EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2021-00087-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Lejn akkwist pubbliku ċirkolari

EESC-2021-00087-AC

MT

INT/902

Lejn akkwist pubbliku ċirkolari

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Lejn akkwist pubbliku ċirkolari
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Relatur: Ferre WYCKMANS

Korelatur: Gonçalo LOBO XAVIER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20/02/2020

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

11/05/2021

Adottata fil-plenarja

09/06/2021

Sessjoni plenarja Nru

561

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

187/4/5



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Strument tal-akkwist pubbliku ċirkolari trasparenti, diġitali u kompetittiv, flimkien mal-akkwist pubbliku ekoloġiku kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni tal-UE, jaqa' taħt politiki li jippromovu l-iżvilupp tas-suq uniku, biex jitwasslu prodotti u servizzi ta' kwalità għolja liċ-ċittadini u lill-konsumaturi, u biex tiġi żviluppata kultura Ewropea tal-akkwist pubbliku innovattiva, intelliġenti, sostenibbli u soċjalment responsabbli.

1.2Il-ġestjoni tal-akkwist pubbliku hija fattur ċentrali u deċiżiv f'termini ta' żieda fl-investiment fis-settur tal-ambjent, fl-objettivi klimatiċi u fil-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli.

1.3L-akkwist pubbliku li jinkludi kriterji minimi obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku (kriterji tal-UE għall-akkwist pubbliku ekoloġiku) jagħmel parti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-politiki tal-ekonomija ċirkolari kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari.

1.4Il-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni jridu jagħtu spinta lill-akkwist pubbliku ċirkolari permezz ta' diversi strumenti bħad-Direttivi dwar l-akkwist u l-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur.

1.5L-introduzzjoni tal-akkwist pubbliku ċirkolari tħeġġeġ l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari. Ħafna mir-regoli l-ġodda bħalissa għadhom ibbażati fuq aġġustament volontarju. Il-KESE jitlob li jittieħdu aktar passi biex jiżdied l-għadd ta' ftehimiet obbligatorji. Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-qafas regolatorju jkun sempliċi, ċar u uniformi.

1.6Il-KESE huwa konvint li l-introduzzjoni ta' kriterji minimi obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku tista' tgħolli l-linja bażi ta' akkwist sostenibbli u akkwist pubbliku ċirkolari madwar l-Ewropa.

1.7Dawn il-kriterji minimi ma jaġixxux bħala ostaklu għall-atturi ewlenin jew ifixklu l-innovazzjoni, jew jagħtu skuża lill-awtoritajiet kontraenti biex imorru lil hinn mill-minimu. Il-qofol huwa li l-kriterji minimi obbligatorji jridu jiġu vverifikati u aġġornati regolarment biex iqisu l-avvanz teknoloġiku u ma jridux jillimitaw lil dawk li jmorru lil hinn minn hekk.

1.8Il-KESE huwa konvint li l-akkwist pubbliku ċirkolari se jippermetti lill-amministrazzjonijiet imorru lil hinn mill-kriterju tal-orħos prezz fil-mument tax-xiri u jevalwaw l-aspetti tal-kwalità u ċ-ċirkolarità tal-offerti u l-kwalità tax-xogħol.

1.9Il-KESE jqis li l-kwalità tal-impjieg, wieħed mill-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, trid tkun riflessa fir-rekwiżit għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi lil kumpaniji li japplikaw ftehimiet kollettivi, jew fin-nuqqas ta' dan, li jsegwu l-liġi u l-prattika nazzjonali applikabbli li jirriżultaw mill-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali. Dan se jipprevjeni d-dumping soċjali u jiżgura kompetizzjoni ġusta.

1.10Il-KESE jilqa' l-għodod ta' kejl standardizzati tal-kost taċ-ċiklu tal-ħajja b'aċċess ħieles li diġà ġew żviluppati mill-KE. Il-kost taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott jew servizz, u l-użu ta' kriterji li jmorru lil hinn mill-prezz, bħall-kwalità, is-sostenibbiltà jew l-impatt soċjali, jispira u jħeġġeġ lix-xerrejja pubbliċi jużaw l-akkwist pubbliku bħala mod kif jinkiseb impatt soċjali u etiku pożittiv.

