EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2017-06021-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Pjan ta' Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (Komunikazzjoni)

EESC-2017-06021-AC

MT

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

TEN/654

Pjan ta' Azzjoni għall-Infrastruttura
tal-Fjuwils Alternattivi

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għall-akbar użu tal-fjuwils alternattivi: Pjan ta’ Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi skont l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2014/94/UE, li jinkludi valutazzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/94/UE

[COM(2017) 652 final]

Relatur: Séamus BOLAND

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18/01/2018

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

05/04/2018

Adottata fil-plenarja

19/04/2018

Sessjoni Plenarja Nru

534

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

170/1/3



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Din l-Opinjoni tikkonċerna prinċipalment il-forniment ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-UE fid-dawl tal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Għaldaqstant din hija addizzjoni għall-ħafna Opinjonijiet preċedenti adottati mill-KESE. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi tingħata prijorità mill-UE u mill-partijiet interessati kollha.

1.2Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, b’mod partikolari d-determinazzjoni tagħha li l-forniment tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għandu jiġi aċċelerat sabiex sal-2050 ma jkunx hemm gassijiet serra jew emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja.

1.3Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali li ntlaħaq ftehim dwarhom minn kull Stat Membru bħala strumenti għall-kisba tad-dekarbonizzazzjoni attwalment qed jonqsu b’mod sinifikanti milli jilħqu l-għanijiet u l-objettivi ddikjarati tagħhom. Minħabba dan, il-Pjan ta' Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi aktarx ser ifalli. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu dan b’urġenza.

1.4Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali għandhom jiġu riveduti b’urġenza mill-Kummissjoni bl-għan li jiġi żgurat li dawn jilħqu l-miri ddikjarati.

1.5Il-KESE jirrakkomanda li kwalunkwe ostaklu, inkluż it-telf tad-dħul mit-taxxa mill-fjuwils fossili, għandu jiġi identifikat u eliminat minn kull wieħed mill-Istati Membri.

1.6Il-KESE jinnota l-impenn finanzjarju sinifikanti mill-UE għall-forniment ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Madankollu, huwa mħasseb li l-istimi tal-finanzjament meħtieġ huma baxxi wisq u li l-effett ta' ingranaġġ finanzjarju mis-settur privat qiegħed jaqa’ lura. Il-KESE jirrakkomanda reviżjoni urġenti tal-finanzjament li huwa previst li jiżdied u, fejn meħtieġ, li tittieħed azzjoni xierqa sabiex titranġa s-sitwazzjoni fejn ma jintlaħqux il-miri finanzjarji meħtieġa.

1.7Il-KESE jinnota l-impenji tal-industrija marittima u tal-avjazzjoni sabiex jintlaħqu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni li ntlaħaq ftehim dwarhom mill-partijiet interessati kollha. Madankollu, huwa jirrakkomanda li d-djalogu meħtieġ bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u dawn iż-żewġ industriji għandu jiġi intensifikat fuq il-perjodu ta' żmien qasir.

1.8Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-livell baxx ta’ involviment u interazzjoni tal-konsumaturi mal-partijiet interessati rilevanti. Għalhekk jirrakkomanda bis-sħiħ li l-konsumaturi għandu jkollhom rwol ħafna aktar prominenti fl-aspetti kollha tal-introduzzjoni tal-fjuwils alternattivi.

1.9Il-KESE jirrakkomanda li ssir riċerka sabiex jiġu identifikati sorsi ġodda ta’ elementi terrestri rari. Huwa jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni, fi sħubija mal-Istati Membri, iżżomm informazzjoni aġġornata dwar l-aħħar teknoloġiji għat-trasport.

1.10Filwaqt li l-KESE jilqa’ bi pjaċir il-prijoritizzazzjoni tal-miżuri fiż-żoni urbani, hemm il-ħtieġa li jitfasslu programmi adatti wkoll għat-trasport rurali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li programmi bħal dawn jistgħu jinkludu l-istabbiliment ta’ infrastruttura bbażata fuq l-użu tal-bijokarburanti, prinċipalment dawk li joriġinaw minn skart agrikolu, kif ukoll minn sorsi oħrajn, l-użu ta' teknoloġija li tappoġġja strutturi ta’ bijodiġestjoni. Tali programmi jistgħu jinkludu l-ħolqien ta’ infrastruttura bbażata fuq l-użu ta’ bijokarburanti avvanzati li joriġinaw minn sorsi ta’ skart tal-agrikoltura, tal-forestrija jew oħrajn.

