CCMI/231
Servizzi professjonali fit-tranżizzjoni ekoloġika
OPINJONI
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali
Servizzi professjonali fit-tranżizzjoni ekoloġika
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Relatur: Violeta JELIĆ
Korelatur: Gaetano STELLA
|
Konsulenti
|
Vladimíra DRBALOVÁ (għar-relatur tal-Grupp I)
Alessio D’AMATO (għall-korelatur tal-Grupp III)
|
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
|
18/1/2024
|
|
Bażi legali
|
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
5/11/2024
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
26/0/1
|
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja
|
D/M/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li ġie kkomunikat fil-linji gwida politiċi l-ġodda għall-perjodu 2024-2029, biex jinħoloq pjan għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa, abbażi ta’ “Patt għal Industrija Nadifa” ġdid u suq uniku tal-UE li jiffunzjona tajjeb, li huma essenzjali għal tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali bla xkiel.
1.2Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol fundamentali li jaqdu s-servizzi professjonali fit-tranżizzjoni ekoloġika, rwol li huwa impliċitu fil-“Patt għal Industrija Nadifa” u huwa sors potenzjali kemm ta’ opportunitajiet kif ukoll ta’ sfidi, b’mod partikolari f’termini ta’ ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet.
1.3Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE joħolqu miżuri biex in-negozji jadattaw għall-bidliet li jinbtu minn proċess daqstant kumpless bħat-tranżizzjoni ekoloġika, sabiex in-negozji jinżammu fl-Ewropa u jiffaċċjaw objettivi ta’ sostenibbiltà fl-UE li joħolqu sfida. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-negozji tal-familja u lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs), u lill-ilħuq tal-objettivi tal-kompetittività.
1.4Il-KESE jinsab imħasseb li l-proċess ta’ ekoloġizzazzjoni jista’ jistaġna minħabba nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, spariġġ fil-ħiliet, u żieda fil-piżijiet regolatorji, amministrattivi u tal-kostijiet, kif ukoll sfidi ġodda minħabba bidliet rapidi fil-ktajjen tal-provvista.
1.5Jeħtieġ li tiġi implimentata l-viżjoni l-ġdida għall-Unjoni tal-Ħiliet. Jeħtieġ li jitwettqu riformi konsistenti fis-sistemi edukattivi biex il-kurrikuli jiġu adattati għat-tibdil fid-dinja tax-xogħol, biex jiġu appoġġjati l-programmi edukattivi rilevanti kollha (inkluż STEM), tiġi implimentata strateġija ġdida għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), jiġu appoġġjati l-għalliema u tittejjeb il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE.
1.6L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu r-rwol essenzjali li jaqdu s-servizzi professjonali – kemm jekk regolati kif ukoll jekk mhux regolati – fir-ritorn ambizzjuż tal-Ewropa għall-prosperità. Madankollu, dan ir-ritorn irid ikun konformi mal-objettivi ambjentali u ta’ sostenibbiltà u jappoġġja l-evoluzzjoni tal-ħiliet b’mod sinerġiku mas-setturi ekonomiċi, u jeħtieġ li jitqiesu b’mod espliċitu l-istrutturi li qed jevolvu tal-ktajjen tal-valur.
1.7Il-KESE jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jitħeġġu inizjattivi edukattivi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Dan jista’ jinvolvi inċentivi finanzjarji speċifiċi għall-korsijiet tal-VET immirati lejn l-ekoloġizzazzjoni tas-servizzi professjonali. Dan jista’ jinvolvi wkoll il-ħolqien ta’ korsijiet akkademiċi fil-livell tal-UE biex jiddaħħlu professjonisti ġodda jew biex il-professjonisti eżistenti jitħarrġu f’objettivi ta’ sostenibbiltà, u biex jiġu promossi kemm l-adattament għall-ħiliet u l-impjiegi eżistenti kif ukoll it-titjib tagħhom (programmi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid). Dawn l-inizjattivi jistgħu joħolqu wkoll ħiliet ġodda għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.
1.8Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu adottat politiki mmirati li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ networks ta’ servizzi professjonali sabiex tittejjeb l-iskala operattiva tal-attivitajiet relatati, bil-kundizzjoni li jitqiesu kif imiss il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru.
