Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document Ares(2025)7630047

Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Region on the Five-year European migration and asylum Strategy

SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Titolu tal-inizjattiva

Migrazzjoni u ażil – Strateġija Ewropea ta’ ħames snin dwar il-migrazzjoni u l-ażil

DĠ ewlieni – unità responsabbli

DĠ HOME – Unità A.1

Tip Probabbli ta’ inizjattiva

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Żmien Indikattiv

Ir-raba’ trimestru tal-2025

Informazzjoni Addizzjonali

Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema, u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Kif deskritt fil-Linji Gwida Politiċi 2024–2029 tal-President von der Leyen u fl-ittra ta’ missjoni tal-Kummissarju Brunner, il-migrazzjoni hija sfida Ewropea li trid tintlaqa’ b’soluzzjoni Ewropea. Il-pakkett leġiżlattiv tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil adottat fl-2024 għandu l-għan li jipprovdi protezzjoni lill-persuni li jeħtiġuha, jipproteġi l-fruntieri tal-UE, jiżgura proċeduri ġusti u effiċjenti u jimmaniġġja l-migrazzjoni b’mod ordnat bis-solidarjetà fil-qalba tiegħu.

Il-Patt jistabbilixxi approċċ komprensiv għall-migrazzjoni u l-ażil. Dan jinkludi enfasi kontinwa fuq id-dimensjoni interna tal-UE, prinċipalment xprunata mit-tħejjija għad-dħul fis-seħħ tal-qafas legali l-ġdid f’Ġunju 2026, kif ukoll fuq id-dimensjoni esterna, li tappella għat-tisħiħ tas-sħubijiet komprensivi ma’ pajjiżi ewlenin mhux tal-UE u l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali fil-livell reġjonali u globali.

Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tal-Patt hija proċess dinamiku aktar milli wieħed ta’ darba li jrid jiġi infurmat minn perspettiva strateġika li tibbilanċja l-aspetti u l-interessi differenti fil-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil fuq terminu medju sa twil. Kif meħtieġ mill-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni 1 , l-Istati Membri ħejjew u bagħtu lill-Kummissjoni l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tfassal l-ewwel strateġija Ewropea fit-tul għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni għall-ħames snin li ġejjin. Hija se tfassal il-viżjoni tagħna li tħares ’il quddiem biex tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-istrateġiji nazzjonali u tistabbilixxi d-direzzjoni għall-passi li jmiss fil-livell Ewropew sabiex il-Patt jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

L-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) stabbilixxa l-politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja, filwaqt li l-Artikolu 79 stabbilixxa politika komuni dwar l-immigrazzjoni. Dan ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma fejn l-UE stabbiliet qafas legali u/jew kooperazzjoni operazzjonali b’appoġġ finanzjarju sinifikanti lill-Istati Membri. Dan ikopri: (i) is-sistema komuni Ewropea tal-ażil; (ii) il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti; (iii) ir-ritorn u r-riammissjoni; (iv) il-migrazzjoni legali u l-perkorsi legali għall-protezzjoni; u (v) l-integrazzjoni.

Il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil hija marbuta mal-istabbiliment ta’ żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Il-politika tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri hija bbażata fuq l-Artikolu 77 tat-TFUE, li skontu l-UE għandha tiżviluppa politika biex “(i) tiżgura n-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq in-nies, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni; (ii) twettaq kontrolli fuq in-nies u timmonitorja b’mod effiċjenti l-qsim tal-fruntieri esterni; u (iii) tiżgura l-introduzzjoni gradwali ta’ sistema ta’ ġestjoni integrata għall-fruntieri esterni”.

Il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri saret kwistjoni ta’ sensittività politika kbira. Fl-istħarriġiet tal-opinjoni pubblika, il-migrazzjoni regolarment tidher fost it-tħassib ewlieni taċ-ċittadini Ewropej. Skonthom, l-UE għandha tieħu miżuri fuq terminu medju fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża (39%), segwit mill-ekonomija (29%), il-migrazzjoni (24%) u l-klima u l-ambjent (24%) 2 . Iż-żgħażagħ Ewropej iqisu l-migrazzjoni irregolari (29 %) bħala waħda mill-akbar sfidi tal-UE. 26 % minnhom jemmnu li l-migrazzjoni irregolari għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE 3 .

Fl-1 ta’ Jannar 2024, kien hemm 29 miljun ċittadin mhux tal-UE residenti fl-UE, li jirrappreżentaw 6,4 % tal-popolazzjoni totali tal-UE. Din hija żieda sinifikanti u rapida meta mqabbla mal-1 ta’ Jannar 2022 (23,8 miljun, 5,3 %), xprunata mill-għadd kbir ta’ persuni spostati mill-Ukrajna, li l-biċċa l-kbira tagħhom bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-UE. Mill-25 ta’ Ġunju 2025, kien hemm 4,5 miljun reġistrazzjoni attiva ta’ protezzjoni temporanja ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fl-UE.

Fl-2024, l-Istati Membri ħarġu 3,7 miljun permess ta’ residenza għall-ewwel darba, li minnhom kważi żewġ terzi għal raġunijiet ta’ xogħol u familja, u 9,7 miljun viża ta’ Schengen għal żmien qasir. Il-migrazzjoni tal-ħaddiema għandha rwol importanti fil-kompetittività tal-UE, minħabba l-isfidi demografiċi u d-diskrepanzi fil-ħiliet li jeħtieġu fokus doppju: il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol domestika, filwaqt li jiġi attirat it-talent. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE hija stmata li tonqos minn 265 miljun fl-2022 għal 258 miljun fl-2030 4 . Dan se jaggrava n-nuqqas ta’ ħaddiema li qed tiffaċċja l-UE. Kważi 3 % tal-impjiegi madwar l-UE għadhom vakanti, anke wara sforzi għat-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u l-attivazzjoni tal-forza tax-xogħol domestika. Barra minn hekk, tliet kwarti (74 %) tan-negozji ż-żgħar fl-Ewropa jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħiliet għal mill-inqas rwol wieħed ta’ impjieg fil-kumpanija tagħhom.

L-UE rreġistrat madwar 240 286 qsim irregolari tal-fruntieri fl-2024, ħafna inqas mill-1,8 miljun irreġistrati fl-2015 fl-eqqel tal-kriżi tar-refuġjati.

Fl-2024, ġew ippreżentati 996 805 applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE, 12 % inqas mill-2023 (1,1 miljun), li kien l-ogħla numru ta’ applikazzjonijiet mill-ogħla livell irreġistrat fl-2015/2016. Fl-2024, ir-rata ta’ rikonoxximent tal-UE kienet ta’ 42 % għad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza.

L-UE qed tiffaċċja rata ta’ ritorn baxxa ġenerali ta’ ċittadini mhux tal-UE li ma għandhomx id-dritt li jibqgħu. Fl-2024, ir-rata effettiva ta’ ritorn (il-proporzjon ta’ dawk li effettivament ġew irritornati u dawk ordnati jitilqu mill-UE) kienet ta’ 24 % biss.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi u l-opportunitajiet multidimensjonali flimkien ma’ xenarju ġeopolitiku dejjem aktar kumpless, l-UE jeħtieġ li żżid l-isforzi tagħha biex timplimenta approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-flussi migratorji regolari u irregolari lejn l-UE. L-adozzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil fl-2024 kienet pass importanti f’dik id-direzzjoni.

Sabiex il-Patt jirnexxi bis-sħiħ fil-prattika, huma meħtieġa investimenti fit-tul fil-bini ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni effiċjenti u reżiljenti fl-Ewropa u sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi sħab mhux tal-UE. L-istrateġija Ewropea fit-tul għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni għandha l-għan li tkompli tiżviluppa dan l-approċċ komprensiv, filwaqt li tistabbilixxi d-direzzjoni għall-ħames snin li ġejjin fil-livell Ewropew.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

L-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni jirrikjedi li l-ewwel strateġija Ewropea fit-tul għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni tiġi adottata sat-12 ta’ Diċembru 2025.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Strateġija għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni fl-UE kollha hija meħtieġa biex jiġu stabbiliti orjentazzjonijiet strateġiċi għall-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom?

L-istrateġija Ewropea fit-tul għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni għandha l-għan li tibni fuq l-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni żviluppat mill-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin. Dan se jiżgura li l-qafas legali li għadu kif ġie adottat għall-migrazzjoni u l-ażil jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu f’konformità mal-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen għall-2024–2029 u l-ittra ta’ missjoni tal-Kummissarju Brunner.

Abbażi ta’ stampa tas-sitwazzjoni fil-livell tal-UE, l-istrateġija se tiddeskrivi l-prijoritajiet ewlenin matul il-perjodu ta’ ħames snin li jmiss. Din se tinkludi objettivi fuq terminu medju u twil, u tidentifika inizjattivi ewlenin li se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-Patt, filwaqt li tqis inizjattivi addizzjonali biex jikkomplementawha b’mod komprensiv. Hija se tistabbilixxi wkoll ix-xenarju fir-rigward tal-użu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u r-rwol tal-aġenziji tal-UE (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja). Barra minn hekk, jenħtieġ li tibni fuq l-istrateġiji nazzjonali adottati mill-Istati Membri u tirrifletti l-approċċ integrat tat-tfassil tal-politika/tal-gvern kollu.

Kif stabbilit fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, l-objettivi tal-istrateġija se jinkludu elementi relatati ma’:

1.Aspetti interni:

oĠestjoni tal-fruntieri: It-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-migrazzjoni ordnata.

oRispett għad-dritt internazzjonali: L-iżgurar tal-konformità mal-obbligi internazzjonali u tal-UE, b’mod partikolari għall-individwi salvati fuq il-baħar.

oProċeduri ta’ protezzjoni: L-iffaċilitar ta’ aċċess rapidu u ġust għall-proċessi ta’ protezzjoni internazzjonali għal dawk li jfittxu l-ażil.

oAllokazzjoni tar-responsabbiltà: Id-definizzjoni ċara ta’ liema Stat Membru huwa responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil.

oMovimenti Sekondarji: Miżuri ta’ implimentazzjoni biex jiskoraġġixxu u jipprevjenu l-moviment mhux awtorizzat ta’ ċittadini mhux tal-UE madwar l-Istati Membri.

oKundizzjonijiet ta’ akkoljenza: L-iżgurar li l-applikanti jkollhom aċċess għal faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati.

oProċeduri ta’ ritorn: Il-ġestjoni effiċjenti tar-ritorn ta’ individwi li ma għandhomx id-dritt legali li jibqgħu.

oAppoġġ għall-integrazzjoni: L-inkoraġġiment tal-integrazzjoni ta’ dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali.

oIl-prevenzjoni tal-isfruttament: L-indirizzar tal-isfruttament u t-tnaqqis tal-impjiegi illegali.

