Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas C:2010:271E:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, CE 271, 07 ta' Ottubru 2010


Rodyti visus šiame Oficialiajame leidinyje paskelbtus dokumentus
 

ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.CE2010.271.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 271E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
7 ta' Ottubru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew
SESSJONI 2009-2010
Dati tas-seduti: 12 Novembru 2009
Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 90 E, 8.4.2010.
TESTI ADOTTATI

 

Il-Ħamis, 12 ta' Novembru 2009

2010/C 271E/01

Il-pjan ta' ħidma annwali PROGRESS tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar l-abbozz dwar il-pjan ta' ħidma annwali PROGRESS tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika propost mill-Kummissjoni

1

2010/C 271E/02

It-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Novembru 2009 dwar it-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009

2

2010/C 271E/03

Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b'mod partikulari l-marda ta' Alzheimer

7

2010/C 271E/04

Ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008 (2009/2088(INI))

9

2010/C 271E/05

Linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (2009/2168(INI))

14

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Parlament Ewropew

 

Il-Ħamis, 12 ta’ Novembru 2009

2010/C 271E/06

Pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa *
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (COM(2009)0366 – C7-0112/2009 – 2009/0104(CNS))

18

ANNESS

22

Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

**I

Proċedura ta' konsultazzjoni: l-ewwel qari

**II

Proċedura ta' konsultazzjoni: it-tieni qari

***

Proċedura ta' parir konformi

***I

Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari

***II

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari

***III

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura tiddependi mill-bażi legali proposta mill-Kummissjoni)

Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.

Korrezzjonijiet u adattamenti tekniċi tas-servizzi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva rqiqa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ║.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew SESSJONI 2009-2010 Dati tas-seduti: 12 Novembru 2009 Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 90 E, 8.4.2010. TESTI ADOTTATI

Il-Ħamis, 12 ta' Novembru 2009

7.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/1


Il-Ħamis, 12 ta' Novembru 2009
Il-pjan ta' ħidma annwali PROGRESS tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika

P7_TA(2009)0063

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar l-abbozz dwar il-pjan ta' ħidma annwali PROGRESS tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika propost mill-Kummissjoni

2010/C 271 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress (1),

wara li kkunsidra l-abbozz dwar il-pjan ta' ħidma annwali Progress tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika propost mill-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (il-Faċilità Mikrofinanzjarja ta' Progress) (COM(2009)0333) u l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress (COM(2009)0340),

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Parlament ma kkonkludiex l-eżami tal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-faċilità ta' mikrofinanzjament, billi l-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tadotta l-miżuri speċifiċi rigward l-allokazzjoni finanzjarja tal-Progress sa ma jkun konkluż il-proċess leġiżlattiv dawr il-faċilità ta' mikrofinanzjament,

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz dwar il-pjan ta' ħidma annwali Progress tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika propost mill-Kummissjoni;

2.

Iqis li l-abbozz tal-pjan annwali jeċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni provduti fid-Deċiżjoni 1999/468/KE;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz tal-pjan annwali u biex tressaq wieħed ġdid lill-kumitat hekk kif il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu laħqu qbil dwar il-proposta tal-Kummissjoni il-faċilità ta' mikrofinanzjament (COM(2009)0333) u dwar il-proposta li temenda d-Deċiżjoni 1672/2006/KE (COM(2009)0340);

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


7.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/2


Il-Ħamis, 12 ta’ Novembru 2009
It-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009

P7_TA(2009)0064

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Novembru 2009 dwar it-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009

2010/C 271 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni attwali bejn, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u l-Federazzjoni Russa fuq in-naħa l-oħra (1), u n-negozjati mnedija fl-2008 dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,

wara li kkunsidra l-objettiv tal-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-11-il Samit UE-Russja li sar f’San Pietruburgu fil-31 ta’ Mejju 2003, biex jinħoloq spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali (Erba’ Spazji Komuni),

wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-qtil ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja (2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar l-aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f’Khanty-Mansiysk tas-26 u s-27 ta’ Ġunju 2008 (4),

wara li kkunsidra l-istqarrija u r-rakkomandazzjonijiet finali li nħarrġu mill-Kumitat Parlamentari ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja wara l-11-il laqgħa tiegħu fi Brussell fis-16 u s-17 ta’ Frar 2009,

wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa tal-Kunsill Permanenti ta’ Sħubija bejn l-UE u r-Russja li sar fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2009,

wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ aġenda tas-Samit li jmiss bejn l-UE u r-Russja li se jsir fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja żviluppaw b’mod kontinwu matul dan l-aħħar deċennju, filwaqt li wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomiċi profondi u komprensivi, li wkoll mistennija jiżdiedu iktar fil-futur,

B.

billi l-konklużjoni ta’ ftehima ta’ kooperazzjoni ġenerali ġdida bejn l-UE u r-Russja, li għaliha kienu sar is-sitt ċiklu ta’ negozjati fil-bidu ta’ Ottubru u ċ-ċiklu li jmiss huwa skedat għal nofs Diċembru, tibqa’ tal-akbar importanza għall-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,

C.

billi l-UE u r-Russja, li hi membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandhom responsabilità konġunta għall-istabilità dinjija u billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta’ importanza partikolari għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa,

D.

billi l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tkun ta’ kontribut sostanzjali għat-titjib ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja, dejjem jekk ikun hemm impenn vinkolanti rigward il-konformità sħiħa mal-impenji u l-obbligi tad-WTO u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom min-naħa tar-Russja, u twitti t-triq għal ftehima ta’ integrazzjoni ekonomika profonda u komprensiva bejn iż-żewġ partijiet, ibbażata fuq reċiproċità ġenwina,

E.

billi s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija enerġija hija waħda mill-ikbar sfidi li qed taffaċċja l-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni mar-Russja; billi hemm bżonn li jsiru sforzi konġunti sabiex isir użu sħiħ u effiċjenti tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu u kemm dawk li għad iridu jiġu żviluppati; billi d-deċiżjoni riċenti li ħadet ir-Russja biex tirtira l-firma tagħha mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija tikkomplika aktar dawn ir-relazzjonijiet u tqajjem tħassib dwar id-djalogu li għaddej bħalissa dwar l-enerġija u dwar żviluppi tal-ġejjieni; u billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati mir-Russja toħloq riskju li ddgħajjef l-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u mmexxi mill-valuri vis-à-vis r-Russja,

F.

billi huwa tal-akbar importanza għall-UE li titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà interna b’saħħitha, tadotta pożizzjoni komuni u ma taċċettax l-offerti tar-Russja rigward l-intensifikar tar-relazzjonijiet bilaterali ma’ dawk l-Istati Membri li huma l-aktar disposti; billi r-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja għandhom ikunu bbażati fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

G.

billi għad hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fir-Russja rigward id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-indipendenza tal-ġudikatura, iż-żieda fil-kontroll tal-midja mill-istat, in-nuqqas ta’ kapaċità tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji biex isibu lil dawk responsabbli għall-qtil ta’ ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-miżuri ripressivi li ttieħdu kontra l-oppożizzjoni, l-applikazzjoni selettiva tal-liġi mill-awtoritajiet u dwar kemm kienu ġusti l-elezzjonijiet, inklużi l-elezzjonijiet reġjonali u lokali li saru fil-11 ta’ Ottubru 2009; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, (OSCE) u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; u billi l-Premju Sakharov 2009 għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew ingħata lil Memorial, organizzazzjoni Russa għad-difiża tad-drittijiet ċivili, u lir-rappreżentanti tagħha,

H.

billi l-UE u r-Russja, flimkien, jistgħu u għandu jkollhom irwol attiv fil-ħolqien tal-paċi u l-istabilità fil-kontinent Ewropew, b’mod partikolari fil-viċinanzi komuni, u jaħdmu flimkien biex tinkiseb soluzzjoni paċifika skont il-liġi internazzjonali għall-kunflitti bejn ir-Russja u l-Ġeorġja u t-territorji tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar li nfirdu minn maghha, kif ukoll f’Nagorno-Karabakh u fi Transnistria; billi r-Russja għandha tirrispetta b’mod sħiħ id-dritt għall-awtodeterminazzjoni politika u ekonomika tal-pajjiżi ġirien tagħha,

I.

billi fid-19 ta’ Ottubru 2009, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika reġgħu bdew it-taħdidiet f’Ġinevra għat-tfassil ta’ ftehima ġdida sabiex tieħu post it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) u dan kien l-ewwel pass tanġibbli fl-għoti mill-ġdid tal-ħajja lir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Russja mħabbar mill-amministrazzjoni ta’ Obama; billi fit-23 ta’ Ottubru 2009, Robert Gates, is-Segretarju għad-Difiża tal-Istati Uniti, waqt konferenza għall-aħbarijiet wara l-laqgħa ministerjali tan-NATO fi Bratislava, qal li l-istazzjonijiet tar-radar Russi, Gabala u Armavir, li r-Russja kienet ipproponiet għal użu konġunt, jistgħu jkunu verament ta’ valur għad-difiża tal-missili tal-Ewropa inġenerali li attwalment l-Istati Uniti qed tistabbilixxi, sabiex b’hekk tinfetaħ il-prospettiva li l-Istati Uniti tal-Amerika, in-NATO u r-Russja jissieħbu fil-ħolqien ta’ sistema konġunta ta’ difiża tal-missili; u billi mit-18 ta’ Settembru sal-5 ta’ Ottubru 2009, ir-Russja u l-Bjelorussja wettqu manuvri strateġiċi f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fid-Dokument ta’ Vjenna tal-OSCE tal-1999, iżda qajmu tħassib serju dwar il-konformità tagħhom mal-ispirtu ta’ kooperazzjoni tajba u rispett reċiproku bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea,

1.

Jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mill-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni sostenibbli, minħabba li mhux biss hemm interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda wkoll għall-objettiv li jaġixxu mill-qrib flimkien kemm fil-livell globali kif ukoll fil-viċinanzi komuni fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali;

2.

Jinnota li s-Samit fi Stokkolma se jiffoka fuq kooperazzjoni ekonomika wiesgħa, b’mod partikulari fir-rigward tal-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-metodi biex dawn jintgħelbu, u fuq it-tħejjijiet għall-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-bidla fil-klima li se ssir f’Diċembru 2009, l-aspetti dwar l-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija, id-diskussjonijiet dwar liberalizzazzjoni ulterjuri tal-viża u l-progress fin-negozjati għall-ftehima bilaterali l-ġdida ta’ koperazzjoni msaħħa, u se jindirizza wkoll għadd ta’ kwistjonijiet internazzjonali bħall-programm nukleari tal-Iran u l-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani;

3.

jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet mar-Russja fil-ġejjieni b’mod pragmatiku b’attenzjoni fuq il-kooperazzjoni li qed issir bħalissa bbażata fuq l-Erba’ Spazji Komuni, in-negozjati dwar ftehima ġdida ta’ kooperazzjoni ġenerali u l-implimentazzjoni tal-impenji u l-ftehimiet li saru s’issa; iżda jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal ftehima ġdida li tmur lil hinn minn kooperazzjoni purament ekonomika u li tkun tinkludi wkoll l-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali;

4.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv tal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO li se tpoġġi lill-komunitajiet tan-negozju taż-żewġ naħat fuq livell indaqs u li se jgħin ħafna lill-isforzi tar-Russja biex din tibni ekonomija moderna, diversifikata u b’teknoloġija avvanzata; jistieden lir-Russja sabiex tieħu l-passi neċessarji biex tneħħi l-ostakoli li baqa’ għall-proċess ta’ adeżjoni, b’mod partikolari fil-qasam tad-dazji fuq l-esportazzjoni, il-livell tal-imposti tal-ferroviji għall-oġġetti li jkunu fi tranżitu fir-Russja, l-imposti tat-triq fuq il-vetturi li jkunu qed iġorru l-merkanzija u r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-laħam, il-ħalib u l-prodotti magħmula mill-ħxejjex, sabiex wara dan l-UE għandha tibda tiddiskuti ftehima ta’ kummerċ ħieles mal-Federazzjoni Russa; jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni ta’ politiki iktar effettivi dwar bosta kwistjonijiet pendenti bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-iskart radjuattiv, is-sikurezza nukleari, il-permessi tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-UE, eċċ.; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet Russi jiżguraw li ma tintuża l-ebda prattika dikriminatorja vis-à-vis l-investituri u l-imsieħba kummerċjali tal-UE u jerġgħu jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika, b’konformità mal-impenn meħud fis-Samit reċenti tal-G20; jiddeplora l-fatt li r-Russja għadha mhux qed iżżomm l-impenn tagħha biex bil-mod il-mod twaqqaf il-pagamenti għal titjiriet minn fuq is-Siberja u jistieden lir-Russja sabiex tiffirma l-ftehim li ntlaħaq dwar din il-kwistjoni fis-samit ta’ Samara fl-2007; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, id-deċiżjoni meħuda mir-Russja, il-Bjelorussja u l-Kazakistan biex ma jkomplux jippruvaw jissieħbu mad-WTO bħala unjoni doganali waħda, li tista’ żżid is-snin fil-proċess tan-negozjati;

5.

Jinnota b’interess id-djalogu li għaddej bħalissa bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja dwar il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-viża; jitlob li jkun hemm iktar kooperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba fil-punti transkonfinali ta’ kontroll u skambju ta’ informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li r-Russja tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fi kwalunkwe ftehima nnegozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżi bejn iż-żewġ naħat, sabiex ikun evitat kwalunkwe ksur tas-sigurtà fl-Ewropa; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-kuntatti personali bejn in-nies u l-effett benefiku tagħhom fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

6.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isolvu l-problemi involuti fil-qsim tal-fruntiera bejn l-UE u r-Russja, sabiex jinvolvu ruħhom fi proġetti konkreti u jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument tal-Viċinanzi u Sħubija l-ġdid u l-fondi tal-Inizjattiva tal-Komunità Interreg għall-kooperazzjoni transkonfinali;

7.

Jistenna bil-ħerqa l-firma ta’ ftehima dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ twissija bikrija dwar is-sigurtà tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja li tkopri n-notifika, il-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni u jistieden lill-Presidenza Svediża u lill-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Russi, Gazprom, l-awtoritajiet tal-Ukraina u Naftohaz Ukrainy biex tiġi evitata repetizzjoni tal-qtugħ tal-provvista li seħħ fis-snin reċenti;

8.

Jisħaq fuq l-importanza reċiproka tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija għar-Russja u għall-UE, peress li dawn jirrappreżentaw opportunità potenzjali għal iktar kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejniethom; jenfasizza li l-prinċipji ta’ interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta’ tali kooperazzjoni, flimkien ma’ aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jitlob lill-Presidenza Svediża, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw is-Samit sabiex juru b’mod ċar lir-Russja ż-żieda fil-miżuri ta’ solidarjetà interna fil-qasam tal-enerġija li l-Unjoni qed tieħu u l-konsegwenzi reċiproċi negattivi fit-tul li jistgħu jinħolqu minn problemi fil-provvista tal-enerġija; jistieden lir-Russja biex tinkorpora malajr l-aqwa prattiki internazzjonali dwar it-trasparenza u r-responsabilità pubblika fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex tiffirma l-Konvenzjoni Espoo tal-1991 (dwar Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Traskonfinali);

9.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ECT) u l-Protokoll ta’ Tranżitu anness miegħu jiddaħħlu fi ftehima ġdida ta’ sħubija (PCA) bejn l-UE u r-Russja;

10.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ rabtiet infrastrutturali bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa jkun ta’ benefiċċju għat-tnejn u għaldaqstant għandu jitħeġġeġ u għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tat-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-ispiża ekonomika u ambjentali; iħeġġeġ ħafna lir-Russja sabiex, fil-proġetti ta’ koperazzjoni fl-enerġija mal-UE, taderixxi mal-prinċipji fundamentali stipulati fil-Karta dwar l-Enerġija;

11.

Jirrikonoxxxi li sabiex ikun hemm 50 % ċans li l-bidla fil-klima tkun limitata għal +2 °C, l-emissjonijiet tal-pajjiżi industrijalizzati għandhom jitnaqqsu tal-anqas b’bejn 80 u 95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jisħaq fuq ir-responsabilità speċifika tal-pajjiżi żviluppati li jkunu minn ta’ quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u jikkunsidra li tnaqqis kollettiv mill-pajjiżi industrijalizzati fil-parti għolja tal-firxa ta’ 25-40 % rrakkomandata mill-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) sal-2020 huwa neċessarju; f’dan il-kuntest, iqis li jeħtieġ li l-pajjiżi industrijalizzati kollha jadottaw miri li jkunu jirrikjedu tnaqqis ambizzjuż mil-livelli ta’ emissjonijiet attwali u jistieden lir-Russja biex tikkunsidra mill-ġdid it-talba tiegħu għal mira ta’ emissjonijiet li tikber, b’konformità mal-potenzjal kbir ta’ mitigazzjoni tagħha u r-rakkomandazzjonijiet tal-IPCC, bil-għan li tiġi ffaċilitata ftehima rapida f’Kopenħagen;

12.

Jenfaizza l-ħtieġa li r-Russja tagħti l-appoġġ kollu tagħha favur miri vinkolanti għall-bidla fil-klima għal wara Kyoto; jistieden lill-Presidenza, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b’mod intensiv mal-parti Russa sabiex tkun żgurata ftehima globali, ambizzjuża u komprensiva fil-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima f’Kopenħagen f’Diċembru 2009 li twaqqaf lit-tisħin globali milli jilħaq livelli perikolużi;

13.

