This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 13b55163-96e1-11eb-b85c-01aa75ed71a1
Communication from the Commission to the Member States on the application of Articles 107 and 108 of the Treaty on the Functioning of the European Union to short-term export-credit insurance (Text with EEA relevance)Text with EEA relevance
Consolidated text: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE
28/01/2021
02012XC1219(01) — MT — 28.01.2021 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (ĠU C 392 19.12.2012, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
C 398 |
6 |
22.12.2012 |
||
C 372 |
1 |
19.12.2013 |
||
C 215 |
1 |
1.7.2015 |
||
C 244 |
1 |
5.7.2016 |
||
C 206 |
1 |
30.6.2017 |
||
C 225 |
1 |
28.6.2018 |
||
C 457 |
9 |
19.12.2018 |
||
C 401 |
3 |
27.11.2019 |
||
C 101I |
1 |
28.3.2020 |
||
C 224 |
2 |
8.7.2020 |
||
C 340I |
1 |
13.10.2020 |
||
C 34 |
6 |
1.2.2021 |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2012/C 392/01
1. DAĦLA
1. Is-sussidji fuq l-esportazzjoni jistgħu jaffettwaw ħażin il-kompetizzjoni fis-suq fost fornituri potenzjalment rivali ta' merkanzija u servizzi. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tal-kompetizzjoni skont it-Trattat, dejjem ikkundannat bil-qawwa l-għajnuna għall-esportazzjoni mogħtija lill-kummerċ li jsir fl-Unjoni u lill-esportazzjoni barra mill-Unjoni. Sabiex l-appoġġ tal-Istati Membri favur l-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu ma joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-valutazzjoni tiegħu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
2. Il-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha li tirregola l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir biex tindirizza d-distorsjonijiet attwali jew potenzjali fil-kompetizzjoni fis-suq intern, mhux biss bejn esportaturi fi Stati Membri differenti (fil-kummerċ fl-Unjoni u barra minnha), iżda wkoll bejn assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni li joperaw fl-Unjoni. Fl-1997 il-Kummissjoni stabbiliet il-prinċipji għall-intervent mill-Istat fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 93(1) tat-Trattat tal-KE, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir ( 1 ) (“il-Komunikazzjoni tal-1997”). Il-Komunikazzjoni tal-1997 kellha tapplika għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 1998. Din kienet sussegwentement emendata u l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha ttawwal fl-2001 ( 2 ), fl-2004 ( 3 ), fl-2005 ( 4 ) u fl-2010 ( 5 ) Issa tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2012.
3. L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-1997, partikolarment matul il-kriżi finanzjarja bejn l-2009 u l-2011, tissuġġerixxi li l-politika tal-Kummissjoni f'dan il-qasam għandha tiġi riveduta.
4. Ir-regoli stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni se jgħinu biex ikun żgurat li l-għajnuna mill-Istat ma tfixkilx il-kompetizzjoni fost assiguraturi għall-esportazzjoni bi kreditu li jkunu appoġġjati b’mod privat u pubbliku jew b’mod pubbliku u jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-esportaturi.
5. Għandha l-għan li tipprovdi lill-Istati Membri gwida aktar dettaljata dwar il-prinċipji li fuqhom il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat u l-applikazzjoni tagħhom għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir. Din il-Komunikazzjoni għandha tagħmel il-politika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam trasparenti kemm jista’ jkun u tiżgura li jkun hemm prevedibbiltà u trattament ugwali. Għal dak il-għan, tistabbilixxi sett ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti meta l-assiguraturi mill-Istat ikunu jixtiequ jidħlu fis-suq tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu fuq perjodu qasir f'dak li jirrigwarda r-riskji kummerċjabbli.
6. F’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġu żgurati l-kontinwità u ċ-ċertezza legali fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir, huwa meqjus xieraq li l-Komunikazzjoni attwali tiġi applikata sal-31 ta’ Diċembru 2021. Dan se jallinja d-data tal-iskadenza tagħha ma’ dik tal-maġġoranza tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat adottati skont il-programm għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.
7. It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni u d-definizzjonijiet użati fiha. It-Taqsima 3 tittratta l-applikabilità tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u l-projbizzjoni ġenerali fuq l-għajnuna mill-Istat favur l-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu ta’ riskji kummerċjabbli. Fl-aħħarnett, it-Taqsima 4 tipprovdi xi eċċezzjonijiet mid-definizzjoni ta’ riskji kummerċjabbli u tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-intervent min-naħa tal-Istat fl-assigurazzjoni ta’ dawk ir-riskji li temporanjament ma jkunux kummerċjabbli.
2. L-AMBITU TAL-KOMUNIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
2.1. L-Ambitu
8. Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni biss fir-rigward tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu li jkollha perjodu ta' riskju ta' anqas minn sentejn. L-istrumenti finanzjarji l-oħrajn kollha tal-esportazzjoni huma esklużi mill-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni.
2.2. Definizzjonijiet
9. Għall-għanijiet ta’ din il-Komunikazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
3. L-APPLIKABBILTÀ TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT
3.1. Prinċipji Ġenerali
10. L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipula li “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew certi produtturi għandha, safejn tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”
11. Jekk l-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu tkun pprovduta minn assiguraturi tal-Istat, din tkun tinvolvi riżorsi tal-Istat. L-involviment tal-Istat jista’ jagħti l-assiguraturi u/jew lill-esportaturi vantaġġ selettiv u għalhekk jista’ joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-prinċipji li ġejjin huma maħsuba biex jipprovdu gwida dwar kif dawn il-miżuri ser jiġu vvalutati skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
3.2. Għajnuna għal assiguraturi
12. Jekk l-assiguraturi mill-Istat ikollhom ċerti vantaġġi meta mqabbla ma’ assiguraturi tal-kreditu privati, jista’ jkun li tkun involuta l-għajnuna mill-Istat. Il-vantaġġi jistgħu jieħdu suriet differenti, u jistgħu jinkludu, pereżempju:
garanziji mill-Istat għas-self u t-telf;
eżenzjoni mir-rekwiżit li jiġu kostitwiti riżervi xierqa u mill-ħtiġijiet l-oħrajn li ġejjin mill-esklużjoni ta' operazzjonijiet ta' assigurazzjoni ta' esportazzjonijiet bi kreditu tal-Istat jew iggarantiti mill-Istat mill-Ewwel Direttiva 73/239/KEE tal-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assikurazzjoni diretta barra mill-assikurazzjoni tal-ħajja ( 6 );
ħelsien jew eżenzjoni minn taxxi li normalment għandom jitħallsu (bħal taxxi tal-kumpannija u taxxi imposti fuq poloz tal-asssigurazzjoni),
għoti ta’ għajnuna jew ta’ kapital mill-Istat jew forom oħrajn ta’ ffinanzjar li ma jkunux konformi mal-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq;
għoti mill-Istat ta’ servizzi in natura, bħal aċċess għall-infrastruttura tal-Istat u l-użu tagħha, faċilitajiet jew informazzjoni privileġġata, b'kundizzjonijiet li ma jirriflettux il-valur tagħhom fis-suq;
riassigurazzjoni diretta mill-Istat jew garanzija ta' riassigurazzjoni diretta mill-Istat b'kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk disponibbli fis-suq tar-riassigurazzjoni privata, li jwasslu biex ikun hemm prezzijiet eċċessivament baxxi għall-polza tar-riassigurazzjoni jew biex tinħoloq artifiċjalment kapaċità li ma tkunx disponibbli fis-suq privat.
3.3. Projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-esportazzjoni bi kreditu
13. Il-vantaġġi għal assiguraturi tal-Istat elenkati fil-punt 12 fir-rigward ta’ riskji kummerċjabbli jaffettwaw il-kummerċ fl-Unjoni fis-servizzi tal-assigurazzjoni ta' kreditu. Huma jwasslu biex ikun hemm varjazzjonijiet fil-kopertura ta' assigurazzjoni disponibbli fi Stati Membri differenti fir-rigward tar-riskji kummerċjabbli. Dan joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-assiguraturii fi Stati Membri differenti u għandu effetti sekondarji fuq il-kummerċ fl-Unjoni irrispettivament minn jekk jinvolvix esportazzjoni fl-Unjoni stess jew esportazzjoni barra l-Unjoni ( 7 ). Huwa meħtieġ li jkunu definiti l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom l-assiguraturi tal-Istat jistgħu joperaw jekk ikollhom xi tali vantaġġi meta mqabbel ma’ assiguraturi privati tal-kreditu biex jiżguraw li ma jibbenefikawx mill-għajnuna tal-Istat. Dan jeħtieġ li huma ma jkunux jistgħu jassiguraw riskji kummerċjabbli.
14. Il-vantaġġi għall-assiguraturi tal-Istat xi drabi jistgħu wkoll jiġu mgħoddija fuq l-esportaturi, għall-anqas parzjalment. Dawn il-vantaġġi jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ u huma għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madankollu, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu fir-rigward ta' riskji kummerċjabbli, kif stipulat fit-Taqsima 4.3 ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-ebda vantaġġ żejjed ma jkun ingħata lill-esportaturi.
4. IL-KUNDIZZJONIJIET BIEX TIĠI PPROVDUTA ASSIGURAZZJONI GĦALL-ESPORTAZZJONI BI KREDITU FIR-RIGWAD TA' RISKJI LI TEMPORANJAMENT MA JKUNUX KUMMERĊJABBLI
4.1. Prinċipji Ġenerali
15. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli tapplika l-Komunikazzjoni attwali sal-31 ta’ Diċembru 2021.
16. Stati Membri li jipprovdu kopertura ta’ riassigurazzjoni lil assiguratur li jipprovdi assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu permezz ta’ parteċipazzjoni jew involviment fi trattati ta’ riassigurazzjoni fis-settur privat li jkopru kemm ir-riskji kummerċjabbli kif ukoll ir-riskji mhux kummerċjabbli għandhom ikunu f'pożizzjoni li jagħtu prova li l-arranġamenti ma jinvolvux l-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-punt 12(f).
17. L-assiguraturi tal-Istat jistgħu jipprovdu assigurazzjoni għall-esportazzjonijiet bi kreditu fir-rigward ta' riskji li temporanjament ma jkunux kummerċjabbli, sakemm dan ikun suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni.
4.2. L-eċċezzjonijiet għad-definizzjoni ta’ riskji kummerċjabbli: riskji li temporanjament ma jkunux kummerċjabbli
18. Minkejja d-definizzjoni ta’ riskji kummerċjabbli, ċerti riskji kummerċjali u politiċi li jġarrabu x-xerrejja stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Anness jitqiesu li temporanjament ma jkunux kummerċjabbli fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li temporanjament tneħħi pajjiż jew aktar pajjiżi mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fl-Anness, permezz tal-mekkaniżmu deskritt fit-taqsima 5.2, minħabba li l-kapaċità tas-suq privat tal-assigurazzjoni ma tkunx biżżejjed biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli fil-pajjiż jew pajjiżi kkonċernati;
jekk il-Kummissjoni, wara li tkun rċeviet notifika minn Stat Membru, tiddeċiedi li r-riskji mġarrba mill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar it-tifsira ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju ( 8 ), b' fatturat totali annwali tal-esportazzjoni li ma jkunx iktar minn EUR 2 miljuni, huma temporanjament mhux kummerċjabbli għal esportaturi fl-Istat Membru li jinnotifika;
jekk il-Kummissjoni, wara li tkun irċeviet notifika minn Stat Membru, tiddeċiedi li kopertura ta’ riskju wieħed tkopri perjodu ta' mill-inqas 181 jum u inqas minn sentejn hija temporanjament mhux kummerċjabbli għal esportaturi fl-Istat Membru li jinnotifika;
jekk il-Kummissjoni, wara li tkun irċeviet notifika minn Stat Membru, tiddeċiedi li minħabba nuqqas ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu, ċerti riskji huma temporanjament mhux kummerċjabbli għal esportaturi fl-Istat Membru li jinnotifika.
19. Sabiex jiġu minimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ir-riskji meqjusa temporanjament mhumiex kummerċjabbli speċifikati skont il-punt 18 jistgħu jkunu koperti minn assiguraturi tal-Istat, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet fit-taqsiam 4.3.
4.3. IL-kundizzjonijiet biex tiġi pprovduta kopertura għal riskji li temporanji ma jkunux kummerċjabbli
4.3.1. Il-kwalità tal-kopertura
20. Il-kwalità tal-kopertura offruta minn assiguraturi tal-Istat għandha tkun konsistenti mal-istandards tas-suq. B'mod partikolari, jistgħu jkunu koperti biss ir-riskji ekonomikament ġustifikati, jiġifieri riskji li huma aċċettabbli fuq il-bażi ta' prinċipji ta’ sottoskrizzjoni sodi. Il-perċentwali massima ta’ kopertura għandha tkun 95 % għal riskji kummerċjali u riskji politiċi u l-perjodu ta’ stennija tal-klejms għandu jkun mill-inqas 90 ġurnata.
4.3.2. Il-prinċipji ta’ sottoskrizzjoni
21. Fil-valutazzjoni tar-riskji, dejjem għandhom jiġu applikati prinċipji sodi ta’ sottoskrizzjoni. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet finanzjarment mhux sodi m'għandhomx ikunu eliġibbli għal kopertura permezz tal-iskemi appoġġati pubblikament. Fir-rigward ta’ prinċipji bħal dawn, il-kriterji għall-aċċettazzjoni tar-riskji għandhom ikunu espliċiti. Jekk tkun diġà teżisti relazzjoni kummerċjali, l-esportaturi għandu jkollhom esperjenza pożittiva ta’ skambju u/jew ta' ħlas. Jeħtieġ li x-xerrejja jkollhom rekord nadif tal-klejms, il-probabbiltà ta’ inadempjenza tax-xerrejja għandha tkun aċċettabbli u l-gradazzjonijiet finanzjarji interni u/jew esterni tagħhom jeħtieġ ukoll li jkunu aċċettabbli.
4.3.3. Ipprezzar adegwat
22. It-teħid ta’ riskju fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għandu jkun ikkumpensat permezz ta’ primjum xieraq. Biex jiġi minimanizzat l-effett li jinqalgħu barra assiguraturi tal-kreditu privati, il-medja ta' primjums taħt skemi appoġġati pubblikament għandha tkun ogħla mill-medja tal-primjums mitluba minn assiguraturi ta' kreditu privati għal riskji simili. Dan ir-rekwiżit jiżgura li l-interventi mill-Istat jitneħħew gradwalment, minħabba li l-primjum ogħla se jiżgura li l-esportaturi jerġħu lura għall-assiguraturi privati malli l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettulhom u r-riskju jsir kummerċjabbli mill-ġdid.
23. L-ipprezzar jitqies adegwat jekk jintalab il-ħlas tal-primjum minimu ( 9 ) (“il-primjum fil-limitu tal-eżenzjoni”) għall-kategorija rilevanti ta’ riskju tax-xerrejja ( 10 ) kif stipulat fit-tabella li ġejja. Il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni japplika sakemm l-Istati Membri jipprovdu evidenza li dawn ir-rati mhumiex xierqa għal każ inkwistjoni. Għal politika sħiħa tal-bejgħ, il-kategorija tar-riskju għandha tikkorrispondi mal-medja tar-riskju tax-xerrejja koperti mill-polza.
Kategorija tar-riskju |
Il-Primjum annwali tar-riskju (1) (% ta’ volum assigurat) |
Eċċellenti (2) |
0,2-0,4 |
Tajba (3) |
0,41-0,9 |
Sodisfaċenti (4) |
0,91-2,3 |
Dgħajfa (5) |
2,31-4,5 |
(1)
Il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni għal kuntratt tal-assigurazzjoni ta’ 30 jum jista’ jinkiseb billi l-primjum annwali jiġi diviż fi tnax-il parti.
(2)
Il-kategorija ta’ riskju eċċellenti tinkludi riskji ekwivalenti għal AAA, AA +, AA, AA-, A+, A, A- fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor.
(3)
Il-kategorija ta’ riskju tajjeb tinkludi riskji ekwivalenti għal BBB+, BBB jew BBB- fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor.
(4)
Il-kategorija ta’ riskju sodisfaċenti tinkludi riskji ekwivalenti għal BB+, BB jew BB- fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor.
(5)
Il-kategorija ta’ riskju dgħajef tinkludi riskji ekwivalenti għal B+, B jew B- fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor. |
24. Fir-rigward tal-koassigurazzjoni, is-sehem tal-kwota u l-kopertura supplementari, l-ipprezzar jitqies adegwat biss jekk il-primjum mitlub ikun mill-anqas 30 % ogħla mill-premium għall-kopertura (oriġinali) provduta minn assiguratur ta' kreditu privat.
25. Għandha tiżdied miżata ta’ amministrazzjoni mal-primjum tar-riskju, irrispettivament mit-tul ta' żmien tal-kuntratt, sabiex il-prezz jitqies xieraq.
4.3.4. Trasparanza u rappurtar
26. L-Istati Membri jridu jippubblikaw l-iskemi stabbiliti għar-riskji li temporanjament jitqiesu mhux kummerċabbli skont il-punt 18 fuq il-websajts tal-assiguraturi tal-Istat, fejn jispeċifikaw il-kundizzjonijiet kollha applikabbli.
27. Huma jridu jressqu rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar riskji li jitqiesu temporanjament mhux kummerċabbi skont il-punt 18 u li huma koperti mill-assuguraturi tal-Istat. Dan jeħtieġ li jsir sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena wara li jkun sar l-intervent.
28. Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar l-użu ta’ kull skema, inkluż b'mod partikolari l-volum totali tal-limiti ta’ kreditu mogħtija, il-fatturat assigurat, il-primjums imposti, il-klejms irreġistrati u mħallsa, l-ammonti rkuprati u l-ispejjeż amministrattivi tal-iskema. Il-Kummissjoni tippubblika r-rapporti fuq il-websajt tagħha.
5. KWISTJONIJIET PROĊEDURALI
5.1. Prinċipji Ġenerali
29. Ir-riskji speċifikati fil-punt 18(a) jistgħu jiġu koperti minn assiguraturi tal-Istat, billi jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-taqsima 4.3. Il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata f'każijiet bħal dawn.
30. Ir-riskji speċifikati fil-punt 18(b), (c) u (d) jistgħu jiġu koperti minn assiguraturi tal-Istat, billi jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-taqsima 4.3 u wara li jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni u approvati minnha.
31. In-nuqqas li tiġi sodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fit-taqsima 4.3 ma jfissirx li l-assigurazzjoni jew l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu tkun awtomatikament ipprojbita. Jekk Stat Membru jkun jixtieq imur lil hinn minn kwalunkwe kundizzjoni jew jekk ikun hemm xi dubju dwar jekk skema ppjanata ta' assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f'din il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri jridu jinnotifikataw l-iskema lill-Kummissjoni.
32. L-analiżi skont ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat ma tiġġudikax minn qabel jekk miżura partikolari hix kompatibbli ma' dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat.
5.2. Il-modifika tal-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli
33. Meta tkun qed tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti jiġġustifikax it-tneħħija temporanja ta’ pajjiż mill-lista ta’ pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli, kif stabbilit fil-punt 18(a), il-Kummissjoni tqis il-fatturi li ġejjin, skont l-ordni ta’ prijorità:
tnaqqis fil-kapaċità privata għall-assigurazzjoni ta' kreditu: b'mod partikolari, id-deċiżjoni ta' assiguratur ta’ kreditu ewlieni biex ma jkoprix riskji marbuta ma' xerrejja fil-pajjiż ikkonċernat, tnaqqis sinifikanti fl-ammonti totali assigurati jew tnaqqis sinifikanti fil-proporzjon ta’ aċċettazzjoni tal-pajjiż kkonċernat f’perjodu ta' sitt xhur;
deterjorazzjoni fil-gradazzjoni sovrana tas-settur: b’mod partikolari, bidliet għal għarrieda fil-gradazzjonijiet ta' kreditu f'perjodu ta' sitt xhur, pereżempju minħabba diversi twaqqigħ mill-aġenziji indipendenti tal-klassifikazzjoni, jew żieda kbira fis-swap ta' inadempjenza tal-kreditu;
deterjorazzjoni fil-prestazzjoni tas-settur korporattiv: b'mod partikolari, żieda qawwija ta' fallimenti fil-pajjiż ikkonċernat fuq perjodu ta’ sitt xhur.
34. Meta l-kapaċità tas-suq ma tkunx biżżejjed biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-lista ta' pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fuq talba bil-miktub ta’ mill-inqas tliet Stati Membri jew fuq inizjattiva tagħha stess.
35. Jekk l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb timmodifika l-lista ta’ pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli li tinsab fl-Anness, hija tikkonsulta u tfittex li tikseb informazzjoni mingħand l-Istati Membri, assiguraturi privati u partijiet interessati. Il-konsultazzjoni u t-tip ta’ informazzjoni mitluba titħabbar fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni normalment ma jkunx itwal minn 20 jum ta’ xogħol. Meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni tiddeċiedi li timmodifika l-lista ta’ pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli, hija tinforma lill-Istati Membri bil-miktub u tħabbar id-deċiżjoni fuq il-websajt tagħha.
36. It-tneħħija temporanja ta’ pajjiż mil-lista ta' pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli tkun valida għal mhux inqas minn 12-il xahar. Poloz tal-assigurazzjoni relatati mal-pajjiż li jkun tneħħa temporanjament li jkunu ġew iffirmati matul dak il-perjodu jistgħu jkunu validi għal mhux iktar minn 180 jum wara d-data li fiha it-tneħħija temporanja ma tibqax valida. Polzi ġodda tal-assigurazzjoni ma jistgħux jiġu ffirmati wara dik id-data. Tliet xhur qabel tiskadi t-tneħħija temporanja, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk ittawwalx il-perjodu ta' tneħħija tal-pajjiż kkonċernat minn fuq il-lista. Jekk, meta tqis il-fatturi stipulati fil-punt 33, il-Kummissjoni tiddetermina li għad m'hemmx biżżejjed kapaċità tas-suq biex tkopri r-riskji ekonomikament ġustifikabbli kollha, tista’ ttawwal it-tneħħija temporanja tal-pajjiż mil-lista, skont il-punt 35.
5.3. L-obbligu ta' notifika għal eċċezzjonijiet fil-punt 18(b) u (c)
37. L-evidenza għandha disponibbli bħalissa l-Kummissjoni tissuġġerixxi li hemm nuqqas fis-suq fir-rirward tar-riskji speċifiċi fil-punt 18(b) u (c) u li dawk ir-riskji huma għalhekk mhux kummerċjabbli. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu, li mhux f'kull Stat Membru hemm nuqqas ta’ kopertura u li s-sitwazzjoni tista’ tinbidel maż-żmien, minħabba li s-settur privat jista’ jinteressa ruħu f’dan is-settur tas-suq. L-intervent mill-Istat għandu jkun permess biss fir-rigward ta' riskji li s-suq kieku ma jkoprix.
38. Għal dawn ir-raġunijiet, meta Stat Membru jkun jixtieq ikopri r-riskji speċifikati fil-punt 18(b) jew (c), għandu jinnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u fin-notifika tiegħu juri li kkuntattja lill-assiguraturi ta' kreditu u lis-sensara finanzjarji ewlenin f'dak l-Istat Membru ( 11 ) u li tahom l-opportunità li jipprovdu evidenza li l-koperta għar-riskji ikkonċernati hija disponibbli fil-pajjiż. Jekk l-assiguraturi ta' kreditu kkonċernati ma jagħtux lill-Istat Membru jew lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ kopertura u l-kwantità diġà assigurati tat-tip ta’ riskji li l-Istat Membru jrid ikopri fi żmien 30 jum minn meta jirċievu t-talba mingħand l-Istat Membru, jew jekk l-informazzjoni pprovduta ma turix li kopertura għar-riskji ikkonċernati hija disponibbli fil-pajjiż, il-Kummissjoni tqis ir-riskji temporanjament mhux kummerċjabbli.
5.4. L-obbligu ta' notifika f'każijiet oħrajn
39. Fir-rigward tar-riskji speċifikati fil-punt 18(d), jeħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat juri, fin-notifika tiegħu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, li f'dak l-Istat Membru partikolari mhemmx disponibbli kopertura għall-esportaturi minħabba xokk fil-provvista fis-suq tal-assigurazzjoni privata, b'mod partikolari minħabba l-irtirar ta’ assiguratur ta' kreditu prinċipali mill-Istat Membru kkonċernat, kapaċità mnaqqsa jew firxa limitata ta' prodotti meta mqabbel ma’ Stati Membri oħrajn.
6. ID-DATA TA’ APPLIKAZZJONI U T-TUL TA' ŻMIEN
40. Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji f’din il-Komunikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018, ħlief għall-punt 18(a) u t-taqsima 5.2, li se jiġu applikati mid-data tal-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni.
ANNESS
Lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli
Il-Kummissjoni tqis ir-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati hawn taħt bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sal-31 ta’ Diċembru 2021.
Il-Belġju |
Ċipru |
Is-Slovakkja |
Il-Bulgarija |
Il-Latvja |
Il-Finlandja |
Ir-Repubblika Ċeka |
Il-Litwanja |
L-Iżvezja |
Id-Danimarka |
Il-Lussemburgu |
L-Awstralja |
Il-Ġermanja |
L-Ungerija |
Il-Kanada |
L-Estonja |
Malta |
L-Iżlanda |
L-Irlanda |
In-Netherlands |
Il-Ġappun |
Il-Greċja |
L-Awstrija |
New Zealand |
Spanja |
Il-Polonja |
In-Norveġja |
Franza |
Il-Portugall |
L-Iżvizzera |
Il-Kroazja |
Ir-Rumanija |
Ir-Renju Unit |
L-Italja |
Is-Slovenja |
L-Istati Uniti tal-Amerka |
( 1 ) ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4.
( 2 ) ĠU C 217, 2.8.2001, p. 2.
( 3 ) ĠU C 307, 11.12.2004, p. 12.
( 4 ) ĠU C 325, 22.12.2005, p. 22.
( 5 ) ĠU C 329, 7.12.2010, p. 6.
( 6 ) ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3.
( 7 ) Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-142/87 Ir-Renju tal-Belġju vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-Qorti qalet li mhux biss l-għajnuna għall-esportazzjoni fl-Unjoni stess, iżda anki l-għajnuna għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni tista’ tinfluwenza l-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni. Iż-żewġ tipi ta’ operazzjonijiet huma assigurati minn assiguraturi ta’ esportazzjoni bi kreditu u għalhekk l-għajnuna fir-rigward tat-tnejn tista’ jkollha effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni.
( 8 ) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
( 9 ) Għal kull kategorija tar-riskju rilevanti, il-firxa ta' primjums tar-riskju li jinsabu fil-limitu ta' eżenzjoni ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ Swap ta' Inadempjenza tal-Kreditu (Credit Default Swap- CDS) fuq sena, ibbażata fuq gradazzjoni komposta li tinkludi l-gradazzjoni tat-tliet aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu ewlenin (Standard & Poor, Moody's u Fitch), għall-aħħar ħames snin (2007–2011), bl-assunzjoni li l–proporzjon tat-telf medju fir-rigward tal–assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir huwa 40 %. Il-firxiet ta' primjums sussegwentement saru kontinwi biex jilqgħu aħjar il-fatt li l-primjums tar-riskju ma jibqħux kostanti maż-żmien.
( 10 ) Il-kategoriji ta’ riskju tax-xerrejja huma bbażati fuq gradazzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, il-gradazzjonijiet mhux bilfors li jinkisbu mingħand aġenziji ta’ gradazzjoni speċifiċi. Is-sistemi nazzjonali ta’ gradazzjoni jew is-sistemi ta’ gradazzjoni użati mill-banek huma aċċettabbli wkoll. Fil-każ ta' ditti mingħajr gradazzjoni pubblika, tista' tiġi applikata gradazzjoni bbażata fuq informazzjoni verifikabbli.
( 11 ) L-assiguraturi ta' kreditu u s-sensara finanzjarji kkunttattjati għandhom ikunu rappreżentattivi f’termini tal-prodotti offruti (pereżempju, fornituri speċjalizzati għal riskji waħdenin) u d-daqs tas-suq li jkopru (pereżempju, li flimkien jirrappreżentaw sehem minimu ta’ 50 % tas-suq).