2.Introduzzjoni

2.1Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-pjan ta’ azzjoni kif applikabbli għall-forniment ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-UE. Il-KESE diġà adotta Opinjonijiet dwar il-pakkett tal-mobbiltà b’mod aktar ġenerali, kif ukoll dwar aspetti oħrajn tat-trasport. Għaldaqstant din l-Opinjoni mhux ser teżamina l-qasam usa’ tat-trasport mil-lat tat-tibdil fil-klima. Ma tistax tiġi sottovalutata l-importanza li tiġi pprovduta infrastruttura li tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-fjuwils konvenzjonali għall-fjuwils sostenibbli, f’konformità mal-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea biex tinkiseb konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

2.2F’Novembru 2017, il-Kummissjoni ħadet passi deċiżivi għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi, li stipula tnaqqis domestiku vinkolanti fis-CO2 ta’ mill-inqas 40 % sal-2030. Il-""Pakkett ta’ Mobilità Nadifa" (Clean Mobility Package) inkluda pjan ta' azzjoni u soluzzjonijiet ta’ investiment għall-installazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-livell trans-Ewropew. L-għan huwa li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jiġu appoġġjati permezz ta’ appoġġ għal investimenti fin-netwerk tat-trasport (in-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport - TEN-T) fiz-żoni urbani. Dan ser jiżgura d-disponibbiltà ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għall-utenti tat-triq.

2.3Il-pjan ta’ azzjoni jidderieġi wkoll lill-Istati Membri biex jinkludu objettivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ikkawżati mit-trasport marittimu u l-avjazzjoni.

2.4Il-KESE – f’tal-inqas 15-il Opinjoni reċenti li jindirizzaw it-trasport mil-lat tad-dekarbonizzazzjoni, il-COP21 u bosta kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà ambjentali – b’mod konsistenti appoġġa t-titjib fl-aċċess pubbliku għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

2.5Bħala parti mill-ambizzjoni ddikjarata tal-UE li ssir il-mexxejja dinjija fid-dekarbonizzazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti sabiex sal-2025 tinkiseb tranżizzjoni rapida minn fjuwils ta’ emissjoni għolja fis-settur tat-trasport għal fjuwils ta’ emissjoni baxxa jew mingħajr ebda emissjoni.

2.6Il-pjan ta’ azzjoni għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi huwa pakkett ta’ proposti mfassal biex b’mod kontinwu u komplet jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport skont skeda ta’ żmien orjentata madwar is-snin 2020, 2025 u 2030.

2.7Skont stimi attwali tal-UE, sa 95 % tal-vetturi tat-triq u bastimenti jużaw fjuwils konvenzjonali. Dan minkejja d-disponibbiltà ta’ numru ta’ strumenti ta’ finanzjament mill-UE (għal fjuwils fossili jew bijofjuwils) li mhumiex koperti mill-pjan ta’ azzjoni.

2.8Madankollu, minħabba d-disponibbiltà tal-finanzjament mill-UE, sar ċertu progress fil-forniment ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. L-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi rreġistra 118 000 punt tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament għall-vetturi elettriċi. Hemm 3 458 punt tar-riforniment tal-gass naturali kkompressat u, sal-aħħar ta’ Settembru 2017, kien hemm 82 punt għall-vetturi tal-idroġenu. Madankollu, żewġ Stati Membri biss jipprovdu ’l fuq minn 100 punt tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi għal kull 100 000 abitant tal-belt.

2.9L-Istati Membri kollha kellhom jirrapportaw dwar il-progress sal-aħħar tal-2017. Tnejn m’għamlux dan (Malta u r-Rumanija). Maġġoranza sinifikanti mill-bqija tal-Istati Membri wrew li qegħdin jaqgħu lura fir-rigward tal-miri tagħhom u abbażi tal-previżjonijiet attwali, mhux ser jirnexxielhom jilħquhom affattu.