1.9Id-diskrepanza fil-ħiliet tista’ titnaqqas billi jiġu segwiti s-suġġerimenti ta’ hawn fuq u billi jiġu mħarrġa professjonisti b’ħiliet fl-Ewropa, jew billi jiġu attirati professjonisti minn barra l-UE permezz ta’ politiki u inizjattivi (eż. l-inizjattiva “Riżerva ta’ Talent”, li tista’ tgħin biex tattira professjonisti minn pajjiżi terzi u fl-istess ħin twessa’ s-suq għall-professjonisti tal-UE).
1.10Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-servizzi professjonali u organizzazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili fi proċessi ta’ tranżizzjoni ekoloġika ġusti u li jagħmlu suċċess.
1.11Il-KESE jenfasizza wkoll sfidi oħra fil-kuntest wiesa’ tal-forniment tas-servizzi professjonali, inklużi l-ostakli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, li jeħtieġ li jitneħħew biex jittieħed vantaġġ mill-mobbiltà professjonali u jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet. Il-KESE jirrakkomanda sforzi kontinwi f’dan il-qasam, anke permezz ta’ Opinjonijiet ta’ segwitu dwar dawn il-kwistjonijiet.
2.Kuntest politiku
2.1Matul laqgħa speċjali tal-Kunsill tal-UE fis-17 u fit-18 ta’ April 2024, il-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom favur patt ġdid dwar il-kompetittività Ewropea ankrat f’suq uniku integrat bis-sħiħ. Dan irid ikun immirat lejn it-tisħiħ tal-bażi ekonomika, tal-manifattura, industrijali u teknoloġika tal-Ewropa, biex b’hekk jiġu żgurati r-reżiljenza ekonomika u t-tiġdid industrijali, il-kompetittività globali, it-tmexxija teknoloġika, u l-attraenza tal-Unjoni bħala post ta’ negozju. Il-linji gwida politiċi l-ġodda tal-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2024-2029 fihom għadd ta’ miżuri speċifiċi, u l-objettivi fit-tul tal-UE huma enfasizzati b’mod ċar fir-rapport reċenti ta’ Draghi.
2.2It-tranżizzjoni ekoloġika għadha għaddejja; madankollu, għad iridu jittieħdu passi kruċjali f’diversi setturi. L-evidenza tabilħaqq tissuġġerixxi li xi wħud mill-impatti ambjentali tal-attivitajiet Ewropej qed jonqsu maż-żmien, kif muri mill-istatistika dwar l-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza tal-materjali; madankollu, tranżizzjoni stabbli teħtieġ passi addizzjonali.
2.3L-enfasi ewlenija għandha tkun fuq l-implimentazzjoni tal-qafas legali eżistenti għall-2030 bl-aktar mod sempliċi, ġust u kosteffiċjenti. Madankollu, il-Patt għal Industrija Nadifa imħabbar – appoġġjat mill-Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni biex jiġu appoġġjati l-industriji u l-kumpaniji matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni – iġib miegħu wkoll diversi sfidi u opportunitajiet.
2.4L-industrija jeħtieġ li tinżamm fl-Ewropa peress li se tkun din l-industrija li se tipprovdi s-soluzzjonijiet klimatiċi li l-Ewropa teħtieġ. Il-mexxejja tal-UE jimpenjaw ruħhom li jaħdmu mal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika industrijali effettiva li tiddekarbonizza l-industrija tagħna b’mod kompetittiv (tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u regolatorji), tiżviluppa l-vantaġġ kompetittiv tal-Unjoni fit-teknoloġiji diġitali u nodfa, tiddiversifika u tiżgura ktajjen tal-provvista strateġiċi, tippożizzjona mill-ġdid il-ktajjen tal-valur u ssaħħaħ il-bażi teknoloġika u industrijali tal-Ewropa.
2.5It-tranżizzjoni ekoloġika timplika wkoll bidliet settorjali u rilevanza dejjem akbar tas-setturi tal-prodotti u s-servizzi ambjentali. L-evidenza tissuġġerixxi li l-impjieg u l-valur miżjud fis-setturi tal-prodotti u s-servizzi ambjentali qed jikbru b’rata aktar mgħaġġla mill-ekonomija ġenerali tal-UE, u dan iwitti t-triq għal servizzi professjonali ġodda (eż. awditi ekoloġiċi).
