REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'13.1.2025
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jiddetermina l-proċeduri għall-verifika fis-servizz tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ vetturi tqal
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tiegħu,
Billi:
(1)L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/1242 jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi tqal fis-servizz meta mqabbla mal-valuri li huma indikati fiċ-ċertifikati ta’ konformità jew fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent li jakkumpanja dawk il-vetturi bħala riżultat tal-verifiki mwettqa f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament.
(2)Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/1242, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip li taw lill-manifatturi liċenzja biex joperaw għodda ta’ simulazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 (“l-awtoritajiet li jagħtu l-approvazzjoni”) għandhom jivverifikaw għal dawk il-manifatturi, abbażi ta’ kampjuni xierqa u rappreżentattivi tal-vetturi, li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajls tal-informazzjoni tal-klijent jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi tqal fis-servizz, u l-konsum tal-fjuwil tagħhom, kif iddeterminat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 595/2009 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll il-preżenza ta’ kwalunkwe strateġija abbord jew relatata mal-vetturi fil-kampjun li jtejbu artifiċjalment il-prestazzjoni tal-vetturi fit-testijiet imwettqa jew fil-kalkoli magħmula għall-fini taċ-ċertifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil (“verifika fis-servizz”).
(3)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1127 jistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji biex jiġu ddefiniti l-proċeduri għat-twettiq tal-verifika fis-servizz.
(4)Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri dettaljati għall-verifika fis-servizz, f’konformità ma’ dawk il-prinċipji ta’ gwida u l-kriterji.
(5)Sabiex timmira għall-verifika fis-servizz, dawk il-familji b’vetturi jew tajers li jippreżentaw l-ogħla riskju ta’ devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil mill-valuri speċifiċi tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajl ta’ informazzjoni tal-klijent, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni jenħtieġ li tagħżel familji abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju li trid titwettaq mill-Kummissjoni.
(6)Fil-każ tat-tajers, peress li familja ta’ tajers ta’ verifika fis-servizz tista’ tintuża minn diversi manifatturi tal-vetturi, jixraq li l-ittestjar tat-tajers minn familja ta’ tajers ta’ verifika fis-servizz jiġi limitat għal awtorità waħda li tagħti l-approvazzjoni f’kull perjodu ta’ rapportar ta’ verifika fis-servizz, sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess u jitnaqqas il-piż amministrattiv. Bl-istess mod, komponent li jiddefinixxi familja ta’ proċeduri tal-ittestjar għall-verifika jista’ jintuża minn diversi manifatturi tal-vetturi. Għalhekk, jixraq li l-ittestjar tal-vetturi minn familja ta’ proċeduri tal-ittestjar għall-verifika jiġi limitat ukoll għal awtorità waħda li tagħti l-approvazzjoni f’kull perjodu ta’ rapportar ta’ verifika fis-servizz.
(7)Sabiex jiġi żgurat li l-verifika fis-servizz tkun rappreżentattiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-għoti tal-approvazzjoni jagħżlu numru minimu ta’ familji li jridu jiġu ttestjati, abbażi tal-kalkolu, għal kull manifattur, tan-numru totali ta’ vetturi, li għalihom ġew iddeterminati l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2400 (“numru totali ta’ vetturi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2400”), u fil-każ tat-trejlers, abbażi tal-kalkolu, għal kull manifattur tat-trejlers, tan-numru totali ta’ trejlers, li għalihom ġew iddeterminati l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1362 (“numru totali ta’ trejlers skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1362”). Fil-każ tat-trejlers, il-familji ta’ tajers ta’ verifika fis-servizz (“ISV”, in-service verification) biss jenħtieġ li jintgħażlu għall-verifika fis-servizz, peress li l-proċedura tal-ittestjar għall-verifika u t-testijiet tar-reżistenza tal-arja għadhom mhumiex definiti għat-trejlers.
(8)Il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajl ta’ informazzjoni tal-klijent iridu jiġu ddeterminati minn għodda ta’ simulazzjoni, abbażi tal-ittestjar taċ-ċertifikazzjoni tal-komponenti rilevanti tal-vettura. Il-konformità tal-operazzjoni tal-għodda ta’ simulazzjoni trid tiġi vverifikata permezz ta’ proċedura ta’ ttestjar għall-verifika fil-livell tal-vettura f’konformità mar-Regolament 2017/2400. Jixraq li jkun meħtieġ li l-vetturi magħżula għat-testijiet ta’ verifika fis-servizz ikunu f’kundizzjoni simili għal dawk ittestjati matul il-proċedura tal-ittestjar għall-verifika, b’mod partikolari, billi jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-kilometraġġ u l-età massimi tagħhom.
(9)Tajers ġodda biss huma xierqa għal test tal-koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien tat-tajers imwettaq fi ħdan verifika fis-servizz, peress li l-ittestjar tat-tajers użati jirriżulta, minħabba l-użu tagħhom, f’koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien ferm aktar baxx. L-għażla tat-tajers għat-testijiet ta’ verifika fis-servizz jenħtieġ li tkun indipendenti mill-għażla tal-vetturi għat-testijiet ta’ verifika fis-servizz.
(10)Sabiex l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tkun tista’ tasal għal konklużjoni għall-vetturi kollha kkonċernati, abbażi tar-riżultati tat-test għall-vetturi fil-kampjun, ġie stabbilit metodu ta’ evalwazzjoni statistika bbażat fuq kampjunar sekwenzjali.
(11)F’każ li familja ta’ proċedura tal-ittestjar għall-verifika ma tgħaddix mill-evalwazzjoni statistika tar-riżultati tat-test kif stabbilit fl-Anness I, il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi kollha kkonċernati jenħtieġ li jiġu kkoreġuti, peress li huwa prerekwiżit li wieħed jgħaddi minn dik il-proċedura tal-ittestjar għall-verifika, għaż-żamma tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, jixraq li l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tinvestiga jekk hemmx biżżejjed evidenza li komponent speċifiku huwa l-kawża tan-nuqqas tal-evalwazzjoni statistika, f’liema każ jistgħu jkunu kkonċernati aktar vetturi.
(12)Sabiex jiġi vverifikat li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil irreġistrati fil-fajl ta’ informazzjoni tal-klijent jikkorrispondu għal dawk il-valuri tal-vetturi tqal fis-servizz, il-kundizzjonijiet tat-test u r-riżultati tat-test jenħtieġ li jiġu speċifikati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 595/2009 u mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.
