EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C:2021:161I:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 161I, 3 ta' Mejju 2021


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 161I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
3 ta' Mejju 2021


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 161 I/01

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni rigward ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għal Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

il–Kunsill

2021/C 161 I/02

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2021 li tadotta l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 2 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021

2


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

3.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 161/1


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni rigward ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għal Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013

(2021/C 161 I/01)

Fil-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, il-Punti 30 sa 33 jirrikjedu li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni sistema ta’ informazzjoni u monitoraġġ integrata u interoperabbli li tinkludi għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u ta’ kejl tar-riskju biex tiġi aċċessata u analizzata d-data meħtieġa, bil-ħsieb li tiġi applikata b’mod ġenerali mill-Istati Membri. Barra minn hekk, it-tliet istituzzjonijiet qablu li jikkooperaw b’mod sinċier tul il-proċedura leġiżlattiva relatata mal-atti bażiċi rilevanti biex jiġi żgurat li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Lulju 2020 ikollhom segwitu fir-rigward ta’ dan l-element.

Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi skont l-Artikolu 23(2) dwar l-użu obbligatorju ta’ għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u l-ġbir u l-analiżi tad-data dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċeventi tal-finanzjament mhuwiex biżżejjed biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u n-Next Generation EU kontra l-frodi u l-irregolaritajiet u biex jiġu żgurati verifiki effiċjenti dwar il-kunflitti ta’ interess, l-irregolaritajiet, il-ħruġ tal-finanzjament doppju u l-użu ħażin kriminali tal-fondi. Għalhekk, l-approċċ maqbul mill-koleġiżlaturi fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati ma jirriflettix b’mod xieraq l-ambizzjoni u l-ispirtu mixtieqa tal-Ftehim Interistituzzjonali.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

il–Kunsill

3.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 161/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2021

li tadotta l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 2 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021

(2021/C 161 I/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

Billi:

il-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021 ġie adottat definittivament fis-17 ta’ Marzu 2021 (2);

fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li fiha l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 2 għall-baġit ġenerali għas-sena finanzjarja 2021;

minħabba l-kriżi bla preċedent u l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati risponsi ta’ politika rapidi fi żmien qasir, huwa l-każ li eċċezzjonalment ikun hemm qbil dwar il-proposta tal-Kummissjoni li taħt l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza jkun previst ammont ta’ EUR 100 miljun għall-impatt baġitarju potenzjali tal-ħtiġijiet emerġenti hekk kif il-pandemija tevolvi. Jenħtieġ li dan il-mod ta’ bbaġitjar ma jikkostitwixxix preċedent u jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża biss approprjazzjonijiet relatati ma’ din ir-riżerva esklużivament għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 permezz ta’ azzjonijiet eliġibbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 tal-14 ta’ April 2020 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID-19 (3);

bil-ħsieb li jkunu disponibbli b’mod urġenti approprjazzjonijiet suffiċjenti taħt l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) fl-2021 u l-kontribuzzjoni tal-UE għaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, jeħtieġ li l-Kunsill jipproċedi mingħajr dewmien bl-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 2 għall-baġit ġenerali tal-2021. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jitqassar, f’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, il-perijodu ta’ tmien ġimgħat biex jiġu infurmati l-Parlamenti nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 2 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 ġiet adottata fit-23 ta’ April 2021.

Jista’ jinkiseb aċċess għat-test sħiħ għall-konsultazzjoni jew għat-tniżżil mis-sit web tal-Kunsill: http://www.consilium.europa.eu/.

Magħmul fi Brussell, fit-23 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 17.3.2021, p. 1.

(3)  ĠU L 117, 15.4.2020, p. 3.


Top