Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 64dcb23e-e609-11e9-9c4e-01aa75ed71a1

Consolidated text: Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

02008D0626 — MT — 26.07.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI Nru 626/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Ġunju 2008

dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 172 2.7.2008, p. 15)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 198

241

25.7.2019




▼B

DEĊIŻJONI Nru 626/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Ġunju 2008

dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

GĦAN, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

1.  L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern kompetittiv għas-servizzi mobbli permezz tas-satellita (“servizzi MSS”) madwar il-Komunità u li tiżgura kopertura gradwali fl-Istati Membri kollha.

Din id-Deċiżjoni toħloq proċedura Komunitarja għall-għażla komuni ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita li jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE, inkluż l-ispektrum tar-radju minn 1 980 sa 2 010  MHz għandhom japplikaw mid-dinja għall-ispazju, u minn 2 170 sa 2 200  MHz għall-komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja. Id-Deċiżjoni tistipula wkoll dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kkoordinata mill-Istati Membri ta’ l-operaturi magħżula sabiex jużaw l-ispektrum tar-radju allokat fi ħdan din il-medda għall-operazzjoni ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita.

2.  L-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jintgħażlu permezz ta’ proċedura Komunitarja, konformement mat-Titolu II.

3.  L-operaturi magħżula ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu awtorizzati mill-Istati Membri skond it-Titolu III.

4.  L-operaturi ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu awtorizzati mill-Istati Membri skond it-Titolu III.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Id-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2002/21/KE u fid-Direttiva 2002/20/KE għandhom japplikaw għall-finiijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

2.  Il-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a) “sistemi mobbli permezz tas-satellita” tfisser netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika u faċilitajiet assoċjati li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju bejn stazzjon mobbli terrestri u stazzjon spazjali wieħed jew aktar, jew bejn stazzjonijiet mobbli terrestri permezz ta’ stazzjon spazjali jew aktar, jew bejn stazzjon mobbli terrestri u komponent terrestri komplementari jew aktar użati f’siti fissi. Tali sistema għandha tinkludi mill-anqas stazzjon terrestri wieħed;

(b) “komponenti terrestri komplementari” ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita tfisser stazzjonijiet terrestri wżati f’siti fissi, sabiex itejbu d-disponibbiltà tas-servizzi MSS f’żoni ġeografiċi koperti mill-firxa tas-satellita jew satelliti tas-sistema, fejn il-komunikazzjoni ma’ stazzjon spazjali jew aktar ma tistax tkun garantita bil-kwalità meħtieġa.



TITOLU II

IL-PROĊEDURA TA’ L-GĦAŻLA

Artikolu 3

Proċedura ta’ għażla komparattiva

1.  Il-Kummissjoni għandha torganizza proċedura ta’ għażla komparattiva għall-għażla ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita. Il-Kummissjoni għandha torganizza din il-proċedura bl-għajnuna tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 10(1).

2.  L-applikanti għandhom jingħataw opportunità ġusta u non-diskriminatorja sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għażla komparattiva, li għandha tkun trasparenti.

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.  Għandu jingħata aċċess għal dokumenti relatati mal-proċedura ta’ l-għażla komparattiva, inklużi l-applikazzjonijiet, skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ( 1 ).

4.  Il-Kummissjoni tista’ tingaġġa l-konsulenza u l-għajnuna ta’ esperti esterni għall-analiżi u/jew għall-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn l-esperti esterni għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kompetenzi u l-livell għoli ta’ indipendenza u imparzjalità tagħhom.

Artikolu 4

L-ammissibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet

1.  Ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) l-applikanti għandhom ikunu stabbiliti fil-Komunità;

(b) l-applikazzjonijiet għandhom jidentifikaw l-ammont ta’ spektrum tar-radju mitlub, li għandu jkun mhux aktar minn 15 MHz għall-komunikazzjoni mid-dinja għall-ispazju u 15 MHz għall-komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja relattivament għal kwalunkwe applikant wieħed u għandhom jinkludu dikjarazzjonijiet u evidenza li jikkonċernaw l-ispektrum tar-radju mitlub, l-istadji li huma meħtieġa li jintlaħqu u l-kriterji ta’ l-għażla;

(ċ) l-applikazzjonijiet għandhom jinkludu impenn min-naħa ta’ l-applikant li:

(i) is-sistema mobbli permezz tas-satellita proposta għandha tkopri żona ta’ servizz li tkun għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, minn meta tibda l-provvista tas-servizzi MSS;

(ii) is-servizzi MSS għandhom ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u dan fir-rigward ta’ għall-inqas 50 % tal-popolazzjoni u jkopru għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ kull Stat Membru saż-żmien stipulat mill-applikant iżda fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn seba’ snin mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3).

2.  L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-applikanti sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward it-twettiq tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà f’perijodu ta’ żmien speċifiku ta’ bejn ħamest ijiem tax-xogħol u għoxrin jum tax-xogħol. L-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli jekk din l-informazzjoni ma tingħatax fil-perijodu ta’ żmien speċifikat.

3.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet. Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar non-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet għandha tkun motivata u adottata skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 10(2).

4.  Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-applikanti dwar jekk l-applikazzjonijiet tagħhom ġewx ikkunsidrati bħala ammissibbli u għandha tippubblika minnufih il-lista ta’ l-applikanti ammissibbli.

Artikolu 5

L-ewwel fażi ta’ l-għażla

1.  Fi żmien 40 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ l-applikanti ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tiddeċiedi jekk l-applikanti jkunux urew il-livell meħtieġ ta’ żvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita rispettivi tagħhom. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-twettiq sodisfaċenti ta’ l-istadji wieħed sa ħamsa kif stipulat fl-Anness. Il-kredibbiltà ta’ l-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti għandhom jiġu kkunsidrati matul din l-ewwel fażi ta’ l-għażla.

2.  Jekk id-domanda totali għall-ispektrum tar-radju mitlub mill-applikanti eliġibbli li jibqgħu jiġu kkunsidrati skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx akbar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli, identifikat fl-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta’ deċiżjoni motivata u konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3), li l-applikanti eliġibbli kollha għandhom jintgħażlu u għandha tidentifika l-frekwenzi rispettivi li kull applikant magħżul għandu jiġi awtorizzat li juża, f’kull Stat Membru, konformement mat-Titolu III.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-applikanti dwar jekk l-applikazzjonijiet tagħhom tqisux bħala eliġibbli għat-tieni fażi jew jekk intgħażlux skond il-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ applikanti eliġibbli jew magħżula. Fi żmien 30 jum tax-xogħol minn tali pubblikazzjoni, l-applikanti eliġibbli li jkollhom l-intenzjoni li ma jkomplux jipparteċipaw fil-proċedura ta’ l-għażla, u l-applikanti magħżula li jkollhom l-intenzjoni li ma jużawx il-frekwenzi tar-radju, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni rigward dan bil-miktub.

Artikolu 6

It-tieni fażi ta’ l-għażla

1.  Jekk id-domanda totali għall-ispektrum tar-radju mitlub mill-applikanti eliġibbli identifikati fl-ewwel fażi ta’ l-għażla tkun akbar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli, kif identifikat fl-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tagħżel l-applikanti eliġibbli billi tevalwa sa liema punt is-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti tal-parteċipanti eliġibbli jissodisfaw il-kriterji peżati ta’ l-għażla li ġejjin:

(a) il-benefiċċji għall-konsumatur u għall-kompetittività pprovduti (piż ta’ 20 %) inklużi ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(i) l-għadd ta’ utenti finali u l-firxa tas-servizzi MSS li għandhom jiġu pprovduti sad-data meta tibda l-provvista kontinwa tas-servizzi MSS kummerċjali;

(ii) id-data meta tibda l-provvista kontinwa tas-servizzi MSS kummerċjali;

(b) l-effiċjenza ta’ l-ispektrum (piż ta’ 20 %) inklużi ż-żewġ sub-kriterji li ġejjin:

(i) l-ammont totali ta’ spektrum meħtieġ;

(ii) il-kapaċità totali tal-fluss ta’ data;

(ċ) il-kopertura ġeografika pan-Ewropea (piż ta’ 40 %) inklużi t-tliet sub-kriterji li ġejjin:

(i) l-għadd ta’ Stati Membri fejn għall-inqas 50 % tal-popolazzjoni jkunu fiż-żona ta’ servizz sad-data meta tibda l-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali;

(ii) il-grad ta’ kopertura ġeografika, ibbażat fuq iż-żona ta’ servizz ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ l-Istati Membri sad-data meta tibda l-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali;

(iii) iż-żmien stipulat mill-applikant fir-rigward ta’ meta s-servizzi MSS ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u ta’ l-inqas għal 50 % tal-popolazzjoni u f’għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ art ta’ kull Stat Membru;

(d) il-punt sa fejn jinkisbu l-għanijiet (peżatura ta’ 20 %) ta’ l-interess pubbliku, li m’humiex indirizzati permezz tat-tliet kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (ċ), skond it-tliet sub-kriterji peżati indaqs li ġejjin:

(i) il-provvista ta’ servizzi ta’ interess pubbliku li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sikurezza u tas-sigurtà taċ-ċittadini b’mod ġenerali jew għall-protezzjoni ta’ gruppi speċifiċi ta’ ċittadini;

(ii) l-integrità u s-sigurtà tas-servizzi;

(iii) il-firxa ta’ servizzi pprovduti lill-konsumaturi f’żoni rurali jew imbiegħda.

2.  Kwalunkwe regola għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3). Matul din it-tieni fażi ta’ l-għażla, għandhom jitqiesu l-kredibbiltà ta’ l-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti.

3.  Fi żmien 80 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ applikanti eliġibbli identifikati fl-ewwel fażi ta’ l-għażla, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tar-rapport tal-bord ta’ esperti esterni, jekk dan ikun applikabbli, u skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3), tadotta deċiżjoni dwar l-għażla ta’ l-applikanti. Id-deċiżjoni għandha tidentifika l-applikanti magħżula kklassifikati skond il-punt sa fejn jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni, kif ukoll il-frekwenzi li kull applikant magħżul għandu jkun awtorizzat li juża, minn kull Stat Membru, konformement mat-Titolu III.

4.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikoli 5(2) jew 6(3) fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.



TITOLU III

L-AWTORIZZAZZJONI

Artikolu 7

L-awtorizzazzjoni ta’ l-applikanti magħżula

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti magħżula, konformement mal-perijodu ta’ żmien u ż-żona ta’ servizz li l-applikanti magħżula jkunu kkommettew ruħhom għalihom, skond l-Artikolu 4(1)(ċ), u konformement mal-liġi nazzjonali u mal-liġi Komunitarja, ikollhom id-dritt li jużaw il-frekwenza tar-radju speċifika identifikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3) u d-dritt li joperaw sistema mobbli permezz tas-satellita. Huma għandhom jinfurmaw lill-applikanti magħżula dwar dawn id-drittijiet skond il-każ.

2.  Id-drittijiet koperti mill-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġetti għal dawn il-kondizzjonijiet komuni li ġejjin:

(a) l-applikanti magħżula għandhom jużaw l-ispektum tar-radju sabiex jipprovdu servizzi MSS;

(b) l-applikanti magħżula għandhom jilħqu l-istadji meħtieġa sitta sa disgħa stipulati fl-Anness fi żmien 24 xahar mid-deċiżjoni ta’ l-għażla adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3);

(ċ) l-applikanti magħżula għandhom jonoraw kwalunkwe impenn meħud fl-applikazzjonijiet tagħhom jew waqt il-proċedura ta’ għażla komparattiva, irrispettivament minn jekk id-domanda kollha għall-ispektrum tar-radju tkunx ikbar mill-ammont disponibbli;

(d) l-applikanti magħżula għandhom jipprovdu rapport annwali lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kollha, li jispjega ċar l-istadju ta’ żvilupp tas-sistema mobbli permezz tas-satellita proposta tagħhom;

(e) kwalunkwe dritt neċessarju għall-użu u għal awtorizzazzjonijiet għandu jingħata għal perijodu ta’ tmintax-il sena mid-data tad-deċiżjoni ta’ l-għażla adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3).

3.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet għall-użu ta’ l-ispektrum identifikat fl-Artikolu 1(1) għal tali perijodu ta’ żmien u sa tali punt li huma jibqgħu barra miż-żona ta’ servizz li għaliha impenjaw rwieħhom l-applikanti magħżula skond din id-Deċiżjoni, konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE.

4.  L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ġustifikati b’mod oġġettiv, non-diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni bejn is-servizzi u l-awtoritajiet ta’ emerġenza waqt diżastri naturali maġġuri, konformement mal-liġi Komunitarja, inkluża d-Direttiva 2002/20/KE.

Artikolu 8

Komponenti terrestri komplementari

1.  L-Istati Membri għandhom, konformement mal-liġi nazzjonali u mal-liġi Komunitarja, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħtu, lill-applikanti magħżula skond it-Titolu II u li jkunu awtorizzati li jużaw l-ispektrum konformement ma’ l-Artikolu 7, l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-provvista ta’ komponenti terrestri komplementari tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita fit-territorji tagħhom.

2.  L-Istati Membri ma jistgħux jagħżlu jew jawtorizzaw operaturi ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita qabel ma titlesta l-proċedura ta’ l-għażla, prevista fit-Titolu II, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummisjoni adottata konformement ma’ l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3). Dan ikun mingħajr preġudizzju għall-użu tal-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz minn sistemi differenti minn dawk li jipprovdu servizzi MSS skond id-Deċiżjoni 2007/98/KE.

3.  Kwalunkwe awtorizzazzjoni nazzjonali maħruġa għall-operazzjoni ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet komuni li ġejjin:

(a) l-operaturi għandhom jużaw l-ispektrum tar-radju li jkun ġie allokat lilhom sabiex jipprovdu komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita;

(b) il-komponenti terrestri komplementari għandhom jikkostitwixxu parti integrali mis-sistema mobbli permezz tas-satellita u għandhom ikunu kkontrollati mill-mekkaniżmu tal-ġestjoni tar-riżorsi u tan-netwerk satellitari; huma għandhom jużaw l-istess direzzjoni ta’ trażmissjoni u l-istess partijiet tal-meded ta’ frekwenza bħal dawk użati mill-komponenti satellitari assoċjati u ma għandhomx ikabbru l-ħtieġa ta’ spektrum tas-sistema mobbli permezz tas-satellita assoċjata;

(ċ) l-operazzjoni indipendenti ta’ komponenti terrestri komplementari f’każ ta’ defiċjenza tal-komponent tas-satellita tas-sistema mobbli assoċjata ma għandhiex iddum għal aktar minn tmintax-il xahar;

(d) id-drittijiet għall-użu u għal awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw għal perijodu ta’ żmien li jispiċċa mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sistema mobbli assoċjata.

Artikolu 9

Il-monitoraġġ u l-infurzar

1.  L-operaturi magħżula għandhom ikunu responsabbli għall-konformità ma’ kwalunkwe kondizzjoni marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet tagħhom u għall-ħlas ta’ kwalunkwe ħlasijiet u imposti applikabbli għall-awtorizzazzjoni u/jew għall-użu, kif meħtieġ mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-infurzar, inklużi r-regoli dwar il-penali applikabbli f’każ ta’ ksur tal-kondizzjonijiet komuni stipulati fl-Artikolu 7(2), ikunu konformi mal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/20/KE. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn il-kondizzjonijiet komuni u għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ fuq bażi annwali, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi kondizzjonijiet komuni u fil-każ li ttieħdu xi miżuri ta’ infurzar.

Il-Kummissjoni tista’, bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 10(1), teżamina kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur speċifiku tal-kondizzjonijiet komuni. Meta Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni dwar ksur partikolari, il-Kummissjoni għandha teżamina l-allegazzjoni ta’ ksur bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet.

▼M1

3.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri li jiddefinixxu kwalunkwe modalità għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli dwar l-infurzar imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, inklużi regoli għas-sospensjoni jew l-irtirar ikkoordinati tal-awtorizzazzjonijiet għal ksur tal-kondizzjonijiet komuni previsti fl-Artikolu 7(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(3).

▼B



TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 10

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE.

2.  Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

3.  Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

L-ISTADJI DIVERSI

1.   Il-preżentazzjoni ta’ talba għall-koordinazzjoni lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU)

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li l-amministrazzjoni responsabbli għat-talba lill-ITU għal sistema mobbli permezz tas-satellita sabiex tintuża għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri tkun ippreżentat it-tagħrif rilevanti imsemmi fl-Appendiċi 4 tar-Regolamenti tar-Radju ta’ l-ITU (ITU Radio Regulations).

2.   Il-manifattura tas-satellita

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Id-dokument għandu jidentifika l-istadji tal-bini li jwasslu għat-tlestija tal-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali. Id-dokument għandu jiġi ffirmat mill-applikant u mill-kumpanija li timmanifattura s-satelliti.

3.   Il-ftehim dwar il-varar tas-satellita

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-varar ta’ għadd minimu ta’ satelliti meħtieġ għall-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Id-dokument għandu jagħti d-dati tal-varar u s-servizzi tal-varar, kif ukoll it-termini u l-kondizzjonijiet kuntrattwali relatati ma’ l-indennizz. Id-dokument għandu jiġi ffirmat mill-operatur tas-sistema mobbli permezz tas-satellita u mill-kumpanija li varat is-satelliti.

4.   Stazzjonijiet Gateway terrestri

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju dwar il-kostruzzjoni u dwar l-installazzjoni ta’ Stazzjonijiet Gateway Terrestri (Gateway Earth Stations) maħsuba sabiex jintużaw għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

5.   It-tlestija tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn

Ir-Reviżjoni Kritika tad-Disinn hi l-fażi fil-proċess ta’ l-implimentazzjoni ta’ vettura spazjali fejn tispiċċa l-fażi tad-disinn u ta’ l-iżvilupp, u tibda l-fażi tal-manifattura.

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara tat-tlestija, sa mhux aktar tard minn 80 jum wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn skond l-istadji tal-kostruzzjoni indikati fil-ftehim dwar il-manifattura tas-satellita. Id-dokument rilevanti għandu jiġi ffirmat mill-kumpanija li mmanifatturat is-satellita, u għandu jindika d-data tat-tlestija tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn.

6.   L-integrazzjoni ta’ satelliti

Tali integrazzjoni hija l-fażi fil-proċess ta’ l-implimentazzjoni ta’ vetturi spazjali fejn il-Modulu tal-Komunikazzjoni (Communication Module, CM) jiġi integrat mal-Modulu tas-Servizz (Service Module, SM).

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li tlestiet ir-Reviżjoni ta’ l-Istat Operattiv għall-Ittestjar (Test Readiness Review) għall-integrazzjoni SM/CM skond l-istadji tal-kostruzzjoni indikati fil-ftehim dwar il-manifattura tas-satellita. Id-dokument rilevanti għandu jiġi ffirmat mill-kumpanija li mmanifatturat is-satellita, u għandu jindika d-data tat-tlestija ta’ l-integrazzjoni tas-satelliti.

7.   Il-varar tas-satelliti

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara tal-varar b’suċċess u l-użu orbitali ta’ l-għadd ta’ satelliti meħtieġ għall-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

8.   Il-koordinazzjoni tal-frekwenzi

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara dwar is-suċċess tal-koordinazzjoni tal-frekwenzi tas-sistema konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tar-Radju ta’ l-ITU (ITU Radio Regulations). Madankollu, sistema li turi li hija konformi ma’ l-istadji wieħed sa sebgħa inklussivi ma tkunx obbligata f’din il-fażi li turi t-tlestija tal-koordinazzjoni b’suċċess tal-frekwenzi ma’ dawk is-sistemi mobbli permezz tas-satelliti li ma jikkonformawx adegwatament u raġonevolment ma’ l-istadji wieħed sa sebgħa inklussivi.

9.   Il-provvista ta’ servizzi MSS fit-territorji ta’ l-Istati Membri

L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li hu jkun qiegħed jipprovdi b’mod effikaċi servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri billi juża l-għadd ta’ satelliti li hu jkun preċedentement identifika fl-istadju tlieta sabiex ikopri ż-żona ġeografika li l-applikant ikun impenja ruħu għaliha fl-applikazjoni tiegħu sad-data tal-bidu tal-provvista tas-servizzi MSS.



( 1 ) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

Top