(13)Għall-kundizzjonijiet tat-test tar-reżistenza tal-arja, sabiex jiġi żgurat li l-varjazzjonijiet possibbli fil-kundizzjonijiet tat-test bejn it-testijiet ta’ verifika fis-servizz jitnaqqsu kemm jista’ jkun, jixraq li jiġu applikati l-kundizzjonijiet tat-test tar-reżistenza tal-arja f’konformità mar-Regolament 2017/2400 fl-aħħar verżjoni fis-seħħ, peress li dawn il-kundizzjonijiet tnaqqsu meta mqabbla mal-kundizzjonijiet applikabbli fiż-żmien taċ-ċertifikazzjoni.
(14)F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2400, il-manifatturi jistgħu jiddeterminaw il-valuri tar-reżistenza tal-arja abbażi ta’ metodu ta’ simulazzjoni tad-dinamika tal-fluwidi komputazzjonali (“CFD”, computational fluid dynamics). Għalhekk, jixraq li jiġi introdott test speċifiku biex tiġi vverifikata l-validazzjoni speċifika ta’ dak il-metodu ta’ simulazzjoni bħala parti mit-testijiet ta’ verifika fis-servizz biex jiġu vverifikati l-valuri tar-reżistenza tal-arja.
(15)Sabiex tiġi identifikata strateġija artifiċjali, li topera biss matul it-testijiet ta’ verifika u mhux matul it-tħaddim normali fis-servizz, huwa kruċjali li l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-ittestjar ma jkunux magħrufa minn qabel. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għat-testijiet tal-istrateġija artifiċjali ddedikati jenħtieġ li jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni.
(16)Minħabba li n-natura eżatta tal-istrateġiji artifiċjali ma tistax tkun magħrufa minn qabel, l-analiżi u l-evalwazzjoni tar-riżultati tat-test tal-istrateġija artifiċjali jenħtieġ li jsiru mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni abbażi ta’ tqabbil tar-riżultati misjuba f’kundizzjonijiet ta’ ttestjar differenti.
(17)Sabiex tiddokumenta r-riżultati tat-testijiet u tipprevedi l-analiżi ulterjuri tagħhom, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni jenħtieġ li tagħmel ir-rapport tat-test disponibbli għall-Kummissjoni u għall-manifattur ikkonċernat. Sabiex tiġi appoġġata l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni, jixraq li jkun meħtieġ li d-data tat-test tiġi ppreżentata wkoll lill-Kummissjoni, bl-użu ta’ pjattaforma ddedikata.
(18)Jekk tinstab devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2, il-manifattur ikkonċernat jenħtieġ li jingħata l-opportunità li jirreaġixxi għas-sejbiet tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni f’limitu ta’ żmien xieraq biex jiġi evitat titwil bla bżonn tal-proċess ta’ verifika fis-servizz. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-limitu ta’ żmien jiġi estiż sabiex jiġu vvalutati kif suppost id-dokumenti tekniċi pprovduti.
(19)Meta nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-verifika fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajls tal-informazzjoni tal-klijent, jew il-preżenza ta’ kwalunkwe strateġija li ttejjeb b’mod artifiċjali l-prestazzjoni ta’ dawk il-vetturi tinstab bħala riżultat tal-prestazzjoni tat-testijiet ta’ verifika fis-servizz, l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-vetturi kollha kkonċernati jenħtieġ li jiġu kkoreġuti, peress li l-vetturi tat-test jitqiesu li huma rappreżentattivi tal-vetturi kollha kkonċernati.
(20)Sabiex jitqiesu d-devjazzjonijiet għall-finijiet tal-kalkolu u l-korrezzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 ta’ manifattur, jixraq li l-Kummissjoni tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u liema vetturi huma kkonċernati.
(21)Jenħtieġ li tiġi applikata korrezzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 ta’ manifattur mill-perjodu ta’ rapportar tas-sena 2025, peress li dak huwa l-ewwel perjodu ta’ rapportar li għalih jiġu applikati l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1242.
(22)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-proċeduri dettaljati għall-verifika fis-servizz tal-vetturi tqal imsemmija fir-Regolament Delegat (UE) 2024/1127.
2.Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli dettaljati dwar ir-rapportar ta’ devjazzjonijiet misjuba fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi tqal fis-servizz meta mqabbla mal-valuri li huma indikati fiċ-ċertifikati ta’ konformità jew fil-fajls tal-informazzjoni tal-klijent, bħala riżultat tal-verifika fis-servizz u biex dawk id-devjazzjonijiet jitqiesu fil-kalkolu tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi medji tal-manifatturi li għalihom instabet devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 bħala riżultat tal-verifika fis-servizz.
3.Dan ir-Regolament ma japplikax għal vetturi tqal mingħajr emissjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2019/1242.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 fl-Annessi III, VIII, X u Xa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400, u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1127.
Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“familja tal-proċedura tal-ittestjar għall-verifika (‘VTP’, verification testing procedure)” tfisser grupp ta’ vetturi li għandhom komuni wieħed jew aktar mill-komponenti, mill-unitajiet tekniċi separati u mis-sistemi elenkati fl-Artikolu 12(1), il-punti (a) sa (f), (h) u (j), tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(2)“test tal-proċedura tal-ittestjar għall-verifika (‘VTP’)” tfisser test imwettaq f’konformità mal-proċedura tal-ittestjar għall-verifika mwettaq fuq vettura fis-servizz f’konformità mal-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(3)“familja tar-reżistenza tal-arja ta’ verifika fis-servizz (‘ISV’, in-service verification) tfisser grupp ta’ vetturi, li għandhom valur tar-reżistenza tal-arja ddikjarat inqas minn dak tal-vettura referenzjarja tal-familja tar-reżistenza tal-arja li tkun intgħażlet għat-twettiq ta’ test tar-reżistenza tal-arja jew ugwali għalih, u li huma permessi li jkunu ma’ din il-vettura referenzjarja fl-istess familja tar-reżistenza tal-arja kif stabbilit fl-Appendiċi 5 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(4)“test tar-reżistenza tal-arja” tfisser test tal-veloċità kostanti b’kejl tat-torque mwettaq fuq vettura fis-servizz f’konformità mat-Taqsima 3 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(5)“Familja tas-CFD” tfisser grupp ta’ vetturi li għalihom il-valur tar-reżistenza tal-arja ġie ddeterminat bl-użu tal-istess metodu ta’ simulazzjoni tad-dinamika tal-fluwidi komputazzjonali (“CFD”), kif approvat f’konformità mal-Appendiċi 10 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(6)“Test tar-reżistenza tal-arja tal-metodu tas-CFD” tfisser test sabiex tiġi vverifikata l-validazzjoni speċifika tal-metodu ta’ simulazzjoni tad-dinamika tal-fluwidi komputazzjonali (“CFD”) approvat f’konformità mal-Appendiċi 10 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(7)“familja ta’ tajers ta’ verifika fis-servizz (‘ISV’)” tfisser grupp ta’ tajers li jikkonsisti, għall-fini ta’ verifika fis-servizz, mit-tajers kollha li jappartjenu għal tip ta’ tajer, kif definit fit-Taqsima 2, il-punt 3, tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2017/2400, mill-istess manifattur u mill-istess klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, kif definit fir-Regolament (UE) 2020/740;
(8)“test tal-koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien tat-tajers (‘RRC’, rolling resistance coefficient)” tfisser test imwettaq fuq kull tajer f’konformità mat-Taqsima 3, il-punt 3.2, tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2017/2400, f’laboratorju ta’ referenza jew f’laboratorju kandidat kif definit fit-Taqsima 1, il-punti (1) u (2) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2020/740;
(9)“test tal-massa” tfisser test biex tiġi ddeterminata l-“massa attwali kkoreġuta tal-vettura”, kif definita fit-Taqsima 2, il-punt (4) tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/2400, jew fil-każ ta’ trejler, il-“massa kkoreġuta fi stat ta’ tħaddim”, kif definita fit-Taqsima 3, it-Tabella 1, tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2022/1362;
(10)“test tal-istrateġiji artifiċjali” tfisser test iddedikat imwettaq fuq vettura fis-servizz biex jiġi vverifikat jekk humiex preżenti strateġiji artifiċjali;
(11)“devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2” tfisser li l-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi ddeterminati f’verifika fis-servizz imwettqa skont dan ir-Regolament, huma ogħla mill-emissjonijiet iddeterminati, għall-vetturi bil-mutur, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2400 jew, għat-trejlers, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/1362, u rreġistrati fil-fajl ta’ informazzjoni tal-klijent, fiċ-ċertifikati ta’ konformità jew fiċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni individwali li jakkumpanjaw lil dawk il-vetturi bil-mutur jew it-trejlers, filwaqt li titqies l-evalwazzjoni statistika tat-testijiet f’konformità mal-Anness I.
Artikolu 3
Għażla tal-familji
1.Meta tagħżel il-vetturi f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1127, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tagħżel vetturi minn familji tal-VTP, familji tar-reżistenza tal-arja tal-ISV, familji tas-CFD u familji ta’ tajers tal-ISV, abbażi tar-riskju ta’ devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi b’ċerti komponenti, unitajiet tekniċi separati jew sistemi jew tajers ta’ dawk il-familji, kif ivvalutat mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u kif irrapportat f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiżgura wkoll li l-vetturi minn familja tal-VTP jew tajers minn familja ta’ tajers tal-ISV ma jkunux qed jiġu ttestjati minn awtorità oħra li tagħti l-approvazzjoni fl-istess perjodu ta’ rapportar ta’ verifika fis-servizz.
2.Meta tivvaluta r-riskju ta’ devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, tqis l-elementi li ġejjin, meta jkunu disponibbli:
(a)in-numru totali ta’ vetturi ġodda mill-familja tal-VTP, mill-familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV u mill-familja ta’ tajers tal-ISV li ġew introdotti fis-suq tal-Unjoni;
(b)id-data minn vetturi li jappartjenu għal ċerti familji tal-VTP, familji tar-reżistenza tal-arja tal-ISV u familji ta’ tajers tal-ISV b’karatteristiċi tekniċi simili iżda b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ CO2, identifikati bl-użu tad-data miġbura skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1430;
(c)evidenza ta’ devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 miksuba mill-Kummissjoni, jew riċevuta minn awtorità tal-approvazzjoni tat-tip oħra, awtorità tas-sorveljanza tas-suq, jew parti terza li tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/163;
(d)ir-riżultati ta’ verifiki fis-servizz preċedenti, u b’mod partikolari s-sejbiet relatati mal-preżenza ta’ strateġiji artifiċjali;
(e)informazzjoni rilevanti mit-testijiet imwettqa u rrappurtati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/1430 u mit-testijiet tal-konformità tal-produzzjoni mwettqa skont it-Taqsima 4 tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(f)data dwar il-konsum tal-fjuwil fid-dinja reali.
3.Kull sena, sat-30 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jkun fih lista ta’ familji tal-VTP, familji tar-reżistenza tal-arja tal-ISV, familji tas-CFD u familji ta’ tajers tal-ISV bl-ogħla riskju ta’ devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2. Ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll il-metodoloġija użata għall-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, imwettqa fil-perjodu ta’ rapportar li jikkonċerna r-rapport, u s-sejbiet ewlenin ta’ dik il-valutazzjoni.
Artikolu 4
Tip u numru ta’ testijiet ta’ verifika fis-servizz
1.Kull perjodu ta’ rapportar, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha twettaq, għal kull manifattur li lilu tkun tat liċenzja biex jopera l-għodda ta’ simulazzjoni, mill-inqas għan-numru ta’ familji tal-VTP, familji tar-reżistenza tal-arja tal-ISV u familji ta’ tajers tal-ISV magħżula f’konformità mal-Artikolu 3 stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness I, it-testijiet ta’ verifika fis-servizz korrispondenti fuq il-vetturi u t-tajers individwali magħżula f’konformità mal-Artikolu 5.
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tikkalkula, għal kull manifattur, in-numru totali ta’ vetturi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2400”, imsemmi fit-Tabella 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, bħala l-medja, matul it-tliet perjodi ta’ rapportar qabel il-verifika fis-servizz, tan-numru totali ta’ vetturi tal-manifattur li għalihom ikunu ġew iddeterminati l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2400.
Barra minn hekk, għal kull manifattur li għalih in-“numru totali ta’ vetturi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2400” ikun daqs jew ogħla minn 5 000, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha twettaq kull perjodu ta’ rapportar test tal-massa wieħed għal kull manifattur u test wieħed tal-istrateġiji artifiċjali għal kull manifattur.
2.Jekk il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament tidentifika familji għal manifattur wieħed jew aktar li għalihom “in-numru totali ta’ vetturi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2400” ikun inqas minn 5 000, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha twettaq it-test(ijiet) korrispondenti għal mill-inqas manifattur wieħed bħal dan.
3.Barra minn hekk, jekk il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 3(1) tidentifika familja tas-CFD, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha twettaq it-test tar-reżistenza tal-arja tal-metodu tas-CFD għal dik il-familja tas-CFD.
4.Għall-manifatturi tat-trejlers, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha twettaq it-testijiet tal-RRC tat-tajers fuq it-tajers magħżula f’konformità mal-Artikolu 5 għal kull perjodu ta’ rapportar, mill-inqas għan-numru ta’ familji ta’ tajers stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tikkalkula, għal kull manifattur tat-trejlers, in-“numru totali ta’ trejlers skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1362”, imsemmi fit-Tabella 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, bħala l-medja, matul it-tliet perjodi ta’ rapportar qabel il-verifika fis-servizz, tan-numru totali ta’ vetturi tal-manifattur tat-trejlers li għalihom ikunu ġew iddeterminati l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1362.
Barra minn hekk, għal kull manifattur tat-trejlers li għalih in-“numru totali ta’ trejlers skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1362” ikun daqs jew ogħla minn 5 000, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha twettaq, f’kull perjodu ta’ rapportar, test tal-massa wieħed għal kull manifattur tat-trejlers.
Jekk il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 3(1) tidentifika manifatturi tat-trejlers li għalihom in-“numru totali ta’ vetturi skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/1362” ikun inqas minn 5 000, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha twettaq it-test(ijiet) korrispondenti għal mill-inqas manifattur wieħed bħal dan.
5.Għal kull familja magħżula f’konformità mal-Artikolu 3, għandhom jitwettqu t-testijiet li ġejjin għan-numru li ġej ta’ vetturi u tajers magħżula f’konformità mal-Artikolu 5:
(a)testijiet tal-VTP: għal vettura waħda sa massimu ta’ ħamsa;
(b)testijiet tar-reżistenza tal-arja: għal vettura waħda sa massimu ta’ ħamsa;
(c)testijiet tar-reżistenza tal-arja bil-metodu tas-CFD: għal żewġ vetturi, fejn iż-żewġ vetturi jitħallew ikunu minn familji differenti tar-reżistenza tal-arja;
(d)testijiet tal-RRC tat-tajers: għal 3 tajers sa massimu ta’ 10.
Ir-riżultati tat-testijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (d), għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-metodu deskritt fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li r-riżultati tat-testijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-metodu deskritt fl-Appendiċi 10 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400.
6.Minbarra t-testijiet imsemmija fil-paragrafu 5, it-testijiet li ġejjin għandhom jitwettqu skont il-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu, għal kull manifattur għan-numru li ġej ta’ vetturi magħżula f’konformità mal-Artikolu 5:
(a) testijiet tal-massa: għal 3 vetturi sa massimu ta’ 10;
(b) testijiet ta’ strateġiji artifiċjali: għal mill-inqas vettura waħda.
Ir-riżultati tat-testijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-metodu deskritt fl-Anness II.
7.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tista’ tiddeċiedi li tinkludi r-riżultati tat-testijiet ta’ verifika fis-servizz imwettqa mill-Kummissjoni, minn awtorità tal-approvazzjoni tat-tip oħra, minn awtorità tas-sorveljanza tas-suq jew minn parti terza li tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/163 fil-metodu statistiku deskritt fl-Anness I jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiġi infurmata b’tali ttestjar futur sabiex l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tkun tista’ tosserva dan l-ittestjar;
(b)ir-riżultati kollha ta’ tali ttestjar ta’ verifika fis-servizz għandhom jiġu rrapportati lill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni fi żmien 5 ijiem mill-prestazzjoni ta’ kull test.
Artikolu 5
Għażla ta’ vetturi tat-test u tajers individwali
1.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tagħżel vetturi bil-mutur tat-test li, fil-ħin tal-għażla, preferibbilment ma jkollhomx aktar minn 3 snin u jkunu jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:
(a)ikollhom kilometraġġ minimu ta’ 25 000 km;
(b)jissodisfaw il-kriterji tal-età u tal-kilometraġġ massimi stabbiliti fl-Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tagħżel trejlers tat-test li, fiż-żmien tal-għażla, ma jkunux eqdem minn 5 snin, li jingħaddu mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom.
2.L-awtorità tal-għoti tal-approvazzjoni tat-tip għandha tivverifika u tiżgura li l-vetturi tat-test ikunu fi stat rappreżentattiv ta’ vettura miżmuma u użata kif suppost, u jkollhom karatteristiċi simili għal dawk irreġistrati fil-fajls tal-informazzjoni tal-klijent, fiċ-ċertifikat ta’ konformità, jew fiċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni individwali, bl-użu tal-lista ta’ kontroll tal-vettura stabbilita fl-Anness III.
Jekk vettura jkun sarilha test għall-konformità tal-produzzjoni, il-vettura għandha tiġi eskluża minn kwalunkwe test ta’ verifika fis-servizz.
3.Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, vettura magħżula għal test tal-VTP għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a)ma għandhiex tkun vettura li għaliha jkunu ntużaw valuri standard għat-trażmissjoni u għat-telf tal-fus għaċ-ċertifikazzjoni tas-CO2 tal-komponenti, tal-unitajiet tekniċi separati jew tas-sistemi tagħha sakemm ma tkun tista’ tinstab l-ebda vettura oħra;
(b)għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti 3.3 sa 3.6 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011;
(c)għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-fjuwil u l-lubrikanti kif stabbilit fil-punt 4.2 tal-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(d)ma għandhomx ikunu sarulha modifiki b’rilevanza għar-riżultati tat-test tal-VTP fi kwalunkwe stadju sussegwenti tal-manifattura, li ma jippermettux ir-restawr tal-konfigurazzjoni tas-sistema tal-motopropulsjoni kif iddokumentat fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent.
4.Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, vettura magħżula għal test tar-reżistenza tal-arja għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a)għandha tintgħażel minn familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV li għaliha jkun ġie ddeterminat il-valur tar-reżistenza tal-arja f’konformità mal-punt 3 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400 u li għaliha ma jkunx intuża valur standard;
(b)għandha tkun parti mill-membri ta’ familja tar-reżistenza tal-arja li jistgħu jiġu ttestjati f’konformità mal-punt 4.3 tal-Appendiċi 5 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(c)ma għandhomx ikunu sarulha bidliet fil-konfigurazzjoni ajrudinamika li ma jippermettux ir-restawr tal-konfigurazzjoni ajrudinamika kif iddokumentat fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent.
5.Fil-każ ta’ trakkijiet riġidi magħżula għal test tal-massa, għandhom jintgħażlu biss vetturi mingħajr superstruttura.
6.It-tajers li għandhom jintgħażlu għal test tal-koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien tat-tajers għandhom ikunu tajers ġodda, li jinbiegħu fis-suq u li jkollhom ċertifikazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2400.