1.11Huwa vitali li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-intrapriżi soċjali fl-akkwist pubbliku u dan jista' jinkiseb billi jingħata appoġġ lill-SMEs fl-offerti, u billi jintuża bilanċ għaqli bejn il-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti.

1.12Il-KESE huwa konvint li l-passi biex l-inklużjoni ta' klawżoli soċjali fis-sejħiet għall-offerti ssir obbligatorja se jiżguraw li l-evalwazzjoni tal-aspett soċjali – li, flimkien mal-aspetti ekonomiċi u ambjentali, jirrappreżenta t-tielet pilastru tal-iżvilupp sostenibbli – issir parti permanenti tal-proċeduri tal-offerti.

1.13Bl-istess mod, il-KESE jaħseb li l-ekotikketti huma mekkaniżmu tajjeb li għandu jintuża jekk l-aspetti ta' ċirkolarità jkunu jistgħu jiġu inklużi, iżda d-direttivi attwali jagħmluha kkumplikata bla bżonn għax-xerrej għaliex jagħmlu enfasi fuq il-fatt li x-xerrej ikun jaf eżattament xi jkun inkluż fl-ekotikketta.

1.14Huwa essenzjali li x-xerrejja pubbliċi jiġu mħarrġa fl-aspetti legali u tekniċi tal-akkwist pubbliku ċirkolari u l-kunċett tal-kost taċ-ċiklu tal-ħajja, u li jiġu mħarrġa dawk ix-xerrejja li huma utenti finali fl-użu sostenibbli tal-prodotti.

1.15Għall-KESE, huwa vitali li jiġi promoss il-kunċett tal-akkwist pubbliku ċirkolari, jew permezz ta' komunikazzjoni usa' ta' eżempji u prattiki tajbin, jew permezz ta' kampanji promozzjonali jew, fejn xieraq, inizjattivi pubbliċi u ta' taħriġ. Huma meħtieġa sħubija u gwida li permezz tagħhom l-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp ta' pjattaforma b'network kbir ta' akkwist.

1.16L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ukoll imexxu bl-eżempju, billi jwettqu l-akkwist pubbliku ċirkolari u juru dan permezz ta' studji tal-każijiet biex jiġu enfasizzati l-opportunitajiet u l-benefiċċji disponibbli għax-xerrejja pubbliċi kollha.

2.Kummenti ġenerali

2.1In-nefqa annwali tal-gvern tammonta għal madwar 14 % tal-prodott domestiku gross globali tal-Unjoni Ewropea 1 : il-gvernijiet huma għalhekk l-akbar konsumaturi tal-Ewropa u n-nefqa tagħhom hija ddeterminata mill-akkwist pubbliku.

2.2Strument tal-akkwist pubbliku ċirkolari trasparenti, diġitali u kompetittiv, flimkien mal-akkwist pubbliku ekoloġiku kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni tal-UE, jaqa' taħt politiki li jippromovu l-iżvilupp tas-suq uniku, biex jitwasslu prodotti u servizzi ta' kwalità għolja liċ-ċittadini u lill-konsumaturi, u biex tiġi żviluppata kultura Ewropea tal-akkwist pubbliku innovattiva, intelliġenti, sostenibbli u soċjalment responsabbli 2 .

2.3L-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari huwa wieħed mill-oqsma ta' interess ewlenin tal-KESE. Il-ġestjoni tal-akkwist pubbliku hija fattur ċentrali u deċiżiv f'termini ta' żieda fl-investiment fis-settur tal-ambjent, u fil-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli 3 u l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari 4 .

2.4L-għan tal-Opinjoni huwa li tipproponi l-integrazzjoni ta' għadd ta' strumenti differenti fil-leġiżlazzjoni Ewropea, bil-għan li jiġi promoss it-tixrid tal-akkwist pubbliku ċirkolari, jiġifieri l-allinjament tal-għan ewlieni ta' kuntratt mal-protezzjoni tal-ambjent u tad-drittijiet soċjali, u li jiġu mfittxija u jintgħażlu soluzzjonijiet ekonomiċi b'impatt ambjentali aktar baxx matul il-ħajja tagħhom.

2.5Il-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni jridu jagħtu spinta lill-akkwist pubbliku ċirkolari permezz ta' diversi strumenti (kriterji minimi tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, li jħeġġu approċċ settorjali, isaħħu l-qafas tal-ekodisinn u jtejbu r-regolamenti tal-ekodisinn, il-monitoraġġ obbligatorju) għall-akkwist pubbliku tal-ekonomija ċirkolari, bil-għan li:

2.5.1tiġi promossa l-kwalità u l-innovazzjoni, inkluż minn perspettiva ambjentali u soċjali;

2.5.2titnaqqas in-nefqa li l-awtoritajiet lokali bħalissa jġarrbu għas-servizzi li joffru;

2.5.3l-akkwist pubbliku jsir aktar intelliġenti u aktar effiċjenti;

2.5.4l-akkwist pubbliku jintuża biex jiġu indirizzati l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi u l-inugwaljanzi billi jiġu appoġġjati l-politiki soċjali;

2.5.5tissaħħaħ it-tranżizzjoni għal ktajjen loġistiċi u mudelli tan-negozju aktar sostenibbli u kompetittivi;

2.5.6jiġi ggwidat l-użu tal-qafas tal-akkwist pubbliku fis-sitwazzjoni ta' emerġenza relatata mal-kriżi tal-COVID-19 5 ;

2.5.7L-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jiġu megħjuna biex jaċċessaw sehem akbar mis-suq, filwaqt li tiġi promossa l-preżenza tagħhom fis-swieq lokali u, fl-istess ħin, tiġi promossa preżenza saħansitra akbar fis-sistemi industrijali Ewropej, peress li ċ-ċirku virtuż jista' jkun forza mexxejja għall-investiment fl-innovazzjoni ambjentali u domanda akbar għal impjiegi speċjalizzati u bi kwalifiki għoljin;

2.5.8jiġu difiżi u jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur u l-promozzjoni aħjar tal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ġustizzja u tal-imparzjalità kif stabbilit fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

2.6L-introduzzjoni tal-akkwist pubbliku ċirkolari tħeġġeġ l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari. Ħafna mir-regoli l-ġodda bħalissa għadhom ibbażati fuq aġġustament volontarju. Il-pass li jmiss huwa li jiżdied l-għadd ta' ftehimiet obbligatorji. Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-qafas regolatorju jkun sempliċi, ċar u uniformi.

3.Kriterji minimi obbligatorji tal-UE għall-akkwist pubbliku ekoloġiku

3.1L-introduzzjoni ta' kriterji minimi obbligatorji għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tista' tgħolli l-linja bażi ta' akkwist sostenibbli u akkwist pubbliku ċirkolari madwar l-Ewropa. Dawn jistgħu jagħmlu l-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti aktar faċli: jinkludu l-obbligi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jintalbu jaderixxu magħhom, vantaġġi għal negozji b'ċertifikazzjonijiet ambjentali, bonusijiet għal offerti li jistħoqqilhom, kriterji ġodda ta' evalwazzjoni għall-offerti, u aggregazzjoni tad-domanda pubblika sabiex tiġi promossa valutazzjoni kwalitattiva tal-offerti. Huwa importanti li dawn il-kriterji minimi ma jaġixxux bħala ostaklu għall-atturi ewlenin jew ifixklu l-innovazzjoni, jew jagħtu skuża lill-awtoritajiet kontraenti biex imorru lil hinn mill-minimu. Il-qofol huwa li l-kriterji minimi obbligatorji jridu jiġu vverifikati u aġġornati regolarment biex iqisu l-avvanz teknoloġiku u ma jridux jillimitaw lil dawk li jmorru lil hinn minn hekk. Sadanittant, il-mudelli flessibbli jridu jippromovu l-innovazzjoni.

3.2L-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli huwa dwar il-kisba ta' eżiti soċjali pożittivi fil-kuntratti pubbliċi. L-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli għandu l-potenzjal li jinfluwenza s-suq usa' kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll fuq in-naħa tal-provvista. Permezz ta' xiri għaqli, ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jippromovu opportunitajiet ta' impjieg, xogħol deċenti u inklużjoni fil-qasam soċjali u fis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet aħjar għall-persuni b'diżabbiltà u l-persuni żvantaġġati, aċċessibbiltà, kif ukoll kummerċ etiku 6 .

3.3Ix-xiri b'mod responsabbli u etiku jista' wkoll itejjeb il-profil ta' dawk l-imprendituri li huma l-aktar familjari ma' dawn il-kwistjonijiet, billi jħeġġiġhom jinvolvu ruħhom f'ġestjoni aktar responsabbli u sostenibbli tal-proċess ta' produzzjoni u l-impjieg tal-ħaddiema. Dan jagħmel l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli għodda strateġika għall-avvanz effettiv tal-politiki soċjali u tax-xogħol. Huwa importanti li jiġu implimentati politiki attivi mmirati lejn l-iffaċilitar u l-finanzjament tal-kumpaniji, b'mod aktar speċifiku l-SMEs, li għandhom l-għan li jippromovu dawn il-mudelli tan-negozju.

3.4L-aspett tas-sostenibbiltà soċjali jirrikjedi impenji sodi li jiżguraw li l-kuntratti ta' akkwist pubbliku jiġu konklużi biss ma’ kumpaniji li japplikaw ftehimiet kollettivi validi, jew fin-nuqqas ta’ dan, li jsegwu l-liġi u l-prattika nazzjonali applikabbli li jirriżultaw mill-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali. Dan ser jipprevjeni d-dumping soċjali u jiżgura kompetizzjoni ġusta.

3.5Il-Kummissjoni Ewropea tista' tiffaċilita l-adozzjoni ta' kriterji soċjalment responsabbli fl-akkwist pubbliku u tippromovi l-użu tagħhom madwar l-UE. Hija tista', pereżempju, torganizza sensiela ta' workshops biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-Gwida l-ġdida dwar ix-Xiri Soċjali (mistennija fl-2021) u l-użu ta' kriterji u klawżoli soċjali minn xerrejja pubbliċi sabiex jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, u jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet għar-responsabbiltà soċjali fl-oqsma tal-manifattura tal-prodotti u l-forniment tas-servizzi. Tista' wkoll taġġorna l-kampanja #WeBuySocialEU li ġabret u xerrdet 71 prattika tajba u sensiela ta' vidjos 7 biex tispira u tħeġġeġ lix-xerrejja pubbliċi jużaw l-akkwist pubbliku bħala mod kif jinkiseb impatt soċjali u etiku pożittiv.

3.6Permezz tal-impenn għall-integrazzjoni tal-kriterji minimi tal-akkwist pubbliku ekoloġiku fl-akkwist pubbliku, l-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali se jiġu promossi, b'effetti pożittivi kemm għall-SMEs kif ukoll għall-konsumaturi flimkien mal-organizzazzjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, l-amministrazzjonijiet għandhom jiżguraw li l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali ma twassalx għal żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv. Dan il-piż li wieħed jiltaqa' miegħu permezz tal-proċess tal-akkwist huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni tal-SMEs.

3.7L-akkwist pubbliku ċirkolari se jippermetti lill-amministrazzjonijiet imorru lil hinn mill-kriterju tal-orħos prezz fil-ħin tax-xiri u jevalwaw l-aspetti tal-kwalità u ċ-ċirkolarità tal-offerti, il-kost taċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott jew servizz, u jużaw kriterji li jmorru lil hinn mill-prezz, bħall-kwalità, is-sostenibbiltà jew l-impatt soċjali. Il-Kummissjoni Ewropea, li diġà żviluppat l-għodod ta' kejl standardizzati tal-kost taċ-ċiklu tal-ħajja b'aċċess ħieles 8 , tinsab f'pożizzjoni tajba biex tipprovdi tali għodod trasparenti u affidabbli, li x-xerrejja jistgħu jużaw b'fiduċja. Dawn l-għodod għandhom jipprovdu wkoll l-għażla li jiġu kkalkulati u inklużi l-kostijiet tal-karbonju tal-prodotti. Il-KESE jappella sabiex ix-xerrejja pubbliċi jiġu mħeġġa jużaw l-għodod eżistenti fl-akkwist pubbliku biex jgħinu fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi, pereżempju, permezz ta' sħubiji għall-innovazzjoni jew djalogi kompetittivi.

3.8L-għan tal-akkwist pubbliku ċirkolari għandu jkun li jorjenta l-kuntratti lejn l-issodisfar ta' ħtieġa partikolari minflok sempliċement ix-xiri ta' prodott speċifiku bħala parti minn proċess ta' rutina. B'mod partikolari, studju aktar komprensiv tal-ħtiġijiet se jippermetti l-adozzjoni ta' approċċ funzjonali jew ibbażat fuq il-prestazzjoni. B'dan il-mod, huwa possibbli li tiġi inkorporata aktar flessibbiltà fil-proċess, u li jiġu innovati u pprovduti l-aktar soluzzjonijiet effettivi, u b'hekk jitnaqqsu l-kostijiet u l-użu tar-riżorsi. L-aħjar mod li bih jistgħu jinkisbu approċċi funzjonali u bbażati fuq il-prestazzjoni huwa permezz tal-akkwist ta' servizzi aktar milli ta' prodotti, inklużi servizzi ta' manutenzjoni u ta' teħid lura. Id-domanda għal servizzi bħal dawn se toħloq opportunitajiet ġodda ta' negozju fil-livell lokali.

3.9L-akkwist pubbliku ċirkolari jista' jkopri l-promozzjoni tal-ekodisinn ta' prodott u d-disinn tiegħu għar-riċiklabbiltà, ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, il-prevenzjoni tal-iskart, il-materjali tal-imballaġġ, u l-kondiviżjoni, l-ekonomija kollaborattiva, l-użu mill-ġdid u r-rikostruzzjoni.

3.10Id-Direttivi ma jinkludu ebda regola obbligatorja speċifika dwar l-emissjonijiet jew l-ekonomija ċirkolari, iżda jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi:

-jużaw l-akkwist strateġiku, li huwa mod rilevanti u b'saħħtu biex jiġu indrizzati l-isfidi soċjetali, ambjentali u ekonomiċi sabiex isawru l-mod li bih kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat jaġixxu fis-suq;

-jindirizzaw l-għanijiet soċjetali komuni fil-proċess tal-akkwist abbażi ta' kunsiderazzjonijiet soċjali fl-għoti ta' kuntratti b'enfasi fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet ta' impjieg u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni 9 .

Possibbiltà waħda hija li jiġi kkunsidrat li tinbidel is-sistema attwali, li tħalli d-deċiżjoni li jintuża l-akkwist strateġiku fil-parti l-kbira f'idejn l-Istati Membri, bi kriterji minimi tal-UE f'ċerti oqsma bħas-sostenibbiltà u l-Kost taċ-Ċiklu tal-Ħajja. Politika bħal din fl-istess ħin tista’ tħeġġeġ qafas tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jinħolqu soluzzjonijiet ċirkolari.

4.Kummenti speċifiċi

4.1SMEs

4.1.1L-għan huwa li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-intrapriżi soċjali fl-akkwist pubbliku permezz ta' akkwist pubbliku ċirkolari innovattiv u aktar professjonalizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha.

4.1.2Huwa meħtieġ li jiġu appoġġjati fornituri potenzjali – speċjalment l-SMEs u l-intrapriżi soċjali – biex jagħmlu l-offerti għal kuntratti pubbliċi ċirkolari. Ħafna SMEs għadhom mhumiex konxji tal-opportunitajiet tas-suq u kif jistgħu jsibuhom, inkluż kif jużaw it-Tenders Electronic Daily (il-portal TED) 10 , u kif isibu offerti f'pajjiżi oħra, u jsibuha diffiċli biex jipprovdu evidenza ambjentali u soċjali meħtieġa mix-xerrejja sabiex iqabblu l-offerti. Akkwist effettiv u effiċjenti jeħtieġ offerti ta' kwalità.

4.1.3F'dan il-kuntest, il-kriterji soċjali u ambjentali jistgħu jħallu impatt fuq liema SMEs jistgħu joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom. Sabiex jikkonformaw ma' dawn il-kriterji, l-SMEs se jkollhom jagħmlu investimenti sinifikanti mingħajr ebda garanzija. Għalhekk, l-amministrazzjonijiet jeħtiġilhom joqogħdu attenti li ma jagħtux kuntratti bbażati primarjament, jew esklużivament, fuq l-orħos prezz, peress li dan ikun ta' dannu għall-SMEs.

4.1.4Iż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi u l-mira għas-sostenibbiltà għandhom rwol fl-innovazzjoni u l-vantaġġ kompetittiv għal parti mis-sistema ta' produzzjoni, u dan huwa saħansitra aktar minnu fil-każ tal-SMEs.

4.1.5Dan l-approċċ innovattiv għall-akkwist pubbliku ċirkolari mhux biss jopera fil-livell nazzjonali jew reġjonali, iżda mingħajr dubju fil-livell lokali wkoll, fejn l-impatt tiegħu se jkun l-aktar b'saħħtu fil-każ tal-SMEs u l-kooperattivi. L-Inizjattiva għax-Xerrejja l-Kbar tal-KE dwar il-kostruzzjoni ċirkolari u sostenibbli, pereżempju, għandha l-għan li żżid l-adozzjoni ta' akkwist innovattiv li jiffoka fuq siti ta' kostruzzjoni b'emissjonijiet żero, vetturi elettriċi heavy-duty, u materjal ta' kostruzzjoni ċirkolari.

4.1.6Se jingħata impetu akbar lill-innovazzjoni kummerċjali; jista' jkun mistenni monitoraġġ semplifikat (riżultati ekonomiċi u ambjentali); id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri se tgħin lill-entitajiet ekonomiċi żgħar jieħdu sehem fis-sejħiet għall-offerti.

4.2Klawżoli u Tikketti

4.2.1L-obbligu li jiġu applikati l-kriterji minimi tal-UE għall-akkwist pubbliku ekoloġiku għal offerti ta' kwalunkwe ammont (jiġifieri għal 100 % tal-valur ibbażat fuq l-offerta minflok perċentwal tal-offerta) se jiffaċilita t-tranżizzjoni u jiżgura li l-akkwist ikun kemm “ekoloġiku” kif ukoll “sostenibbli”.

4.2.2Il-fatt li l-inklużjoni ta' klawżoli soċjali fis-sejħiet għall-offerti ssir obbligatorja għall-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni u kuntratti għal xogħlijiet u servizzi, fost affarijiet oħra, speċjalment – iżda mhux biss – dawk relatati ma' xogħol li jirrikjedi ħafna ħaddiema (bħal servizzi tat-tindif u tal-catering u oħrajn), se jiżgura li l-evalwazzjoni tal-aspett soċjali – li, flimkien mal-aspetti ekonomiċi u ambjentali, jirrappreżenta t-tielet pilastru tal-iżvilupp sostenibbli – issir parti permanenti tal-proċeduri tal-offerti.

4.2.3Il-klawżoli soċjali jirrigwardaw l-applikazzjoni korretta tal-ftehim kollettiv applikabbli li jkopri lill-ħaddiema kollha. Barra minn hekk, huma jistgħu jkunu utli wkoll għall-interess soċjali ġenerali: l-impjieg ta’ gruppi f’riskju, u proġetti tal-ekonomija soċjali.

4.2.4Fejn ikun possibbli, l-awtorità kontraenti għandha titlob ekotikketta jew ċertifikazzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti. L-ekotikketti jistgħu jkunu għodda siewja għax-xerrejja. Bħalissa, ix-xerrejja jistgħu jispeċifikaw li l-prodotti u s-servizzi jridu jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' ekotikketta. Huma jistgħu jitolbu ċerta ekotikketta, madankollu jridu jiżguraw li din tissodisfa ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku. Dan huwa kkumplikat u, f'ħafna każijiet, ix-xerrejja ma jkollhomx ir-riżorsi u l-ħin biex jagħmlu dan.

4.2.5L-ekotikketti huma mekkaniżmu tajjeb li għandu jintuża jekk l-aspetti ta' ċirkolarità jkunu jistgħu jiġu inklużi, iżda d-Direttivi attwali jagħmluha kkumplikata bla bżonn għax-xerrej – huma jagħmlu enfasi fuq il-fatt li x-xerrej ikun jaf eżatt xi jkun inkluż fl-ekotikketta. Madankollu, il-punt tal-ekotikketta huwa li jagħmilha aktar faċli għal xerrej billi ma jkollux għalfejn jifhem id-dettalji tekniċi kollha ta' prodott/servizz u l-impatt tiegħu. Huwa importanti li l-ekotikketta tiġi fdata u vverifikata bir-reqqa biex jiġu evitati dikjarazzjonijiet foloz u l-greenwashing. Hekk kif ix-xerrejja jersqu lejn approċċi aktar funzjonali jew ibbażati fuq il-prestazzjoni, id-domanda għal servizzi tal-ekonomija ċirkolari se tiżdied. L-ekotikketti jistgħu jingħataw ukoll għas-servizzi, bħall-Ekotikketta reċenti tal-UE għas-Servizzi tat-Tindif.

4.3Taħriġ

4.3.1Huwa essenzjali li x-xerrejja pubbliċi jiġu mħarrġa fl-aspetti legali u tekniċi tal-akkwist pubbliku ċirkolari u l-kunċett tal-kost taċ-ċiklu tal-ħajja, u li jiġu mħarrġa dawk ix-xerrejja li huma utenti finali fl-użu sostenibbli tal-prodotti. L-ICLEI 11 , flimkien ma' organizzazzjonijiet oħra, aġġorna s-sett ta' għodod tal-KE għat-taħriġ tal-akkwist pubbliku ekoloġiku. Programm ta' taħriġ tal-Kummissjoni għall-persunal rilevanti biex isiru speċjalisti tal-akkwist pubbliku ċirkolari f'oqsma differenti jkun investiment li fl-aħħar mill-aħħar jista' jwassal għal nefqa aktar baxxa u b'hekk għall-iffrankar. Ħiliet personali bħal kapaċitajiet tad-djalogu tas-suq huma importanti wkoll. Il-kollaborazzjoni u d-djalogu bejn ix-xerrejja u l-fornituri jgħinu lix-xerrejja jifhmu dak li huwa disponibbli fis-suq u jgħinu lill-fornituri jħejju rwieħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri tax-xerrejja. It-taħriġ tal-persunal rilevanti biex isiru speċjalisti tal-akkwist ċirkolari f'oqsma differenti huwa investiment li fl-aħħar mill-aħħar jista' jwassal għal nefqa aktar baxxa u b'hekk għall-iffrankar. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu appoġġjati fornituri potenzjali – speċjalment l-SMEs u l-intrapriżi soċjali – biex jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi ċirkolari.

4.4Promozzjoni

4.4.1Huwa vitali li tiġi promossa l-idea tal-akkwist pubbliku ċirkolari, jew permezz ta' komunikazzjoni usa' ta' eżempji u prattiki tajbin, jew possibbilment permezz ta' azzjonijiet oħra ta' ġestjoni, bħal kampanji promozzjonali jew, fejn adatt, inizjattivi pubbliċi u ta' taħriġ li l-KESE jista' jappoġġa u jorganizza. Minbarra xerrejja b'ħiliet, l-akkwist pubbliku ċirkolari jirrikjedi li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu dedikati, u jirrikjedi wkoll utenti informati, maniġers tal-kuntratti u fornituri involuti li jistgħu jissodisfaw ħtiġijiet ġodda. Il-proġetti pilota jipprovdu opportunità ideali għax-xerrejja pubbliċi biex jibnu l-kapaċità, iżidu l-għarfien u jikkatalizzaw il-bidla fis-suq permezz tal-għoti ta' opportunitajiet ta' negozju reali. Il-flussi ta' finanzjament futuri Ewropej għandhom ikomplu jappoġġjaw proġetti pilota tal-akkwist pubbliku ċirkolari innovattivi li jippromovu t-tagħlim permezz tat-twettiq u jipprovdu opportunitajiet għal żieda fl-iskala u r-replikazzjoni.

4.4.2Sa mill-2010, il-Kummissjoni ġabret 189 eżempju ta' ispirazzjoni ta' akkwist pubbliku ekoloġiku. Fl-2021, se jitħejjew 12-il eżempju ieħor. Ħafna minn dawn jesponu wkoll l-akkwist pubbliku ċirkolari. Dan jista' jżid l-isforzi għall-promozzjoni ta' prattiki tajba li nxterdu madwar l-Istati Membri kollha 12 .

4.4.3Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari tnediet bħala inizjattiva konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u l-KESE f'Marzu 2017. Hija tiġbor flimkien il-partijiet interessati attivi fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa, u tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba, għarfien u lezzjonijiet meħuda fl-ekonomija ċirkolari 13 14 .

4.4.4Xi pajjiżi għandhom għotjiet ta' akkwist nazzjonali, u normalment jinkludu element għal akkwist ekoloġiku/innovattiv/soċjali. Il-KESE jipproponi l-ħolqien ta' Premju Ewropew għall-Akkwist Pubbliku.

4.4.5L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ukoll imexxu bl-eżempju, billi jwettqu akkwist pubbliku ċirkolari u juru dan permezz ta' studji tal-każijiet biex jiġu enfasizzati l-opportunitajiet u l-benefiċċji disponibbli għax-xerrejja pubbliċi kollha. B'mod ġenerali, l-offerti kollha jridu jinkludu l-kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

Brussell, 9 ta’ Ġunju 2021

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)     https://ec.europa.eu/growth/single-market/public-procurement_mt
(2)    Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat fuljett utli dwar dan is-suġġett fl-2017: https://ec.europa.eu/environment/gpp/pdf/cp_european_commission_brochure_en.pdf
(3)    Ara l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni; l-Opinjoni tal-KESE dwar il-"Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari", u r-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew.
(4)     ĠU C 364, 28.10.2020, p. 94
(5)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020XC0401(05)&from=MT
(6)    Se tissemma fil-Gwida dwar ix-Xiri Soċjali tal-KE li qed titħejja.
(7)    #webuysocialeu – YouTube.
(8)    L-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja – L-Akkwist pubbliku ekoloġiku – L-Ambjent – Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu).
(9)     EASME (europa.eu), Pursuing social goals through public procurement (It-twettiq tal-għanijiet soċjali permezz tal-akkwist pubbliku).
(10)     https://ted.europa.eu/TED/browse/browseByMap.do .
(11)    ICLEI – Gvernijiet Lokali għas-Sostenibbiltà ( https://iclei-europe.org ).
(12)      Ara https://ec.europa.eu/environment/gpp/case_group_en.htm
(13)    Eżempju tajjeb ta' pjan ta' akkwist lokali huwa l-pjan ta' Amsterdam https://mk0mraduurzaamnh901f.kinstacdn.com/wp-content/uploads/2020/01/MRA_CirculairInkopen_ENGdef01.pdf .
(14)    Ara https://circulareconomy.europa.eu/platform/en/good-practices .
Top