3.Oqfsa ta’ politika nazzjonali

3.1B'segwitu għad-Direttiva 2014/94/UE, l-Istati Membri stabbilew oqfsa ta’ politika nazzjonali li għandhom jipprovdu kopertura minima tal-infrastruttura sal-2020, sal-2025 u sal-2030, skont it-tip ta' fjuwil inkwistjoni. Kull qafas ta' politika nazzjonali jistabbilixxi miri u objettivi u l-Istati Membri kienu mitlubin jirrapportaw lill-Kummissjoni sal-2017.

3.2Id-Direttiva ffukat fuq fjuwils fejn huma rilevanti n-nuqqasijiet tal-koordinazzjoni fis-suq, bħall-elettriku, l-idroġenu u l-gass naturali (LNG u CNG). Il-bijofjuwils huma meqjusa wkoll li jikkostitwixxu alternattiva importanti u aktarx se jkunu responsabbli għall-maġġoranza tal-fjuwils alternattivi fis-suq fuq il-perjodu ta' żmien qasir sa dak medju. Il-komponenti ewlenin meħtieġa għall-bini ta’ infrastruttura li tkun tipproteġi l-użu tal-bijokarburanti jeżistu diġà.

3.3L-oqfsa ta' politika nazzjonali huma mfassla biex jipprovdu kopertura minima tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi sal-2020, sal-2025 u sal-2030 f'kull Stat Membru. L-elementi ewlenin ta' din l-infrastruttura huma l-elettriku, il-gass naturali kkompressat (CNG), il-gass naturali likwifikat (LNG), u l-idroġenu.

Skont stimi tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri għal investiment fl-infrastruttura skont id-Direttiva 2014/94/UE, japplikaw il-figuri li ġejjin:

·Elettriku: sa EUR 904 miljuni sal-2020 (l-oqfsa nazzjonali ta’ politika jeħtieġu miri sal-2020 biss).

·CNG: sa EUR 357 miljun sal-2020 u sa EUR 600 miljun sal-2025 għal vetturi tat-triq CNG (abbażi tal-ispiża totali tad-937 (sal-2020) u l-1 575 (sal-2025) punt ta’ riforniment CNG ġdid ippjanati taħt l-oqfsa ta’ politika nazzjonali).

·L-LNG: sa EUR 257 miljun sal-2025 għall-vetturi tat-triq tal-LNG. Għal-LNG għat-trasport fuq l-ilma, sa EUR 945 miljun fil-portijiet marittimi tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T sal-2025 u sa EUR 1 biljun fil-portijiet interni tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T sal-2030.

·L-idroġenu: sa EUR 707 miljun sal-2025. (Ara COM(2017) 652 final).

3.48 biss minn 25 Stat Membru ġew ivvalutati bħala konformi bis-sħiħ mil-lat tat-tilħiq tal-miri tagħhom, filwaqt li żewġ Stati Membri ma kinux ippreżentaw rapporti sa Novembru 2017. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet kritika immens dwar il-progress li sar u partikolarment dwar il-livell ta' ambizzjoni, kif muri minn firxa ta' politiki kunfliġġenti fil-pajjiżi differenti, li jxekklu l-impenji tagħhom biex jiksbu l-objettivi tagħhom stess li jipprovdu infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

3.4.1Il-KESE jinnota li xi wħud minn dawn il-pajjiżi tejbu l-isforzi tagħhom minn meta kienu ppubblikati ċ-ċifri.

3.5Il-konklużjonijiet ġenerali li laħqet il-Kummissjoni huma li l-oqfsa nazzjonali ta’ politika naqsu serjament milli juru progress reali mil-lat tal-installazzjoni sinifikanti tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

3.6Il-fatt li l-valutazzjoni tikkundanna bil-qawwi, u l-attenzjoni li d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jiġbed dwar l-impatt limitat tal-oqfsa nazzjonali ta’ politika, jindikaw li l-miri mhumiex ser jintlaħqu fil-ħin u li, tal-inqas, hija meħtieġa reviżjoni urġenti.

4.Sfond u kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

4.1Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jassisti l-oqfsa ta’ politika nazzjonali, sabiex jgħin fil-ħolqien ta’ "infrastruttura bażi interoperabbli tal-UE sal-2025". L-għan huwa li jinħolqu kurituri tat-trasport ewlenin li jistgħu jintużaw għal distanzi twal u bejn il-fruntieri, diment li jkun hemm qbil mill-partijiet interessati kollha.

4.2L-UE tixtieq taċċelera l-installazzjoni f'żewġ oqsma. L-ewwel nett, fin-netwerks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T. It-tieni, il-prijorità hija li jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet tal-infrastruttura f'żoni urbani u suburbani.

4.3Il-miżuri huma maħsuba li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi, l-industriji u l-awtoritajiet pubbliċi abbażi tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-industrija. Għandu jkun hemm livell sostenibbli ta' vetturi u bastimenti disponibbli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-provvista u d-domanda.

4.4L-elettriku bħala infrastruttura tal-fjuwils alternattivi sar il-prijorità ewlenija fl-UE. Madankollu, il-progress fl-installazzjoni tal-infrastruttura meħtieġa għall-vetturi elettriċi sal-2020 hu baxx; il-proporzjonijiet stmati tal-2020 ivarjaw bejn 0,1 % u 9,2 % tal-istokk tal-vetturi fi Stati Membri differenti (SWD(2017) 365 final).

4.5Il-Komunikazzjoni tagħmilha ċara li hemm ħtieġa għal approċċ integrat mil-lat ta' qafas ta' politika komuni madwar l-UE għall-vetturi, il-grilji elettriċi, l-inċentivi ekonomiċi u s-servizzi diġitali. Inkella l-kisba ta' tranżizzjoni għal mobilità b'emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet mhijiex ser tkun uniformi u ser toħloq approċċ ta' veloċitajiet differenti fost l-Istati Membri.

4.6Il-pjan jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi injettat investiment pubbliku u privat konsiderevoli. Dan jirrakkomanda t-"taħlit ta’ għotjiet mhux ripagabbli ma’ finanzjament tad-dejn ripagabbli" bħala mod ta' kif jintlaħaq il-livell għoli ta' finanzjament meħtieġ.

4.7Ġew stabbiliti żewġ fora separati mill-Kummissjoni – il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli u l-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli – bi rwoli simili, bl-għan li tinkiseb il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra.

5.Sfidi għall-forniment ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

5.1Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-diversi sfidi fil-forniment ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, u jiddeplora n-nuqqas ta’ urġenza li juru l-partijiet kollha interessati biex jindirizzawhom

5.2Hemm nuqqas gravi ta' infrastruttura meħtieġa għall-iċċarġjar u għar-riforniment tal-karburanti għall-vetturi u l-bastimenti fl-UE. Il-KESE jemmen li wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għal dan huwa żvilupp insuffiċjenti ta’ grilji intelliġenti, li joħloq sitwazzjoni fejn il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fit-tranżizzjoni.

5.3Minħabba l-progress kajman li qed jagħmlu l-partijiet kollha fl-implimentazzjoni tal-miżuri, il-KESE jikkonkludi li fost l-Istati Membri hemm varjazzjoni fl-impenn favur infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, kif joħroġ mill-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-KESE jemmen li hemm ostaklu ewlieni għall-kisba tal-għanijiet ta' sostenibbiltà tal-UE. Madankollu, fl-UE sar progress konsiderevoli fir-rigward tal-iżvilupp tal-bijokarburanti (mhux koperti mid-Direttiva tal-2014), speċjalment f’ċerti Stati Membri.

5.4Għad hemm xi inċertezzi dwar it-teknoloġija tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Dawn jinkludu l-manifattura ta’ batteriji meħtieġa fil-produzzjoni ta’ vetturi elettriċi, minħabba ż-żieda fl-ispiża tal-estrazzjoni tal-materja prima verġni meħtieġa. Għandu jitħeġġeġ l-użu ta’ materja prima rkuprata sekondarja, abbażi tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari. Bl-istess mod, il-konsumaturi għandhom defiċit fl-informazzjoni rigward is-sikurezza tal-gass kompressat, u l-użu u d-disponibbiltà tal-idroġenu. Dan it-tħassib hemm bżonn jiġi indirizzat.

5.5L-inċertezzi perċepiti fost il-konsumaturi fir-rigward tat-teknoloġija, flimkien man-nuqqas ta' informazzjoni immedjata dwar it-tqabbil tal-prezzijiet, ġew identifikati bħala sfida konsiderevoli għall-adozzjoni mill-konsumaturi. (Studju tal-UE dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-"Direttiva dwar l-Installazzjoni tal-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi" (Jannar 2017). Huma jaraw ukoll limitazzjonijiet reali mil-lat ta' vjaġġi twal, b’mod partikolari f’żoni rurali. Dan huwa ostaklu ewlieni għas-suċċess.

5.6L-ispiża għolja tat-tranżizzjoni fiż-żoni rurali hija fattur projbittiv sinifikanti fil-kisba tal-installazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Bl-istess mod, għandu jiġi rikonoxxut b'urġenza li l-partijiet interessati jonqsu milli jinkoraġġixxu b'mod proattiv il-forniment ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi xierqa għall-ħtiġijiet differenti tal-agrikoltura u tas-sewqan għal distanza twila f'żoni li fihom postijiet rurali mferrxin.

5.7Ix-xewqa li jitħalltu l-mekkaniżmi ta' finanzjament pubbliku u privat ser tiddependi mill-issodisfar tal-ħtiġijiet differenti tal-investituri pubbliċi u privati. It-tpaċija ta’ dawn il-ħtiġijiet, b’mod partikolari meta jkun hemm aspettattivi diverġenti fost is-sorsi pubbliċi u privati, tista' ddewwem il-progress.

5.8Il-pjan ta' azzjoni huwa kkonċernat l-aktar mill-kisba tat-tranżizzjoni fiċ-ċentri urbani ewlenin tal-popolazzjoni. Parti mir-raġuni għal dan hija li t-teknoloġija għall-iċċarġjar għadha limitata, u peress li l-vjaġġi rurali għandhom tendenza li jkunu itwal, jeħtieġ li l-punti tal-iċċarġjar ikunu disponibbli aktar frekwenti. Bl-istess mod, il-KESE jinnota li l-installazzjoni tal-infrastruttura meħtieġa fiż-żoni rurali tirrikjedi aktar attenzjoni.

5.9Il-pjan ta' azzjoni jiddependi fuq livell għoli ta' impenn minn kull Stat Membru sabiex jiġi żgurat li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali rispettivi tagħhom jiġu implimentati fil-ħin u b'mod effiċjenti.

5.10Sabiex tinkoraġġixxi dan, il-Kummissjoni stabbiliet Forum dwar it-Trasport Sostenibbli, li jlaqqa’ flimkien ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, tas-settur tat-trasport u tas-soċjetà ċivili, bl-għan li tinkiseb l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

6.Kummenti tal-KESE

6.1Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-oqfsa nazzjonali ta’ politika jonqsu biċ-ċar milli juru kwalunkwe ambizzjoni reali sabiex jagħmlu progress verament sinifikanti fl-installazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Il-biża' li hemm probabbiltà kbira li l-miri kollha ma jintlaħqux jagħti x’jifhem li hemm ħtieġa urġenti li tiġi riveduta din l-istrateġija u li jsiru rakkomandazzjonijiet fuq mudell li jirnexxi. Minkejja dan, jeħtieġ li jiġu nnotati d-diversi fehmiet dwar fjuwils differenti fi Stati Membri u swieq differenti. Pereżempju, l-LNG u s-CNG ma jitqisux li huma alternattivi raġonevoli għal infrastruttura ġdida fil-pajjiżi Nordiċi fejn, mill-banda l-oħra, il-bijokarburanti huma ta’ suċċess kbir u promossi. F’partijiet oħra tal-UE l-preferenza għal fjuwils differenti hija għalkollox differenti.

6.2Il-maturità teknika għandha tiġi kkunsidrata wkoll. Pereżempju l-idroġenu għadu fl-ewwel fażijiet tal-ittestjar f’bosta swieq. L-istess fil-każ tal-propulsjoni bil-batterija elettrika għal vetturi tqal fuq distanzi itwal bħall-kurituri tat-TEN-T. Għal vetturi bħal dawn l-iċċarġjar tal-batterija x’aktarx huwa inqas vijabbli fuq perjodu medju ta’ żmien. Madankollu, f’diversi Stati Membri qed isir ittestjar wkoll għall-propulsjoni bil-batterija elettrika għal trakkijiet tqal permezz ta’ kejbils sospiżi jew binarji fil-wiċċ tat-triq (e‑highways, eċċ.). Din l-infrastruttura ma tissemma xejn fil-pjan ta’ azzjoni, iżda fil-preżent jeħtieġ titqies bħala pjuttost teknoloġikament aktar matura mill-fjuwils tal-idroġenu.

6.3L-istimi tal-investiment jeħtieġ li jipprovdu infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li tkun aċċessibbli għall-pubbliku sal-2020 li tvarja minn EUR 5,2 biljuni sa 6 biljuni. B'ħarsa lejn l-2025, din iċ-ċifra hija prevista li tilħaq minimu ta' EUR 22 biljun. Minkejja dawn l-istimi, ftit li xejn hemm evidenza li dan ser ikun biżżejjed biex jiggarantixxi suċċess biex jintlaħqu l-miri meħtieġa.

6.4Huwa possibbli li dawn l-istimi huma konservattivi wisq u jistgħu jkollhom bżonn jiġu riveduti biex titqies it-tibdil fit-teknoloġija. Għalhekk, il-KESE jilqa' bi pjaċir ix-xewqa tal-Kummissjoni li taħdem aktar mill-qrib mal-industrija awtomobilistika sabiex tfassal diversi strumenti finanzjarji li jinkoraġġixxu l-investiment privat.

6.5Il-KESE jinnota, madankollu, li strumenti bħal dawn jeħtieġ li jiżguraw li l-installazzjoni tal-infrastruttura għandha tkun ta' benefiċċju wiesa' għall-pubbliku f'termini ta' aċċess u affordabbiltà. L-aċċess fiż-żoni rurali u iżolati huwa ta' tħassib partikolari.

6.6Il-KESE jinnota li t-tassazzjoni fuq il-fjuwils attwalment hija sors sinifikanti ta' introjtu nazzjonali fl-Istati Membri kollha tal-UE. B'mod ċar, tnaqqis fid-dħul minħabba l-kisba ta' għanijiet ambjentali joħloq sfidi għall-politiki tat-tassazzjoni ta' kull Stat Membru. Għandu jkun innutat, madankollu, li l-proposta tal-Kummissjoni fil-pakkett tal-mobilità rigward il-pedaġġ tat-triq (Eurovignette, ara TEN/640) tinkludi xi opzjonijiet ġodda għall-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni permezz ta’ imposti fuq l-infrastruttura.

6.7Il-KESE jinnota li l-settur marittimu jidher bħala wieħed diffiċli biex jiġi rregolat, prinċipalment minħabba l-kuntest internazzjonali li fih isiru r-regoli u l-liġijiet. Filwaqt li t-trasport marittimu jeħtieġ li jsir proattiv fil-kooperazzjoni tiegħu mal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, huwa ċar li, fil-livell lokali, hemm potenzjal li jiġu pprovduti fjuwils alternattivi (eż. metanol u LNG), b’mod partikolari għal trasport marittimu kostali (short sea) u trasport bil-laneċ (ferries) fuq distanzi qosra. Tista’ tissemma wkoll l-infrastruttura elettrika għal operazzjonijiet mal-mollijiet.

6.8Bl-istess mod, għalkemm għandu rabta inqas diretta mal-pjan ta’ azzjoni, it-trasport bl-ajru huwa mistenni li jiżdied b’mod esponenzjali sal-2050. Il-konformità mal-miri tad-dekarbonizzazzjoni se tirrikjedi użu konsiderevoli tal-fjuwils alternattivi b'potenzjal għoli ta' ffrankar tal-gassijiet serra. Għandu jiġi kkunsidrat l-użu tal-bijofjuwils f'dan il-qasam u għandu jsir l-investiment meħtieġ abbażi ta' djalogu sinifikanti mal-partijiet interessati rilevanti kollha u mal-Kummissjoni Ewropea.

6.9Hemm ħtieġa li jiġi ssemplifikat l-investiment pubbliku u privat fl-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Għalhekk, il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament mill-UE u li jsir kull sforz possibbli għal sinerġiji sabiex il-miżuri fil-livelli nazzjonali u lokali jkunu jistgħu jżidu l-impatt tal-finanzjament mill-UE.

6.10Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi hija essenzjali għall-installazzjoni b'suċċess tal-infrastruttura. Dan jinkludi informazzjoni dwar it-tqabbil tal-prezzijiet, il-benefiċċji għas-saħħa u ambjentali, u l-interventi speċifiċi li jgħinu lil familji b'livelli ta' introjtu aktar baxx.

Brussell, 19 ta' April 2018

Luca Jahier

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

Top