2.Aspetti esterni:

oPerkorsi ta’ migrazzjoni legali: Il-promozzjoni ta’ kanali ta’ migrazzjoni legali għal dawk li jeħtieġu protezzjoni u oħrajn li jfittxu residenza.

oAppoġġ għall-pajjiżi ospitanti: Għajnuna lill-pajjiżi mhux tal-UE li jospitaw popolazzjonijiet kbar ta’ migranti u refuġjati jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem.

oPrevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari: Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin, l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet, u l-possibbiltà ta’ applikazzjonijiet leġittimi għall-protezzjoni internazzjonali.

oIndirizzar tal-ixprunaturi tal-migrazzjoni: L-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat.

oRitorn u riintegrazzjoni: It-tisħiħ ta’ miżuri effettivi ta’ ritorn, riammissjoni u riintegrazzjoni.

oImplimentazzjoni tal-politika tal-viżi: L-iżgurar tal-implimentazzjoni konsistenti tal-politika komuni dwar il-viżi.

L-istrateġija se tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà kif deskritt fl-Artikolu 80 tat-TFUE. L-għan huwa l-funzjonament effettiv tal-politiki tal-UE dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, bl-interess kondiviż tal-Istati Membri kollha.

Impatti probabbli

L-istrateġija Ewropea tal-UE ta’ ħames snin għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni se taġixxi bħala qafas strateġiku, li jiggwida l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil fis-snin li ġejjin. Dan se jikkonsisti f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u mhux se jinkludi modifiki fil-leġiżlazzjoni eżistenti jew fil-leġiżlazzjoni l-ġdida. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet proposti tagħha, jekk jiġu implimentati, x’aktarx li jkollhom impatt sinifikanti fuq diversi partijiet ikkonċernati.

Monitoraġġ futur

L-istrateġija Ewropea tal-UE ta’ ħames snin għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni hija dokument strateġiku, li l-progress u l-effettività tiegħu se jiġu mmonitorjati abbażi tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti. 

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

L-istrateġija proposta se tistabbilixxi għanijiet ta’ politika wiesgħa u se tibbenefika mill-analiżi tal-Kummissjoni stabbilita fil-Komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Ġunju dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil 5 u fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ippjanat għal Ottubru 2025. Hija se tkun infurmata wkoll permezz ta’ skambji kontinwi mal-Istati Membri dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom biex jimplimentaw il-Patt u l-ħtiġijiet tagħhom biex jagħmlu dan b’mod effettiv u b’suċċess. Din hija inizjattiva mhux leġiżlattiva. Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt f’dan l-istadju.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

L-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni jipprevedi li l-istrateġija jenħtieġ li tqis: (a) l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali ta’ ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali; (b) informazzjoni rilevanti miġbura mill-Kummissjoni skont ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1366 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u l-ġestjoni ta’ kriżijiet relatati mal-migrazzjoni; (c) informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija għall-Ażil dwar l-implimentazzjoni tal-acquis dwar l-ażil tal-UE; (d) informazzjoni miġbura mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari rapporti mill-Aġenzija għall-Ażil, il-Frontex u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; (e) kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluż mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet ta’ monitoraġġ, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, u minn korpi, uffiċċji, aġenziji jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

Billi tippubblika din is-sejħa għal evidenza fuq il-portal Semma’ Leħnek, il-Kummissjoni beħsiebha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati dwar l-isfidi msemmija hawn fuq u t-tfassil tal-istrateġija Ewropea fit-tul għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni għall-ħames snin li ġejjin. Din il-konsultazzjoni għandha l-għan li tiġbor informazzjoni, għarfien espert u fehmiet mill-partijiet interessati kollha biex tinforma t-tħejjija tal-istrateġija. Dawn il-partijiet ikkonċernati jinkludu:

- ċittadini tal-UE, ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE;

- l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

- l-akkademja, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-awtoritajiet pubbliċi.

(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147, u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024.
(2)   Ewrobarometru Standard 103 — Rebbiegħa 2025 — stħarriġ tal-Ewrobarometru.
(3)

  L-isfidi u l-prijoritajiet tal-UE: kif jaħsbuha ż-żgħażagħ Ewropej - Marzu 2025 - stħarriġ tal-Ewrobarometru .

(4)   Employment and social developments in Europe 2023 – L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE.
(5)   COM/2025/319 final .
Top