operat tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi jirriżultaw fi spiża għolja mil-lat finanzjarju u ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet ta’ partijiet ewlenin tad-Direttivi dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u dwar il-Ħama tad-Drenaġġ jippreżentaw l-opportunità biex tiġi mmodernizzata u mtejba l-koerenza fis-settur kollu, u jgħinu biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
4.3Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija ta’ tħassib dejjem akbar għas-soċjetà, u l-ilma urban mormi, kemm jekk trattat kif ukoll jekk le, huwa hotspot għat-tixrid tiegħu. Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi mhix xprunata biss mill-użu eċċessiv tal-antibijotiċi, iżda wkoll minn aġenti antimikrobiċi oħra, bħall-fungiċidi, l-aġenti antivirali, il-parassitiċidi, kif ukoll xi diżinfettanti u antisettiċi, li kollha jintużaw fl-ambjent urban speċjalment fl-isptarijiet. Rapport tan-NU jwissi li jekk mhux se tittieħed azzjoni, bħat-trażżin tal-użu eċċessiv ta’ aġenti antimikrobiċi, 10 miljun persuna fis-sena huma mistennija li jmutu minn infezzjoni reżistenti għall-antibijotiċi sal-2050.
4.4L-ilma tax-xeba’ urban huwa sors ewlieni għall-kontaminanti tossiċi, mhux bijodegradabbli u emerġenti biex jidħlu fl-ekosistemi akkwatiċi, inklużi l-iskart tal-plastik, l-idrokarburi, id-deterġenti, l-ormoni, is-solventi, il-patoġeni, il-pestiċidi, il-metalli tqal u n-nanomaterjali maħdumin. Minkejja t-tniġġis li fih, l-ilma tax-xeba’ urban ħafna drabi jiġi ttrattat bħala ilma tax-xita nadif minħabba nuqqas ta’ monitoraġġ u ma jiġix ittrattat qabel ma jiġi skarikat fl-ilmijiet riċeventi. Dan jirrappreżenta riskju kbir għall-ekosistemi; pereżempju, ġiet osservata mortalità akuta fis-salamun b’rabta ma’ sustanza tossika (6PPD-kinon) fit-tajers tal-karozzi.
4.5It-tifwir tad-drenaġġ huwa hotspot għall-mikrosustanzi niġġiesa, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi, il-mikroplastiċi u l-iskart biex jidħlu fl-ilmijiet riċeventi. Dawn jirrappreżentaw theddida għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll għas-settur tat-turiżmu, li jiddependi fuq ilmijiet nodfa tar-rikreazzjoni. L-ammont ta’ ilma tax-xita li jitħallat mad-drenaġġ jista’ jitnaqqas bl-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet fl-ambjent urban li jinkorporaw sistemi naturali (l-hekk imsejħa blue-green solutions) li jżommu l-ilma u jħalluh jidħol fl-art, inklużi soqfa ħodor, tneħħija ta’ uċuħ impenetrabbli u ġonna tax-xita. Dawn mhumiex biss mod kosteffiċjenti biex jinżamm l-ilma tax-xita, iżda għandhom wkoll ħafna kobenefiċċji għall-pajsaġġ urban, inkluż it-tnaqqis tar-riskju għall-għargħar, it-tnaqqis tal-gżejjer tas-sħana, u ż-żieda fil-bijodiversità u l-benesseri fil-belt. Il-kisba tat-tranżizzjoni lejn trattament aktar effiċjenti tad-drenaġġ u tal-ekonomija ċirkolari ma teħtieġx biss bidliet fl-approċċi regolatorji u istituzzjonali, iżda wkoll fil-mod kif aħna bħala ċittadini napprezzaw ir-responsabbiltajiet individwali u kollettivi tagħna lejn il-ġestjoni tad-drenaġġ.
