DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
tal-16.5.2025
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/413 fir-rigward tal-lokazzjoni tal-infrastruttura terrestri tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,
Billi:
(1)L-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 2021/696 jipprevedi li l-Kummissjoni jkollha r-responsabbiltà kumplessiva għall-programm Galileo u jagħtiha setgħat ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-lokazzjoni tal-infrastruttura terrestri tas-sistema skont dan il-programm u tiżgura l-operat tiegħu. Din l-infrastruttura magħmula minn ċentri u stazzjonijiiet terrestri.
(2)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/413 2 , tipprevedi fl-Anness tagħha lista eżawrjenti ta’ ċentri terrestri u ta’ siti remoti; Stazzjonijiet tas-Sensers ta’ Galileo (“GSS”, Galileo Sensor Stations), Stazzjonijiet Uplink (“ULS”, Uplink Stations), Telemetrija u Telekmand (“TTC”, Telemetry and Telecommand), Tfittxija u Salvataġġ (“SAR”, Search and Rescue) u Ċentru tas-Servizzi GNSS (“GSC”, GNSS Service Centre).
(3)Fl-2017, ġie varat l-istazzjon TTC f’Papeete (il-Polineżja Franċiża).
(4) Sabiex jiġi ffaċilitat it-titjib fl-operat tas-sistema, jenħtieġ li jiġu stabbiliti stazzjonijiet GSS addizzjonali.
(5)L-għażla tal-post għas-sostituzzjoni tal-istazzjon GSS ta’ Ascension kienet soġġetta għal proċedura miftuħa u trasparenti. L-ewwel nett, l-identifikazzjoni preliminari ta’ siti xierqa wasslet biex jintgħażlu applikazzjonijiet minn Franza u min-Netherlands. Imbagħad, biex tiddeċiedi bejn dawn iż-żewġ applikazzjonijiet, iż-żewġ Stati Membri ġew mistiedna jissottomettu proposti dettaljati. Fl-aħħar nett, wara li evalwat dawk il-proposti skont il-kriterji tas-sikurezza, tar-riskji, tal-iskeda u tal-kostijiet, permezz ta’ kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, il-proposta tan-Netherlands kienet l-iktar waħda adegwata minħabba li l-arkitettura u d-disinn tal-bini fuq is-sit ta’ Bonaire ġew ottimizzati bis-sħiħ biex jiżguraw il-loġistika tas-sistema skont il-programm Galileo. Iċ-ċentru għandu jiġi stabbilit fl-aħħar trimestru tal-2024 u jenħtieġ li jkun soġġett għal ftehim man-Netherlands.
(6)Fl-2020, minħabba li ġiet identifikata l-ħtieġa li jkun hemm mill-inqas sitt TTCs operazzjonali biex jappoġġaw il-kostellazzjoni fil-perspettiva ta’ żviluppi futuri pjanati, ġie deċiż li titnieda l-proċedura li tistieden lill-Istati Membri jippreżentaw il-proposti tagħhom permezz ta’ espressjonijiet ta’ interess għall-forniment ta’ post potenzjali biex jiġi installat stazzjon TTC addizzjonali. Is-selezzjoni kienet soġġetta għal proċedura miftuħa u trasparenti maqsuma f’erba’ stadji: espressjoni ta’ interess mill-Istati Membri, tnedija ta’ stedina għall-offerti, proċedura tal-bord tas-selezzjoni, u firma tal-kuntratt. Il-proċedura wasslet biex tintgħażel il-proposta tal-Italja li l-istazzjon TTC addizzjonali jiġi installat f’Fucino.
(7)Fl-2020, ġie varat l-istazzjon GSS f’Wallis (Wallis u Futuna).
(8)Fl-2021, ġie ffinalizzat il-varar ta’ stazzjon MEOLUT SAR f’La Réunion.
(9)Fl-2022 ġiet identifikata l-ħtieġa li ċ-Ċentru tas-Servizzi Galileo u ċ-Ċentru tas-Servizzi SAR ma jibqgħux neċessarji, u ċ-ċentru tas-servizzi SAR diġà magħżul f’Toulouse (Franza) u ċ-Ċentru tas-Servizzi GNSS f’Madrid (Spanja) ġew assenjati biex jipprovdu l-backup reċiproku meħtieġ biex tiġi żgurata r-robustezza tas-servizzi.
(10)Fl-2023, ġie varat sinjal ta’ referenza SAR wieħed fi Greenland (id-Danimarka) biex isaħħaħ il-Monitoraġġ SAR fit-truf taż-żona ta’ kopertura u jrendi s-sistema eżistenti mhux neċessarja.
(11)Fl-2025, is-sjieda tal-Antenna tat-TTC f’Redu (il-Belġju), li s’issa kienet qed tappoġġa l-programm Galileo bħala servizz, trid tiġi ttrasferita mill-Aġenzija Spazjali Ewropea għall-Unjoni.