Jisħaq fuq l-importanza ta’ skambju kontinwu ta’ opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja bħala parti mill-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’attenzjoni fuq il-passi meħuda mill-awtoritajiet Russi bil-għan li tiġi żgurata s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-libertà tal-midja, u jitlob li jkun hemm titjib fil-format ta’ dawn il-laqgħat sabiex ikunu iktar effettivi, b’attenzjoni speċjali fir-rigward ta’ azzjonijiet konġunti kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u sabiex dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma u minn NGOs favur id-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk id-djalogu jsir fir-Russja, kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE; jinsisti li l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun punt ewlieni fuq l-aġenda tas-samit bejn l-UE u r-Russja u parti integrali tal-ftehima l-ġdida ta’ koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja itenni l-appell tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-qattiela ta’ Natalia Estemirova, Andrei Kulagin, Zarema Sadulayeva, Alik Dzhabrailov, Maksharip Aushev, Stanislav Markelov, Anastasiya Baburova u Anna Politkowskaya jinstabu u jiġu proċessati;

14.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtu l-akbar attenzjoni lit-tieni proċess li għaddej bħalissa ta’ Mikhail Khodorkovsky, l-ex-Kap ta’ Yukos Oil, li fih diġà twettqu vjolazzjonijiet serji tal-prinċipju ta’ proċess ġust; jitlob lill-awtoritajiet Russi biex jiġġieldu kontra l-arbitrarjetà, biex jirrispettaw l-istat tad-dritt u biex ma jużawx il-qrati bħala għodda politika;

15.

Jikkundanna l-qtil kiefer ta’ Maksharip Aushev, attivist popolari favur id-drittijiet tal-bniedem u personalità fl-oppożizzjoni, li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar fl-Ingushetia; jistieden b’mod partikulari lill-awtoritajiet Russi sabiex jadottaw miżuri preventivi ta’ protezzjoni dir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju billi jinbdew investigazzjonijiet hekk kif il-prosekutur jew is-sistema ġudizzjarja jsiru jafu bit-theddidiet ffaċċati minnhom;

16.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u biex jirratifikaw il-protokoll dwar ir-riforma ta’ dan il-korp kemm jista’ jkun malajr; jistenna li d-Duma tirratifika l-Protokoll Addizzjonali 14 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

17.

Jitlob lill-Presidenza Svediża, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw is-Samit sabiex jesprimu b’mod ċar it-tħassib tal-UE dwar għadd ta’ kwistjonijiet internazzjonali li fihom il-kooperazzjoni kostruttiva min-naħa tar-Russja hija kruċjali minħabba l-pożizzjoni tagħha fil-politika internazzjonali, u dwar il-bżonn ta’ żieda fil-kooperazzjoni fit-trattament tal-kwistjonijiet mal-Iran, mal-Afganistan u mal-Lvant Nofsani u kwistjonijiet kruċjali oħra fl-aġenda internazzjonali;

18.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex isegwu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu mmirati lejn it-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabilità fid-dinja u, b’mod partikolari, fil-viċinanzi komuni u biex tinkiseb soluzzjoni paċifika skont il-liġi internazzjonali għall-kunflitti fin-Nagorno-Karabakh u fit-Transnistria u fuq kollox bejn ir-Russja u l-Ġeorġja u t-territorji tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar li nfirdu minn maghha;

19.

Jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, il-kisbiet tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) li wrew ir-rieda u l-kapaċità tal-UE biex tirreaġixxi b’determinazzjoni għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità u kienu ta’ kontribut għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ waqfien mill-ġlied tat-12 ta’ Awwissu u t-8 ta’ Settembru 2008; itenni l-impenn tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jistieden lill-partijiet kollha biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-impenji tagħhom; jinnota li l-EUMM għandha mandat fil-pajjiż kollu u jitlob li tingħata aċċess mingħajr xkiel fl-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, li s’issa qatt ma ngħatalha; jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu fit-taħditiet ta’ Ġinevra u t-tkomplija tal-kopresidenza f’dan il-forum mill-UE, in-NU u l-OSCE;

20.

Jitlob lill-UE u r-Russja biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiksbu progress fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni nukleari Iranjana, b’mod partikolari wara l-fehim – li ntlaħaq f’Ġinevra fl-1 ta’ Ottubru 2009 bejn l-Iran u l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit – dwar il-pjan dwar il-fjuwil u l-monitoraġġ min-naħa tan-NU tas-sit tal-arrikkiment li qed jinbena u li għadu kif ġie żvelat;

21.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi għas-sigurtà internazzjonali tal-adozzjoni mid-Duma ta’ emendi għal-liġi “dwar id-Difiża” mressqa mill-President tar-Russja, li jgħidu li r-Russja tista’ tuża l-forza militari f’operazzjonijiet barra mill-fruntieri tagħha għall-finijiet ta’ lqugħ kontra attakk fuq il-Forzi Russi jew truppi oħra skjerati barra mill-fruntieri tar-Russja, biex jilqgħu minn aggressjoni kontra pajjiż ieħor, jew biex jevitawha, jew biex jipproteġu ċ-ċittadini Russi barra l-pajjiż; dan l-aħħar punt hu partikolarment kontroversjali minħabba li r-Russja qed issegwi politika li tagħti passaporti illegali Russi fit-territorji fejn hemm kunflitti ffriżati u fil-Krimea fl-Ukraina;

22.

Jistieden lill-Presidenza biex tesprimi l-appoġġ tal-UE għad-diskussjonijiet bejn ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar ftehima ġdida biex tissostitwixxi t-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) u għall-inizjattivi mmirati lejn il-bini ta’ sistema konġunta ta’ difiża tal-missili bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja u n-NATO; jesprimi l-ottimiżmu tiegħu li jista’ jintlaħaq ftehim dwar it-trattat START sal-aħħar tal-2009;

23.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet kemm tal-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll tar-Russja biex jinvolvu bis-sħiħ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha fid-diskussjonijiet dwar l-iżviluppi dwar it-tarka ta’ difiża kontra l-missili, inkluża l-evalwazzjoni dwar ir-riskju mill-missili, filwaqt li b’dan il-mod jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabilità fid-dinja u b’mod partikulari fl-Ewropa;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.


(1)  ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2009)0022.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2009)0021.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0309.


7.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/7


Il-Ħamis, 12 ta' Novembru 2009
Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv

P7_TA(2009)0065

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar Programmazzjoni Konġunta tar-riċerka għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b'mod partikulari l-marda ta' Alzheimer

2010/C 271 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-r-Rapport Dinji dwar l-Alzheimer 2009) maħruġ mill-organizzazzjoni Alzheimer's Disease International (ADI) fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Alzheimer, il-21 ta' Settembru 2009,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2009 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-mard newrodeġenerattiv, b'mod partikulari l-marda ta' Alzheimer, permezz ta' programmazzjoni konġunta tal-attivitajiet tar-riċerka (COM(2009)0379 finali),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115 (5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer u l-Parkinson hu kontributur ewlenin għad-diżabbiltà fit-tul, u jaffettwa lil aktar minn seba' miljun taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropeja, għadd li probabbilment ser jirdoppja fis-snin li ġejjin minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ,

B.

billi attwalment ma hemm l-ebda kura disponibbli għall-mard newrodiġenerattiv, u l-għarfien dwar il-prevenzjoni, it-trattament, u l-identifikazzjoni tal-fatturi ta' riskju huwa limitat ħafna,

C.

billi l-ispiża tal-mard għad-disturbi tad-dimenzja fl-UE25 fl-2005 kienet stmata li tilħaq EUR 130 biljun, jiġifieri medja ta' madwar EUR 21 000 kull sena għal kull persuna affettwata mid-dimenzja; billi dak it-total medju jinkludi l-ispejjeż diretti u l-ispejjeż li jintefqu f'kura informali,

D.

billi l-mard tal-Alzheimer u tal-Parkinson u forom relatati ta' dimenzja huma studjati minn perspettivi multipli u minn oqsma differenti ta' riċerka, u dan jista' jikkontribwixxi għal frammentazzjoni ulterjuri tal-attivitajiet ta' riċerka,

E.

billi ħafna mill-isforzi tar-riċerka fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv jitwettqu mill-Istati Membri, b'livell relattivament baxx ta' koordinazzjoni transnazzjonali, u dan iwassal għal frammentazzjoni u l-qsim limitat tal-għarfien u tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri,

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proġett pilota propost għall-programmazzjoni konġunta tal-attivitajiet ta' riċerka fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv; jemmen li l-programmazzjoni konġunta jista' jkun ta' siwi kbir fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-isforz ta' riċerka, u dan iwassal għal ġbir flimkien ta' massa kritika ta' ħiliet, għarfien u riżorsi finanzjarji;

2.

Jikkunsidra il-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer u l-Parkinson bħala waħda mill-akbar sfidi tal-Unjoni Ewropea mil-lat ta' saħħa mentali, u hu tal-fehma li l-ġlieda kontra l-Alzheimer u Parkinson għandhom għalhekk jindirizzaw sfida doppja: li jipprovdu kura għal numru dejjem jikber ta' pazjenti fuq bażi ta' minn jum għall-ieħor u li jiżguraw aktar riżorsi b'tali mod li l-għadd ta' pazjenti fil-ġejjieni dejjem jonqos; għalhekk jappoġġja l-adozzjoni tal-proposta fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill;

3.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi urġentement biex jindirizzaw l-effetti tal-mard newrodeġenerattiv, b' mod partikolari tal-Alzheimer u tal-Parkinson, fil-livell soċjali u fil-livell ta' saħħa pubblika, fil-kuntest ta' popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ u wkoll bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ġejjiena tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali;

4.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha sabiex jinvolvu ruħhom b'mod attiv fid-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' aġenda ta' riċerka komuni fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv;

5.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex itejbu d-data epidemoloġika dwar il-mard tal-Alzheimer u tal-Parkinson u forom oħra ta' dimenzja, b'mod partikolari fil-fażijiet li ma jurux sintomi u qabel il-bidu tal-istat ta' inċapaċità;

6.

Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' approċċ multidixxiplinarju għall-riċerka f'dan il-qasam, li jinkludi fih dijanjosi, trattament, prevenzjoni u riċerka soċjali fil-benesseri tal-pazjenti u l-familji tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom; jemmen li t-testijiet dijanjostiċi bikrija, ir-riċerka fil-fatturi ta' riskju (bħall-ambjent), u l-kriterji għal dijanjosi bikrija huma kollha kruċjali; f'dan ir-rigward jikkunsidra li hemm valur miżjud ċar fit-twettiq ta' studji epidemjoloġiċi u kliniċi fuq skala kbira b' kollaborazzjoni transnazzjonali;

7.

Jemmen li l-programmi ta' riċerka għandhom jikkonċentraw, bħala prijorità, fuq il-prevenzjoni, il-bijomarkaturi (inkluża s-suxxettibilità ġenetika), il-metodi tat-teħid ta' immaġnijiet dijanjostiċi, il-metodi ta' dijanjosi bikrija bbażati fuq approċċ multidixxiplinarju, l-istandardizzazzjoni tal-kriterji u tal-għodod dijanjostiċi u l-ħolqien ta' bażijiet tad-wiesgħa li jistgħu jintużaw għal studji dwar il-popolazzjoni, l-istrateġiji tat-trattamenti u studji kliniċi dwar sustanzi ġodda kimiċi u bijoloġiċi, vaċċini u teknoloġiji;

8.

Jirrimarka dwar l-importanza tar-riċerka dwar il-konnessjoni bejn il-proċess tax-xjuħija u dimenzja u bejn id-dimenzja u d-dipressjoni fil-fażi tax-xjuħija; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu programmi ta' riċerka li jagħtu importanza kbira lill-għażla u lill-perspettiva tal-pazjent;

9.

Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jibni fuq l-istrutturi eżistenti għall-istabbiliment tal-proġett pilota ta' programmazzjoni konġunta tal-attivitajiet tar-riċerka, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' strutturi burokratiċi ġodda, u li fejn huwa possibbli jikkollabora mal-industrija sabiex jibbenefika mir-riżorsi u mill-esperjenza disponibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-indipendenza u l-awtonomija;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jinkludu l-problemi tad-dimenzja fl-inizjattivi kollha eżistenti u ġejjieni tal-Unjoni Ewropea relatati mal-prevenzjoni tal-mard, b'mod partikolari d-dijanjosi bikrija, is-saħħa kardjovaskulari u l-attività fiżika;

11.

Jikkunsidra li huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tadotta rakkomandazzjoni li tistieden lill-Istati Membri biex jinfurmaw l-opinjoni pubblika dwar il-bidliet fl-istil tal-ħajja li jistgħu jipposponu jew jevitaw li jibda l-mard newrodeġenerattiv, b' mod partikolari l-Alzheimer u l-Parkinson, u li jippromwovu “stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa tal-moħħ”;

12.

Jissuġġerixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tnedija ta' Sena Ewropea tal-Moħħ sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-mard newrodeġenerattivassoċjat max-xjuħija u l-miżuri biex dan jiġi evitat;

13.

Jistieden lill-Kunsill biex jinvolvi kif jixraq lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u ta' dawk li jieħu ħsiebhom u tal-fornituri tal-kura tas-saħħa b'mod xieraq fil-proġett pilota għall-Programmazzjoni Konġunta tal-attivitajiet tar-riċerka;

14.

Jistieden lill-Kunsill sabiex jinforma lill-Parlament dwar il-progress u r-riżultati ta' dan il-proġett pilota;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Parlament kif xieraq fi kwalunkwe deċiżjoni li tappoġġja lil dan il-proġett pilota, u kwalunkwe inizjattiva ġejjiena tal-programmazzjoni konġunta fil-qasam tar-riċerka, b'finanzjament mis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp (FP7);

16.

Jemmen li l-Artikolu 182 (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif inserit mit-Trattat ta' Lisbona, li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni taż-żona Ewropea tar-riċerka, jista' jipprevedi bażi legali aktar xierqa għal inizjattivi ġejjiena ta' programmazzjoni konġunta fil-qasam tar-riċerka; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra serjament li tuża l-Artikolu 182 (5) bħala bażi legali għall-proposti kollha ġejjiena dwar il-programmazzjoni konġunta ta' attivitajiet ta' riċerka;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


7.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/9


Il-Ħamis, 12 ta’ Novembru 2009
Ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008

P7_TA(2009)0066

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008 (2009/2088(INI))

2010/C 271 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1),

wara li kkunsidra l-ftehima ta' qafas dwar il-koperazzjoni li ġiet konkluża bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman fil-15 ta' Marzu 2006, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 bit-titolu “Il-poter tal-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-impjegati tal-gvern biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew” (SEC(2005)1227),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2008/587/KE tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman (2),

wara li kkunsidra r-reviżjoni mill-Ombudsman tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu sabiex dawn jirriflettu l-bidliet li saru fl-Istatut u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0020/2009),

A.

billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2008 inbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fl-21 ta' April 2009 u billi l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Strasburgu fid-14 ta' Settembru 2009,

B.

billi l-Artikolu 41 tal-karta tad-Drittijiet Fundamentali (verżjoni tal-2007) jgħid illi: “Kull persuna għandha d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni”,

C.

billi l-Artikolu 43 tal-Karta (verżjoni tal-2007) jistipula: “Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li jkollhom l-uffiċċju tagħhom reġistrat fi Stat Membru għandhom d-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew ta' l-Unjoni f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarja tagħha”,

D.

billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,

E.

billi, għalkemm għaddew tmien snin mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Settembru 2001 (3) li tapprova l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman, l-istituzzjonijiet ewlenin l-oħra għadhom ma ssodisfawx it-talba urġenti tal-Parlament li jikkonformaw il-prattika tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dak il-kodiċi,

F.

billi fl-2008 l-Ombudsman irreġistra 3 406 ilment apparagun mat-3 211 ilment fl-2007, u billi kien hemm 802 ilmenti, apparagun mat-807 fl-2007, li nstabu li kienu jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman,

G.

billi r-riżultati tat-355 inkjesta mitmuma, li minnhom 352 kienu marbuta ma' ilmenti u tlieta kienu investigazzjonijiet proprji, juru li f'110 każi, (li huma ekwivalenti għal 31 % tal-ilmenti investigati) ma ġiet aċċertata l-ebda amministrazzjoni ħażina,

H.

billi f'129 każ (36 % tat-total) li ngħalqu fis-sena 2008, l-istituzzjoni inkwistjoni aċċettat soluzzjoni bonarja jew solviet il-kwistjoni fi żmien ġimgħatejn, u billi dan juri rieda qawwija min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi li jqisu l-ilmenti li jaslu għand l-Ombudsman bħala opportunità biex jiġu solvuti żbalji li jknu saru u biex jikkoperaw mal-Ombudsman għall-benefiċċju taċ-ċittadini,

I.

billi fl-2008 kien hemm 4 każi li ngħalqu wara li nstabet soluzzjoni bonarja, u billi fi tmiem l-2008, kienu għadhom qed jiġu kkunsidrati 25 proposta għal soluzzjoni bonarja,

J.

billi n-nuqqas ta' trasparenza kienet l-iżjed allegazzjoni komuni ta' amministrazzjoni ħażina li ġiet ittrattata mill-Ombudsman fl-2008 36 % tal-każi miftuħa),

K.

billi fl-2008 l-Ombudsman għamel użu iktar wiesa' minn proċeduri iktar informali biex isolvi l-problemi iżjed malajr, u billi dan jixhed kemm l-Ombudsman huwa rrispettat u kemm l-istituzzjonijiet huma lesti jgħinu liċ-ċittadini,

L.

billi fl-2008 l-Ombudsman għalaq 44 inkjesta b'kummenti kritiċi, u billi kumment kritiku minnhom jikkonferma li l-ilment kien iġġustifikat u jindika lill-istituzzjoni jew lill-korp inkwistjoni x'kien sar ħażin, sabiex tiġi evitata amminstrazzjoni ħażina fil-ġejjieni,

M.

billi huwa proprju bil-għan li tittejjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet fil-ġejjien li l-Ombudsman għamel użu iżjed wiesa' mir-rimarki ulterjuri li bihom jidentifika opportunità li jsaħħaħ il-kwalità tal-amministrazzjoni, u billi fl-2008 b'kollox saru rimarki ulterjuri f'41 każ,

N.

billi fl-2008 nħarġu 23 abbozz ta' rakkomandazzjoni, li 8 minnhom ġew aċċettati mill-istituzzjoni inkwistjoni, u billi erba' abbozzi ta' rakkomandazzjoni mis-sena 2007 wasslu biex tittieħed deċiżjoni fl-2008,

O.

billi fl-2008 l-Ombudsman ressaq rapport speċjali wieħed dwar amministrazzjoni ħażina lill-Parlament Ewropew, u billi t-tressiq ta' rapport speċjali lill-Parlament jirrappreżenta mezz importanti li bih l-Ombudsman jista' jfittex l-appoġġ politiku tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu sabiex jingħata sodisfazzjon liċ-ċittadini li d-drittijiet tagħhom ma jkunux ġew irrispettati, kif ukoll biex ikun hemm promozzjoni tat-titjib tal-istandards tal-amministrazzjoni tal-UE,

P.

billi la l-kummenti kritiċi fid-deċiżjonijiet li jagħlqu każijiet irrimedjabbli ta' amministrazzjoni ħażina, u lanqas rakkomandazzjonijiet jew rapporti speċjali mill-Ombudsman m'għandhom effett li jorbot ġuridikament, peress li s-setgħat tiegħu ma jestendux għal istanzi ta' rimedju dirett ta' amministrazzjoni ħażina, iżda huma maħsuba bħala inkuraġġiment biex l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea jirranġaw l-iżbalji tagħhom stess,

Q.

billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza, il-Parlament ingħata l-istess dritt daqs l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jibda azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fuq bażi ta' nuqqas ta' kompetenza, ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat KE jew ta' kwalunkwe liġi relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew inkella ta' użu ħażin ta' setgħat,

R.

billi l-kummenti kritiċi rigward l-amministrazzjoni ħażina espressa mill-Ombudsman fir-rapport 2008 (kummenti kritiċi, abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u rapport speċjali) jistgħu jservu ta' bażi biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-iżbalji u n-nuqqasijiet fil-ġejjieni permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati mill-istituzzjonijiet u minn korpi oħra tal-Unjoni Ewropea,

S.

billi l-koperazzjoni stabbilita mill-Ombudsman fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, għal aktar minn għaxar snin taħdem bħala sistema flessibbli għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba u bħala mezz biex il-persuni li għandhom ilment jiġu indirizzati lil Ombudsman jew lil korpi oħra simili li jkunu jistgħu jgħinuhom,

T.

billi l-irwol tal-Ombudsman bħala protettur tal-interessi taċ-ċittadini Ewropej fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea evolva tul 14-il sena minn meta ġie stabbilit l-uffiċċju, bis-saħħa tal-awtonomija tal-Ombudsman u għall-iskrutinju demokratiku tal-Parlament Ewropew fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu,

U.

billi l-attivitajiet tal-Ombudsman u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandhom jibqgħu separati u – bħala regola ġenerali, maħsuba biex jiġu evitati kunflitti potenzjali fir-rigward tal-prerogattivi rispettivi tagħhom – għandhom jinkludu riferimenti reċiproċi għall-fajls rispettivi tagħhom,

1.

Japprova r-rapport annwali għas-sena 2008 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u japprezza l-istruttura konsolidata tiegħu ta' valutazzjoni fil-qosor tal-attivitajiet li saru b'ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-inkjesti u l-analiżi tematika tad-deċiżjonijiet, li tkopri l-iktar konklużjonijiet sinifikanti ta' liġi u ta' fatt li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-Ombudsman fl-2008, kif ukoll tal-problemi li hemm fil-fażijiet differenti tal-proċedura;

2.

Iqis li bil-preżentazzjoni aktar ċara tad-data statistika, inklużi l-metodu l-ġdid ta' kalkolu u l-format il-ġdid tiegħu, ir-rapport sar jinftiehem aħjar, sar aktar aċċessibbli u sar iżjed faċli biex jinqara;

3.

Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE biex ikunu mogħnija bir-riżorsi tal-baġit u r-riżorsi umani meħtieġa sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;

4.

Iqis li l-Ombudsman kompla jeżerċita l-poteri tiegħu b'mod attiv u ekwilibrat, kemm f'dak li jirrigwarda l-eżami u t-trattament tal-ilmenti u kemm fl-iżvilupp u l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet u fil-manteniment ta' rapporti kostruttivi mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-Unjoni Ewropea u fit-tħeġġiġ taċ-ċittadini biex jużaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi;

5.

Jitlob lill-Ombudsman biex ikompli l-isforzi tiegħu biex iżid l-għarfien dwar il-ħidma tiegħu u għall-promozzjoni tal-attivitajiet tiegħu b'mod effettiv u trasparenti;

6.

Iqis li t-terminu “amministrazzjoni ħażina' għandu jibqa” jiġi interpretat b'mod estensiv, sabiex jiftiehem li jirreferi mhux biss għal ksur ta' regoli legali jew ta' prinċipji ġenerali ta' liġi amministrattiva Ewropea, bħall-oġġettività, il-proporzjonalità u l-ugwaljanza, in-non-diskriminazzjoni, u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, iżda wkoll għal każi fejn istituzzjoni tonqos milli taġixxi b'mod konsistenti u in bona fede, jew milli tqis l-istennijiet leġittimi taċ-ċittadini, anke meta istituzzjoni tkun ikkommettiet ruħha li tirrispetta ċerti normi u standards bla ma tkun obbligata li tagħmel dan mit-Trattati jew minn leġiżlazzjoni sekondarja;

7.

Iqis l-irwol ta' l-Ombudsman li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni u tal-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala kontribut essenzjali lejn Unjoni fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu “bl-aktar mod miftuħ u l-eqreb taċ-ċittadin kemm jista' jkun”, kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

8.

Ifakkar it-talba tiegħu, li huwa esprima fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jadottaw approċċ komuni fir-rigward tal-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba;

9.

Jinnota li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba propost mill-Ombudsman, kif approvat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001, iservi ta' gwida u riżorsa għall-istaff tal-istituzzjonijiet u tal-korpi Komunitarji kollha, u jinnota li dan ġie aġġornat regolarment u ppubblikat fuq il-websajt tal-Ombudsman, b'differenza mill-kodiċijiet l-oħra;

10.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-Istatut tal-Ombudsman, b'mod partikolari s-setgħat imsaħħa ta' investigazzjoni tal-Ombudsman, li se jgħinu biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkun jista' jkollhom fiduċja sħiħa fl-abilità tiegħu li jwettaq investigazzjoni dettaljata tal-ilmenti tagħhom mingħajr restrizzjonijiet;

11.

10. Jisħaq fuq il-bżonn li jingħata kontribut għall-fehim pubbliku tad-dmirijiet tal-Ombudsman billi jingħata t-tagħrif rilevanti liċ-ċittadini, lill-kumpaniji, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u lil korpi oħra, u jqis li informazzjoni preċiża ta' kwalità għolja li tkun tinftiehem malajr tista' tgħin biex jonqos l-għadd ta' ilmenti li ma jaqgħux taħt il-mandat tal-Ombudsman;

12.

Iqis li, minkejja li hija ġġustifikata, iċ-ċifra tal-ilmenti inammissibbli għadha mhix sodisfaċenti, u fid-dawl ta' dan jirrakkomanda li ssir kampanja ta' informazzjoni kontinwa fost iċ-ċittadini Ewropej li tkun imfassla biex iżżid l-għarfien tal-funzjonijiet u l-kompetenzi tal-membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;

13.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Ombudsman biex itejjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-isforzi tiegħu li huma maħsuba biex ikompli jqassar it-tul medju tal-istħarriġ tiegħu li bħalissa jgħodd 13-il xahar;

14.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u jappoġġjah fl-irwol tiegħu ta' mekkaniżmu ta' kontroll estern kif ukoll bħala sors prezzjuż ta' titjib kontinwu fl-amministrazzjoni Ewropea;

15.

Jilqa' l-iffirmar ta' Memorandum ta' Fehim bejn l-Ombudsman u l-Bank Ewropew għall-Investiment tad-9 ta' Lulju 2008 u l-ftehima mill-aġenziji tal-Unjoni li jadottaw il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini;

16.

Jistieden lill-Ombudsman biex iżomm dritt ta' osservazzjoni u biex jiżgura li l-Kummissjoni tuża b'mod tajjeb il-poteri ta' diskrezzjoni tagħha biex tagħti bidu għal proċedura ta' ksur skont l-Artikolu 226 tat-Trattat KE jew li tipproponi penalitajiet skont l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, filwaqt li toqgħod attenta li tevita dewmien jew nuqqas ta' azzjoni li ma jkunx iġġustifikat, li huma inkompatibbli mal-poteri tal-Kummissjoni għas-sorvlejanza tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, u jitlob li huwa jkompli jikkoopera f'dan is-sens mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

17.

Itenni li huwa tal-fehma li, jekk istituzzjoni tirrifjuta li ssegwi rakkomandazzjoni li tkun tinsab f'rapport speċjali mill-Ombudsman, minkejja li l-Parlament ikun approva r-rakkomandazzjoni, il-Parlament jista' b'mod leġittimu juża l-poteri tiegħu biex jieħu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-att jew tan-nuqqas li kien soġġett għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman; jistieden lill-kumitat responsabbli mir-Regoli ta' Proċedura biex jipproponi dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiddaħlu fir-Regoli, għall-bidu ta' din l-azzjoni;

18.

Jinnota li l-Ombudsman ippreżenta rapport speċjali li fih ikkritika l-Kummissjoni talli naqset milli tiġġustifika b'mod xieraq il-mod kif ittrattat l-interpreti freelance tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena, li dwarhom il-Parlament kien adotta riżoluzzjoni fil-5 ta' Mejju 2009 (4);

19.

Iqis li meta l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jaġixxu fil-qafas tal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet li jkopru l-kampijiet ta' xulxin, bħal, pereżempju, il-mod kif il-Kummissjoni min-naħa waħda tmexxi proċedura ta' ksur u min-naħa l-oħra l-ksur tal-liġi nnifsu, huma jistgħu jilħqu sinerġija aktar utli permezz ta' koperazzjoni mill-qrib;

20.

Jilqa' r-relazzjoni eċċellenti bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-oqfsa istituzzjonali f'dak li jirrigwarda r-rispett reċiproku tal-kompetenzi u l-prerogattivi;

21.

Jirrikonoxxi l-kontribut utli li ta n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tiegħu, b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-iżgurar ta' rimedji mhux ġudizzjarji; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman Ewropew u l-ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ biex jissaħħaħ aktar l-iskambju tal-aħjar prattika, biex b'hekk l-aħjar prattiki jkunu jistgħu jitferrxu malajr fost l-Istati Membri;

22.

Jilqa' l-pubblikazzjoni fil-websajt tal-Ombudsman fl-2008 ta' żewġ studji dwar is-segwitu mogħti mill-istituzzjonijiet inkwistjoni rigward ir-rimarki kritiċi u ulterjuri li saru fl-2006 u fl-2007;

23.

Jinkuraġġixxi lill-Ombudsman biex ikompli jagħmel enfasi huwa stess fuq avvenimenti li jinvolvu l-informazzjoni għaċ-ċittadini u, għalhekk, ilmenti potenzjali, peress li d-dimarkazzjoni tar-responsabilitajiet u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali għadhom ikkumplikati wisq għaċ-ċittadin u għan-negozji;

24.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja mtejba ta' informazzjoni mħeġġa mill-istrateġija ta' komunikazzjoni adottata mill-Ombudsman li twassal għal għarfien aħjar tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kompetenzi tal-Komunità, kif ukoll għal fehim ikbar tal-ambitu tal-kompetenza tal-Ombudsman;

25.

Jinnota li kull istituzzjoni għandha l-websajt tagħha fejn jistgħu jsiru lmenti, petizzjonijiet etċ, u li dan jista' jkun ta' frustrazzjoni għaċ-ċittadini li jkunu jeħtieġu jiddistingwu bejn istituzzjonijiet differenti; għalhekk jappoġġja l-iżvilupp ta' manwal interattiv imfassal biex jgħin liċ-ċttadini fl-identifikazzjoni tal-awtorità li tkun l-aktar xierqa biex ssolvi l-problemi tagħhom;

26.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-websajt il-ġdida tal-Ombudsman u jqisha bħala tweġiba tabilħaqq sostanzjali għal din il-kwistjoni;

27.

Jissuġġerixxi li din l-idea tkompli tiġi żviluppata, u li titfassal websajt komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej biex tgħin liċ-ċittadini u twassalhom direttament għand l-istituzzjoni li tkun kompetenti biex tisma' l-ilment tagħhom, u b'hekk jitnaqqas l-għadd ta' ilmenti mhux ammissibbli li jsiru lill-Ombudsman Ewropew;

28.

Jappella lill-Ombudsman Ewropew biex jimpenja ruħu li jgħaddi b'mod dirett, wara li jikseb il-kunsens ta' min ikun ressaq l-ilment, kull ilment li jaqa' fl-ambitu tal-kompetenza ta' ombudsman nazzjonali jew reġjonali;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet simili kompetenti.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)  ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar l-eżistenza u l-aċċessibilità pubblika ta' Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331).

(4)  Testi adottati, P6_TA(2009)0340.


7.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/14


Il-Ħamis, 12 ta' Novembru 2009
Linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona

P7_TA(2009)0067

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (2009/2168(INI))

2010/C 271 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Lisbona (TL),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja solida (1) (FII),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (ir-Regolament Finanzjarju),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-aspetti finanzjarji tat-Trattat ta' Lisbona (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs iż-Żmien tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013 (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0045/2009),

A.

billi t-TL jdaħħal modifiki importanti fi kwistjonijiet finanzjarji u baġitarji, speċjalment billi jittrasforma l-qafas finanzjarju plurijennali (MFF) f’att legalment vinkolanti li miegħu jrid jikkonforma l-baġit annwali, billi jissupprimi d-distinzjoni ta’ bejn in-nefqa obbligatorja u dik mhux obbligatorja u billi jissimplifika l-proċedura baġitarja b’mod sostanzjali,

B.

billi dawn il-modifiki jwasslu biex xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-FII u tar-Regolament Finanzjarju ma jibqgħux jgħoddu,

C.

billi, għaldaqstant, id-dħul fis-seħħ tiegħu se jkun jeħtieġ l-adozzjoni rapida ta’ diversi atti legali meħtieġa biex titqiegħed fil-prattika l-“kostituzzjoni finanzjarja” l-ġdida tal-Unjoni, b’mod speċjali:

l-adozzjoni tar-regolament il-ġdid li fih hemm l-MFF;

l-adattament tar-Regolament Finanzjarju għall-prinċipji l-ġodda dwar kif il-baġit għandu jiġi adottat u implimentat;

l-approvazzjoni ta’ FII ġdida li prinċipalment ikun fiha regoli dwar il-kollaborazzjoni tal-istituzzjonijiet waqt il-proċedura baġitarja annwali li mhumiex inklużi fiż-żewġ strumenti legali msemmija,

D.

billi anke jekk il-proċeduri għall-adozzjoni ta' dawn l-istrumenti ġodda jimxu ħarir, se jkunu jeħtieġu negozjati fit-tul u jistgħu jdumu għal diversi xhur wara d-dħul fis-seħħ tat-TL,

E.

billi sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipji tat-TL, tkun ħaġa tajba li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar xi linji gwida proviżorji li jippermettu l-implimentazzjoni tal-baġit, l-adozzjoni tal-baġits ta’ emenda jekk jirriżulta li dan ikun indispensabbli u dwar il-modalitajiet prattiċi tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali fil-qafas tal-proċedura baġitarja għall-2011,

F.

billi dawn il-linji gwida tranżizzjonali għandhom ikunu diġà lesti fil-bidu tal-2010, u din is-sitwazzjoni titlob li jkunu qablu bejniethom waqt il-konċiljazzjoni baġitarja qabel it-tieni qari tal-Kunsill, ippjanata għad-19 ta' Novembru 2009,

G.

billi biex ikun żgurat li d-delegazzjoni tal-Parlament - li tirrappreżenta waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja - ikollha pożizzjoni soda għan-negozjati ġejjiena, għandha tingħata orjentamenti ċari bbażati fuq mandat approvat mill-Parlament,

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ imminenti tat-TL, li se jwassal għall-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-approvazzjoni konġunta miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja - jekk ikun meħtieġ permezz tat-tlaqqigħ tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni - tal-baġit annwali kollu kemm hu; iqis li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat sic et simpliciter, bl-adattamenti meħtieġa (bħal m’hi forma ta’ konċiljazzjoni ssimplifikata), għall-proċeduri baġitarji l-oħra kollha li mhumiex imsemmija b’mod speċifiku fit-Trattati, bħal pereżempju l-adozzjoni tal-baġits ta’ emenda u t-trasferimenti;

2.

Iqis li hu meħtieġ li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jaqblu bejniethom dwar il-linji gwida tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tal-baġit, speċjalment l-approvazzjoni tat-trasferimenti, dwar l-adozzjoni tal-baġits ta’ emenda u dwar prinċipji għall-kollaborazzjoni interistituzzjonali prattika waqt il-proċedura baġitarja annwali, li jkunu applikabbli sakemm tiġi kkompletata l-adozzjoni tal-atti legali meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda mdaħħla mit-TL;

3.

Jenfasizza li l-kundizzjonijiet għall-qbil dwar dawn il-linji gwida għandhom ikunu li dawn tal-aħħar ikunu jirrispettaw għalkollox il-bilanċ istituzzjonali, ikunu jiżguraw kompletament il-prerogattivi baġitarji l-ġodda tal-Parlament skont it-TL (f’dak li hu kontenut, proċedura u kalendarju) u jkunu applikati biss sa meta jiġu adottati u jidħlu fis-seħħ l-atti legali relevanti;

4.

Iqis li fi kwalunkwe każ il-miżuri tranżizzjonali la jistgħu jiżvijaw mill-prinċipji ġenerali stabbiliti mit-Trattat il-ġdid u l-anqas ma jistgħu jiġġudikaw minn qabel il-proċeduri leġiżlattivi li se jsiru dalwaqt, imma jqis ukoll li huma għandhom jippermettu liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li sa meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni jsibu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa;

5.

Iqis li dawn il-linji gwida tranżizzjonali huma meħtieġa f’oqsma li jikkonċernaw il-proċedura għall-adozzjoni tal-baġits ta’ emenda, l-approvazzjoni tat-trasferimenti u d-definizzjoni ta’ kalendarju prammatiku u prinċipji ta’ kollaborazzjoni li jkunu applikabbli għall-proċedura baġitarja annwali, biex jiġi pprovdut qafas għall-koperazzjoni bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tmexxija tal-proċeduri mingħajr xkiel u b’suċċess;

Baġits ta' emenda

6.

Ifakkar li l-baġits ta’ emenda jistgħu jiġu adottati biss permezz tal-istess proċedura stabbilita mit-trattati għall-proċedura baġitarja annwali, inkluż il-kumitat ta' konċiljazzjoni jekk ikun meħtieġ, ħlief sa fejn għandu x'jaqsam il-kalendarju, u jqis li, bħal fil-każ tal-baġit annwali, l-awtorità baġitarja għandha d-dritt li ddaħħal emendi rigward elementi li ma jkunux magħrufa fil-mument tal-adozzjoni tal-baġit;

7.

Jisħaq li l-għadd attwali ta’ baġits ta’ emenda huwa wieħed eċċessiv u għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun, biex ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-preżentazzjoni tagħhom; iqis li tkun ħaġa tajba li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar xi perjodi tas-sena meta għandhom jiġu ppreżentati l-baġits ta’ emenda, ħlief f’ċirkustanzi urġenti ħafna;

8.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għan tal-linji gwida tranżizzjonali rigward il-baġits ta’ emenda għandu jimmira li jiffaċilita l-ilħuq ta’ ftehim miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja mingħajr ma jaqtgħu barra l-possibilità li jirrikorru għall-kumitat ta’ konċiljazzjoni; iqis li dan il-għan jista’ jiġi segwit permezz ta’ titjib fl-iskambju tat-tagħrif bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja u bejniethom; jenfasizza, madankollu, li dawk il-linji gwida jridu jirrispettaw għalkollox il-prerogattivi tal-Parlament rigward il-proċedura baġitarja li tapplika b’mod ġenerali għall-baġits ta’ emenda, kif imsemmi aktar ’il fuq;

Trasferimenti

9.

Iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandu jkollhom il-possibilità li jesprimu, fuq l-istess livell, l-approvazzjoni jew l-oppożizzjoni tagħhom għat-trasferimenti kollha mressqa attwalment għall-approvazzjoni tal-awtorità baġitarja, hi x’inhi n-natura tagħhom (ħlasijiet jew impenji) jew l-ammont tagħhom, sakemm dawn it-trasferimenti jirrappreżentaw devjazzjoni mid-deċiżjoni tal-awtorità baġitarja; iqis, għalhekk, li l-unika għażla kompatibbli mat-TL hija proċedura li tkun tirrispetta l-bilanċ bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, inkluża, jekk ikun meħtieġ, forma ssimplifikata ta’ konċiljazzjoni;

10.

Iqis li ftehim possibbli dwar it-trasferimenti għandha timmira li tevita l-konflitti bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, li t-tnejn huma intitolati li jesprimu ruħhom taħt l-istess kundizzjonijiet, tevita li tikkomplika l-immaniġġjar regolari li jsir mis-servizzi relevanti, u tarmonizza l-kalendarju sabiex possibilment tevita l-konvokazzjoni ta’ strutturi konċiljattivi, mingħajr ma titfa’ f’dubju l-livell attwali tal-intervent tal-Parlament fl-adozzjoni tat-trasferimenti; iqis li tkun ħaġa tajba li l-limitu bażiku għat-trasferimenti jibqa’ wieħed kostanti;

Waħdiet minn Kull Tnax-il Parti Proviżorja

11.

Iqis li t-TL fih regoli ċari biżżejjed dwar il-waħdiet minn kull tnax-il parti proviżorja li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu f’każ ta’ bżonn mingħajr il-ħtieġa ta’ linji gwida tranżizzjonali dwar il-kwistjoni;

Kalendarju u prinċipji ta' kollaborazzjoni għall-proċedura baġitarja annwali

12.

Iqis li l-kalendarju tal-proċedura annwali għandu jkompli jippermetti konsultazzjoni wiesgħa tal-korpi differenti fi ħdan il-Parlament u jirrispetta l-ħtiġijiet tal-multilingwiżmu; jenfasizza li mhuwiex lest li jaċċetta tnaqqis fil-perjodu ta’ żmien disponibbli biex jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu;

13.

Huwa tal-fehma li l-linji gwida tranżizzjonali dwar il-prinċipji ta’ kollaborazzjoni għandhom jimmiraw li jtejbu l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet waqt l-istadji differenti tal-proċedura baġitarja u li jadattaw (u jantiċipaw, jekk ikun meħtieġ) l-istadji differenti tal-kalendarju prammatiku għar-regoli l-ġodda dwar il-proċedura baġitarja, bil-għan li dawk il-laqgħat li issa saru purament formali issa jiġu ttrasformati fi skambji profondi ġenwini ta’ opinjonijiet; jisħaq fuq ix-xewqa tiegħu, madankollu, li qabel tibda l-proċedura baġitarja għall-2011, tiġi miftiehma bejn l-istituzzjonijiet FII ġdida mnaqqsa dwar il-ħolqien ta' regoli sodi dwar dawn il-kwistjonijiet;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta proposti għal fehim komuni dwar dawn il-kwistjonijiet miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja f’konformità ma’ din ir-riżoluzzjoni;

15.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta l-proposti xierqa għall-adozzjoni ta’ regolament li jkun fih l-MFF u għall-adattament tar-Regolament Finanzjarju; jisħaq fuq il-punt li dawn il-proposti jikkostitwixxu pakkett politiku wieħed u għandhom jiġu mressqa u ttrattati flimkien; jistenna bis-saħħa li dawn il-proposti jqisu t-talbiet li ġew espressi mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-aspetti finanzjarji tat-TL u dwar ir-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien;

16.

Ifakkar li, skont it-TL, huwa meħtieġ il-kunsens tal-Parlament għall-adozzjoni tar-regolament il-ġdid li jkun fih l-MFF u li l-modifiki tar-Regolament Finanzjarju se jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (il-kodeċiżjoni);

17.

Jikkonferixxi mandat lill-Kumitat għall-Baġits biex jinnegozja u jilħaq ftehim waqt il-konċiljazzjoni baġitarja ta’ Novembru 2009 dwar il-linji gwida tranżizzjonali meħtieġa dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din ir-riżoluzzjoni;

*

* *

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2009)0374.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2009)0174.


III Atti preparatorji

Il-Parlament Ewropew

Il-Ħamis, 12 ta’ Novembru 2009

7.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/18


Il-Ħamis, 12 ta’ Novembru 2009
Pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa *

P7_TA(2009)0062

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (COM(2009)0366 – C7-0112/2009 – 2009/0104(CNS))

2010/C 271 E/06

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2009)0366),

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 u l-Artikolu 62(2)(b)(i) tat-Trattat KE, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0112/2009),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0042/2009),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Japprova d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill annessa.

3.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

4.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal regolament tal-Kunsill – att li jemenda

Premessa 1

(1)

Il-kompożizzjoni tal-listi ta' pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 għandu jkun, u għandu jibqa', konsistenti mal-kriterji imniżżla fil-premessa (5) tiegħu. Uħud mill-pajjiżi terzi , li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom jkunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

(1)

Il-Kummissjoni bdiet id-djalogu attwali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża b'approċċ reġjonali u b'perspettiva Ewropea li tinvolvi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fuq livell ugwali u mingħajr diskriminazzjoni. Il-kompożizzjoni tal-listi ta' pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 għandu jkun, u għandu jibqa', konsistenti mal-kriterji mniżżla fil-premessa (5) tiegħu. Uħud mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja) , li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn Anness għall-ieħor. L-istess kriterji stabbiliti fil-pjanijiet direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża għandhom japplikaw għall-pajjiżi kollha kkonċernati.

Emenda 2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 1 a (ġdida)

 

(1a)

Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent li laħqu l-kriterji stabbiliti għandhom jitħallew jidħlu fis-sistema ta' vvjaġġar ħieles mill-viża mill-bidu tal-2010. Dawk il-pajjiżi li, minkejja li jkunu għamlu progress sostanzjali, ma jkunux laħqu kompletament il-kriterji stabbiliti, għandhom jingħataw l-istess privileġġ ladarba jilħqu dawn il-livelli fil-pjanijiet direzzjonali korrispondenti għal-liberalizzazzjoni tal-viża.

Emenda 3

Proposta għal regolament tal-Kunsill – att li jemenda

Premessa 2

(2)

B'ħames pajjiżi Balkani tal-Punent - l-Abanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja - Il-ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Viża daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, bħala l-ewwel pass konkret fit-triq stipulata mill-aġenda ta' Tessalonika lejn reġim ħieles mil-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Ma kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, fl-2008 infetaħ djalogu dar il-liberalizzazzjoni tal-viża u ġew stabbiliti pjani direzjonali għal-liberalizazzjoni tal-viża. Fil-valutazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-pjani direzzjonali ta' Mejju 2009, il-Kummissjoni ikkunsidrat li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja laħqet mar-parametri kollha fil-pjan direzzjonali tagħha. Il-Montenegro u s-Serbja laħqu mal-maġġoranza tar-rekwiżiti mininimi fil-pjani direzzjonali rispettivi tagħhom.

(2)

B'ħames pajjiżi Balkani tal-Punent il-ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Viża daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, bħala l-ewwel pass konkret fit-triq stipulata mill-aġenda ta' Tessalonika lejn reġim ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Ma kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, fl-2008 infetaħ djalogu dar il-liberalizzazzjoni tal-viża u ġew stabbiliti pjani direzjonali għal-liberalizazzjoni tal-viża. Fil-valutazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-pjani direzzjonali ta' Mejju 2009, il-Kummissjoni ikkunsidrat li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja laħqet mal-parametri kollha fil-pjan direzzjonali tagħha. Il-Montenegro u s-Serbja laħqu mal-maġġoranza tar-rekwiżiti mininimi fil-pjani direzzjonali rispettivi tagħhom. L-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina għamlu aktar progress fir-rigward tal-kriterji relevanti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2009.

Emenda 4

Proposta għal regolament tal-Kunsill – att li jemenda

Premessa 2 a (ġdida)

 

(2a)

Bil-għan li titmexxa 'l quddiem l-implimentazzjoni tal-aġenda ta' Tessaloniki, u bħala parti mill-approċċ reġjonali, il-Kummissjoni, fil-limiti tal-kompetenza tagħha u fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha tibda djalogu dwar il-viża mal-Kosovo u tistabbilixxi pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-viża bħal dawk stabbiliti ma' pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent.

Emenda 5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 3 a (ġdida)

 

(3a)

Bil-għan li jissaħħaħ il-proċess ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni, l-ivvjaġġar ħieles mill- viża jtejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq komuni, li qed tkun stabbilita gradwalment mal-Albanija, mal-Bosnja-Ħerzegovina, mal-Montenegro u ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, u b'hekk jikkontribwixxi għall-kummerċ, l-innovazzjoni u t-tkabbir.

Emenda 14

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 4

(4)

Għalhekk dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegrro u s-Serbja (l-aħħar tnejn jilħqu l-parametri kollha sad-data tal-adozzjoni tar-Regolament preżenti), għandhom ikunu trasferiti għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. It-tneħħija tal-viża għandha tapplika biss għal dawk id-detenturi tal-passaporti biometriċi maħruġa minn kull wieħed mit-tlett pajjiżi involuti.

(4)

Għalhekk dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja , l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, għandhom ikunu trasferiti għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja laħqu l-benchmarks kollha sad-data tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. L-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha tapplika għall-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina wara evalwazzjoni mill-Kummissjoni li kull wieħed minnhom laħaq il-benchmarks kollha stabiliti fil-pjan direzzjonali relevanti għal-liberalizzazzjoni tal-viżi u bi qbil mat-Trattat. It-tneħħija tal-viża għandha tapplika biss għal dawk id-detenturi tal-passaporti biometriċi maħruġa minn kull wieħed mill-ħames pajjiżi involuti.

Emenda 7

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 4 a (ġdida)

 

(4a)

Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien u mhux aktar mill-bidu tal-2010, tippreżenta rapport dwar il-progress li jkun sar minn dawn iż-żewġ pajjiżi fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fil-pjan direzzjonali.

Emenda 8

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 4 b (ġdida)

 

(4b)

Għalkemm l-Albanija u l-Bosnja- Ħerzegovina għamlu progress biex jissodisfaw il-kriterji rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet relevanti tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina għandhom jadottaw, mingħajr dewmien, ir-riformi meħtieġa biex jissodisfaw b'mod sħiħ il-kriterji rispettivi tagħhom.

Emenda 9

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 4 c (ġdida)

 

(4c)

Il-Kummissjoni għandha tgħin lill-awtoritajiet rilevanti tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina f'dan ir-rigward.

Emenda 10

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 5 a (ġdida)

 

(5a)

Il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża għandu jservi ta' referenza biex ikunu definiti r-relazzjonijiet mas-sħab tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea.

Emenda 11

Proposta għal regolament tal-Kunsill – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1 – punt -a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 539/2001

Anness I - parti 1

 

(-a)

f'Parti 1, ir-referenzi għall-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina huma mibdula b'li ġej:

 

“L-Albanija (1)

 

Bosnja-Ħerzegovina (1)

Emenda 12

Proposta għal regolament tal-Kunsill – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Regolament (KE) Nru 539/2001

Anness II – parti 1

2)

Fl-Anness 2, Parti 1 għandhom jiddaħħlu r-referenzi li ġejjin:

2)

Fl-Anness 2, Parti 1 għandhom jiddaħħlu r-referenzi li ġejjin:

 

 

“L-Albanija (3)

 

Bosnja-Ħerzegovina (3)

“dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2)

“dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (4)

il-Montenegro (2)

il-Montenegro (4)

is-Serbja [eskluż detenturi ta' passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Kordinazzjoni Serb (bis-Serb Koordinaciona uprava) ] (2)

is-Serbja [eskluż detenturi ta' passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Kordinazzjoni Serb (bis-Serb Koordinaciona uprava) ] (2) Koordinaciona uprava) ] (4)

 


(1)   L-isem tal-pajjiż għandu jitħassar u jiġi trasferit minn dan l-Anness għall-Anness II wara evalwazzjoni mill-Kummissjoni li l-pajjiż ikkonċernat jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża u bi qbil mat-Trattat.”;

(2)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti biometriċi”.

(3)   L-isem tal-pajjiż għandu jiġi trasferit minn dan l-Anness għall-Anness I wara evalwazzjoni mill-Kummissjoni li l-pajjiż ikkonċernat jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża u bi qbil mat-Trattat. L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti biometriċi.”

(4)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti biometriċi”.


Il-Ħamis, 12 ta’ Novembru 2009
ANNESS

Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

L-Unjoni Ewropea tappoġġa bis-saħħa l-għan tal-abolizzjoni tar-reġim tal-viża għallpajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha għal-liberalizzazzjoni tal-viża. Dan ippermetta l-adozzjoni tal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 fi żmien debitu sabiex ikun permess li dawk it-tliet pajjiżi jingħaqdu marreġim mingħajr viża sad-19 ta' Diċembru 2009.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jesprimu t-tama tagħhom li l-Albanija u l-BosnjaĦerżegovina jkunu jistgħu jikkwalifikaw ukoll għal-liberalizzazzjoni tal-viża dalwaqt. Għal dan il-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iħeġġu lil dawk iż-żewġ pajjiżi sabiex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jikkonformaw mal-parametri kollha stabbiliti filpjanijiet direzzjonali tal-Kummissjoni.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġislattiva biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 hekk kif ikun ivvalutat li kull pajjiżi jissodisfa l-parametri stabbiliti fil-pjanijiet direzzjonali tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li tinkiseb kemm jista' jkun malajr il-liberalizzazzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jeżaminaw proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 fir-rigward tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerżegovina bħala materja ta' urġenza.


Į viršų