4.6Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ pjani obbligatorji għat-trattament tal-ilma urban mormi bl-objettiv li jitnaqqas it-tifwir tad-drenaġġ u t-tniġġis mill-ilma tax-xeba’ urban. Iżda filwaqt li l-intenzjoni tal-pjani għall-ġestjoni tal-ilma urban mormi hija tajba, hemm ir-riskju li dawn jitilfu l-valur tagħhom peress li l-kontenut u l-objettiv (li jitnaqqas it-tifwir ikkombinat tad-drenaġġ għal 1 % tal-fluss tal-ilma mormi f’sistema tad-drenaġġ waqt temp xott) huma biss indikattivi. Il-ġestjoni adegwata tal-ilma tax-xita mhux kruċjali biss biex jiġi evitat it-tniġġis tal-ilmijiet riċeventi, iżda wkoll biex il-bliet jiġu adattati għal klima li qed tinbidel fejn kemm l-avvenimenti qawwijin ta’ xita kif ukoll mewġiet ta’ sħana fit-tul se jkunu parti min-normalità l-ġdida, peress li l-avvenimenti estremi tat-temp u perikli klimatiċi oħra qed jiżdiedu fil-frekwenza u s-severità fl-Ewropa kollha.
4.7Intwera li trattament avvanzat (“kwaternarju”) inaqqas it-tagħbija ta’ firxa wiesgħa ta’ sustanzi perikolużi għall-ilmijiet riċeventi. Għalhekk, ir-rekwiżiti l-ġodda għal impjanti kbar u ta’ daqs medju magħżula biex jimmonitorjaw u jneħħu l-mikrosustanzi niġġiesa huma milqugħa tajjeb. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni għall-ispejjeż u l-effetti tat-tneħħija miksuba minn tekniki differenti, bħall-ożonazzjoni jew il-karbonju attivat. Finanzjament adegwat għar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda u skemi ta’ edukazzjoni armonizzati tal-UE għall-persunal operattiv se jgħinu fil-prevenzjoni u t-trattament tas-sustanzi niġġiesa l-ġodda.
4.8L-introduzzjoni tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur hija pass kbir ’il quddiem għall-prinċipju ta’ min Iniġġes iħallas u tweġiba pożittiva għas-sejba mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li l-ispiża tat-tniġġis għadha fil-biċċa l-kbira mġarrba mill-kontribwenti. Din hija wkoll konformi mal-integrazzjoni tal-PPP fil-leġiżlazzjoni ambjentali, issaħħaħ ir-reġim tar-responsabbiltà ambjentali fil-livell tal-UE, u tħares aħjar il-fondi tal-UE milli jintużaw biex jiffinanzjaw proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati minn min iniġġes.
4.9L-ewtrofikazzjoni għadha problema fl-UE, b’aktar minn 30 % tax-xmajjar, il-lagi u l-ilmijiet kostali u 81 % tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE affettwati u ftit li xejn sar progress matul l-aħħar għaxar snin. Għalhekk huwa pożittiv li d-dispożizzjonijiet ġew aġġornati u armonizzati biex jiġi żgurat li l-impjanti l-kbar kollha jkollhom inaqqsu n-nutrijenti sal-2035, u l-impjanti medji li jiskarikaw f’żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni sal-2040. Għalkemm l-iskadenzi huma ambizzjużi ħafna fir-rigward tal-isfidi u l-implimentazzjoni tagħhom, il-kapaċità ta’ investiment tas-settur u l-ħajja tal-assi eżistenti, ħafna Stati Membri diġà għandhom dawn ir-rekwiżiti għat-tneħħija tan-nutrijenti fis-seħħ u l-KESE jilqa’ l-armonizzazzjoni fl-UE kollha.
4.10Fl-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi ġew identifikati agglomerazzjonijiet żgħar bħala li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-bqija tas-sorsi ta’ ilma mormi mhux ittrattat u li jeżerċitaw pressjoni fuq il-korpi tal-ilma. Filwaqt li jkun pożittiv jekk jiġi ttrattat aktar ilma mormi, il-proposta ġġib magħha diversi sfidi, peress li l-kostruzzjoni ta’ pajpijiet tad-drenaġġ ġodda tirrappreżenta spiża sinifikanti f’żoni skarsament popolati u jeħtieġ li titwettaq b’appoġġ finanzjarju intensiv. Għandhom jiġu promossi soluzzjonijiet deċentralizzati u sistemi individwali li jiffunzjonaw tajjeb. It-tojlits nexfin (għall-ikkompostjar) inaqqsu l-konsum tal-ilma tax-xorb għall-ifflaxxjar u jistgħu jippromovu l-ekonomija ċirkolari billi jirritornaw l-eskrementi tal-bniedem fil-ħamrija mingħajr sistemi kumplessi, għaljin u intensivi fl-enerġija għall-ġbir, l-ippumpjar u t-trattament. Id-WHO żviluppat linji gwida għall-użu mill-ġdid sikur tal-ilma mormi, tal-eskrementi u tal-ilma griż.