7.Meta l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni ma tkunx tista’ ssib in-numru meħtieġ ta’ vetturi f’konformità mal-Artikolu 4, il-paragrafu 5, il-punti (a) u (b), minħabba d-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tlesti l-proċedura tal-ittestjar tal-ISV fil-perjodu ta’ rapportar tal-ISV li jmiss. Jekk xorta ma tkunx tista’ ssib in-numru meħtieġ ta’ vetturi fil-perjodu ta’ rapportar tal-ISV li jmiss, il-proċedura statistika għandha tingħalaq bħala “mhux kompluta” u għandha tagħżel familja oħra f’konformità mal-Artikolu 3.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet tat-test għat-testijiet tal-VTP
1.Il-proporzjon tal-emissjonijiet tas-CO2 imkejla u simulati fil-VTP (“CVTP, proporzjon”) għandu jiġi ddeterminat skont il-VTP stabbilit fit-Taqsima 6 tal-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400 fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument taċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi tat-test.
2.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiżgura li t-tagħmir tal-kejl jikkonforma mar-rekwiżiti tat-Taqsima 5 tal-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400.
Artikolu 7
Riżultat tat-test ta’ vettura tat-test individwali
1.Għal kull vettura tat-test individwali li tkun għaddejja minn test tal-VTP, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina s-CVTP, ratio f’konformità mat-Taqsima 7 tal-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400.
2.Għal kull vettura tat-test individwali, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha, qabel u wara l-VTP, taqra mill-vettura l-valuri relatati mal-miter tal-konsum tal-fjuwil abbord u mal-odometru kif previst fl-Anness Xa tar-Regolament 2017/2400 u tinkludihom fir-rapport tat-test.
Artikolu 8
Evalwazzjoni statistika tar-riżultati tat-test tal-VTP u kalkolu tad-daqs tad-devjazzjoni u investigazzjoni dwaru
1.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tevalwa r-riżultati tat-test tal-VTP tal-vetturi tat-test individwali miksuba f’konformità mal-Artikolu 7 biex tistabbilixxi jekk hemmx devjazzjoni jew le fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-familja tal-VTP li jkunu qed isirulha t-testijiet tal-VTP, billi tuża l-metodu stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
2.Jekk il-familja tal-VTP ma tgħaddix mill-evalwazzjoni statistika kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tipproċedi kif ġej:
(a)
tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 kif ġej:
Devjazzjoni = (averageratio – 1) * CO2 ref [g/tkm],
fejn:
–averageratio hija l-proporzjon CVTP, ratio medju kif iddefinit fl-Anness II għar-riżultati tat-test tal-VTP;
–CO2 ref huwa l-valur iddikjarat tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vettura tal-familja tal-VTP bl-ogħla valur tal-emissjonijiet tas-CO2;
(b) tibda investigazzjoni biex tiddetermina l-kawża ta’ dak in-nuqqas, f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2017/2400. Awtoritajiet tal-approvazzjoni oħrajn li possibbilment ikunu involuti fiċ-ċertifikazzjoni tal-komponenti għandhom jikkollaboraw kif meħtieġ għall-investigazzjoni.
Artikolu 9
Kundizzjonijiet tat-test għat-testijiet tar-reżistenza tal-arja
1.Il-karatteristiċi tar-reżistenza tal-arja għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-proċedura tat-test tal-veloċità kostanti stabbilita fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400 fl-aħħar verżjoni fis-seħħ.
2.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiżgura li r-rekwiżiti tal-korsa tat-testijiet, ir-rekwiżiti għall-kundizzjonijiet ambjentali, l-installazzjoni tal-vettura u t-tagħmir tal-kejl jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 3.1 sa 3.4. tat-Taqsima 3 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400 fl-aħħar verżjoni fis-seħħ. Il-manifatturi jistgħu jipprovdu tajers lill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għat-testijiet tar-reżistenza tal-arja.
Artikolu 10
Riżultat tat-test tar-reżistenza tal-arja ta’ vettura tat-test individwali
1.Għal kull vettura tat-test individwali li tkun għaddejja minn test tar-reżistenza tal-arja, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina l-prodott tal-koeffiċjent tar-reżistenza tal-arja skont l-erja trażversali għall-kundizzjonijiet tar-riħ trasversali żero (“valur tar-reżistenza tal-arja (CdA)”) mill-kejl matul it-test tal-veloċità kostanti f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, bl-użu tal-verżjoni tal-għodda ta’ proċessar minn qabel tar-reżistenza tal-arja referenzjarja f’konformità mad-Dokument Mehmuż Nru 1 tal-Appendiċi 2 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400.
2.Għal kull vettura tat-test individwali li tkun għaddejja minn test tar-reżistenza tal-arja, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina r-riżultat tat-test tar-reżistenza tal-arja (“CdAproporzjon”) bħala l-proporzjon tal-valur tar-reżistenza tal-arja ddeterminat f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu (“CdAverifika fis-servizz”), għall-valur iddikjarat tar-reżistenza tal-arja ta’ dik il-vettura (“CdAdikjarat”) irreġistrat fl-entrata 1.8.4. tal-fajl tar-rekords tal-manifattur, f’konformità mat-Taqsima 3, il-Parti I, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2017/2400.
Artikolu 11
Evalwazzjoni statistika tar-riżultati tat-test tar-reżistenza tal-arja u kalkolu tad-daqs tad-devjazzjoni
1.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tevalwa r-riżultati tat-test tar-reżistenza tal-arja tal-vetturi tat-test individwali miksuba f’konformità mal-Artikolu 10 sabiex tistabbilixxi jekk hemmx devjazzjoni jew le fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV li jkunu qed isirulha testijiet tar-reżistenza tal-arja, billi tuża l-metodu stabbilit fl-Anness II.
2.F’każ li l-familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV ma tgħaddix mill-evalwazzjoni statistika kif stabbilit fl-Anness II, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni tar-reżistenza tal-arja bħala l-valur medju ta’ CdAratio (averageratio) kif definit fl-Anness II għar-riżultati tat-testijiet tar-reżistenza tal-arja.
Artikolu 12
Kundizzjonijiet tat-test għat-testijiet tal-RRC tat-tajers
1.L-RRC tat-tajer għandu jiġi ddeterminat skont il-proċedura tal-kejl tal-RRC tat-tajer stabbilita fil-punt 3.2 tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2017/2400, fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument taċ-ċertifikazzjoni tat-tajers tat-test.
2.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiżgura li t-tajers jiġu ttestjati f’laboratorju ta’ referenza jew f’laboratorju kandidat kif definit fit-Taqsima 1, il-punti (1) u (2), tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2020/740.
Artikolu 13
Riżultat tat-test tal-RRC tat-tajer ta’ tajer tat-test individwali
Għal kull tajer tat-test individwali li jkun għaddej minn test tal-RRC tat-tajer, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina r-riżultat tat-test tal-RRC tat-tajer (“RRCproporzjon”) bħala l-proporzjon tal-valur tal-RRC tat-tajer iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 12 (“RRCverifika fis-servizz”) ta’ dan ir-Regolament għall-valur iddikjarat tal-RRC tat-tajer ta’ dak it-tajer (“RRCdikjarat”) irreġistrat fil-punt 7.1 taċ-ċertifikat tal-proprjetajiet relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-konsum tal-fjuwil, f’konformità mal-Appendiċi 1 tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2017/2400.
Artikolu 14
Evalwazzjoni statistika tar-riżultati tat-test tal-RRC tat-tajers u kalkolu tad-daqs tad-devjazzjoni
1.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tevalwa r-riżultati tat-test tal-RRC tat-tajers individwali miksuba f’konformità mal-Artikolu 13 sabiex tistabbilixxi jekk hemmx devjazzjoni jew le fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-familja ta’ tajers tal-ISV li tkun għaddejja minn testijiet tal-RRC tat-tajers, billi tuża l-metodu stabbilit fl-Anness II.
2.F’każ li familja ta’ tajers tal-ISV ma tgħaddix mill-evalwazzjoni statistika kif stabbilit fl-Anness II, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni tal-RRC tat-tajers bħala l-valur medju ta’ RRCratio (averageratio) kif definit fl-Anness II għar-riżultati tat-testijiet tal-RRC tat-tajers.
Artikolu 15
Kundizzjonijiet tat-test għat-testijiet tal-massa
1.Fil-każ ta’ vettura bil-mutur, it-test tal-massa għandu jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-“massa attwali kkoreġuta tal-vettura” billi tintiżen vettura tat-test u jiġu applikati l-korrezzjonijiet previsti fit-Taqsima 2, il-punt (4), tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/2400, jew, fil-każ ta’ trejler, fid-determinazzjoni tal-“massa kkoreġuta fi stat operattiv tat-trejler” tiegħu billi tintiżen vettura tat-test u jiġu applikati l-korrezzjonijiet previsti fit-Taqsima 3, it-Tabella 1, tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2022/1362.
2.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiżgura li l-istrument tal-użin jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3.Kwalunkwe parti addizzjonali li ma titqiesx għall-korrezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha titneħħa, jew il-massa tagħha għandha titnaqqas mill-massa ddeterminata f’konformità mal-paragrafu 1.
4.Jekk ma jiġix installat it-tagħmir standard kollu, il-massa korrispondenti tal-elementi tal-kostruzzjoni neqsin imsemmija fil-punt 4.2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/2400 għandha tiżdied kif deskritt fil-punt 4.3 ta’ dak l-Anness.
Artikolu 16
Riżultat tat-test tal-massa ta’ vettura tat-test individwali
1.Għal kull vettura tat-test individwali li jkun qed isirilha test tal-massa, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina r-riżultat tat-test tal-massa (massratio) bħala l-proporzjon tal-“massa attwali kkoreġuta tal-vettura”, iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament (massin-service verification), għall-“massa attwali kkoreġuta” ta’ dik il-vettura (massdeclared) irreġistrata fl-entrata 1.1.8. tal-fajl tal-informazzjoni tal-klijent f’konformità mat-Taqsima 3, il-parti II, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2017/2400.
2.Fil-każ ta’ trejler, għal kull vettura tat-test individwali li jkun qed isirilha test tal-massa, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina r-riżultat tat-test tal-massa (massratio) bħala l-proporzjon tal-“massa kkoreġuta fi stat ta’ tħaddim tat-trejler”, iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament (massin-service verification), għall-“massa kkoreġuta fi stat ta’ tħaddim” ta’ dak it-trejler (massdeclared) irreġistrata fl-entrata 1.1.10. tal-fajl tal-informazzjoni tal-klijent f’konformità mal-parti II, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2022/1362.
Artikolu 17
Evalwazzjoni statistika tar-riżultati tat-test tal-massa u kalkolu tad-daqs tad-devjazzjoni
1.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tevalwa r-riżultati tat-test tal-massa ta’ vetturi tat-test individwali miksuba f’konformità mal-Artikolu 16 biex tistabbilixxi jekk hemmx devjazzjoni jew le fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi kollha ta’ dak il-manifattur, bl-użu tal-metodu stabbilit fl-Anness II.
2.F’każ li l-manifattur tal-vettura ma jgħaddix mill-evalwazzjoni statistika kif stabbilit fl-Anness II, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni tal-massa bħala l-valur medju ta’ massratio (averageratio) kif definit fl-Anness II għar-riżultati tat-test tal-massa.
Artikolu 18
Kundizzjonijiet tat-test għal testijiet ta’ strateġiji artifiċjali
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tivverifika l-preżenza ta’ strateġiji artifiċjali fil-vettura tat-test magħżula f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ mill-inqas it-testijiet li ġejjin:
(a)test tal-VTP;
(b)test tal-VTP bil-kundizzjonijiet tat-test stabbiliti barra mil-limiti stabbiliti fl-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400, jew kwalunkwe test ieħor li għalih il-kundizzjonijiet tal-ittestjar ma jwasslux għal bidla sinifikanti fir-rispons fiżiku tal-vettura jew ta’ kwalunkwe waħda mis-subsistemi tagħha.
Artikolu 19
Evalwazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-istrateġiji artifiċjali u kalkolu tad-daqs tad-devjazzjoni
1.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tevalwa r-riżultati tat-testijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament biex tivvaluta r-riskju li l-istrateġiji artifiċjali jkunu preżenti fil-vettura tat-test, billi tqabbel il-proporzjon CVTP, ratio iddeterminat f’konformità mal-punt 7.2.2. tal-Anness Xa tar-Regolament (UE) 2017/2400 u miksub fit-test imsemmi fl-Artikolu 18, il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament, mal-proporzjon CVTP, ratio miksub fit-test imsemmi fl-Artikolu 18, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tevalwa kwalunkwe test rilevanti ieħor imwettaq fuq il-vettura kkonċernata.
2.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tiddeskrivi fir-rapport tat-test il-kriterji użati għall-evalwazzjoni mwettqa f’konformità mal-paragrafu 1. Għal dak l-għan, l-istrateġiji artifiċjali għandhom jinftiehmu bħala kwalunkwe software, loġika ta’ kontroll, hardware jew komponent abbord jew relatat mal-vettura, li jnaqqas il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 jew tal-konsum tal-fjuwil tal-vettura fit-testijiet imwettqa għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, iżda li ma jaħdimx b’mod konsistenti meta l-vettura tkun fis-servizz, filwaqt li titqies id-differenza bejn dawk il-kundizzjonijiet tat-test u l-kundizzjonijiet fis-servizz, sakemm dak it-tħaddim inkonsistenti ma jirriżultax mir-rekwiżiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew ma jkunx iġġustifikat mill-ħtieġa li l-vettura tiġi protetta kontra ħsara immedjata jew li jiġi żgurat it-tħaddim sikur tal-vettura.
3.Jekk, abbażi tal-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-paragrafu 1, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tikkonkludi li r-riskju li jkunu preżenti strateġiji artifiċjali fil-vettura tat-test ikun għoli, hija għandha tispeċifika u twettaq programm ta’ ttestjar speċifiku flimkien mat-testijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 18, biex tidentifika l-preżenza jew in-nuqqas ta’ strateġija artifiċjali. Fuq talba tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni, il-manifattur għandu jipprovdi l-kodiċi tas-software relatat rilevanti kollu biex jiġu identifikati l-preżenza jew in-nuqqas ta’ strateġija artifiċjali.
4.Jekk l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tikkonkludi li hemm strateġiji artifiċjali, hija għandha tiddetermina l-vetturi kkonċernati u d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 billi tqabbel il-valur tal-emissjonijiet tas-CO2 kemm mal-istrateġiji artifiċjali kif ukoll mingħajrhom. Jekk id-daqs ta’ dik id-devjazzjoni ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat abbażi tat-testijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 18, jekk applikabbli, mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, id-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 għandu jkun ta’ 10 % tal-valur tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ referenza tas-sottogrupp tal-vettura.
Artikolu 20
Rapport tat-test
1.L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tinkludi fir-rapporti tat-testijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2024/1127, mill-inqas, l-informazzjoni li ġejja għal kull familja ttestjata:
(a)it-tip ta’ testijiet imwettqa;
(b)il-lista ta’ kontroll tal-vettura;
(c)il-kundizzjonijiet tat-test;
(d)ir-riżultati tat-test ta’ kull waħda mill-vetturi jew tajers tat-test individwali;
(e)l-evalwazzjoni statistika tar-riżultati tat-test;
(f)jekk applikabbli, il-kalkolu tad-daqs tad-devjazzjoni;
(g)f’każ ta’ test ta’ strateġiji artifiċjali: il-kriterji użati għall-evalwazzjoni tar-riżultati tat-test.
2.Fi żmien 20 jum tax-xogħol mit-tlestija tat-testijiet, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tagħmel ir-rapport tat-test disponibbli għall-manifattur tal-vetturi jew tat-tajers ikkonċernati u tapplowdjah f’format kriptat fuq server iddedikat tal-Kummissjoni, flimkien mad-data li ġejja għal kull waħda mill-vetturi jew tajers tat-test individwali:
(a)għal kull test tal-VTP imwettaq, id-data speċifikata fil-punt (1) tal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament;
(b)għal kull test tar-reżistenza tal-arja mwettaq, id-data speċifikata fil-punt (2) tal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament;
(c)għal kull test tar-reżistenza tal-arja mwettaq bil-metodu tas-CFD, id-data u l-kalkoli speċifikati fl-Appendiċi 10 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2017/2400;
(d)għal kull test tal-koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien tat-tajers imwettaq, id-data speċifikata fil-punt (3) tal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament;
(e)għal kull test tal-massa mwettaq, id-data speċifikata fil-punt (4) tal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.
Id-data u l-parametri speċifikati fil-punti (a) sa (e) ma għandhomx jiġu ppubblikati.
Meta d-data kollha tkun ittellgħet b’mod korrett għall-vetturi jew għat-tajers kollha ttestjati ta’ familja, għandha tintbagħat riċevuta mis-server tal-Kummissjoni lill-entità li tkun qed ittella’.
Artikolu 21
Konklużjonijiet tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni
1.Jekk ir-riżultati tal-verifika fis-servizz juru li ma hemm l-ebda devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tasal għall-konklużjoni li ma hemm l-ebda nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-verifika fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent, u tinkludi dik il-konklużjoni fir-rapport tat-test.
2.Jekk ir-riżultati tal-verifika fis-servizz juru li hemm devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2, il-manifattur jista’ jikkontesta r-riżultati fi żmien 20 jum tax-xogħol wara li jirċievi r-rapport tat-test, billi jipprovdi evidenza li turi l-korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-verifika fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent. Il-manifattur jista’ jitlob estensjoni ta’ 20 jum tax-xogħol biex jipprovdi dik l-evidenza.
Fin-nuqqas ta’ reazzjoni, il-manifattur għandu jitqies li jkun aċċetta r-riżultati tal-verifika fis-servizz.
3.Filwaqt li tqis l-evidenza pprovduta mill-manifattur skont il-paragrafu 2, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tasal għal konklużjoni dwar jekk il-verifika fis-servizz identifikatx nuqqas ta’ korrispondenza jew le bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-verifika fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent, jew il-preżenza ta’ strateġiji artifiċjali.
L-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tibgħat il-konklużjoni tagħha lill-manifattur ikkonċernat u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 40 jum tax-xogħol, jew f’każ ta’ estensjoni f’konformità mal-paragrafu 2, mhux aktar tard minn 80 jum tax-xogħol, wara li tkun bagħtet ir-rapport tat-test lill-manifattur skont il-paragrafu 2.
4.Il-konklużjoni tal-awtorità li tagħti l-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha, bħala minimu, tinkludi dan li ġej:
(a)meta l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni ssib li ma hemm l-ebda nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-verifika fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent, jew ma tkunx tista’ tistabbilixxi l-preżenza ta’ strateġiji artifiċjali:
(I)it-tip ta’ test u l-familja kkonċernata;
(II)ir-raġunijiet għas-sejba tagħha li d-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 misjuba bħala riżultat tal-verifika fis-servizz ma twassalx għal nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-verifika fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent;
(b)meta l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tistabbilixxi nuqqas ta’ korrispondenza bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-verifika fis-servizz u l-valuri rreġistrati fil-fajl tal-informazzjoni tal-klijent, jew il-preżenza ta’ strateġiji artifiċjali:
(I)it-tip ta’ test u l-familja kkonċernata;
(II)id-daqs tad-devjazzjoni, kif irrapportat f’konformità mal-Artikolu 20(1)(e);
(III)fejn applikabbli, l-istrateġiji artifiċjali identifikati.
