NAT/945
Regoli ġodda dwar l-infurzar transfruntier
kontra prattiki kummerċjali inġusti
OPINJONI
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Regoli ġodda dwar l-infurzar transfruntier kontra prattiki kummerċjali inġusti
(COM(2024) 576 final – 2024/0318 (COD))
Relatur: Émilie PROUZET
1.RAKKOMANDAZZJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)
1.1jappoġġja t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan is-suq intern;
1.2jinnota kemm hija essenzjali t-tfittxija għal komunikazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali fi kwalunkwe qasam, b’mod partikolari sabiex l-ilmentaturi jiġu appoġġjati aħjar fl-approċċ tagħhom. F’dan il-kuntest, il-KESE għal darb’oħra jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-interpreti u t-tradutturi. Il-lingwi għadhom jirrappreżentaw ostaklu ewlieni li jillimita l-aċċess għall-proċeduri;
1.3jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li, mingħajr dewmien, tibda tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE fil-proċess leġiżlattiv;
1.4jappoġġja l-ispirtu ta’ djalogu miftuħ li pprevala f’dawn l-aħħar xhur bejn id-diversi atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, inkluż fil-qafas tad-djalogu strateġiku, u jittama li dan l-ispirtu jkompli fi ħdan il-Bord Ewropew dwar l-Agrikoltura u l-Ikel li ġie stabbilit reċentement;
1.5jifhem għala ma saritx valutazzjoni tal-impatt, peress li din il-Proposta għal Regolament hija maħsuba biss biex tiċċara l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali diġà previsti fid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti;
1.6jistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw li r-Regolament propost jibqa’ att leġiżlattiv li għandu biss l-għan li jispeċifika miżuri amministrattivi u proċedurali;
1.7jistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw li l-kumpaniji li joperaw fis-suq intern jibbenefikaw minn ċertezza legali u jibqgħu liberi li jagħżlu l-liġi u l-ġuriżdizzjoni applikabbli għall-kuntratti tagħhom, b’rispett għad-dritt tal-kompetizzjoni.
1.8għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri, jitlob li l-miżuri tar-Regolament japplikaw biss għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar prattiki kummerċjali inġusti u l-limiti li huma armonizzati fil-livell tal-UE fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti;
1.9fin-nuqqas ta’ dan, jistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom id-dritt assolut li jirrifjutaw talbiet għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar regoli nazzjonali li mhumiex armonizzati bid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti, speċjalment peress li xi wħud minn dawn ir-regoli jistgħu jkunu inkompatibbli mas-suq intern;
1.10jistieden lill-koleġiżlaturi Ewropej jippreservaw is-suq intern u ma jippreżentawx miżuri li jwasslu għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-provvista fl-Ewropa u li jilleġittimizzaw, f’dan ir-rigward, ir-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista li għandhom konsegwenzi serji għall-konsumaturi u s-sostenibbiltà tal-prodotti.
2.NOTI TA’ SPJEGAZZJONI
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1.1 u 1.2
2.1Il-KESE kemm-il darba identifika l-importanza li jittejbu l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Hemm potenzjal kbir għal titjib f’dan ir-rigward. L-implimentazzjoni konformi tar-regoli u l-infurzar effettiv tagħhom huma kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għal aċċess imtejjeb għall-ġustizzja għall-ilmentaturi.
2.2Il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw li r-Regolament jibqa’ att leġiżlattiv dwar miżuri amministrattivi u proċedurali li japplika biss għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti.
2.3Il-KESE jitlob ukoll lill-koleġiżlaturi biex ma jemendawx id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti u ma jinkludux regoli ġodda fir-Regolament propost qabel ma joħorġu r-riżultati tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti.
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1.3 u 1.4
2.4Fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha, din il-Proposta tibbaża fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport dwar id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE, ippreżentat lill-President tal-Kummissjoni Ewropea f’Settembru 2024. Dan ir-Rapport huwa r-riżultat ta’ diversi xhur ta’ diskussjonijiet bejn 29 organizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mis-settur agroalimentari. Il-KESE jifraħ lid-diversi partijiet interessati għall-ħidma li saret u jħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni tajba fi ħdan il-Bord Ewropew dwar l-Agrikoltura u l-Ikel.
2.5Il-KESE jappoġġja wkoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-Rapport, li huwa r-riżultat ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni tajba bejn l-atturi kollha fil-katina li qablu li jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tal-katina agroalimentari.
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1.5 sa 1.8
2.6Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza u l-proporzjonalità ta’ din il-Proposta, kif ukoll l-impatt fuq iċ-ċertezza legali tal-kumpaniji fil-mira ta’ din il-Proposta (ara r-rapport ta’ Draghi
, ir-rapport ta’ Letta
u l-impenn tas-Sinjura von der Leyen dwar il-kontroll fir-rigward tal-kompetittività
).
2.7Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li jiġu previsti salvagwardji effettivi għall-kumpaniji, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett tal-għażla tal-liġi u tal-ġuriżdizzjoni tal-partijiet kontraenti, u dan b’rispett għad-dritt tal-kompetizzjoni.
2.8Fil-fatt, il-Proposta għal Regolament ma tirrappreżenta l-ebda problema jekk ir-regoli jkunu l-istess fl-Unjoni Ewropea kollha. Però, peress li d-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti tal-2019 ((UE) 2019/633) tipprevedi biss armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri adottaw regoli diverġenti ħafna f’dan il-qasam.
2.9Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jispeċifika li t-“talbiet għal informazzjoni” msemmija fir-Regolament jistgħu japplikaw fir-rigward tar-regoli nazzjonali (adottati skont id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti). L-Artikolu 5 dwar it-talbiet għal informazzjoni jerġa’ jagħmel referenza fil-paragrafu 4għall-possibbiltà stabbilita fl-Artikolu 2 li dan id-dritt japplika għall-miżuri nazzjonali. Dan il-paragrafu jinkludu dispożizzjoni li tippermetti lill-awtorità tal-infurzar mitluba tirrifjuta li tipprovdi tali informazzjoni.
2.10Fil-prattika, għaxar prattiki tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti huma illegali fl-Istati Membri kollha. Din hija l-unika armonizzazzjoni miksuba. Fir-rigward tas-sitt prattiki “griżi” tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti, ċerti Stati Membri jippermettuhom jekk ikunu soġġetti għal ftehim minn qabel, mentri pajjiżi oħra jipprojbixxuhom għalkollox.
2.11Il-miżuri nazzjonali li jmorru lil hinn minn dawk previsti fid-Direttiva jew li jikkomplementaw il-prattiki tad-Direttiva jistgħu jirriflettu r-rispons nazzjonali għal kuntest nazzjonali u għalhekk jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Proposta għal Regolament.
2.12Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri emendaw jew neħħew il-limiti tal-fatturat stabbiliti fid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti. Diversi Stati Membri żiedu prattiki ġodda fil-“lista sewda” u fil-“lista griża”.
—Madankollu, ċerti regoli nazzjonali li jmorru lil hinn mid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti jistgħu jmorru kontra l-leġiżlazzjoni Ewropea, minħabba li, f’April li għadda, il-Kummissjoni kienet għadha ma lestietx il-“kontroll tal-konformità” tagħha biex tivvaluta jekk il-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni humiex kompatibbli mad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti
.
—Ir-regoli nazzjonali aktar stretti ma kinux soġġetti għal “talba għal informazzjoni jew għal aktar investigazzjoni” sabiex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti
.
—Fl-aħħar nett, l-ilmenti dwar il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali mas-suq intern s’issa għadhom ma ġewx ittrattati mill-Kummissjoni.
2.13Il-KESE huwa mħasseb li ċ-ċertezza legali għan-negozji tista’ tiġi pperikolata mid-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq. Huwa jappella għal salvagwardji biex jiġi żgurat li dawn ir-regoli ma jagħtux lok għall-possibbiltà li jiġu applikati regoli tal-għażla tal-liġi u tal-ġuriżdizzjoni għajr dawk miftiehma fil-kuntratt, b’rispett għad-dritt tal-kompetizzjoni.
2.14Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-kamp ta’ applikazzjoni, il-KESE jitlob li l-Artikolu 2 tar-Regolament propost jispeċifika li r-Regolament japplika f’qafas limitat b’mod strett, jiġifieri:
a)għall-prattiki kummerċjali inġusti elenkati fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti;
b)fuq il-bażi tal-limiti tal-fatturat stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti.
2.15Il-KESE jitlob ukoll li jiġu ċċarati d-drittijiet tad-difiża tal-operaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċedimenti kontra kumpanija u r-raġunijiet għal dawn il-proċedimenti. Il-kumpaniji fil-mira għandhom jiġu nnotifikati dwar dawn il-proċedimenti. Dawn in-notifiki għandhom jippermettu b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern mingħajr ma joħolqu piżijiet amministrattivi addizzjonali. Madankollu, huwa essenzjali li l-obbligu li x-xerrej jiġi infurmat ikun soġġett għar-regoli nazzjonali li jirregolaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni, sabiex tali divulgazzjoni ma tagħmilx ħsara lill-investigazzjoni jew lill-preservazzjoni tal-evidenza.
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.9
2.16Barra minn hekk, din l-inċertezza tista’ tiżdied minħabba li ċerti Stati Membri jippruvaw japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom stess għal kuntratti konklużi legalment f’pajjiż ieħor tal-UE, b’rispett għad-dritt tal-kompetizzjoni.
2.17Madankollu, ir-Regolament propost jispjega li r-regoli tiegħu huma mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri dwar id-dritt internazzjonali privat. Is-sempliċi indikazzjoni li regolament huwa mingħajr preġudizzju mhijiex biżżejjed.
2.18Il-KESE jenfasizza li huwa imperattiv li t-tisħiħ tal-infurzar u tal-koordinazzjoni transfruntiera fl-ebda ċirkostanza ma għandu jaġevola l-isforzi ta’ pajjiż biex jimponi l-applikazzjoni ekstraterritorjali tad-dritt nazzjonali tiegħu.
2.19Għalhekk, il-KESE jitlob li l-awtoritajiet mitluba jkollhom id-dritt assolut li jirrifjutaw li jwieġbu għal talba jekk din tikkonċerna miżuri nazzjonali mhux armonizzati.
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.10
2.20Is-suq intern tal-UE jippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-bejjiegħa bl-ingrossa jiksbu għażla akbar ta’ prodotti b’kundizzjonijiet aħjar. L-iffrankar miksub permezz ta’ provvista ottimali fi ħdan is-suq intern jingħadda lill-konsumaturi peress li hemm kompetizzjoni intensa bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-bejjiegħa bl-ingrossa, li tippermettilhom joffru lill-klijenti tagħhom għażla akbar ta’ prodotti bi prezzijiet aktar baxxi. L-aċċessibbiltà tal-ikel għadha ta’ tħassib kbir għall-konsumaturi tal-UE, minkejja l-istabbilizzazzjoni tal-inflazzjoni.
2.21Fir-rapport tiegħu dwar is-suq intern, Enrico Letta kkonferma li r-rinazzjonalizzazzjoni tas-suq intern fir-rigward tal-provvista hija ta’ detriment għall-benesseri tal-konsumatur.
2.22Aktar ma jkun hemm kumplikazzjonijiet jew inċertezzi biex ix-xerrejja jakkwistaw mis-suq intern, aktar ikun probabbli li jerġgħu lura għall-provvista domestika.
2.23Il-Kummissjoni Ewropea diġà stabbiliet li r-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista imposti minn kumpaniji multinazzjonali kbar fuq il-bejjiegħa bl-imnut jiswew lill-konsumaturi Ewropej EUR 14-il biljun fis-sena. Minn dak iż-żmien ’il hawn, ħafna Stati Membri talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi b’mod urġenti.
3.EMENDI PROPOSTI GĦALL-PROPOSTA LEĠIŻLATTIVA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Emenda 1
marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.8
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea
|
Emenda tal-KESE
|
|
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għall-infurzar tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti f’relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel stabbilita fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2019/633 b’dimensjoni transfruntiera.
|
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għall-infurzar tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti f’relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel stabbilita fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2019/633 b’dimensjoni transfruntiera u abbażi tal-kamp ta’ applikazzjoni definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2019/633.
|
|
Raġuni
|
|
L-Artikolu 2(1) jiċċara li r-Regolament japplika biss għal prattiki kummerċjali inġusti elenkati fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti. Din il-kjarifika hija essenzjali biex jiġu limitati r-riskji ta’ ekstraterritorjalità.
|
Emenda 2
marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.9
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea
|
Emenda tal-KESE
|
|
Artikolu 5
Talbiet għal informazzjoni
[…]
4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu fir-rigward tar-regoli nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2019/633.
Meta awtorità tal-infurzar applikanti tagħmel użu mill-possibbiltà prevista fis-subparagrafu 1, l-awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni, filwaqt li tindika r-raġunijiet għar-rifjut.
|
Artikolu 5
Talbiet għal informazzjoni
[…]
4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu fir-rigward tar-regoli nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2019/633.
Meta awtorità tal-infurzar applikanti tagħmel użu mill-possibbiltà prevista fis-subparagrafu 1, l-awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni, irrispettivament mir-regoli tal-Artikolu 10.
|
|
Raġuni
|
|
L-Artikolu 5 jipprevedi li l-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jużaw il-possibbiltajiet stabbiliti fl-istess Artikolu fir-rigward ta’ regoli nazzjonali aktar stretti li jmorru lil hinn mid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti, iżda l-awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tipprovdi tali informazzjoni. Kif spjegat, fl-ispirtu tat-test, dan id-dritt ta’ rifjut huwa dritt assolut indipendenti mill-Artikolu 10. Dan il-punt jeħtieġ li jiġi ċċarat.
|
Emenda 3
marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.9
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea
|
Emenda tal-KESE
|
|
Artikolu 10
Rifjut ta’ konformità ma’ talba għal assistenza reċiproka
1. Awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 5 biss jekk tapplika waħda minn dawn li ġejjin jew it-tnejn li huma:
|
Artikolu 10
Rifjut ta’ konformità ma’ talba għal assistenza reċiproka
1. Awtorità tal-infurzar mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 5(1) biss jekk tapplika waħda minn dawn li ġejjin jew it-tnejn li huma:
|
Emenda 4
marbuta mar-rakkomandazzjonijiet 1.9 u 1.10
Żid premessa ġdida kif ġej
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea
|
Emenda tal-KESE
|
|
:
|
Premessa X
L-obbligu li x-xerrej jiġi infurmat huwa soġġett għar-regoli nazzjonali, li jistgħu jillimitaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni f’każ li din tista’ tagħmel ħsara lil investigazzjoni biex tiġi ppreservata l-evidenza.
|
Emenda 5
marbuta mar-rakkomandazzjonijiet 1.9 u 1.10
Żid Kapitolu V ġdid li jinkludi Artikolu 21 ġdid
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea
|
Emenda tal-KESE
|
|
|
Artikolu 21
L-awtorità tal-infurzar applikanti jeħtiġilha li tipprovdi lix-xerrej investigat fi prattika kummerċjali inġusta b’dimensjoni transfruntiera jew fi prattika kummerċjali inġusta mifruxa b’dimensjoni transfruntiera, f’konformità mal-liġi nazzjonali:
a)l-aċċess għad-dokumenti li abbażi tagħhom l-awtorità tal-infurzar applikanti jew il-koordinatur maħtur skont l-Artikolu 13(2) ikunu kkonkludew li hija meħtieġa talba għal assistenza reċiproka;
b)informazzjoni dwar il-passi u l-miżuri meħuda mill-awtorità tal-infurzar mitluba f’konformità mal-Artikolu 6(3);
c)l-aċċess għad-dokumenti li abbażi tagħhom l-awtorità tal-infurzar applikanti tkun iddeterminat li x-xerrej ma għandux biżżejjed assi f’konformità mal-Artikolu 7(2);
d)in-notifika ta’ rifjut jew ta’ aċċettazzjoni ta’ talba mill-awtorità li ssirilha t-talba u spjegazzjoni tad-dritt li jinkisbu aktar dettalji;
;
e)in-notifika fi żmien XX jum minn meta tkun ġiet ippreżentata twissija skont l-Artikolu 19;
f)l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni li taffettwahom b’mod negattiv, b’mod partikolari billi jiġu ċċarati kwistjonijiet relatati mal-ksur potenzjali tad-Direttiva (UE) 2019/633; u
g)il-possibbiltà li jitressqu kummenti meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li r-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2019/633 mhumiex kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern.
|
|
Raġuni
|
|
L-għan huwa li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet tad-difiża u r-regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni matul investigazzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
|
Il-President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Peter SCHMIDT
_____________