4.11Ħafna drabi, it-tnixxija mill-pajpijiet tad-drenaġġ hija sors injorat u fil-biċċa l-kbira mhux irrappurtat ta’ ilma mormi mhux ittrattat li jpoġġi f’riskju l-ilma ta’ taħt l-art. Dan jista’ jirrappreżenta sehem sinifikanti tat-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa minn sistemi urbani fuq l-ambjent. Il-problema x’aktarx li tiżdied minħabba li n-network tad-drenaġġ ikun qed jiqdiem. Monitoraġġ u kwantifikazzjoni adegwata tat-tnixxija tad-drenaġġ huma meħtieġa u għandhom jiġu inklużi bħala rekwiżit fid-Direttiva.
4.12It-trattament tal-ilma mormi jeħtieġ ammonti konsiderevoli ta’ enerġija u ħafna drabi jista’ jammonta għal sehem sinifikanti tal-kontijiet tal-elettriku tal-muniċipalitajiet. Fl-istess ħin, l-ilma mormi fih enerġija f’diversi forom, inklużi dawk kimiċi, kinetiċi u termali, li jenħtieġ li jkunu sfruttati biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili f’konformità mal-objettivi tal-UE. Huwa pożittiv li l-effiċjenza enerġetika qed tiġi indirizzata bil-għan li tintlaħaq in-newtralità enerġetika għas-settur sal-2040.
4.13Is-settur tal-ilma mormi għandu potenzjal kbir biex isir fabbriki tar-riżorsi. Fl-UE diġà hemm impjanti b’enerġija pożittiva tat-trattament tal-ilma mormi bis-saħħa ta’ teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, eż. permezz tad-diġestjoni anaerobika tal-ħama tad-drenaġġ u l-użu sussegwenti tal-bijogass prodott. Potenzjal ieħor huwa l-użu doppju taż-żoni tal-istruttura tat-trattament billi dawn jiġu koperti b’impjanti fotovoltajċi, li għandhom jiġu promossi.
4.14Fl-UE għaxar miljun persuna għad m’għandhomx aċċess għas-sanità. Għalhekk jilqa’ l-fatt li l-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-faċilitajiet sanitarji għal kulħadd, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati u emarġinati, u jipprovdu tojlits pubbliċi mingħajr ħlas sal-2027. Madankollu, ir-rekwiżit għandu jissaħħaħ billi l-Istati Membri jintalbu jiżguraw aċċess għas-sanità għal kulħadd fi stadju bikri tal-ippjanar urban u jikkunsidraw l-affordabbiltà u l-aspett soċjali tas-servizzi tal-ilma. Dan jinkludi ċ-ċiklu tal-ħajja twil tal-assi tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi u l-inflessibbiltà inerenti tagħhom għall-adattament jew l-aġġornament.
4.15Bil-għan li tiġi żgurata l-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma, l-eżenzjonijiet mill-iskemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur iridu jkunu strettament limitati. Preferibbilment, l-eżenzjoni għall-prodotti mqiegħda fis-suq f’inqas minn żewġ tunnellati fis-sena għandha titħassar, peress li xi sustanzi huma qawwijin anke fi kwantitajiet żgħar, u bħala minimu għandu jiġi ċċarat li ż-żewġ tunnellati jirreferu għas-suq tal-UE u mhux għal-livell nazzjonali. Għandu jiġi żgurat ukoll li r-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur tkopri l-bejjiegħa bl-imnut online.
4.16L-ispiża tat-trattament tal-ilma mormi tikkostitwixxi sehem sinifikanti tal-kontijiet tal-ilma, iżda ħafna utenti tal-ilma mhumiex konxji tas-servizz li jipprovdi t-trattament tal-ilma mormi, u lanqas il-punt sa fejn it-trattament tal-ilma mormi jsir tajjeb fiż-żona tagħhom. Għalhekk jilqa’ d-dispożizzjoni l-ġdida dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni lill-pubbliku peress li tiżgura li tinxtered informazzjoni aġġornata dwar il-perċentwal ta’ ilma mormi ttrattat (u mhux ittrattat) fiż-żona, kif ukoll it-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa skarikati minn impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi u sistemi individwali kif ukoll mit-tifwir tad-drenaġġ u l-ilma tax-xeba’ urban.
Brussell, 22 ta’ Frar 2023
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew