EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2021)8930

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, il-ħlas tal-għajnuna u l-verifiki fuq il-post

C/2021/8930 final

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 13.12.2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, il-ħlas tal-għajnuna u l-verifiki fuq il-post

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 25, il-punt (b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2), il-punt (a) tiegħu,

Billi:

(1)L-Artikolu 4(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 3 jistabbilixxi li l-ammonti mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sostnuti b’evidenza dokumentarja li turi l-prezz tal-prodotti, tal-materjal jew tas-servizzi mogħtija flimkien ma’ riċevuta jew prova ta’ pagament jew ekwivalenti. Il-prezz tal-prodott, tal-materjal jew tas-servizz mhuwiex pertinenti fejn tintuża għażla ta’ kostijiet simplifikati, u mhuwiex konsistenti mal-objettivi ta’ simplifikazzjoni u mat-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-għażliet tal-kostijiet simplifikati. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti differenti għal sistemi bbażati fuq il-kostijiet u għażliet ta’ kostijiet simplifikati.

(2)L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna. L-evidenza dokumentarja meħtieġa tinkludi, fil-każ ta’ għażliet ta’ kostijiet simplifikati, il-prova tal-pagament għall-prodotti fornuti u/jew distribwiti u għall-materjal jew għas-servizzi mogħtija taħt il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, il-monitoraġġ, u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni u reklamar. Madankollu, din l-evidenza dokumentarja mhijiex meħtieġa fil-każ ta’ sistemi bbażati fuq il-kostijiet. L-esperjenza miksuba turi li tali rekwiżit mhuwiex pertinenti għall-ħlas tal-għajnuna, irrispettivament minn jekk tintużax sistema bbażata fuq il-kostijiet jew għażla simplifikata tal-kostijiet, u mhuwiex konsistenti mal-objettivi ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv permezz ta’ għażliet ta’ kostijiet simplifikati. Għalhekk, dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jitneħħa.

(3)F’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, fil-każ li jkun hemm applikazzjoni għall-għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, il-verifiki amministrattivi għandhom jiġu ssupplimentati b’verifiki fuq il-post. L-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ verifiki li l-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu fil-każ ta’ għajnuna għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta’ prodotti. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, u fl-interess taċ-ċarezza, din il-lista mhux eżawrjenti ta’ verifiki li għandhom jitwettqu għandha tiġi kkomplementata, kemm għall-verifiki fuq il-post f’każ ta’ għajnuna applikata għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta’ prodotti kif ukoll għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jiġi emendat skont dan.

(5)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 huwa emendat kif ġej:

(1)l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati b’sostenn għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna. L-ammonti mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sostnuti b’evidenza dokumentata li turi:

(a)il-prezz tal-prodotti, tal-materjal jew tas-servizz ikkonsenjati flimkien ma’ riċevuta jew prova ta’ ħlas jew ekwivalenti; jew

(b)jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji, ta’ finanzjament b’rata fissa u/jew ta’ finanzjament b’somma sħiħa, li l-kwantitajiet ġew fornuti u/jew iddistribwiti għall-iskop tal-iskema tal-iskejjel.”;

(2)l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (b) tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji, ta’ finanzjament b’rata fissa u/jew ta’ finanzjament b’somma sħiħa, mal-preżentazzjoni ta’ evidenza li l-kwantitajiet ġew fornuti u/jew iddistribwiti għall-iskop tal-iskema tal-iskejjel.”;

(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-għajnuna relatata mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni u mar-reklamar għandha titħallas biss mal-konsenja tal-materjal jew tas-servizzi kkonċernati u malli tiġi ppreżentata l-evidenza dokumentata relatata kif mitlub mill-awtorità kompetenti jew, jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu tal-iskali standard ta’ kostijiet unitarji, tal-finanzjament b’rata fissa u/jew tal-finanzjament b’somma f’daqqa, mal-preżentazzjoni ta’ evidenza li l-materjal jew is-servizzi ġew ikkonsenjati.”;

(3)fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu, b’mod partikulari, verifika tal-elementi li ġejjin:

(a)ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, billi jikkonfermaw u jikkomplementaw il-verifiki amministrattivi b’dokumentazzjoni rilevanti inklużi dokumenti finanzjarji bħal fatturi ta’ xiri u bejgħ, noti ta’ konsenja, estratti bankarji jew prova oħra ta’ pagament u r-reġistrazzjoni tagħhom fil-kontabbiltà;

(b)l-użu tal-prodotti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, mar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 u ma’ dan ir-Regolament;

(c)l-implimentazzjoni ta’ miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament biex jappoġġaw id-distribuzzjoni ta’ prodotti, fejn il-verifika fuq il-post issir fil-bini tal-istabbiliment edukattiv jew fejn il-verifika fuq il-post tikkonċerna l-applikazzjoni għall-għajnuna b’rabta mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament;

(d)l-użu ta’ għodod ta’ reklamar xierqa, fejn il-verifika fuq il-post issir fil-bini tal-istabbiliment edukattiv.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13.12.2021

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(3)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1)
Top