5.Qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena kalendarja, l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni għandha tippubblika ħarsa ġenerali lejn il-verifiki fis-servizz imwettqa fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti u l-konklużjonijiet tagħha maħruġa f’dak il-perjodu ta’ rapportar, kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 3, bl-użu tal-format stabbilit fl-Anness V. Għat-testijiet ta’ verifika fis-servizz li għalihom ma tiġi stabbilita l-ebda konklużjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-ħarsa ġenerali, il-konklużjoni għandha tiġi inkluża fil-ħarsa ġenerali annwali li jmiss.
Artikolu 22
Daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u d-determinazzjoni tal-vetturi kkonċernati
Meta l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tkun ħarġet konklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 21(4), il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u fil-vetturi kollha kkonċernati, kif ġej:
(a)għal familja tal-VTP, id-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 huwa ugwali għad-daqs tad-devjazzjonijiet stabbiliti mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni u msemmija fl-Artikolu 21(4), il-punt (b)(ii) ta’ dan ir-Regolament. Il-vetturi kkonċernati huma l-vetturi kollha tal-familja tal-VTP li għandhom l-istess kombinazzjoni ta’ magni u trażmissjoni. Jekk l-investigazzjoni skont l-Artikolu 8(2)(b) tiddetermina li l-kawża tan-nuqqas imsemmi f’dik id-dispożizzjoni hija komponent elenkat fl-Artikolu 12(1), il-punti (a) sa (f), (h) u (j), tar-Regolament (UE) 2017/2400, il-vetturi kkonċernati jkunu l-vetturi kollha b’dak il-komponent.
(b)għal familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 għal kull sottogrupp tal-vettura ta’ din il-familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV, abbażi tat-tħaddim mill-ġdid tal-mudell ta’ referenza fl-għodda ta’ simulazzjoni bil-valur iddikjarat u bil-valur ikkoreġut għar-reżistenza tal-arja. Il-valur ikkoreġut għar-reżistenza tal-arja huwa CdAdeclared immultiplikat bid-daqs tad-devjazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(4), il-punt (b)(ii). Il-vetturi kkonċernati huma kollha vetturi tal-familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV kkonċernata, imsemmija fl-Artikolu 21(4)(b)(i), u l-vetturi kollha li għalihom il-valur tar-reżistenza tal-arja jkun ġie ttrasferit minn familja tar-reżistenza tal-arja ta’ dik il-familja tar-reżistenza tal-arja tal-ISV.
(c)għal familja tas-CFD, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 għal kull sottogrupp tal-vettura u għal kull familja tar-reżistenza tal-arja ta’ din il-familja tas-CFD, abbażi tat-tħaddim mill-ġdid tal-mudell ta’ referenza fl-għodda ta’ simulazzjoni bil-valur iddikjarat u bil-valur ikkoreġut għar-reżistenza tal-arja. Il-valur ikkoreġut għar-reżistenza tal-arja huwa ugwali għall-valur tar-reżistenza tal-arja għall-vettura referenzjarja (l-agħar każ) ta’ kull familja tar-reżistenza tal-arja, jew f’każ li dan il-valur jiġi ddeterminat b’simulazzjoni tas-CFD, il-valur prestabbilit għal din il-familja tar-reżistenza tal-arja, mingħajr il-valur iddikjarat tar-reżistenza tal-arja għal kull vettura kkonċernata. Il-vetturi kkonċernati huma l-vetturi kollha ta’ dik il-familja ta’ CFD, u l-vetturi kollha li għalihom il-valur tar-reżistenza tal-arja ġie ttrasferit minn dik familja tar-reżistenza tal-arja ta’ dik il-familja tas-CFD.
(d)għal familja ta’ tajers tal-ISV, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 għal kull sottogrupp tal-vettura ta’ din il-familja ta’ tajers tal-ISV, abbażi tat-tħaddim mill-ġdid tal-mudell ta’ referenza fl-għodda ta’ simulazzjoni bil-valur iddikjarat u bil-valur ikkoreġut għall-koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien. Il-valur ikkoreġut għall-koeffiċjent tar-reżistenza għad-dawrien huwa RRCdeclared immultiplikat bid-daqs tad-devjazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(4), il-punt (b)(ii). Il-vetturi kkonċernati huma l-vetturi kollha rreġistrati wara l-1 ta’ Lulju 2025 li jużaw tajers mill-familja tat-tajers ISV ikkonċernata, imsemmija fl-Artikolu 21(4), il-punt (b)(i).
(e)Għal test tal-massa, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2, abbażi tat-tħaddim mill-ġdid tal-mudell tal-medja tal-flotta fl-għodda ta’ simulazzjoni bil-valur iddikjarat u l-valur ikkoreġut għall-massa, għal kull sottogrupp tal-vettura ta’ dan il-manifattur. Il-valur ikkoreġut għall-massa huwa massdeclared immultiplikat bid-daqs tad-devjazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(4), il-punt (b)(ii). Il-vetturi kkonċernati huma l-vetturi kollha tal-manifattur.
(f)F’każ li tkun preżenti strateġija artifiċjali skont il-konklużjoni msemmija fl-Artikolu 21(4), il-punt (b), id-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 irid ikun ugwali għad-daqs tad-devjazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(4), il-punt (b)(ii). Il-vetturi kkonċernati għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-konklużjoni msemmija fl-Artikolu 21(4)(b).
Artikolu 23
Kalkolu u korrezzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 ta’ manifattur
1.Meta l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tkun ħarġet konklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 21(4), il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, għall-perjodu ta’ rapportar tas-sena li fiha tkun inħarġet il-konklużjoni u għall-perjodi ta’ rapportar ta’ wara, tapplika d-daqs tad-devjazzjoni fil-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi kkonċernati, kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 22, għall-kalkolu tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi medji ta’ manifattur f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1242.
2.Il-Kummissjoni għandha tapplika wkoll id-daqs tad-devjazzjoni tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi kkonċernati kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 22, għall-korrezzjoni tal-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 tal-manifattur għall-għaxar perjodi ta’ rapportar qabel il-perjodu ta’ rapportar tas-sena li fiha tkun inħarġet il-konklużjoni, iżda mhux qabel il-perjodu ta’ rapportar tas-sena 2025.
Artikolu 24
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 13.1.2025
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN