Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document Ares(2025)4675309

Recommendation for a Council Decision authorizing the opening of negotiations on behalf of the European Union for the Conclusion of a new Protocol implementing the Sustainable Fisheries Partnership Agreement between the EU and Mauritania

SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Nitolbu lil dawn il-gruppi jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jipprovdulna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom.

Titolu tal-inizjattiva

Ftehim dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Mauritania – mandat ta’ negozjar għal protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid

DĠ ewlieni – unità responsabbli

DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd, l-Unità B3 Negozjati kummerċjali u ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli

Tip probabbli ta’ inizjattiva

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

Żmien indikattiv

Q3-2025

Informazzjoni addizzjonali

https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/fisheries/international-agreements/sustainable-fisheries-partnership-agreements-sfpas_en 

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Din is-sejħa għal evidenza tkopri l-evalwazzjoni tal-protokoll attwali li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mal-Mauritania 1 u l-konklużjoni possibbli ta’ protokoll ġdid.

Bħala parti mill-politika esterna tal-politika komuni tas-sajd (PKS) 2 tal-UE, il-Kummissjoni tinnegozja u timplimenta l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jippermettu lill-flotta tal-UE tistad ir-riżorsi żejda fl-ilmijiet (jew fiż-żona ekonomika esklużiva) tal-pajjiż sieħeb. Min-naħa l-oħra, l-UE tagħti kumpens u assistenza finanzjarja lill-pajjiż sieħeb biex tkun tista’ taċċessa l-ilmijiet tiegħu ħalli jtejjeb il-governanza tas-sajd tiegħu (appoġġ settorjali). Il-kontribuzzjoni pubblika tal-UE hija kkomplementata b’kontribuzzjonijiet li jħallsu s-sidien tal-bastimenti tal-UE.

Il-ftehim attwali ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli ġie ffirmat fil-15 ta’ Novembru 2021, u beda jiġi applikat b’mod provviżorju minn dak iż-żmien. Ġie konkluż għal 6 snin, u mbagħad se jiġġedded awtomatikament. Il-protokoll attwali beda fis-16 ta’ Novembru 2021 u għandu sal-15 ta’ Novembru 2026.

Għall-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli, ir-Regolament Bażiku tal-PKS jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji ta’ evalwazzjoni 3 , li jiffurmaw il-bażi ta’ direttiva possibbli ta’ negozjati biex jiġi konkluż protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid.

Għalhekk, trid issir evalwazzjoni retrospettiva (evalwazzjoni ex post) li tkopri l-perjodu mill-2021 sal-lum u evalwazzjoni prospettiva (evalwazzjoni ex ante) għal possibbiltà ta’ protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid.

L-evalwazzjoni retrospettiva se tanalizza l-iżviluppi fil-politika tas-sajd tal-Mauritania u fis-settur lokali tas-sajd. Din se tivvaluta l-attivitajiet tas-sajd tal-flotta tal-UE, l-impatt tal-ħatt l-art fuq l-ipproċessar u fuq il-kummerċ tal-prodotti tas-sajd u kif jitqiesu l-interessi tan-negozji tal-UE. Se tħares ukoll lejn ir-riżultati u l-prestazzjoni tal-appoġġ settorjali kif ukoll lejn l-impatt tiegħu fuq il-Mauritania.

Se tgħin lill-UE u lill-Mauritania jaslu għal konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni tal-protokoll f’termini ta’ effettività, effiċjenza, rilevanza, koerenza, aċċettabbiltà, impatt u valur miżjud għaż-żewġ partijiet.

L-evalwazzjoni prospettiva se tivvaluta l-ħtiġijiet attwali u futuri u se tagħti ħarsa lejn il-protokoll attwali u lejn ir-riżultati tal-evalwazzjoni retrospettiva. Din se tgħin biex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi li għandu jinkludi protokoll ġdid. L-evalwazzjoni se tqis ukoll l-aspetti reġjonali 4 u ftehimiet oħra ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli 5 konklużi fir-reġjun.

L-evalwazzjonijiet huma mistennija li se jitlestew fit-tielet trimestru tal-2025. Ir-rapport finali se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u se jkun disponibbli fuq is-siti web rilevanti (l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea 6 u l-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Oċeani u s-Sajd) 7 . 

Dan se jikkoinċidi mal-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Mauritania (ippjanat għall-aħħar trimestru tal-2025).

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

L-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi l-attivitajiet tas-sajd sostenibbli mill-flotta tal-UE fl-ilmijiet tal-Mauritania.

Skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament Bażiku tal-PKS, il-flotta tal-UE ma tistax tistad jekk ma jkunx hemm ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn il-Mauritania u l-UE. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi nnegozjat protokoll ġdid biex hekk kif il-protokoll attwali jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2026, il-flotta tal-UE tkun tista’ tistad fl-ilmijiet tal-pajjiż malajr kemm jista’ jkun.

Il-ftehim huwa importanti għall-UE u għall-Mauritania. Dan jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-Mauritania u jappoġġa b’mod sinifikanti s-sajd u l-governanza marittima tal-pajjiż. Dan jifforma parti minn sensiela ta’ ftehimiet dwar is-sajd li jippermettu s-sajd ta’ speċijiet pelaġiċi żgħar, demersali u krustaċji.

Il-protokoll attwali jippermetti massimu ta’ 100 bastiment, li jtajru l-bandiera tal-Latvja, tal-Litwanja, tan-Netherlands, tal-Polonja, tal-Portugall, ta’ Spanja u ta’ Franza, joperaw matul is-sena kollha fl-ilmijiet tal-Mauritania.

Tul il-perjodu kopert mill-protokoll, l-UE se tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja totali ta’ madwar EUR 304 miljun.

Il-bastimenti tal-UE huma interessati fis-sostenibbiltà tal-ispeċijiet pelaġiċi żgħar u demersali, filwaqt li jiżguraw sajd responsabbli biex jiġu appoġġati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Dan iqis l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikolari mill-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti għall-ġestjoni tas-sajd.

Il-Mauritania għandha interess li ġġedded il-protokoll biex tkompli tiżviluppa s-settur tas-sajd tagħha b’mod sostenibbli. Protokoll ġdid ikun ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni tal-Mauritania billi jipprovdi dħul ekonomiku u opportunitajiet ta’ impjiegi permezz tal-preżenza u tal-ħatt l-art possibbli tal-flotta tal-UE.

Dan jgħin ukoll biex jinħolqu negozji, taħriġ vokazzjonali, u programmi mmirati lejn l-iżvilupp u l-immodernizzar tas-settur tas-sajd b’mod sostenibbli. Il-protokoll ta’ implimentazzjoni jrid ikun trasparenti u jinkludi klawżoli dwar in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

Din l-inizjattiva taqa’ taħt qasam ta’ politika (il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-PKS) li fiha l-UE għandha setgħat esklużivi (skont l-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

Peress li l-Istati Membri mhumiex intitolati jinnegozjaw ftehimiet dwar is-sajd ma’ pajjiżi mhux tal-UE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Skont il-PKS tal-UE, il-Kummissjoni tinnegozja u timplimenta l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

B. X’inhu l-għan tal-inizjattiva u kif se tiksbu?

Dan il-ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli u l-protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu mal-Mauritania għandhom l-objettivi li:

•jgħinu biex jissoktaw l-attività tal-flotot tal-UE u l-impjiegi marbuta mal-flotot permezz tal-qafas tal-ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli mal-Mauritania.

•jippromwovu s-sostenibbiltà tar-riżorsi u ambjentali permezz ta’ sfruttament razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar tal-Mauritania. 

•jappoġġaw l-iżvilupp ta’ settur tas-sajd sostenibbli fil-Mauritania.

•jippromwovu riċerka xjentifika biex jiġi appoġġat is-sajd sostenibbli fil-Mauritania.

L-analiżi tal-għażliet ta’ politika se ssir bħala parti mill-istudju tal-evalwazzjoni prospettiva. Din se tivvaluta x-xenarji li ġejjin.

•L-ebda protokoll ġdid – skont il-klawżola ta’ esklużjoni tal-ftehim attwali, il-bastimenti tal-UE ma jitħallewx jistadu fl-ilmijiet tal-Mauritania.

•Protokoll attwali – negozjar ta’ protokoll ġdid li jżomm il-karatteristiċi tal-protokoll attwali.

•Protokoll imtejjeb – b’analiżi dettaljata tal-karatteristiċi kollha meħtieġa għal dan il-ftehim speċifiku u għall-ħtiġijiet kemm tal-Mauritania kif ukoll tal-flotta tal-UE.

Impatti probabbli

Protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid se jkompli joffri opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Mauritania lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiżi tal-UE.

L-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli tippromwovi governanza tajba, tappoġġa lis-settur tas-sajd lokali u tgħin:

(I)il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tas-sajd 

(II)l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-komunitajiet kostali 

(III)il-promozzjoni tar-riċerka xjentifika biex jiġi appoġġat is-sajd sostenibbli fil-Mauritania 

(IV)il-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 tan-NU “Il-Ħajja Taħt l-Ilma” 8 .

Monitoraġġ fil-futur

Il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jinkludu l-obbligi għall-użu sostenibbli tar-riżorsi, għat-tisħiħ tal-kapaċità lokali fir-rigward tar-riċerka xjentifika, u għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd.

Kumitat konġunt, stabbilit fil-ftehim u fil-protokoll tiegħu, jissorvelja l-implimentazzjoni u jiżgura li jitħarsu r-regoli fil-protokoll. Kull sena, dan il-kumitat se jeżamina l-attivitajiet tas-sajd u jirrapporta dwar l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Din l-inizjattiva ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt peress li tistabbilixxi approċċ ta’ politika ġenerali u ma hi impenjata lejn ebda azzjoni partikolari. Madankollu, se jsiru evalwazzjonijiet retrospettivi u prospettivi bl-użu ta’ sett ta’ mistoqsijiet għall-partijiet ikkonċernati.

Fil-każ tal-evalwazzjoni retrospettiva, il-mistoqsijiet jikkonċernaw l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza, l-aċċettabbiltà, l-impatt u l-valur miżjud tal-UE tal-protokoll.

Fil-każ tal-evalwazzjoni prospettiva, il-mistoqsijiet jiffukaw fuq l-identifikazzjoni tal-problemi u tal-ħtiġijiet, l-objettivi li għandhom jinkisbu, l-għażliet disponibbli (protokoll ġdid jew l-ebda protokoll) u r-riskji assoċjati, il-valur miżjud għall-UE, u t-tagħlimiet meħuda.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

Il-partijiet ikkonċernati se jiġu kkonsultati biex jiġi żgurat li l-evalwazzjoni u n-negozjati possibbli mal-Mauritania jqisu l-fehmiet tagħhom.

Il-konsultazzjonijiet se jsiru permezz ta’ laqgħat preparatorji u ta’ intervisti mmirati ma’ dawn li ġejjin:

1.Ir-rappreżentanti tal-industriji tas-sajd u tal-ipproċessar tal-UE u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) tal-UE permezz tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal 9 ;

2.Ir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE, tal-istituti xjentifiċi u tal-industrija; barra minn hekk, se jkun hemm laqgħat tekniċi mar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

3.L-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali

4.L-awtoritajiet tas-sajd, l-industrija tas-sajd u s-soċjetà ċivili fil-Mauritania; l-evalwaturi se jagħmlu żjarat fuq il-post meta jkun meħtieġ biex jiġbru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ kwestjonarji u intervisti wiċċ imb’wiċċ biex jivvalutaw il-benefiċċji għall-gruppi differenti.

Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati se jiġu ppreżentati fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li għandu jiġi ppubblikat wara li jkun ġie ffinalizzat l-istudju tal-evalwazzjoni u qabel ma jibdew in-negozjati.

Ir-rekwiżiti legali u proċedurali għat-tħejjija ta’ ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli ġodda jwasslu għal skeda stretta li ma tħallix lok għal konsultazzjoni pubblika miftuħa. Għalhekk, se jiġu kkonsultati b’mod immirat għadd limitat ta’ partijiet ikkonċernati.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

Sabiex jiġi żgurat li l-evalwazzjoni u n-negozjati futuri dwar tiġdid possibbli tal-protokoll mal-Mauritania jqisu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u sabiex jiġi żgurat li l-eżitu jkun ftehim ġust u bbilanċjat għaż-żewġ partijiet.

Udjenza fil-mira

·Ir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-istituti xjentifiċi, tal-industriji tas-sajd u tal-ipproċessar tal-UE, tal-NGOs rilevanti tal-UE, u tal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali.

·L-awtoritajiet tas-sajd, l-istituti xjentifiċi, l-industrija tas-sajd (is-sajd u l-ipproċessar) u s-soċjetà ċivili fil-Mauritania.

(1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1448 tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 228, 2.9.2022, p. 2, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1448/oj ).
(2)       L-Artikoli 31 u 32 tar- Regolament Bażiku tal-PKS (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE .
(3)      L-Artikolu 31(10) tar- Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE.
(4)       https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/f0a62c9e-ab57-11ed-b508-01aa75ed71a1
(5)      Ara l-lista sħiħa tal-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli:  https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/fisheries/international-agreements/sustainable-fisheries-partnership-agreements-sfpas_en
(6)       https://op.europa.eu/mt/home
(7)       https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/publications-list_en
(8)   l-Għan 14 Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (un.org)
(9)   http://ldac.eu/
Top