2.6Fuq kollox, il-Patt Ekoloġiku Ewropew irid ikun ġust u jrid iqis ir-riskji u l-kostijiet possibbli tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija. Huwa biss b’nisġa industrijali b’saħħitha u djalogu soċjali kontinwu msaħħaħ u strutturat tajjeb bejn l-imsieħba soċjali (l-impjegaturi u l-ħaddiema) fil-livelli kollha li nistgħu niżguraw tranżizzjoni ekoloġika ġusta. Il-proċess ta’ tranżizzjoni għandu jinkludi organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw professjonijiet li huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.
3.Progress batut fir-riformi strutturali fis-settur tas-servizzi
3.1Ix-xokk mingħajr preċedent għall-ekonomija tal-UE kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 jirrikjedi rispons fl-oqsma kollha sabiex jinkiseb irkupru ekonomiku ta’ suċċess. Flimkien ma’ miżuri oħra, riformi strutturali effettivi u li jagħmlu impatt fis-settur tas-servizzi jistgħu jagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku u jgħinu biex dan isir sostenibbli. Is-servizzi jaqdu rwol ewlieni fl-ekonomija tal-UE, mhux biss f’termini tal-kontribut dirett tagħhom għall-valur miżjud u l-impjieg, iżda wkoll f’termini tar-rwol tagħhom bħala rabtiet tul il-ktajjen tal-valur u r-rwol vitali tagħhom fl-ekosistemi industrijali u fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi innovattivi.
3.2Id-Dikjarazzjoni ta’ Antwerp għal Patt Industrijali Ewropew hija impetu ġdid għas-servizzi professjonali. Hemm ħtieġa urġenti ta’ ċarezza, prevedibbiltà u fiduċja fl-Ewropa u l-politika industrijali tagħha. Il-firmatarji jappellaw għal pjan ta’ azzjoni komprensiv biex il-kompetittività tingħata aktar importanza bħala prijorità strateġika u biex jinħolqu kundizzjonijiet għal argument għall-vijabbiltà aktar b’saħħtu fl-Ewropa.
3.3Is-servizzi professjonali jaqdu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, peress li jiżguraw ħiliet speċjalizzati u standards għoljin ta’ sikurezza u kwalità fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji sostenibbli. Il-valuri etiċi, l-għarfien espert u l-impenn tagħhom favur taħriġ kontinwu huma fundamentali fit-tfassil u l-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi effiċjenti u b’impatt baxx, u b’hekk jippromovu l-innovazzjoni u l-integrità fil-proċessi tal-produzzjoni, jgħinu lin-negozji (speċjalment l-MSMEs) jindirizzaw l-isfidi regolatorji u amministrattivi li jġibu magħhom id-definizzjonijiet il-ġodda tal-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, u jidentifikaw l-għażliet ta’ finanzjament disponibbli għal dawn l-attivitajiet.
4.Ir-rwol ewlieni tas-settur tas-servizzi fil-kisba ta’ ktajjen tal-provvista ekoloġiċi u l-ippożizzjonar mill-ġdid tal-ktajjen tal-valur
4.1Fix-xenarju ekonomiku Ewropew kurrenti nistgħu naraw bidliet sinifikanti fid-dinamika tal-ktajjen tal-provvista tal-manifattura. Dawn il-bidliet huma mistennija jgħinu biex il-ktajjen tal-valur jiġu ppożizzjonati mill-ġdid u biex jinkoraġġixxu r-rilokalizzazzjoni, fid-dawl tal-fatt li ħafna kumpaniji qed jikkunsidraw li jġibu lura l-produzzjoni u s-servizzi li qabel kienu jiġu esternalizzati lejn pajjiżi mhux tal-UE. Is-servizzi professjonali jipprovdu lin-negozji bl-appoġġ meħtieġ biex jindirizzaw dawn l-isfidi.
4.2Barra minn hekk, it-trasformazzjoni li għaddejja bħalissa tista’ tkun partikolarment rilevanti għall-MSMEs, fejn l-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-aderenza mal-obbligi kkonċepiti għal kumpaniji akbar, jirrikjedu li dawn jibnu l-kapaċitajiet biex jindirizzaw kwistjonijiet ekoloġiċi u ta’ sostenibbiltà. Din l-interazzjoni bejn l-SMEs u l-professjonisti tista’ tippermetti lin-negozji jsiru aktar kompetittivi, innovattivi u reżiljenti. Id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ finanzjament, inċentivi/għotjiet finanzjarji, assistenza biex jiġu identifikati swieq potenzjali, u appoġġ fl-iżvilupp ta’ prodotti, servizzi jew proċessi ġodda u għall-kummerċjalizzazzjoni jew għad-distribuzzjoni huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn futur b’użu effiċjenti tar-riżorsi. Dawn is-servizzi ta’ konsulenza ekoloġika huma bbażati fuq għarfien espert professjonali u jipprovdu lill-SMEs b’suq importanti għal servizzi professjonali ġodda, u jeħtieġ li jiġu żviluppati u mħeġġa.
4.3Għalhekk, li jsir progress fis-servizzi joffri wkoll effetti kollaterali pożittivi sinifikanti għall-industrija tal-UE. Madwar 38 % tal-valur miżjud globali inkorporat fid-domanda tal-industriji tal-manifattura fl-UE huwa ġġenerat mis-servizzi. Dawn is-servizzi jiġu nnegozjati wkoll fl-UE u lil hinn minnha, u dan jirriżulta f’impatti potenzjali fuq l-impjieg u f’telf ta’ impjiegi. Jeħtieġ li jitqiesu wkoll l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru, peress li għad-ditti żgħar u mikro, il-prossimità tal-fornituri tas-servizzi professjonali hija fattur kruċjali biex tiġi ddeterminata d-domanda. Dan jagħmel saħansitra aktar urġenti l-ħtieġa ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid immirati wkoll lejn fornituri ta’ servizzi professjonali iżgħar.
4.4L-evidenza rrapportata tidher li tissuġġerixxi li jeżistu opportunitajiet sinifikanti għall-professjonisti fl-oqsma ekonomiċi tekniċi u ġuridiċi biex jittejbu t-tkabbir biex itejbu t-tkabbir u l-kompetittività għall-ktajjen tal-provvista sostenibbli. Dan huwa parti mill-valur miżjud potenzjali (intanġibbli) tal-professjonijiet għat-tranżizzjoni ekoloġika. Is-settur tas-servizzi professjonali nnifsu jista’ wkoll jikkontribwixxi direttament għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-emissjonijiet jistgħu jitnaqqsu b’madwar 10 % billi jitnaqqas l-ivvjaġġar b’rabta mal-okkupazzjoni professjonali; b’bejn 30% u 40 % bl-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-tisħin b’enerġija rinnovabbli fl-uffiċċji; u bi 15 % oħra billi jintgħażlu modi ta’ trasport aktar ekoloġiċi (fjuwils rinnovabbli, vetturi elettriċi, eċċ.).
5.L-iżvilupp ta’ ħiliet għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali
5.1Id-dimensjonijiet tal-impjieg u tal-ħiliet li għandha l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija huma komuni għat-trasformazzjonijiet profondi kollha. Dawn it-tranżizzjonijiet joħolqu l-ħtieġa ta’ osservazzjoni, antiċipazzjoni, sensibilizzazzjoni, adattament tal-offerta ta’ taħriġ, faċilitazzjoni tat-tranżizzjonijiet u azzjoni fuq livell lokali.
5.2L-objettivi ambjentali u ta’ sostenibbiltà Ewropej ambizzjużi se joħolqu okkupazzjonijiet ġodda u jibdlu dawk eżistenti. Dan il-proċess ċertament se jaffettwa l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ulterjuri tas-servizzi professjonali. It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, l-apprendiment tul il-ħajja u l-ħiliet personali u multidixxiplinari huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jkollhom forza tax-xogħol b’ħiliet suffiċjenti biex jirrispondu għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tagħhom. Ir-rwoli tal-professjonisti eżistenti u l-evoluzzjoni tal-ħiliet meħtieġa jridu jiġu indirizzati. Ir-reviżjoni tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi tinkludi 571 ħila ekoloġika, ħila trasversali u kunċett ta’ għarfien, li huma konformi mad-definizzjoni ta’ ħiliet ekoloġiċi pprovduta mis-Cedefop. Huma meħtieġa sforzi mmirati lejn l-istabbiliment ta’ “korrispondenza” bejn ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà eżistenti u l-ħiliet professjonali u l-impjiegi, u dan mhux se jkun faċli.
5.3Id-diġitalizzazzjoni tista’ tespandi l-profili professjonali eżistenti, issaħħaħ il-kooperazzjoni interdixxiplinari ma’ professjonijiet oħra u, jekk jiġu segwiti l-kriterji speċifikati fil-Manifest ta’ Ruma, tippromovi l-ħolqien ta’ professjonijiet ġodda fl-ispirtu ta’ sistema li tevolvi. Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni se tintensifika l-kummerċjalizzazzjoni kontinwa tas-servizzi professjonali u tibdel il-profili professjonali tradizzjonali. Aktar importanti minn hekk, it-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika jistgħu jitqiesu bħala “tranżizzjoni doppja”, fis-sens li jimxu id f’id u jistgħu jsaħħu lil xulxin.
5.4L-użu tal-fondi tal-UE b’mod aktar effettiv, b’mod koordinat, u biex isir investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet fil-livell nazzjonali (pereżempju biex jiġu appoġġjati azzjonijiet skont il-Patt għall-Ħiliet, akkademji għal ħiliet b’emissjonijiet żero netti u sħubijiet fuq skala kbira b’rabta mal-ħiliet) jista’ jgħin biex l-edukazzjoni u t-taħriġ jiġu allinjati mad-domanda għall-ħiliet. Huwa importanti li jkomplu jissaħħu r-rwol u l-profil tal-VET biex in-nies jitħarrġu fil-ħiliet bażiċi, maniġerjali, trasversali u STEM minn stadju bikri. Il-VET jeħtieġ ukoll li jkun f’pożizzjoni aħjar u rikonoxxut bħala xprun tal-produttività u tal-innovazzjoni.
5.5L-inkoraġġiment tas-sħubijiet jista’ jwassal għal ekonomiji ta’ skala li jtejbu l-kompetittività tal-fornituri ta’ servizzi professjonali. Dan huwa mistenni li jkun rilevanti b’mod partikolari f’kuntesti fejn joperaw l-SMEs, in-negozji tal-familja. u l-mikrointrapriżi, u fejn l-awtomatizzazzjoni ta’ ċerti impjiegi tista’ xxekkel l-iżvilupp ta’ ħiliet speċifiċi. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet professjonali (b’mod partikolari l-impjegaturi) huma essenzjali fit-tfassil u fit-twettiq tal-VET. Il-karrieri u d-dixxiplini intraprenditorjali u STEM għandhom jiġu promossi wkoll fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari fost in-nisa u l-bniet. B’mod ġenerali, dawk li jfasslu l-politika fil-pajjiżi fil-livelli kollha għandhom jagħtu importanza lill-investimenti fi gwida effettiva għall-karriera. Għodod fil-livell tal-UE, bħal oqfsa ta’ taħriġ komuni, jistgħu jkunu utli ħafna wkoll għal ċerti professjonijiet u oqsma, bħall-inġinerija.
5.6Huwa essenzjali li jiġu definiti mill-ġdid il-korsijiet ta’ taħriġ universitarju mmirati lejn il-kisba ta’ kwalifiki professjonali, sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni bejn il-ħiliet professjonali u l-programmi ta’ tagħlim. L-involviment tal-professjonisti fid-definizzjoni tal-kontenut tal-korsijiet ta’ taħriġ jagħmel il-korsijiet aktar interdixxiplinari u aktar miftuħa għad-dinamika soċjali u tas-suq. Barra minn hekk, huwa essenzjali li tiġi promossa r-riċerka applikata, pereżempju permezz ta’ dottorati industrijali, biex jinħolqu profili tal-impjiegi speċjalizzati ħafna. L-allinjament tal-programmi edukattivi universitarji fl-Istati Membri kollha u l-koordinazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-għarfien, l-edukazzjoni u l-kwalifiki tal-professjonisti żgħażagħ, bl-istess mod bħall-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea li ġew ippreżentati f’Marzu 2024
. L-iżvilupp ta’ Network Universitarju Ewropew jista’ jikkontribwixxi wkoll f’dan ir-rigward. Attenzjoni speċjali – b’enfasi speċifika fuq l-opportunitajiet indaqs – għandha tingħata wkoll lill-persuni b’diżabilità u bi bżonnijiet speċjali sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
6.L-iffaċċjar tad-diskrepanzi fil-ħiliet
6.1Ir-riforma tal-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika hija sfida sistemika. L-evidenza tissuġġerixxi li t-tranżizzjoni ekoloġika hija mistennija li tinvolvi tiġdid tal-ħiliet sostanzjali, irrispettivament mill-karatteristiċi teknoloġiċi tas-setturi involuti. B’mod ġenerali, dan huwa marbut mal-ħtieġa li jiġu identifikati b’mod ċar il-professjonijiet “ekoloġiċi” u li tiġi pprovduta edukazzjoni f’livelli differenti (eż. akkademika, fuq il-post tax-xogħol, apprendiment tul il-ħajja) sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet u jiġu ffaċilitati l-isforzi ta’ espansjoni tal-attività, kemm min-naħa tal-provvista (fil-livell tal-UE jew sħubijiet professjonali lokali) kif ukoll min-naħa tad-domanda (eż. negozji żgħar, networks jew sħubijiet reġjonali). F’ċerti tipi ta’ professjonijiet, inklużi l-professjonijiet STEM, id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija mistennija li tkun rilevanti b’mod partikolari fit-tfassil tal-politika. It-tranżizzjoni ekoloġika tinvolvi wkoll il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda (kontabilisti tal-karbonju, speċjalisti tas-CCUS (qbid, użu u ħżin tal-karbonju), avukati tal-klima, ċertifikazzjoni b’rabta mal-kriterji ESG (kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza) u professjonisti tal-awditjar, eċċ.). Is-settur tal-edukazzjoni għandu jirrifletti d-domanda għal dawn il-professjonijiet ġodda u għandu jitħeġġeġ joħloq kurrikuli ġodda jew innovattivi biex tiġi ssodisfata din id-domanda. B’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ ħiliet għandu jiġi indirizzat permezz ta’ politiki mfassla speċifikament aktar milli permezz ta’ soluzzjonijiet wiesgħa ta’ universalità.
6.2L-Ewropa jeħtieġ li tkun attraenti u miftuħa għat-talent u għall-fornituri tas-servizzi professjonali, kemm minn ġewwa l-fruntieri tagħha kif ukoll minn pajjiżi mhux tal-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar ir-Riżerva ta’ Talent (biex tinħoloq l-ewwel pjattaforma konġunta tal-IT għall-impjegaturi u għall-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi) tista’ tkun ukoll għodda tajba biex jiġu attirati fornituri ta’ servizzi professjonali minn pajjiżi mhux tal-UE. Madankollu, biex jiġu ssodisfati d-domandi dejjem akbar għal ħaddiema mħarrġa mill-ġdid u għal ħiliet “ġodda”, trid tingħata kunsiderazzjoni lill-kwalità tat-taħriġ u l-edukazzjoni, u lill-pożizzjonament mill-ġdid tal-ktajjen tal-valur strateġiċi, f’konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika.
6.3It-tranżizzjoni li għaddejja ġġib magħha sfidi oħra, li jistgħu jinvolvu wkoll kwistjonijiet eżistenti fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi professjonali. Dawn l-isfidi jinkludu ostakli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, li jeħtieġ li jitneħħew sabiex tiġi stimulata l-mobbiltà professjonali u jitrażżan in-nuqqas ta’ ħiliet. Dan huwa indirizzat fir-reviżjoni tal-2013 tad-Direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u f’rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (2024). Dan jenfasizza kwistjonijiet ġodda li jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika.
7.Rabtiet ma’ Opinjonijiet oħra li għaddejjin bħalissa
7.1Din l-Opinjoni ġiet żviluppata f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Opinjoni TEN/836 dwar “Nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-settur tat-trasport, tal-enerġija, tal-infrastruttura u dak diġitali”. Iż-żewġ Opinjonijiet jikkomplementaw lil xulxin, speċjalment fl-għanijiet kondiviżi tagħhom li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-dokument tal-Kummissjoni dwar “Nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-UE: pjan ta’azzjoni”, u jikkontribwixxu għaliha, u li jindirizzaw l-ispariġġ fil-ħiliet fil-proċessi tat-tranżizzjoni doppja.
Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.
Il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali
Pietro Francesco DE LOTTO
_____________